SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
8 ta' Lulju 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 28 KE – Kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti magħmula minn metalli prezzjużi – Id-denominazzjonijiet 'deheb' u 'liga ta' deheb'"
Fil-kawża C-166/03,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Stromsky, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u F. Million, bħala aġenti,
konvenuta
li għandha l-għan li jiġi kkonstatat li, billi rriżervat id-denominazzjoni "deheb" għall-oġġetti b'finezza milleżimali ta' 750, filwaqt li l-oġġetti b'finezza milleżimali ta' 375 jew 585 tathom id-denominazzjoni "liga ta' deheb", ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues (Imħallef Relatur), R. Schintgen N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-19 ta' Frar 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' April 2003, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet rikors, skond l-Artikolu 226 KE, intiż sabiex jiġi kkonstatat li, billi rriżervat id-denominazzjoni "deheb" għall-oġġetti b'finezza milleżimali ta' 750, filwaqt li l-oġġetti b'finezza milleżimali ta' 375 jew 585 tathom id-denominazzjoni "liga ta' deheb", ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 522a tal-Code général des impôts (Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa), kif emendat permezz tal-Liġi Nru 94-6, ta' l-4 ta' Jannar 1994, li tirristruttura l-leġiżlazzjoni dwar l-istandards garantiti tal-metalli prezzjużi u s-setgħat ta' kontroll ta' l-uffiċjali tad-dwana fuq is-sitwazzjoni amministrattiva ta' ċerti persuni (JORF tal-5 ta' Jannar 1994, p. 245, aktar 'il quddiem is-"CGI"), jipprovdi li:
"L-oġġetti tad-deheb b'finezza milleżimali ta' 750 jew iżjed biss jistgħu jingħataw id-denominazzjoni 'deheb' meta jkunu qed jiġu kkummerċjalizzati fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut lill-individwi.
L-oġġetti li fihom id-deheb f'finezza milleżimali ta' 585 jew 375 għandhom jingħataw id-denominazzjoni 'liga ta' deheb', u l-finezza tagħhom għandha tiġi ddikjarata meta jkunu qed jiġu kkummerċjali[zz]ati fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut lill-individwi."
Il-proċedura prekontenzjuża
3 Billi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma kinitx konformi ma' l-Artikolu 28 KE, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE. Wara li intimat lir-Repubblika Franċiża sabiex din tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, fid-19 ta' Settembru 2001, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn minn meta ġie nnotifikat.
4 Permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Frar 2002, ir-Repubblika Franċiża sostniet li l-Artikolu 522a tas-CGI kien neċessarju sabiex jissodisfa eżiġenzi ta' protezzjoni tal-konsumaturi u ta' kummerċ ġust u stiednet lill-Kummissjoni sabiex terġa' tikkunsidra l-evalwazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Argumenti tal-partijiet
5 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 522a tas-CGI jipprojbixxi, fi Franza, il-kummerċjalizzazzjoni taħt id-denominazzjoni "deheb" ta' oġġetti b'finezza milleżimali ta' 585 jew 375 minkejja li dawn jistgħu jibbenefikaw minn din id-denominazzjoni fl-Istat Membru ta' oriġini tagħhom, u jimponi denominazzjoni oħra fuq dawn l-oġġetti, jiġifieri "liga ta' deheb", li hija inqas magħrufa mill-konsumaturi u hija stmata inqas. Din id-dispożizzjoni tista' tirrendi l-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn l-oġġetti ħafna aktar diffiċli fi Franza u għaldaqstant, ta' l-inqas indirettament, tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Konsegwentement, jekk ma jistgħux jiġu ġġustifikati b'għan ta' interess ġenerali, ir-regoli ta' denominazzjoni in kwistjoni jikkostitwixxu miżuri b'effett ekwivalenti, ipprojbiti mill-Artikolu 28 KE.
6 Il-Kummissjoni tqis li l-imsemmija regoli ta' denominazzjoni mhumiex neċessarji sabiex jassiguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-kummerċ ġust, u li mhumiex iġġustifikati fir-rigward ta' l-Artikolu 28 KE. Fil-fatt, ikun biżżejjed li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli ta' tikkettar xieraq li jassiguraw li tiġi mogħtija informazzjoni korretta dwar il-kwantità eżatta ta' deheb fl-oġġetti differenti offerti għall-bejgħ.
7 Il-Gvern Franċiż jiċħad li l-eżistenza ta' żewġ kategoriji ta' oġġetti jista' jkollha effett kunsiderevoli fuq il-kummerċ intrakomunitarju. Peress li ma wrietx l-eżistenza ta' effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li jiggrava fuqha f'rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.
8 Għall-Gvern Franċiż, l-eżistenza ta' żewġ ismijiet, "deheb" u "liga ta' deheb", li jikkorrispondu għal tipi ta' oġġetti li fihom kwantitajiet essenzjalment differenti ta' deheb, tissodisfa l-bżonn li l-konsumaturi jiġu informati sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tagħhom. Dan huwa għan ta' interess ġenerali li jista' jiġġustifika miżura relatata mad-denominazzjoni ta' oġġetti fid-dawl ta' l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 28 KE.
9 Barra minn hekk, is-sistema ta' denominazzjoni doppja tassigura li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni aħjar minn dik proposta mill-Kummissjoni, jiġifieri t-tikkettar li jindika biss il-kwantità ta' deheb fl-oġġetti. Din is-sistema ta' l-aħħar tagħti lill-konsumaturi informazzjoni teknika li mhijiex ipproċessata filwaqt li d-denominazzjoni doppja tmur lil hinn minn dan billi tagħti informazzjoni, li hija diġà faċli biex tinftiehem, fir-rigward tal-kwalità tal-prodotti in kwistjoni.
10 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li s-sistema ta' denominazzjoni li tirriżulta mill-Arikolu 522a tas-CGI mhijiex kuntrarja għall-Artikolu 28 KE.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
11 Skond ġurisprudenza stabbilita, kull miżura li tista' tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi u, fuq din il-bażi, hija pprojbita mill-Artikolu 28 KE (ara s-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5, u tal-11 ta' Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C-322/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 66).
12 Il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma tiġi kontradetta mill-Gvern Franċiż, li l-oġġetti li fihom id-deheb b'finezza milleżimali ta' 375 jew 585 huma kkummerċjalizzati legalment taħt id-denominazzjoni "deheb" fl-Istat Membri l-oħra apparti Franza.
13 Hemm qbil li d-denominazzjoni "liga ta' deheb" hija inqas attraenti għall-konsumaturi mid-denominazzjoni "deheb".
14 L-obbligu li dawn l-oġġetti jiġu mibjugħa taħt id-denominazzjoni "liga ta' deheb", impost mill-Artikolu 522a tas-CGI, minkejja li fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom huma kkummerċjalizzati taħt id-denominazzjoni "deheb" jista', f'dawn iċ-ċirkustanzi, jostakola l-kummerċ intrakomunitarju.
15 Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni tas-CGI għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva skond l-Artikolu 28 KE, mingħajr m'huwa neċessarju li tinġab prova li hija kellha effett kunsiderevoli fuq il-kummerċ intrakomunitarju.
16 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni bħal din tistax, madankollu, tkun iġġustifikata fir-rigward tad-dritt Komunitarju, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata fin-nuqqas ta' regoli komuni jew armonizzati u li hija applikabbli b'mod indistint għall-prodotti nazzjonali u għall-prodotti importati mill-Istati Membri l-oħra, tista' tkun kompatibbli mat-Trattat safejn din hija neċessarja sabiex tissodisfa eżiġenzi imperattivi li jirrigwardaw, b'mod partikolari, il-kummerċ ġust u l-protezzjoni tal-konsumaturi, safejn hija pproporzjonata għall-għan li jrid jintlaħaq u safejn dan l-għan ma jistax jintlaħaq b'miżuri li huma inqas restrittivi fuq il-kummerċ intrakomunitarju (ara s-sentenza tal-5 ta' Diċembru 2000, Guimont, C-448/98, Ġabra p. I-10663, punt 27).
17 Hemm qbil li d-denominazzjonijiet li għandhom jintużaw sabiex jiġi indikat il-proporzjon ta' metal prezzjuż li jinsab fl-oġġetti kif ukoll il-mod ta' kif dan jiġi indikat mhumiex, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, armonizzati. Hemm qbil ukoll li l-Artikolu 522a tas-CGI huwa applikabbli b'mod indistint għall-prodotti Franċiżi u għall-prodotti importati minn Stati Membri oħra.
18 Barra minn hekk, għandu jiġu ammess li d-dispożizzjoni in kwistjoni tas-CGI hija intiża sabiex tassigura l-kummerċ ġust u l-protezzjoni tal-konsumaturi.
19 Madankollu, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni timponi, fir-rigward ta' l-oġġetti li għandhom iż-żewġ livelli ta' purità l-aktar baxxi kkummerċjalizzati fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut lil individwi, denominazzjoni doppja superfluwa peress li hija timponi l-użu, mhux biss tal-finezza ta' l-oġġett, li tagħti informazzjoni oġġettiva dwar il-livell ta' purità tiegħu, iżda wkoll tad-denominazzjoni "liga ta' deheb" li tikkostitwixxi informazzjoni ħafna inqas preċiża dwar dan l-istess aspett.
20 Minn dan jirriżulta li s-sistema ta' denominazzjoni doppja prevista fl-Artikolu 522a tas-CGI mhijiex proporzjonata għall-għan li jiġi assigurat il-kummerċ ġust u l-protezzjoni tal-konsumaturi, u li dan l-għan jista' jintlaħaq permezz ta' miżuri inqas restrittivi fuq il-kummerċ intrakomunitarju.
21 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi rriżervat id-denominazzjoni "deheb" għall-oġġetti b'finezza milleżimali ta' 750, filwaqt li l-oġġetti b'finezza milleżimali ta' 375 jew 585 tathom id-denominazzjoni "liga ta' deheb", ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE
Fuq l-ispejjeż
22 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Franċiża tiġi ordnata tbati l-ispejjeż u peress li din tilfet il-kawża fir-rigward tal-motivi tagħha, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla )
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi rriżervat id-denominazzjoni "deheb" għall-oġġetti b'finezza milleżimali ta' 750, filwaqt li l-oġġetti b'finezza milleżimali ta' 375 jew 585 tathom id-denominazzjoni "liga ta' deheb", ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE.
2) Ir-Repubblika Franċiża hija ordnata tbati l-ispejjeż.
Timmermans
Puissochet
Cunha Rodrigues
Schintgen
Colneric
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fit-8 ta' Lulju 2004.
R. Grass
C. W. A. Timmermans
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Full & Egal Universal Law Academy