SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
13 ta' Jannar 2005 (*)
"Appell – Xi ħadd li qabel kien uffiċjal – Talba għal pensjoni ta' invalidità – Kundizzjonijiet għall-għoti"
Fil-kawża C-181/03 P
li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-25 ta' April 2003,
Albert Nardone, li qabel kien uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f'Piétrain (il-Belġju), irrappreżentat minn I. Kletzlen, Avukat,
rikorrent
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn J. Currall, bħala aġent,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta (Relatur), S. von Bahr u K. Schiemann, Imħallfin
Avukat Ġenerali: L .M. Poiares Maduro,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Mejju 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta' Ġunju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' l-appell tiegħu, A. Nardone jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta' Frar 2003, Nardone vs Il-Kummissjoni (T-59/01, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑323, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha hija ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-20 ta' Marzu 2000 li tirrifjutalu l-għoti ta' pensjoni ta' invalidità (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").
Il-kuntest ġuridiku
2 L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar il-quddiem "ir-Regolamenti") jipprovdi:
"Uffiċjal għandu jkun intitolat, fil-mod ipprovdut fl-Artikoli 13 sa 16 ta' l-Annes VIII, għall-pensjoni ta' invalidità fil-każ ta' invalidità totali permanenti, li ma tħallihx jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jikkorrispondu għall-pożizzjoni fil-bracket tal-karriera tiegħu."
3 L-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti jipprovdi kif ġej:
"Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(1), uffiċjal li għandu anqas minn 65 sena li fi kwalunkwe żmien li fih ikun qed jakkwista drittijiet għal pensjoni ikun rikonoxxut mill-Kumitat ta' l-Invalidita bħala li qed isofri minn invalidita permanenti totali li tiprevenih milli jwettaq id-doveri li jikkorispondu ma post fil-bracket tal-karriera tiegħu, u li jkun obbligat li jispiċċa s-servizz tiegħu mal-Komunitajiet għal dawn ir-raġunijiet ikun intitolat, sakemm tibqa din l-inkapaċita, għal pensjoni ta' invalidita kif prevista mill-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal.
Pensjoni ta' l-invalidita u ta' l-irtirar m' għandhomx jiġu mħallsa flimkien."
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4 A. Nardone, li beda jaħdem ma' l-Awtorità Għolja tal-KEFA fl-1963 bħala persunal lokali u wara sar uffiċjal f'pożizzjoni mal-Kummissjoni, irriżenja mid-dmirijiet tiegħu b'ittra tat-18 ta' Diċembru 1981, b'effett mill-31 ta' Diċembru 1981.
5 Fit-18 ta' Novembru 1999, huwa ppreżenta talba għall-għoti ta' pensjoni ta' invalidità b'applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 78 tar-Regolamenti.
6 Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba, mingħajr ma kkonsultat il-Kumitat ta' l-Invalidità, minħabba li A. Nardone ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti, previsti fl-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti.
7 Fit-23 ta' Mejju 2000 A. Nardone ppreżenta lment kontra d-deċiżjoni kkontestata, skond l-Artikolu 90 tar-Regolamenti. Dan l-ilment kien is-suġġett ta' deċiżjoni impliċita ta' rifjut, fit-23 ta' Diċembru 2000. Deċiżjoni espliċita ta' rifjut ittieħdet fil-15 ta' Diċembru 2000.
8 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Marzu 2001, A. Nardone ressaq rikors li għandu bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
Is-sentenza kkontestata
9 Fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza A. Nardone sostna li l-Kummissjoni kienet użat ħażin is-setgħa tagħha billi ċaħdet it-talba tiegħu għall-għoti ta' pensjoni ta' invalidità tat-18 ta' Novembru 1999 mingħajr ma laqqat il-Kumitat ta' l-Invalidità, li huwa l-uniku kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq din it-talba skond l-Artikolu 53 tar-Regolamenti.
10 Barra minn hekk, ir-rikorrent għamel referenza għas-sentenza tas-17 ta' Mejju 1984, Bähr vs Il-Kummissjoni (12/83, Ġabra p. 2155), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li uffiċjal li għal numru ta' snin ikun waqaf milli jeżerċità d-dmirijiet tiegħu u li għandu marda li, kieku kien għadu qed jeżerċità d-dmirijiet tiegħu ma tippermettilux li jeżerċithom, ma għandux dritt li jitlob, għal din ir-raġuni biss, li tinbeda l-proċedura ta' invalidità. Minn dan huwa kkonkluda li pensjoni ta' invalidità għandha tkun tista' tiġi mogħtija lil persuna li qabel kienet uffiċjal, minkejja l-fatt li huwa rriżenja mid-dmirijiet tiegħu, sakemm jipprovdi ġustifikazzjoni medika suffiċjenti.
11 Barra minn hekk, A. Nardone enfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istess sentenza, kienet ikkunsidrat, li l-Kummissjoni tonqos milli twettaq l-obbligu tagħha li tikkonsulta ma' Kumitat ta' l-Invalidità fil-mument tar-riżenja ta' uffiċjal, meta huwa stabbilit li l-invalidità finali li laqtitu għandha rabta diretta u immedjata ma' l-istat ta' saħħa tiegħu fil-mument li fih huwa waqaf mid-dmirijiet tiegħu.
12 Sabiex tiġġustifika l-fondatezza tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni osservat li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' pensjoni ta' invalidità, ipprovduti fl-Artikoli 78 tar-Regolamenti u 13 ta' l-Anness VIII ta' l-istess Regolamenti, ma kinux sodisfatti f'din il-kawża. B'mod partikolari, hija sostniet li, skond il-kliem użat fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq u l-interpretazzjoni tagħhom li waslu għaliha s-sentenzi Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Ġunju 1999, Coussios vs Il-Kummissjoni (T-295/97, ĠabraSP p. I‑A‑103 u II‑577), "biss l-uffiċjal li huwa obbligat jispiċċa l-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu minħabba l-impossibbiltà li fiha huwa jinsab li jkompli jeżerċithom minħabba l-istat ta' invalidità tiegħu jista' jkun is-suġġett ta' proċedura ta' invalidità".
13 Barra minn hekk hija enfasizzat li jekk il-Kumitat ta' l-Invalidità huwa l-uniku korp awtorizzat jikkonstata l-eżistenza ta' invalidità skond l-Artikolu 78, dan ta' l-aħħar huwa kompetenti għal dan il-għan biss matul il-perjodu ta' attività professjonali ta' l-uffiċjal.
14 F'dak li jikkonċerna l-allegat użu ħażin ta' setgħa tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 29 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba għall-għoti ta' pensjoni ta' invalidità ppreżentata minn A. Nardone minħabba raġunijiet marbuta mal-fatt li, manifestament, ma kinux sodisfatti l-kundizzjonijiet ta' dritt relatati mas-sitwazzjoni amministrattiva, u mhux medika tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza qiset li l-Kummissjoni ma kinitx użat ħażin is-setgħa tagħha billi ċaħdet it-talba ta' A. Nardone mingħajr ma laqqat il-Kumitat ta' l-Invalidità, peress illi dan ta' l-aħħar huwa kompetenti biss biex isolvi kwistjonijiet ta' ordni mediku u mhux kwistjonijiet ġuridiċi.
15 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-interpretazzjoni tas-sentenza Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza, enfasizzat, fil-punt 31 tas-sentenza kkontestata, li biss l-uffiċjal li huwa obbligat jispiċċa l-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu minħabba l-impossibbiltà li fiha huwa jinsab li jkompli jeżerċithom minħabba l-istat ta' invalidità tiegħu jista' jkun is-suġġett ta' proċedura ta' invalidità" (sentenzi ċċitati iktar il-fuq Bähr vs Il-Kummissjoni, punt 12 u Coussios vs Il-Kummissjoni, punt 37).
16 F'dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret, fil-punt 32 tas-sentenza li "uffiċjal li temm il-dmirijiet tiegħu u li għandu marda li, kieku kien għadu qed jeżerċità d-dmirijiet tiegħu ma tippermettilux li jeżerċithom, ma għandux dritt li jitlob, għal din ir-raġuni biss, li tinbeda l-proċedura ta' invalidità (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Bähr vs Il-Kummissjoni, punt 13, u Coussios vs Il-Kummissjoni punt 38). Barra minn hekk il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li r-rikorrent, billi rriżenja fl-1981 u ppreżenta t-talba tiegħu għal pensjoni ta' invalidità fl-1999, kien f'din is-sitwazzjoni.
17 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 33 tas-sentenza kkontestata ddeċidiet, li A. Nardone, ma ssodisfax lanqas it-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi mitluba mill-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolament, skond liema l-uffiċjal li jitlob li jingħata pensjoni ta' invalidità għandu jkun qiegħed jakkwista drittijiet għal pensjoni fil-mument meta l-Kumitat ta' l-Invalidità jirrikonoxxi li qed jsofri minn invalidità permanenti kkunsidrata bħala total, peress illi huwa rriżenja mill-pożizjoni ta' uffiċjali tiegħu fl-1981.
18 Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 34 tas-sentenza kkontestata li peress illi ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet mitluba mill-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti ma ġew sodisfatti, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni għandha, bħala regola, tiġi miċħuda.
19 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li ċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, kienu differenti ħafna minn dawk ta' din il-kawża. Fil-fatt P. Bähr kien żamm l-istatus tiegħu ta' "uffiċjal" wara li spiċċaw id-dmirijiet tiegħu, fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEFA, KEE) Nru 2530/72 ta' l-4 ta' Diċembru 1972, li jintroduċi miżuri speċjali applikabbli għar-reklutaġġ ta' uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej bħala konsegwenza ta’ l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda u għat-terminazzjoni tas-servizz ta' uffiċjali ta' dawn il-Komunitajiet (ĠU L 272, p.1). Għaldaqstant, b'differenza għal A.Nardone, P. Bähr kompla jħallas kontribuzzjonijiet sabiex jakkwista drittijiet għal pensjoni (ara s-sentenza Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq punti 5 u 8) u, għaldaqstant, sabiex jissodisfa din il-kundizzjoni ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti.
20 Fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li, f'kull każ, il-Kummissjoni m'għandha l-ebda obbligu li tivverifika l-istat ta' saħħa tar-rikorrent, mill-Kummitat ta' l-Invalidità, fil-mument li fih huwa rriżenja mid-dmirijiet tiegħu u telaq minn mal-Komunitajiet.
21 F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat, fil-punt 38 tas-sentenza kkontestata, li ma jirriżulta la mis-sentenza Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, u lanqas minn ebda sors ieħor tad-dritt Komunitarju li jeżisti obbligu ġenerali għal Istituzzjoni Komunitarja li tivverifika l-kapaċità għax-xogħol ta' uffiċjal f'każ ta' tluq volontarju.
22 Barra minn hekk, fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret li, safejn fis-sentenza tagħha Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar il' fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huwa fiż-żmien tat-tmiem tad-dmirijiet li l-Istituzzjoni għandha, skond il-każ, l-obbligu li tlaqqa Kumitat ta' l-Invalidità, id-domanda dwar jekk kinx hemm lok jew le li jitlaqqa il-Kumitat ta' l-Invalidità fil-każ tar-rikorrent għandha tiġi evalwata abbażi biss ta' l-elementi li l-Istituzzjoni kellha fiż-żmien meta rriżenja, jiġifieri fl-1981.
23 F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punti 40 u 41 tas-sentenza kkontestata:
"40. Jekk uffiċjal jikkunsidra li l-istat ta' saħħa tiegħu jimponilu li jħalli d-dmirijiet tiegħu, huwa hu li għandu l-obbligu li jippreżenta, qabel it-tluq tiegħu, talba, skond l-Artikolu 90 tar-Regolamenti, intiża sabiex tingħata pensjoni ta' invalidità taħt l-Artikolu 78. F'din il-kawża, jirriżulta mir-rikors li r-rikorrent kien ilu mħasseb ħafna fuq l-istat ta' saħħa tiegħu sa mis-snin 70 u li rriżenja fl-1981, b'mod partikolari minħabba li kien konvint li l-kundizzjonijiet perikolużi tax-xogħol li kien qed jaħdem fihom kienu qed jagħmlu ħsara lil saħħtu. Peress illi l-uffiċjali huma meqjusa li jafu d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (ara, per eżempju s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Ottubru 2000, Drabbe vs Il-Kummissjoni, T-27/99, ĠabraSP p. I‑A‑213 u II‑955), uffiċjal li jinsab f'tali sitwazzjoni għandu jagħmel użu minn tali possibbiltà jekk huwa jixtieq jibbenefika minn pensjoni ta' invalidità. Jekk hu jonqos li jagħmel hekk, hu jonqos milli jilħaq il-livell ta' diliġenza mitlub, speċjalment minħabba li huwa jitqies li jaf l-istorja medika tiegħu u l-istat fiżiku tiegħu aħjar mill-Istituzzjoni kkonċernata, fil-mument tar-riżenja tiegħu. Għaldaqstant, barra f'ċirkustanzi eċċezzjonali, Istituzzjoni ma tistax tiġi kkritikata, għal ta' lanqas fil-każ fejn uffiċjal jitlaq volontarjament minn xogħlu mingħajr ma l-Istituzzjoni titolbu jitlaq, li ma laqqatx ex ufficio Kumitat ta' l-Invalidità meta l-persuna kkonċernata ma għamlitx hija stess talba f'dan ir-rigward.
41. Il-passat mediku serju ħafna ta' P.Bähr, jiġifieri l-ewwel attakk tal-qalb li hu sofra sitt snin qabel ma spiċċa mid-dmirijiet tiegħu, kien fatt kostanti fil-kawża tiegħu (sentenza Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitatat iktar il-fuq punt 14, in fine). F'din il-kawża, jekk jirriżulta mill-proċess li r-rikorrent kien ilmenta lill-uffiċjal mediku ta' l-Istituzzjoni, dwar l-istat ta' saħħa tiegħu, u b'mod partikolari dwar il-fatt li ta' spiss kinet taqbdu bronkite, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet perikolużi tax-xogħol tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kienet taf bl-ebda passat mediku li kien ta' gravità tali li jista' jitqabbel ma' l-ewwel attakk tal-qalb ta' P.Bähr li jippermentti lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li hija kellha, minkejja li hu ma talabx hekk, tlaqqa' Kumitat ta' l-Invalidità ex ufficio fil-mument tar-riżenja tiegħu (sentenza Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar il-fuq punt 15). F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li waqt is-seduta l-avukat tar-rikorrent afferma li dan ta' l-aħħar stess ignora fl-1981, l-importanza ta' l-effetti fuq is-saħħa tiegħu tat-trab li hu kien bela' u li dan in-nuqqas ta' għarfien baqa' sejjer sa l-1992."
24 Fl-aħħar, fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li, l-eżistenza ta' rabta, jekk din tiġi stabbilita, bejn l-istat ta' saħħa tar-rikorrent meta ssottometta t-talba tiegħu fit-18 ta' Novembru 1999 u l-istat ta' saħħa tiegħu meta spiċċa mid-dmirijiet tiegħu, ma tistax tikkostitwixxi prova biżżejjed li l-Kummissjoni kien imissha laqqat il-Kumitat ta' l-Invalidità fl-1981.
25 Fid-dawl ta' dak li intqal qabel, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda, peress illi l-pensjoni ta' invalidità ma setgħatx tingħata lir-rikorrent fiċ-ċirkustanzi tal-każ.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
26 Permezz ta' talba ppreżentata fir-Reġistru fil-25 ta' April 2003, A. Nardone talab il-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas skond l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
27 Permezz ta' digriet tas-6 ta' Frar 2004 il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħat it-talba tiegħu.
28 A. Nardone jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
prinċipalment:
– tiddikjara l-appell ammissibli u fondat;
– tannulla s-sentenza kkontestata fit-totalità tagħha;
alternattivament:
– tannulla d-deċiżjoni espliċita ta' l-Awtorità tal-Ħatra tal-15 ta' Diċembru 2000 li tiċħad it-talba ppreżentata minn A. Nardone fit-23 ta' Mejju 2000 dwar l-għoti ta' pensjoni ta' invalidità;
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata li tiċħad it-talba ta' A. Nardone tat-18 ta' Novembru 1999, dwar l-għoti ta' pensjoni ta' invalidità, b'applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 78 tar-Regolamenti;
F'kull każ:
– tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond id-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regoli tal-Proċedura.
29 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:
– tiddikjara inammissibbli jew għal ta' lanqas mhux fondat l-appell imressaq mir-rikorrent kontra s-sentenza kkontestata;
– tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż ta' l-appell.
Fuq l-Appell
Fuq l-ewwel motiv
L-argumenti tal-partijiet
30 Permezz ta' l-ewwel motiv tiegħu, A. Nardone jilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, peress illi huwa kien irriżenja fl-1981 u ppreżenta t-talba tiegħu għall-għoti ta' pensjoni ta' invalidità fl-1999, huwa ma kinx jinstab fis-sitwazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti, ta' l-uffiċjal li huwa obbligat jispiċċa l-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu minħabba l-impossibbiltà li huwa jinsab fiha li jkompli jeżerċithom minħabba l-istat ta' invalidità tiegħu.
31 Huwa jqis li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma interpretatx b'mod tajjeb is-sentenza Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, u jippretendi li għandu dritt, attwalment, għall-ftuħ ta' proċedura ta' invalidità safejn xi uħud mill-patoloġiji tiegħu, li ġew meqjusa bħala mard professjonali, kienu jrenduh inkapaċi li jeżerċita d-dmirijiet tiegħu kieku huwa kien għadu jeżerċithom.
32 Fil-fatt minkejja li ma bediex il-proċedura ta' invalidità pprovduta fl-Artikoli 78 tar-Regolamenti u 13 ta' l-Anness ta' l-istess Regolamenti, fil-mument tat-tmiem tad-dmirijiet tiegħu, minħabba li ma kienx jaf l-istat ta' saħħa tiegħu f'dan il-perijodu, ir-rikorrent isostni li l-fattur ġuridiku determinanati sabiex tinbeda din il-proċedura qiegħed fir-rabta kawżali bejn l-istat ta' saħħa ta' l-uffiċjal matul il-perjodu li fih kien f'servizz u l-istat ta' saħħa tiegħu fil-mument wara t-tmiem definittiv tad-dmirijiet tiegħu.
33 Il-Kummissjoni tqis li l-opinjoni tar-rikorrent ma ssegwix il-kliem ċar u preċiż ta' l-Artikolu 13 ta' l-Anness tar-Regolamenti. Skond din id-dispożizzjoni l-pensjoni ta' invalidità imsemmija fl-Artikolu 78 ta' l-istess Regolamenti tista' tingħata biss lil uffiċjal li qed isofri minn invalidita permanenti totali li tiprevenih milli jwettaq id-dmirijiet li jikkorispondu ma' post fil-bracket tal-karriera tiegħu, jekk dan l-uffiċjal, għal din ir-raġuni, jkun obbligat li jispiċċa s-servizz tiegħu mal-Komunitajiet.
34 Il-Kummissjoni, hija u tenfasizza li r-rikorrent temm id-dmirijiet tiegħu fl-1981, issostni li, anki minħabba invalidita permanenti totali, huwa impossibbli li "jkun obbligat jispiċċa s-servizz tiegħu mal-Komunitajiet", peress illi dan is-servizz intemm definittivament.
35 Skond il-Kummissjoni, jirriżulta mis-sentenza Bähr vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar 'il fuq, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti, li uffiċjal li temm id-dmirijiet tiegħu ħafna snin ilu u li qed isofri minn marda li tiprevenih milli jwettaq id-dmirijiet tiegħu li kieku hu kien għadu jeżerċithom, m'għandux id-dritt, għal din ir-raġuni biss, li jitlob li tinbeda l-proċedura ta' invalidità. Barra minn hekk, huwa jrid ikun ġie "obbligat jispiċċa s-servizz tiegħu mal-Komunitajiet".
36 Hija tosserva li huwa fil-mument tat-tmiem tad-dmirijiet li l-Istituzzjoni, għandha f'ċerti ċirkustanzi, l-obbligu li tlaqqa' Kumitat ta' l-Invalidità. Għaldaqstant, fil-każ tar-rikorrent, tali kwistjoni kellha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-elementi li l-Istituzzjoni kellha fiż-żmien tar-riżenja tar-rikorrent, jiġifieri fl-1981. Issa, il-Kummissjoni ssostni li fl-1981, fiż-żmien tar-riżenzja tar-rikorrent, hija ma kellhiex, u lanqas setgħet, tlaqqa' Kumitat ta' l-Ivalidità peress illi l-istat ta' saħħa tar-rikorrent f'dak iż-żmien ma kienx jiġġustifika tali miżura. F'dan ir-rigward hija tosserva li l-istess rikorrent jirrikonoxxi li fl-1981 ma kinx jaf bil-patoloġiji li setgħu jeffettwaw l-istat ta' saħħa tiegħu. A fortiori, il-Kummissjoni ma setgħetx tkun taf bihom u ma kellha ebda raġuni li tlaqqa', f'din id-data, Kumitat ta' l-Invalidità.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
37 Preliminarjament għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma jikkontestax id-deċiżjoni kkontestata safejn din iddeċidiet li l-Kummissjoni ma naqqsitx milli twettaq wieħed mill-obbligi tagħha billi naqset milli tikkonsulta mal-Kumitat ta' l-Invalidità fil-mument tat-tmiem tad-dmirijiet tiegħu, fl-1981.
38 Il-kwistjoni tibqa' dwar jekk, kif isostni r-rikorrent, din il-konsultazzjoni kellhiex titwettaq, wara t-tmiem tad-dmirijiet tiegħu, fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba tiegħu għal pensjoni ta' invalidità, fl-1999.
39 F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-kliem ċar ta' l-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti, li jistabbilixxi skond l-Artikolu 78 ta' l-istess Regolamenti il-kundizzjonijiet li fihom uffiċjal għandu dritt għal pensjoni ta' invalidità, li l-uffiċjal biss li huwa obbligat jispiċċa l-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu minħabba l-impossibbiltà li fiha huwa jinsab li jkompli dan l-eżerċizzju minħabba l-istat ta' invalidità tiegħu, jista' jkun is-suġġett tal-proċedura ta' invalidità (sentenza Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar il-fuq, punt 12).
40 Minn dan jirriżulta li uffiċjal li temm il-funzjonijiet tiegħu ħafna snin ilu u li qed ibati minn marda li ma tħallihx jeżerċita d-dmirijiet tiegħu li kieku kien għadu qed jeżerċithom, m'għandux, għal din ir-raġuni biss, id-dritt li jitlob li tinbeda proċedura ta' invalidità (sentenza Bähr vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar il-fuq, punt 13).
41 F'din il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza konstatat li A. Nardone rriżenja volontarjament mid-dmirijiet tiegħu permezz ta' ittra tat-18 ta' Ottubru 1981, mingħajr ma ddikjara problemi ta' saħħa jew talab eżami ta' l-istat ta' saħħa tiegħu mill-Kumitat ta' l-Invalidità. Huwa biss 18-il sena wara, fl-1999, li r-rikorrent ressaq talba għal pensjoni ta' invalidità.
42 Fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni ta' fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 30 sa 32 tas-sentenza kkontestata, ddeċidiet ġustament li r-rikorrent ma kienx jinsab fis-sitwazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII ta' l-istess Regolamenti, ta' uffiċjal li huwa obbligat jispiċċa l-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu minħabba l-impossibbiltà li huwa jinsab fiha li jkompli dan l-eżerċizzju minħabba l-istat ta' invalidità tiegħu.
43 F'dawn iċ-ċirkustanzi l-ewwel motiv mhuwiex fondat u għaldaqstant għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv
L-argumenti tal-partijiet
44 Permezz tat-tieni motiv, A. Nardone jsosnti li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet b'mod żbaljat li huwa ma kinx jisodissfa lanqas it-tieni miż-żewġ kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti, skond liema l-uffiċjal li jitlob li jingħata pensjoni ta' invalidità għandu jkun qiegħed jakkwista drittijiet għal pensjoni. Fil-fatt ir-rikorrent iqis li qiegħed jakkwista drittijiet għal pensjoni skond l-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti, peress illi, fit-tmiem tad-dmirijiet tiegħu, huwa bbenefika minn għotja għat-tluq skond l-Artikolu 12 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti.
45 Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta' dan il-motiv, li skond hija ġie ppreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
46 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv mhuwiex fondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
47 Għandu jiġi osservat, kif għamlet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 33 tas-sentenza kkontestata, li l-Artikolu 13 ta' l-Anness VIII tar-Regolamenti jimponi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn dan jirriżulta li, billi kkonstatat, f'dan l-istess punt 33, li r-rikorrent ma ssodisfax it-tieni minn dawn il-kundizzjonijiet wara li wriet, fil-punti 30 sa 32, li huwa ma kinx jissodisfa l-ewwel waħda, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza kienet żejda.
48 Peress illi t-tieni motiv huwa dirett kontra motiv żejjed tas-sentenza kkontestata, dan għandu jiġi miċħud bħala bla effett (ara b'mod partikolari s-sentenza tat- 22 ta' Novembru 1993, Pincherle vs Il-Kummissjoni C-244/91 P, Ġabra p. I‑6965, punti 25 u 31, u d-digriet tat-12 ta' Diċembru 1996, Progoulis vs Il-Kummissjoni C-49/96P, Ġabra p. I‑6803, punt 27).
Fuq l-ispejjeż
49 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell taħt l-Artikolu 118 ta' dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 70 ta' dawn ir-Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-Istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Madankollu, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 122 ta' dawn l-imsemmija Regoli, l-Artikolu 70 mhuwiex applikabbli f'każ ta' appell mressaq minn uffiċjal jew impjegat ieħor ta' Istituzzjoni kontra l-istess Istituzzjoni. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi li:
1) L-appell huwa miċħud.
2) A. Nardone huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy