SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja)
12 ta' April 2005 (*)
"Sigurtà soċjali – Artikoli 3 u 22 tar-Regolament Nru 1408/71 – Artikolu 22 tar-Regolament Nru 574/72 – Dħul fi Sptar fi Stat Membru ieħor għajr milli fl-Istat Membru kompetenti – Ħtieġa ta' kuri urġenti ta' natura vitali – Trasferiment ta' l-assigurat fi sptar fi Stat terz – Skop tal-formoli E 111 u E 112"
Fil-kawża C-145/03
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Social Nru 20 ta' Madrid (Spanja), permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta' Novembru 2001, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta' Marzu 2003, fil-proċedura fl-ismijiet
L-eredi ta' Annette Keller
vs
Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),
Instituto Nacional de Gestión Sanitaria (Ingesa), qabel magħruf bħala Instituto Nacional de la Salud (Insalud),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts (Relatur) u A. Borg Barthet, Presidenti ta' Awla, N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, E. Juhász, G. Arestis u M. Ilešič, Mħallfin,
Avukat Ġenerali: L . A. Geelhoed,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Novembru 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
·għall-eredi ta' Annette Keller, minn C. Fernández Álvarez u A. Pedrajas Moreno, abogados,
·għall-Instituto Nacional de Gestión Sanitaria (Ingesa) u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), minn A. R. Trillo García, A. Llorente Álvarez u F. Sánchez-Toril y Riballo, abogados,
·għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx u E. Dominkovits, bħala aġenti,
·għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent,
·għall-Gvern Olandiż, minn H. Sevenster, S. Terstal u C. Wissels u M. N. Bel, bħala aġenti,
·għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Michard u I. Martínez del Peral u D. Martin, bħala aġenti,
wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, fis-seduta tat-13 ta' Jannar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 3, 19 u 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-familji tagħhom li jispustaw ruħhom fil-Komunità, u ta' l-Artikolu 22(1) u (3), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta' Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) 1408/71, fil-verżjoni tagħhom emendata u aġġornata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83, tat-2 ta' Ġunju 1983 (ĠU L 230, p. 6) (iktar 'il quddiem, rispettivament, "ir-Regolament Nru 1408/71" u "ir-Regolament Nru 574/72").
2 Din it-talba tidħol fil-kuntest ta' kontroversja bejn l-eredi tas-Sinjura Keller, li saru l-aventi kawża tagħha matul il-proċedura prinċipali, u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u l-Instituto Nacional de Gestión Sanitaria (Ingesa) (aktar 'il quddiem, miġbura flimkien, "il-konvenuti fil-kawża prinċipali"). Din il-kontroversja tqajmet minħabba r-rifjut ta' dan ta' l-aħħar, li fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża kien jissejjaħ l-Instituto Nacional de la Salud (iktar 'il quddiem "l-Insalud"), li jħallas lura l-ispejjeż marbuta ma' kuri fi sptar li s-Sinjura Keller ingħatat fi klinika Żvizzera.
Il-kuntest ġuridiku
Il-Leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, "Bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali ta' dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta' kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta' dan l-Istat".
4 L-Artikolu 19 ta' l-istess Regolament, intitolat "Residenza fi Stat Membru għajr l-Istat kompetenti - Regoli ġenerali", jiddisponi:
"1. Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tirrisjedi fit-territorju ta' Stat Membru ieħor li ma jkunx l-Istat kompetenti, illi tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta' l-Istat kompetenti biex tkun intitolata għall-benefiċċji, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 18 fejn hu xieraq, għandha tirċievi fl-Istat fejn hija residenti:
a) il-benefiċċji f'oġġetti provduti fl-interess ta' l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza bi qbil mal-leġislazzjoni amministrata minn din l-istituzzjoni daqs li kieku kienet assigurata magħħa;
[…]"
5 L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat "Għixien 'il barra l-Istat kompetenti - Ritorn lejn jew trasferiment tar-residenza fi Stat Membru ieħor matul il-mard jew il-maternità - Il-ħtieġa tat-tluq lejn Stat Membru ieħor sabiex tiġi rċevuta l-kura xierqa", jistipola fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:
"1. Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha illi tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta' l-Istat kompetenti għalbiex tkun intitolata għall-benefiċċji, filwaqt li jingħata qies fejn xieraq tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 18, u:
a) li l-kondizzjoni tagħha teħtieġ benefiċċji immedjati matul il-għixien tagħha fit-territorju ta' Stat Membru ieħor
jew
[…]
c) li tiġi awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti sabiex tmur fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għalbiex tirċievi hemm il-kura xierqa għall-kondizzjoni tagħha,
għandha tkun intitolata:
i) għall-benefiċċji f'oġġetti provduti fl-interess ta' l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post ta' l-għixien [...] bi qbil mal-leġislazzjoni li tamministra, daqs li kieku kienet assigurata magħha; iżda, it-tul tal-perijodu taż-żmien li matulu jiġu provduti l-benefiċċji għandhom ikunu regolati mill-leġislazzjoni ta' l-Istat kompetenti;
[…]
2. […]
L-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1(c) ma tistax tiġi rifjutata meta l-kuri li magħhom hija tittratta jidhru fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirresjedi l-persuna kkonċernata u jekk dawn il-kuri ma jistgħux, b'kont meħud ta' l-istat ta' saħħa attwali tagħha u ta' l-evoluzzjoni probabbli tal-marda, jiġu provduti lilha fiż-żmien normalment neċessarju sabiex tingħata l-kura in kwistjoni fl-Istat Membru ta' residenza."
6 L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71 jiddisponi:
"1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 32, il-benefiċċji f'oġġetti provduti b'mod konformi ma' dan il-Kapitolu mill-istituzzjoni ta' Stat Membru wieħed fl-interess ta' Stat Membru ieħor għandhom jiġu mħallsa lura għal kollox.
2. Il-ħlas lura msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit u magħmul bi qbil mal-proċedura provduta bl-implimentazzjoni tar-regolament msemmi fl-Artikolu 98, jew ma' l-għotja tal-prova tan-nefqa attwali jew fuq il-bażi ta' ħlas f'somma waħda.
Fil-każ ta' l-aħħar, il-ħlas f'somma waħda għandu jkun tali illi jiżgura illi l-ħlas lura joqrob daqs kemm possibbli lin-nefqa attwali.
3. Żewġ Stati Membri jew iktar, jew l-awtoritajiet kompetenti ta' dawn l-Istati, jistgħu jipprovdu metodi oħra ta' ħlas lura jew iwarrbu d-dritt għar-rimborżi kollha bejn l-istituzzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom."
7 L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 574/72 jiddisponi fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:
"1. Sabiex tirċievi l-benefiċċji in natura skond l-Artikolu 22(1)(b)(i) tar-Regolament, persuna impjegata jew li taħdem għal rasha għandha tissottometti lill-istituzzjoni tal-post tar-residenza dikjarazzjoni awtentikata li tiċċertifika illi hija intitolata għall-benefiċċji in natura msemmija. Din id-dikjarazzjoni awtentikata, li għandha tiġi maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti, għandha tispeċifika partikolarment, fejn meħtieġ, iż-żmien massimu li matulu dawn il-benefiċċji jistgħu jibqgħu jiġu konċessi bi qbil mal-leġislazzjoni ta' l-Istat kompetenti. Id-dikjarazzjoni awtentikata tista', fuq it-talba tal-persuna kkonċernata, tiġi maħruġa wara t-tluq tagħha, jekk, għal raġunijiet ta' force majeur, ma tistax tiġi magħmula minn qabel.
[…]
3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw b'analoġija rigward id-dipożizzjonijiet tal-benefiċċji in natura riferiti fl-Artikolu 22(1)(ċ)(i) tar-Regolament."
8 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni Nru 153 (94/604/KE) tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Immigrati tas-7 ta' Ottubru 1993 fuq il-formoli mudelli meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) 574/72 (E 001, E 103-E 127) (ĠU L 244, 1994, p. 22), il-formola E 111 hija d-dikjarazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li l-formola E 112 hija dik neċessarja għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(1)(c)(i) ta' l-istess Regolament.
Il-Leġiżlazzjoni Spanjola
9 L-Artikolu 102(3) tal-Ley General de la Seguridad Social (Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża, jiddisponi li "l-entitajiet responsabbli sabiex jipprovdu kuri mediċi ma jassumux l-ispejjeż li jistgħu jiġu sostnuti meta l-benefiċjarju jirrikorri għal servizzi mediċi differenti minn dawk li ġew proposti lilu, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi".
10 Intitolat "Kuri mediċi provduti minn servizzi estranji għas-sigurtà soċjali", l-Artikolu 18 tad-Digriet Nru 2766/67 tas-16 ta' Novembru 1967, kif emendat mid-Digriet Nru 2575/73 ta' l-14 ta' Settembru 1973 (iktar 'il quddiem "id-Digriet Nru 2766/67"), jistipola fil-paragrafi (1) u (4) tiegħu:
"1. Meta l-benefiċjarju, fuq inizjattiva tiegħu jew fuq dik ta' membru tal-familja tiegħu, jirrikorri għal servizzi differenti minn dawk li huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu, l-entitajiet responsabbli sabiex jipprovdu l-kuri mediċi ma jassumux l-ispejjeż li jistgħu jiġu sostnuti, ħlief fil-każijiet previsti fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.
[…]
4. Meta jkollhom jintużaw servizzi mediċi differenti minn dawk li huma mqiegħda għad-dispożizzjoni mis-sigurtà soċjali minħabba n-neċessità ta' kuri urġenti ta' natura vitali, il-benefiċjarju jista' jressaq quddiem l-entità responsabbli sabiex tipprovdilu l-kuri mediċi, talba għal ħlas lura ta' l-ispejjeż sostnuti, li tiġi milqugħa jekk jiġi stabbilit li, fid-dawl tar-riżultati tal-verifika effettwata f'dan ir-rigward, il-ħlas lura huwa ġustifikat."
Il-Leġiżlazzjoni Ġermaniża
11 L-Artikolu 18(1) tal-Fünftes Buch des Sozialgesetzbuches – Gesetzliche Krankenversicherung (il-Ħames Ktieb tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali – Sistema li tirregola l-assigurazzjoni kontra l-mard), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, jiddisponi:
"Jekk, skond l-istat ta' l-għarfien mediku, il-kura tal-marda ma tistax tiġi amministrata biss barra mill-pajjiż, l-assigurazzjoni kontra l-mard tista' tassumi l-ispejjeż kollha jew parti minnhom [...]"
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Is-Sinjura Keller, ta' nazzjonalità Ġermaniża, kienet tirresjedi, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża, fi Spanja u kienet affiljata mas-sistema ġenerali ta' sigurtà soċjali ta' dan l-Istat Membru.
13 Peress li xtaqet tmur il-Ġermanja għal raġunijiet familjari, is-Sinjura Keller talbet lill-Insalud sabiex joħroġ formola E 111, li ngħatatilha qabel ma telqet, għall-perijodu bejn il-15 ta' Settembru u l-15 ta' Ottubru 1994.
14 Waqt dan is-soġġorn, is-Sinjura Keller iddaħħlet fl-isptar tad-distrett ta' Gummersbach (il-Ġermanja), li huwa marbut mal-Klinika Universitarja ta' Kolonja. Ġiet iddijanjostikata tumur malinn ta' l-imnieħer, tal-kavità nażali, tal-ħofret il-għajn u tal-bażi kranjali, b'ramifikazzjoni fl-ispazju bejn il-kranji, ta' tali serjetà li fi kwalunkwe ħin seta' jwassal għall-mewt tal-persuna kkonċernata.
15 Peress illi s-Sinjura Keller xtaqet tkompli tirċievi fil-Ġermanja l-kuri mediċi li kienu neċessarji għall-marda li kienet qiegħda ssofri minnha, hija talbet lill-Insalud sabiex tagħtiha formola E 112. Kif jirriżulta min-nota interna ta' din l-entità tat-23 ta' Frar 1995, din il-formola ntbagħtet lill-persuna kkonċernata minħabba li, b'kunsiderazzjoni tas-serjetà ta' l-istat ta' saħħa tagħha, trasferiment lejn Spanja ma kienx irrakkomandat. Estiż għal diversi drabi, il-perijodu ta' validità ta' din il-formola kien mill-24 ta' Ottubru 1994 sal-21 ta' Ġunju 1996.
16 Wara numru kbir ta' eżamijiet u wara analiżi profonda tad-diversi possibbiltajiet terapewtiċi offerti, it-tobba tal-Klinika Universitarja ta' Kolonja kkonkludew li, kont meħud tan-natura delikata u ta' l-abbiltà partikolari li kien jeħtieġ, l-intervent kirurġiku li s-Sinjura Keller kellha bżonn b'mod kritiku u immedjat seta' jsir biss fil-Klinika Universitarja ta' Zurich (l-Iżvizzera). Ir-rapport ta' kirurgu speċjalizzat fl-otorinolarinġoloġija, imressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, jiddikjara li din il-klinika privata kienet l-unika waħda fl-Ewropa li tikkura b'effikaċja xjentifika rikonoxxuta l-patoloġija li kienet qiegħda ssofri minnha s-Sinjura Keller.
17 Għaldaqstant, it-tobba tal-Klinika Universitarja ta' Kolonja ttrasferew lis-Sinjura Keller fil-Klinika Universitarja ta' Zurich, fejn il-persuna kkonċernata, li baqgħet fil-klinika mill-10 sal-25 ta' Novembru 1994, subiet intervent kirurġiku li r-riżultati tiegħu kienu kkunsidrati sodisfaċenti. Wara din l-operazzjoni, is-Sinjura Keller kellha tagħmel radjoterapija bejn il-15 ta' Diċembru 1994 u t-22 ta' Frar 1995. L-ispiża globali tal-kuri mogħtija telgħet għal 87 030 CHF u ġiet imħallsa kollha mis-Sinjura Keller.
18 Fis-26 ta' April 1995, is-Sinjura Keller talbet lill-Insalud il-ħlas lura ta' din is-somma.
19 Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta' deċiżjoni ta' din l-entità ta' l-10 ta' Awwissu 1995. Billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 102 tal-Ley General de la Seguridad Social u l-Artikolu 18(1) tad-Digriet Nru 2766/67, l-Insalud osserva, b'sostenn għad-deċiżjoni tiegħu, li biex jiġu assunti spejjeż relatati ma' kuri mediċi provduti f'pajjiż terz jeħtieġ awtorizzazzjoni espressa u minn qabel min-naħa tiegħu.
20 L-appell minn din id-deċiżjoni magħmul mis-Sinjura Keller ġie miċħud mill-Insalud fis-7 ta' Diċembru 1995
21 Fit-3 ta' Mejju 1999, is-Sinjura Keller reġgħet talbet il-ħlas lura ta' l-ispejjeż marbuta mad-dħul tagħha fi sptar fl-Iżvizzera. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta' deċiżjoni ta' l-Ispettorat tas-Saħħa ta' l-Insalud tas-26 ta' Lulju 1999, minħabba li "[...] il-marda, għalkemm gravi, ma kellhiex il-karatteristiċi ta' urġenza vitali li jiġġustifikaw it-tluq mis-sistema medika pubblika nazzjonali u/jew komunitarja u r-rikors għas-settur privat extrakomunitarju, mingħajr ma tagħti lill-entità ta' ġestjoni Spanjola l-possibbiltà li teżamina u li toffri l-għażliet ta' kuri adattati għall-patoloġija li kienet qed issoffri minnha l-pazjenta".
22 Is-Sinjura Keller ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 20 ta' Madrid. Fuq talba ta' l-Insalud tat-2 ta' Novembru 2000, it-talbiet ta' dan ir-rikors ġew estiżi għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social minħabba li hija din l-istituzzjoni li jkollha tħallas lura l-ispejjeż in kwistjoni fil-kawża prinċipali f'każ illi r-rikors jiġi milqugħ.
23 Is-Sinjura Keller mietet fit-30 ta' Ottubru 2001. L-eredi tagħha komplew il-kawża prinċipali.
24 Fl-ewwel lok, il-Juzgado de lo Social Nru 20 ta' Madrid tistaqsi lilha nnifisha dwar kemm hija marbuta l-istituzzjoni Spanjola kompetenti bid-dijanjosi u bl-għażla terapewtika mogħtija mit-tobba awtorizzati mill-istituzzjoni Ġermaniża kkonċernata.
25 Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi lilha nnifisha, b'rigward għall-prinċipju ta' trattament ugwali msemmi fl-Artikoli 3, 19 u 22 tar-Regolament Nru 1408/71, dwar l-eżistenza ta' obbligu ta' ħlas lura ta' l-ispejjeż li jirriżultaw mid-dħul tas-Sinjura Keller fil-Klinika Universitarja ta' Zurich, kont meħud tal-fatt li kien ġie kkonfermat li, skond l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Ġermanja, fejn is-Sinjura Keller kienet tirrisjedi meta kellha tiddaħħal l-isptar hija kienet tibbenefika mill-assunzjoni totali ta' dawn l-ispejjeż kieku hija kienet affiljata ma' l-AOK Rheinland (Fond Ġenerali ta' Assigurazzjoni Kontra l-Mard ta' Rheinland).
26 F'dan ir-rigward, il-qorti ta' rinviju tirreferi għal żewġ ċertifikati maħruġa matul is-sena 2000 mill-AOK Rheinland, ma' min is-Sinjura Keller kienet affiljata mill-15 ta' Marzu 1996. L-ewwel ċertifikat, datat l-4 ta' Mejju 2000 u li ġie miżjud mal-proċess tal-kawża, juri li l-ispejjeż ta' l-intervent kirurġiku u tal-kuri wara l-operazzjoni subiti mis-Sinjura Keller fl-1999 fil-Klinika Universitarja ta' Zurich wara li reġa' tfaċċa t-tumur ġew kollha assunti mis-sigurtà soċjali Ġermaniża. Skond id-deċiżjoni tar-rinvij, mit-tieni ċertifikat datat it-22 ta' Diċembru 2000 jirriżulta li l-ispejjeż marbuta mal-kuri mediċi li s-Sinjura Keller irċeviet fil-Klinika Universitarja ta' Zurich fl-1994 u fl-1995 kienu jiġu kollha mħallsa lura mill-AOK Rheinland li kieku s-Sinjura Keller kienet, f'dak iż-żmien, affiljata ma' dan il-fond.
27 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social Nru 20 ta' Madrid iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Il-formola E 111 u, b'mod aktar partikolari, il-formola E 112, li l-ħruġ tagħhom huwa previst fl-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 u ta' l-Artikolu 22(1) u (3) tar-Regolament Nru 574/72, għandhom karattru obbligatorju għall-istituzzjoni kompetenti li toħroġhom (fil-każ preżenti, is-sigurtà soċjali Spanjola) f'dak li jirrigwarda d-dijanjosi mogħtija mill-istituzzjoni tal-post ta' residenza (fil-każ preżenti, is-servizzi tas-saħħa pubblika Ġermaniżi) u, b'mod aktar preċiż, b'rabta man-neċessità, għall-ħaddiem, li jagħmel intervent kirurġiku immedjat bħala l-unika mezz terapewtiku li jista' jsalvalu ħajtu u mal-fatt li tali intervent seta' jsir biss minn klinika li tinsab f'pajjiż li mhuwiex parti mill-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Klinika Universitarja ta' Zurich, fl-Iżvizzera, sabiex l-istituzzjoni tal-post ta' residenza tista' tittrasferixxi l-ħaddiem f'din il-klinika mingħajr li l-istituzzjoni kompetenti tkun awtorizzata li teħtieġ ir-ritorn ta' dan il-ħaddiem sabiex tissottomettih għal eżamijiet mediċi li hija jidrilha opportuni u tipproponilu għażliet ta' kuri adattati għall-patoloġija li huwa jsoffri minnha?
2) Il-prinċipju ta' trattament ugwali, imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, skond liema l-ħaddiema '[...] jistgħu jibbenefikaw mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri kollha bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dawn l-Istati, kunsidrat flimkien ma' l-Artikoli 19(1)(a) u 22(1)(i) ta' l-istess Regolament, skond liema l-ħaddiem li jiċċaqlaq ġewwa l-Komunità jibbenefika minn benefiċċji in natura mogħtija mill-istituzzjoni tal-post ta' residenza skond id-dispożizzjonijiet li hija tapplika, bħallikieku kien affiljat, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi l-istituzzjoni kompetenti tassumi l-ispejjeż li jirriżultaw minn kuri mogħtija f'pajjiż li mhuwiex membru ta' l-Unjoni Ewropea, meta jiġi stabbilit li jekk il-ħaddiem kien affiljat jew assigurat ma' l-istituzzjoni tal-post ta' residenza, huwa kien ikollu d-dritt għal dawn il-benefiċċji mediċi u meta, barra dan, il-kuri mediċi – jiġifieri l-kuri mediċi mogħtija, f'każ ta' urġenza vitali, minn ċentri privati, inklużi dawk ta' pajjiżi li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea – huma fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat kompetenti?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
28 Fl-ewwel lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jirreferu għal kontradizzjonijiet, fid-deċiżjoni tar-rinviju, bejn id-deskrizzjoni tal-fatti li tinstab f'din id-deċiżjoni u l-kliem ta' l-ewwel domanda. Skond huma, dawn il-kontradizzjonijiet jagħmluha diffiċli li wieħed jifhem din id-domanda u b'konsegwenza jikkomplikaw il-formulazzjoni ta' ossservazzjonijiet bil-miktub pertinenti kif ukoll il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġiba utli lill-qorti tar-rinviju.
29 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, in-neċessità li tasal għal interpretazzjoni tad-dritt komunitarju li hija utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih iridu jinqraw id-domandi li qiegħda tistaqsi jew li, mill-inqas, tispjega l-ipotesijiet fattwali fuq liema dawn id-domandi huma bbażati (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta' Settembru 2004, Carbonati Apuani, C-72/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 10).
30 L-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju m'għandhiex biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġibiet utli, iżda għandha wkoll tagħti lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 23 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tassigura li din il-possibbiltà tkun salvagwardjata, kont meħud tal-fatt li, dejjem skond id-dispożizzjoni msemmija qabel, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet interessati (Sentenza tal-21 ta' Settembru 1999, Albany, C-67/96, Ġabra p. I-5751, punt 40).
31 F'din il-kawża, id-deċiżjoni tar-rinviju tippermetti li wieħed jifhem, kif jafferma l-kontenut ta' l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-kawża u mill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, ir-relevanza u l-iskop ta' l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Permezz ta' din id-domanda, din il-qorti tistaqsi essenzjalment jekk il-ħruġ, mill-istituzzjoni li magħha l-persuna kkonċernata hija affiljata (iktar 'il quddiem l-"istituzzjoni kompetenti"), ta' formola E 111 jew ta' formola E 112 għal skopijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(1)(a)(1) jew (c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jimplika li din l-imsemmija istituzzjoni hija marbuta bil-verifiki magħmula mis-servizzi mediċi ta' l-Istat Membru fejn joqgħod l-assigurat (iktar 'il quddiem l-"Istat Membru ta' soġġorn") fir-rigward tan-neċessità vitali ta' intervent kirurġiku urġenti b'rigward għall-patoloġija li jsoffri minnha l-assigurat, kif ukoll bl-għażla terapewtika stabbilita minn dawn is-servizzi li dan jiġi trasferit fi sptar li jinstab fi Stat li mhuwiex membru ta' l-Unjoni Ewropea.
32 Fit-tieni lok, il-Gvern Spanjol isostni li, kontrarjament għal dak li ntqal fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ammissjoni tas-Sinjura Keller fil-Klinika Universitarja ta' Zurich ma tirriżultax minn deċiżjoni ta' trasferiment meħuda mit-tobba tal-Klinika Universitarja ta' Kolonja, iżda minn inizjattiva personali tal-persuna kkonċernata, li telqet mill-isptar fejn kienet qiegħda tiġi kkurata kontra l-parir tat-tobba Ġermiżi. Skond dan il-Gvern, jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari tibbaża ruħha fuq każ purament ipotetiku, filwaqt li ċ-ċirkustanzi reali tal-kawża prinċipali min-naħa l-oħra ma' jagħtux lok għal ebda kwistjoni ta' interpretazzjoni tad-Dritt Komunitarju.
33 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara ta' funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull apprezzament tal-fatti tal-kawża jaqa' taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali. Bl-istess mod hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kontroversja u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li għandha tingħata, li għandha tivvaluta fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f'pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, minħabba li d-domandi miġjuba għandhom x'jaqsmu ma' l-interpretazzjoni tad-Dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, in prinċipju, obbligata li tiddeċiedi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta' Frar 2003, IKA, C-326/00, Ġabra p. I-1703, punt 27).
34 F'din il-kawża, kif jirriżulta mill-fatti msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali kkunsidrat li l-ammissjoni tas-Sinjura Keller fil-Klinika Universitarja ta' Zurich kienet tirriżulta minn deċiżjoni tat-tobba tal-Klinika Universitarja ta' Kolonja meħuda wara diversi eżamijiet u analiżi profonda tal-possibbiltajiet terapewtiċi fir-rigward tal-patoloġija tal-persuna kkonċernata. F'dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali tibbaża ruħha fuq ir-rapport ta' kirurgu speċjalizzat fl-otorinolarinġoloġija, li jiddikjara li, meta ġraw il-fatti, fl-Ewropa kien hemm biss il-Klinika Universitarja ta' Zurich li setgħet twettaq b'ċansijiet reali ta' suċċess it-tip ta' operazzjoni neċessarja għall-patoloġija tas-Sinjura Keller.
35 F'dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni tas-Sinjura Keller, imressqa mill-Gvern Spanjol b'sostenn għall-allegazzjonijiet tiegħu, skond liema din ta' l-aħħar, fuq inizjattiva tagħha u kontra l-parir tat-tobba Ġermanizi, telqet mill-Isptar ta' Gummersbach, din ma tittrattax dwar it-tluq tal-persuna kkonċernata lejn l-Iżvizzera, iżda mal-ħruġ temporanju tas-Sinjura Keller mill-isptar sabiex iżżur membru tal-familja tagħha, kif jirriżulta wkoll mill-indikazzjonijiet li jinstabu fid-dokumenti mressqa mill-eredi tas-Sinjura Keller b'sostenn għat-tweġiba tagħhom għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ma ġewx kontradetti fis-seduta.
36 Xieraq għalhekk li jiġi miċħud l-argument tal-Gvern Spanjol ibbażat fuq in-natura purament ipotetika tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
37 Fit-tielet lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol josservaw li r-Regolamenti Numri 1408/71 u 574/72 mhumiex applikabbli għall-każ preżenti, peress li l-kuri mediċi in kwistjoni fil-kawża prinċipali ngħataw fl-Iżvizzera. Is-soluzzjoni tal-kontroversja prinċipali ma tiddependix minn interpretazzjoni tad-Dritt Komunitarju, iżda toħroġ esklużivament mid-Dritt nazzjonali.
38 Madankollu, għandu jiġi osservat f'dan ir-rigward li s-sempliċi ċirkustanza li l-kuri msemmija ngħataw barra t-territorju Komunitarju mhijiex biżżejjed sabiex teskludi l-applikazzjoni ta' dawn ir-regolamenti, peress illi l-kriterju determinanti għall-applikabbiltà tagħhom huwa fil-fatt li l-assigurat ikun affiljat ma' skema ta' sigurtà soċjali ta' Stat Membru (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta' Ottubru 1986, van Roosmalen, 300/84, Ġabra p. 3097, punt 30; tad-9 ta' Lulju 1987, Laborero et Sabato, 82/86 u 103/86, Ġabra p. 3401, punt 25, u tad-29 ta' Ġunju 1994, Aldewereld, C-60/93, Ġabra p. I‑2991, punt 14).
39 Fil-kawża preżenti, is-Sinjura Keller kienet, meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, affiljata ma' l-iskema ta' sigurtà soċjali Spanjola u kellha wkoll fil-pussess tagħha l-formoli mibgħuta lilha mill-Insalud skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71. Għaldaqstant, l-applikabbiltà tar-Regolamenti Nru 1408/71 u 574/72 fil-kawża prinċipali mhijiex se tiġi dubitata.
40 Id-domanda dwar jekk il-ħruġ ta' formola E 111 jew ta' formola E 112 mill-istituzzjoni kompetenti jimplika li din ta' l-aħħar għandha l-obbligu li tħallas l-ispejjeż marbuta ma' kuri mediċi provduti lill-assigurat ġewwa Stat terz tiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tad-Dritt Komunitarju li jiffurmaw is-suġġett tad-domandi rinvijati mill-qorti tar-rinviju.
Fuq il-Mertu
Kunsiderazzjonijiet preliminari
41 Id-domandi mressqa għandhom bħala kuntest leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-assigurat għandu dritt għal ħlas lura ta' l-ispejjeż marbuta mal-kuri mediċi mogħtija, mingħajr konsultazzjoni minn qabel mas-servizzi relevanti tas-sistema nazzjonali tas-saħħa, minn servizzi estranji għal tali sistema, meta jiġi stabbilit li dawn il-kuri jissodisfaw il-bżonn ta' urġenza vitali.
42 Qabel ma jingħataw ir-risposti għal dawn id-domandi, għandu jiġi osservat li, għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi għall-istituzzjoni tal-"post ta' residenza" sabiex tindika l-istituzzjoni Ġermaniża ta' sigurtà soċjali u t-tobba awtorizzati minn din l-istituzzjoni, jibqa' l-fatt li, fiż-żmien meta' seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, is-Sinjura Keller kienet tirrisjedi fl-Istat Membru kompetenti, jiġifieri fi Spanja. Kif josservaw l-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-preżenza tas-Sinjura Keller fil-Ġermanja dak iż-żmien għaldaqstant ma tikkorrispondix għall-ipotesi prevista fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1408/71, iżda għal dik li hija msemmija fl-Artikolu 22 ta' l-istess regolament. Minn dan jirriżulta li m'hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda preliminari safejn din titratta ma' l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.
Fuq l-ewwel domanda
43 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment titlob jekk il-ħruġ ta' formola E 111, neċessarja għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, jew ta' formola E 112, neċessarja għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(1)(c)(i) ta' l-istess regolament, jimplika li tali istituzzjoni hija marbuta bid-dijanjosi ta' tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn fir-rigward ta' l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' urġenza vitali li tirrikjedi intervent kirurġiku immedjat, kif ukoll bid-deċiżjoni ta' dawn it-tobba li jittrasferixxu l-assigurat fi sptar li jinsab fit-territorju ta' Stat terz minħabba li dan l-isptar huwa, skond l-għarfien mediku f'dak il-mument, l-uniku wieħed li jwettaq it-tip ta' intervent neċessarju b'ċansijiet reali ta' suċċess.
44 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha ssir referenza, kif issuġġerixxa l-Avukat Ġenerali fil-punti 15 sa' 17 tal-Konklużjonijiet tiegħu, għall-għan li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 irid jilħaq u għall-funzjoni tal-formoli E 111 u E 112 fis-sistema stabbilita minn dan l-artikolu.
45 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta mqiegħed fil-kuntest ta' l-għanijiet ġenerali tat-Trattat KE, l-Artikolu 22 tar-Regolament 1408/71 jidħol fost il-miżuri li jippermettu lill-ħaddiem li huwa ċittadin ta' Stat Membru jibbenefika, skond il-kundizzjonijiet previsti minnu, minn benefiċċji in natura ġewwa l-Istati Membri l-oħrajn, irrispettivament mill-istituzzjoni li magħha huwa affiljat jew mill-post ta' residenza tiegħu (sentenza tat-3 ta' Lulju 2003, Van der Duin u ANOZ Zorgverzekeringen, C-156/01, Ġabra. p. I‑7045, punt 50).
46 Billi jiggarantixxi lill-assigurat li fir-rigward tiegħu tapplika l-leġiżlazzjoni ta' Stat membru, u li l-istat ta' saħħa tiegħu jirrikjedi immedjatament servizzi mediċi waqt soġġorn fi Stat Membru ieħor, jew li għandu awtorizzazzjoni ta' l-istituzzjoni kompetenti li jmur fit-territorju ta' Stat Membru ieħor sabiex jingħata kuri approprjati għall-istat ta' saħħa tiegħu, aċċess għal kuri ġewwa Stat Membru ieħor b'kundizzjonijiet għall-ħlas ta' l-ispejjeż favorevoli daqs dawk li jibbenefikaw minnhom l-assigurati li għalihom tapplika l-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 jikkontribwixxi sabiex jiġi ffaċilitat l-moviment liberu ta' l-assigurati u, bl-istess mod, l-għoti ta' servizzi mediċi trans-konfini bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi tat-12 ta' Lulju 2001, Vanbraekel e.a., C-368/98 , Ġabra p. I‑5363, punt 32, u tat-23 ta' Ottubru 2003, Inizan, C-56/01 , Ġabra p. I‑12403, punt 21).
47 Kif innota l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jintlaħaq l-għan li jipprova jilħaq l-Artikolu 22(1)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddependi fuq qsim ta' responsabbiltajiet bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn.
48 Fil-fatt, skond l-istess kliem ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, minn naħa, hija l-istituzzjoni kompetenti li għandha tiddeċiedi, fl-ipotesi msemmija fil-paragrafu (1)(c) ta' dan l-Artikolu, jekk tagħtix l-awtorizzazzjoni intiża sabiex tippermetti lill-assigurat imur fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet mediċi, li tiffissa, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-tul ta' żmien tas-servizzi mediċi ġewwa l-Istat Membru ta' soġġorn u li tassumi l-ispejjeż ta' dawn is-servizzi. Min-naħa l-oħra, hija l-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn li għandha tagħti dawn is-servizzi skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tapplika, bħallikieku l-assigurat ikkonċernat kien affiljat magħha.
49 F'dan il-kuntest, il-Formoli E 111 u E 112 huma intiżi sabiex jassiguraw lill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn u lit-tobba awtorizzati minn din l-istituzzjoni li l-pussessur ta' dawn il-formoli għandu d-dritt li jirċievi f'dan l-Istat Membru, matul iż-żmien speċifikat fil-formola, kuri li l-ispejjeż tagħhom jiġu assunti mill-istituzzjoni kompetenti.
50 Jirriżulta minn din ir-regola ta' qsim ta' responsabbiltajiet, b'korrelazzjoni mal-miżuri komunitarji dwar r-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi, ċertifikati u kwalifiki oħra tal-prattikanti tal-mediċina (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi tat-28 ta' April 1998, Decker, C-120/95, Ġabra p. I‑1831, punt 42, u Kohll, C-158/96, Ġabra p. I‑1931, punti 47 u 48), li, ladarba hija tagħti l-kunsens tagħha, billi toħroġ formola E 111 jew formola E 112, sabiex wieħed mill-assigurati tagħha li jinstab f'waħda mill-ipotesijiet previsti fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jingħata kuri mediċi barra mill-Istat Membru kompetenti, l-istituzzjoni kompetenti tħalli f'idejn it-tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn, li jkunu qed jaġixxu fil-kompetenza tagħhom, imsejħa sabiex jikkuraw il-persuna kkonċernata f'dan l-aħħar Stat, u hi għandha l-obbligu li taċċetta u li tirrikonoxxi l-verifiki u l-għażliet terapewtiċi magħmula minn dawn it-tobba bħallikieku dawn ġew mogħtija minn tobba awtorizzati li kien ikollhom jikkuraw lill-assigurat fl-Istat Membru kompetenti, suġġett għall-eżistenza eventwali ta' mġiba abużiva (ara, b'analoġija, fil-kuntest ta' verifiki mediċi dwar l-inkapaċità għax-xogħol ta' assigurat, effettwati mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' residenza jew ta' soġġorn skond l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 574/72, is-sentenza tat-2 ta' Mejju 1996, Paletta, C-206/94, Ġabra p. I‑2357, punti 24 sa 28).
51 Fil-fatt, fl-ipotesi li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, it-tobba stabbiliti fl-Istat Membru ta' soġġorn huma evidentement fl-aħjar pożizzjoni sabiex jivvalutaw l-istat ta' saħħa tal-persuna kkonċernata u l-kuri immedjati meħtieġa minn dan l-istat. Fir-rigward ta' l-ipotesi prevista fl-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-istituzzjoni kompetenti timplika li, matul il-terminu ta' validità ta' din l-awtorizzazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni tafda lill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ġewwa liema hija awtorizzat lill-assigurat joqgħod għal finijiet mediċi u lit-tobba awtorizzati minnha.
52 Għandu jiġi msemmi, f'dan ir-rigward, li kif il-Qorti ddikjarat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, it-tobba stabbiliti fi Stati Membri oħra għandhom jiġu kkunsidrati bħala li joffru garanziji professjonali ekwivalenti għal dawk tat-tobba stabbiliti fit-territorju nazzjonali (ara s-sentenza Kohll, ċitata iktar 'il fuq, punt 48).
53 Wara li jitqies dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-istituzzjoni kompetenti li tat il-kunsens, meta ħarġet formola E 111 jew formola E 112, sabiex wieħed mill-assigurati tagħha jirċievi kuri mediċi barra mill-Istat Membru kompetenti hija marbuta bil-verifiki dwar in-neċessità ta' kuri urġenti u vitali, mogħtija mit-tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn (ara, b'analoġija fil-kuntest ta' l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1408/71 u 18 tar-Regolament Nru 574/72, is-sentenzi tat-12 ta' Marzu 1987, Rindone, 22/86, Ġabra p. 1339, punti 9 sa 14, u tat-3 ta' Ġunju 1992, Paletta, C-45/90, Ġabra p. I‑3423, punt 28).
54 Bl-istess mod, l-istituzzjoni kompetenti hija marbuta bl-għażla terapewtika magħmula minn dawn it-tobba fuq il-bażi tal-verifiki mogħtija minnhom u skond l-istat ta' l-għarfien mediku ta' dak iż-żmien, inkluża l-għażla li tikkonsisti fit-trasferiment tal-persuna kkonċernata fi Stat ieħor sabiex tingħata l-kura urġenti neċessarja minħabba l-patoloġija tagħha, li mhijiex possibbli li tingħata mit-tobba stabbiliti fl-Istat Membru ta' soġġorn.
55 Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-Konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-Istat Membru ġewwa liema dawn it-tobba ddeċidew li jittrasferixxu l-persuna kkonċernata mhuwiex membru ta' l-Unjoni Ewropea, m'għandux importanza sabiex jiġi determinat jekk l-istituzzjoni kompetenti hijiex marbuta b'tali verifiki u deċiżjonijiet, peress illi l-għażla terapewtika magħmula taqa' fil-fatt, kont meħud tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 47 sa 52 ta' din is-sentenza, taħt il-kompetenza tat-tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn u ta' din l-istituzzjoni.
56 F'dawn il-kundizzjonijiet, kif jammettu l-konvenuti stess fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-persuna kkonċernata, li jkollha formola E 111 jew formola E 112, ma tistax tiġi meħtieġa tirritorna fl-Istat Membru kompetenti sabiex tgħaddi minn eżami mediku, meta t-tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn jikkunsidraw li l-istat ta' saħħa tagħha jirrikjedi kuri urġenti ta' natura vitali (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza Rindone, ċitata iktar 'il fuq, punt 21).
57 Minbarra dan, ma jistax jiġi sostnut, kif jagħmlu l-konvenuti fil-kawża prinċipali, li l-verifiki magħmula u d-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam terapewtiku mit-tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn għandhom jiġu approvati mill-istituzzjoni kompetenti. Tali teżi tammonta fil-fatt għal nuqqas ta' rikonoxximent tar-regola ta' qsim ta' responsabbiltajiet li fuqha jibbaża l-Artikolu 22(1)(a)(i) u (c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tal-kompetenzi professjonali tat-tobba, u tmur kontra l-interessi tal-pazjent li għandu bżonn kuri urġenti ta' natura vitali.
58 F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat, kif għamlet is-Sinjura Keller matul il-proċedura prinċipali kif ukoll il-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, jekk, sabiex jibbenefika minn benefiċċji fi flus, bħal ħlas ta' pensjoni, konformement ma' l-Artikolu 22(1)(a)(ii) tar-Regolament 1408/71, l-assigurat li qiegħed fi Stat Membru ieħor għajr milli fl-Istat Membru kompetenti jista', skond l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 574/72, jiġi mġiegħel mill-istituzzjoni kompetenti jagħmel eżami mwettaq minn tabib ta' l-għażla tagħha, l-imsemmija istituzzjoni ma tistax, min-naħa l-oħra, teħtieġ li jsir eżami bħal dan fl-ipotesijiet, li jirrelataw ma' benefiċċji in natura, imsemmija fl-Artikolu 22(1)(a)(i) u (c) tar-Regolament Nru 1408/71.
59 Il-Gvern Spanjol isostni li, peress illi l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament 1408/71 hija intiża sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tmur fi Stat membru ieħor sabiex "[t]irċievi hemmhekk" kuri adatti għall-istat tagħha, id-dritt mogħti minn dan l-istess paragrafu (c)(i), lill-assigurat li għandu formola E 112 jikkonċerna biss il-kuri mogħtija fl-Istat Membru, identifikat f'din il-formola, li fih l-istituzzjoni kompetenti awtorizzatu jmur għal dan l-għan, b'esklużjoni ta' dawk mogħtija lilu fi Stat Membru ieħor.
60 Madankollu, meta jiġri, waqt li l-assigurat ikun qed jingħata l-kura fit-territorju ta' l-Istat Membru li fih huwa ġie awtorizzat li jmur mill-istituzzjoni kompetenti għal finijiet mediċi, li l-patoloġija li biha huwa ġie djanjostikat tirrikjedi kuri urġenti ta' natura vitali li t-tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta' l-imsemmi Stat Membru huma tal-parir, b'kunsiderazzjoni ta' l-għarfien mediku ta' dak iż-żmien, li ma jistgħux jingħataw ħlief fi sptar li jinsab fit-territorju ta' Stat għajr milli fl-Istat Membru, l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta' l-assigurat għal benefiċċji in natura mogħtija mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn jinkludi l-kuri mogħtija f'dan l-isptar, bil-kundizzjoni li, skond il-leġiżlazzjoni applikata mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn hija għandha l-obbligu li tagħti lill-persuna affiljata magħha l-benefiċċji in natura li jikkorispondu għal dawk il-kuri.
61 Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-għan ta' ppjanar u ta' organizzazzjoni ta' kuri mediċi jiġi mhedded jekk l-assigurati jkunu jistgħu liberament jirrikorru għal servizzi tas-saħħa f'kwalunkwe Stat, inkluż fi Stat terz.
62 Għalkemm huwa veru li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja tali għan huwa ta' natura li jiġġustifika li l-assunzjoni, mill-istituzzjoni kompetenti, ta' kuri mogħtija fi sptar barra mill-Istat Membru kompetenti tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel ta' din l-istituzzjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta' Lulju 2001, Smits et Peerbooms, C-157/99, Ġabra p. I‑5473, punti 76 sa 80, u tat-13 ta' Mejju 2003, Müller-Fauré et van Riet, C-385/99, Ġabra p. I‑4509, punti 76 sa 82), min-naħa l-oħra, kunsiderazzjonijiet marbuta ma' dan l-għan mhumiex relevanti meta l-istituzzjoni kompetenti preċiżament tkun tat il-kunsens tagħha, permezz tal-ħruġ ta' formola E 111 jew ta' formola E 112, sabiex wieħed mill-assigurati tagħha jirċievi kuri fi sptar barra mill-Istat Membru kompetenti.
63 Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li:
– L-Artikolu 22(1)(a)(i) u (c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 22(1) u (3) tar-Regolament Nru 574/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istituzzjoni kompetenti li tat il-kunsens, permezz tal-ħruġ ta' formola E 111 jew ta' formola E 112, sabiex wieħed mill-assigurati tagħha jirċievi kuri mediċi fi Stat Membru għajr milli fl-Istat Membru kompetenti hija marbuta bil-verifiki relatati mal-ħtieġa ta' kuri urġenti ta' natura vitali, magħmula matul il-perijodu ta' validità tal-formola mit-tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn, kif ukoll bid-deċiżjoni ta' dawn it-tobba, meħuda, matul dan l-istess perijodu, fuq il-bażi ta' dawn l-imsemmija verifiki u l-għarfien mediku ta' dak iż-żmien, sabiex il-persuna kkonċernata tiġi trasferita fi sptar fi Stat ieħor, anki jekk dan ikun Stat terz. Madankollu, f'tali sitwazzjoni, skond l-Artikolu 22(1)(a)(i) u (c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, id-dritt ta' l-assigurat għal benefiċċji in natura provduti għan-nom ta' l-istituzzjoni kompetenti u suġġetti għall-kundizzjoni li, skond il-leġiżlazzjoni applikata mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn, hija għandha l-obbligu li tagħti lil persuna affiljata magħha l-benefiċċji in natura li jikkorispondu għal dawn il-kuri.
– F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax teħtieġ la li l-persuna kkonċernata tirritorna lura fl-Istat Membru kompetenti sabiex tagħmel eżami mediku, la li din tiġi eżaminata fl-Istat Membru ta' soġġorn, u lanqas li tissuġġetta l-verifiki u d-deċiżjonijiet msemmija iktar 'il fuq għal approvazzjoni minnha.
Fuq it-tieni domanda
64 Permezz tat-tieni domanda mressqa, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet sabiex jiġu assunti spejjeż marbuta ma' kuri mediċi li ngħataw fi Stat terz f'ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti.
65 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 22(1)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, l-assigurat li għalih tapplika waħda mill-ipotesijiet imsemmija f'dan l-istess paragrafu, f'subparagrafi (a) u (c), għandu bħala prinċipju jibbenefika, matul it-terminu stipulat mill-istituzzjoni kompetenti, mill-għoti ta' benefiċċji in natura provduti għan-nom ta' l-imsemmija istituzzjoni mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li din ta' l-aħħar tapplika, bħallikieku l-assigurat ikkonċernat kien affiljat magħha (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et, punt 32, u Inizan, punt 20).
66 Id-dritt hekk mogħti lill-assigurat jimplika konsegwentement li l-kuri provduti huma l-ewwel assunti mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn, skond il-leġiżlazzjoni li din ta’ l-aħħar tapplika, bl-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li sussegwentement tħallas lura lill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71 (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et, punt 33, u Inizan, punti 20, 22 u 23).
67 Fil-każ illi tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn iddeċidew, minħabba raġunijiet ta’ urġenza vitali u fid-dawl ta' l-għarfien mediku ta’ dak iż-żmien, li jittrasferixxu lill-assigurat fi sptar li jinstab fit-territorju ta’ Stat terz, l-Artikolu 22(1)(a)(i) u (c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat li jimplika li, sakemm l-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn ma jkollhiex raġuni li tiddubita b’mod serju dwar il-korrettezza ta’ din id-deċiżjoni medika, il-kuri mediċi pprovduti f’dan l-aħħar Stat għandhom jiġu assunti mill-imsemmija istituzzjoni konformement mal-leġiżlazzjoni li tapplika, f’kundizzjonijiet identiċi għal dawk li minnhom jibbenefikaw l-assigurati li għalihom tapplika din il-leġiżlazzjoni. Fil-każ ta' kuri li huma fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, hija mbagħad l-istituzzjoni kompetenti li għandha tassumi l-ispejjeż tal-benefiċċji provduti billi tħallas lura lill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta' soġġorn skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71.
68 F’dak li jirrigwarda l-argument tal-konvenuti fil-kawża prinċipali bbażat fuq il-ħtieġa li jkunu kkontrollati l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-kuri mediċi jiġu pprovduti barra mit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn ma jpoġġix lill-istituzzjoni kompetenti f’sitwazzjoni differenti minn dik fejn l-istess kuri setgħu jingħataw fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, peress li l-leġiżlazzjoni applikabbli u l-limiti eventwali tal-ħlas lura li jirriżultaw minnha huma, fiż-żewġ każijiet, dawk ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Decker et Kohll, rispettivament, punti 38 sa 40 u punti 40 sa 42).
69 Għandu jiġi msemmi wkoll li l-effett utli kif ukoll l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet komunitarji in kwistjoni jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, meta jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata kellha d-dritt li tikseb l-assunzjoni ta' l-ispejjeż tal-kuri mediċi li ngħatat fi Stat terz mingħand l-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn (ara, f’dan ir-rigward, punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza), u li l-kuri msemmija huma fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, hija l-istituzzjoni kompetenti li għandha tħallas lura direttament lill-imsemmija persuna jew lill-aventi kawża tagħha l-ispejjeż ta' dawn il-kuri sabiex jiġi garantit livell ta' assunzjoni ta' spejjeż ekwivalenti għal dak li din il-persuna kienet tibbenefika minnu kieku ġew applikati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22(1)(a)(i) u (c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et, punt 34, u IKA, punt 61).
70 Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li:
– Fil-każ illi tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn iddeċidew, minħabba raġunijiet ta’ urġenza vitali u fid-dawl ta' l-għarfien mediku ta’ dak iż-żmien, li jittrasferixxu lill-assigurat fi sptar li jinstab fit-territorju ta’ Stat terz, l-Artikolu 22(1)(a)(i) u (c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens illi l-kuri provduti f’dan l-aħħar Stat għandhom jiġu assunti mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn skond il-leġiżlazzjoni li hija tapplika, f’kundizzjonijiet identiċi għal dawk li jibbenefikaw minnhom l-assigurati li għalihom tapplika din il-leġiżlazzjoni. Fil-każ ta' kuri li huma fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, hija mbagħad l-istituzzjoni ta' dan l-aħħar stat li għandha tassumi l-ispejjeż tal-benefiċċji pprovduti billi tħallas lura lill-Istat Membru ta' soġġorn skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71.
– Meta l-kuri provduti fi sptar li jinstab fi Stat terz ma ġewx assunti mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn, iżda jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata kellha d-dritt li tikseb tali assunzjoni ta' spejjeż u li l-kuri msemmija huma fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, hija l-istituzzjoni kompetenti li għandha tħallas lura direttament lill-imsemmija persuna jew lill-aventi kawża tagħha l-ispejjeż ta' dawn il-kuri sabiex jiġi garantit livell ta' assunzjoni ta' spejjeż ekwivalenti għal dak li din il-persuna kienet tibbenefika minnu kieku ġew applikati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22(1)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.
71 F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li tingħata tweġiba għat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li din hija relatata ma’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71.
Fuq l-ispejjeż
72 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 22(1)(a)(i) u (c)(i) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-familji tagħhom li jispustaw ruħhom fil-Komunità, u ta' l-Artikolu 22(1) u (3), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta' Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) 1408/71, fil-verżjoni emendata tagħhom u aġġornati permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83, tat-2 ta' Ġunju 1983, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istituzzjoni kompetenti li tat il-kunsens, permezz tal-ħruġ ta' formola E 111 jew ta' formola E 112, sabiex wieħed mill-assigurati tagħha jirċievi kuri mediċi fi Stat Membru għajr milli fl-Istat Membru kompetenti hija marbuta bil-verifiki relatati mal-ħtieġa ta' kuri urġenti ta' natura vitali, magħmula matul il-perijodu ta' validità tal-formola mit-tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn, kif ukoll bid-deċiżjoni ta' dawn it-tobba, meħuda, matul dan l-istess perijodu, fuq il-bażi ta' dawn l-imsemmija verifiki u l-għarfien mediku ta' dak iż-żmien, sabiex il-persuna kkonċernata tiġi trasferita fi sptar fi Stat ieħor, anki jekk dan ikun Stat terz. Madankollu, f'tali sitwazzjoni, skond l-Artikolu 22(1)(a)(i) u (c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, id-dritt ta' l-assigurat għal benefiċċji in natura provduti għan-nom ta' l-istituzzjoni kompetenti u suġġetti għall-kundizzjoni li, skond il-leġiżlazzjoni applikata mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' soġġorn, hija għandha l-obbligu li tagħti lil persuna affiljata magħha l-benefiċċji in natura li jikkorispondu għal dawn il-kuri.
F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax teħtieġ la li l-persuna kkonċernata tirritorna lura fl-Istat Membru kompetenti sabiex tagħmel eżami mediku, la li din tiġi eżaminata fl-Istat Membru ta' soġġorn, u lanqas li tissuġġetta l-verifiki u d-deċiżjonijiet msemmija iktar 'il fuq għal approvazzjoni minnha.
2) Fil-każ illi tobba awtorizzati mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn iddeċidew, minħabba raġunijiet ta’ urġenza vitali u fid-dawl ta' l-għarfien mediku ta’ dak iż-żmien, li jittrasferixxu lill-assigurat fi sptar li jinstab fit-territorju ta’ Stat terz, l-Artikolu 22(1)(a)(i) u (c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens illi l-kuri provduti f’dan l-aħħar Stat għandhom jiġu assunti mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn skond il-leġiżlazzjoni li hija tapplika, f’kundizzjonijiet identiċi għal dawk li jibbenefikaw minnhom l-assigurati li għalihom tapplika din il-leġiżlazzjoni. Fil-każ ta' kuri li huma fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, hija mbagħad l-istituzzjoni ta' dan l-aħħar stat li għandha tassumi l-ispejjeż tal-benefiċċji pprovduti billi tħallas lura lill-Istat Membru ta' soġġorn skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71.
Meta l-kuri provduti fi sptar li jinstab fi Stat terz ma ġewx assunti mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ soġġorn, iżda jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata kellha d-dritt li tikseb tali assunzjoni ta' spejjeż u li l-kuri msemmija huma fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, hija l-istituzzjoni kompetenti li għandha tħallas lura direttament lill-imsemmija persuna jew lill-aventi kawża tagħha l-ispejjeż ta' dawn il-kuri sabiex jiġi garantit livell ta' assunzjoni ta' spejjeż ekwivalenti għal dak li din il-persuna kienet tibbenefika minnu kieku ġew applikati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22(1)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy