Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Partijiet
Fil-kawża C-191/03
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill- Labour Court (l-Irlanda), permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' April 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Mejju 2003, fil-kawża
North Western Health Board
vs
Margaret McKenna,
IL-QORTI (it-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C.Gulmann (Relatur) u R. Schintgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Ġunju 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
- għal North Western Health Board, minn A. Collins, SC, u A. Kerr, BL,
- għal McKenna, minn D. Connolly, SC, u M.Bolger, BL,
- għall-Irlanda , minn E. Regan u S.Belshaw, BL,
- għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn A. Cingolo, avukat ta' l-Istat,
- għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
- għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn K. Smith, barrister ,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M.J. Jonczy u N. Yerrell, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-2 ta' Diċembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Motivi tas-sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE, tad-Direttiva 75/117/KEE tal-Kunsill, ta' l-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU L 45, p. 19), kif ukoll id-Direttiva (76/207/KEE) tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p.40).
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn North Western Health Board (iktar 'l quddiem il-"Bord") u s-Sinjura McKenna, l-impjegata tiegħu, dwar somma tal-paga li din irċeviet matul assenza minħabba mard marbut mat-tqala u t-tnaqqis ta' l-assenza min-numru totali massimu tal-ġranet ta' leave għal mard bi ħlas li impjegat għandu dritt għalihom matul perijodu determinat.
Il-kuntest Ġuridiku
3. L-Artikolu 141(1) u (2) jipprovdi:
"1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, għandu jkun applikat.
2. Għall-iskop ta' dan l-Artikolu, paga' tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in-natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impieg tiegħu, minngħand min iħaddmu..
[...]"
4. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1, tad-Direttiva 75/117 jipprovdi:
"Il-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa deskritt fil-qosor fl-Artikolu 119 tat-Trattat, il quddiem imsejjaħ prinċipju ta' paga ndaqs', ifisser, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess għar-rigward ta' l-aspetti kollha u kundizzjonijiet ta' ħlas."
5. L-Artikolu 3 ta' l-istess Direttiva jipprovdi li:
"L-Istati Membri għandhom ineħħu għal kollox kull diskriminazzjoni bejn irġiel u nisa li toħroġ minn liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi, li huma kuntrarji għall-prinċipju ta' paga ndaqs."
6. L-Artikolu 4 jippreċiża:
"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li disposizzjonijiet li jidhru fi ftehim kollettiv, skali ta' paga, ftehim fuq pagi jew kuntratti ta' impjieg individwali li huma kuntrarji għall-prinċipju ta' paga ndaqs għandhom jew jistgħu jiġu dikjarati nulli u bla effett jew jistgħu ikunu emendati."
7. Skond l-Artikolu 1 (1) tad-Direttiva 76/207 l-iskop tad-direttiva huwa "li jdaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri l-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u taħriġ professjonali u għal dak li għandu x'jaqsam ma' kundizzjonijiet tax-xogħol u, skond il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sigurtà soċjali [...]".
8. L-Artikolu 2 ta' l-istess Direttiva jistabbilixxi:
"1. Għall-iskopijiet tad-disposizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir riferenza għall-istat maritali jew tal-familja.
[...]
3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar it-tqala u l-maternità.
[...]"
9. L-Artikolu 5 ta' l-istess Direttiva jirregola l-ugwaljanza fit-trattament f'dak li jikkonċerna il-kundizzjonijiet tax-xogħol bil-mod li ġej:
"1. L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess kundizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess.
2. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li:
a) il-liġijiet kollha, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew;
b) id-disposizzjonijiet kollha li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali li huma inklużi fi ftehim kollettiv, kuntratti individwali ta' xogħol, regoli interni ta' impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħol indipendenti u l-professjonijiet huma, jew jistgħu jiġu ddikjarati, nulli u bla effet jew jistgħu jiġu emendati;
[...]"
10. Id-Direttivi 75/117 u 76/207 huma trasposti fil-liġi Irlandiża permezz tal-liġi dwar l-ugwaljanza fil-materja ta' l-impjiegi (Employment Equality Act) ta' l- 1998.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11. Is-Sinjura McKenna, impjegata fis-settur pubbliku Irlandiż mill-Bord, inqabdet tqila fix-xahar ta' Jannar 2000. Kważi matul il-perijodu kollu tat-tqala tagħha, hi kienet bil- leave għal mard fuq parir mediku, minħabba kundizzjoni patoloġika marbuta mat-tqala tagħha.
12. Fil-kuntest tas-sistema tal-Bord f'dak li għandu x'jaqsam mal- leave għal mard, il-membri tal-persunal ta' dan il-Bord għandhom dritt għal 365 ġurnata ta' leave għal mard bi ħlas matul kull perijodu ta' 4 snin. 183 ġurnata ta' assenza f'perijodu ta' 12-il xahar huma il-massimu li jistgħu jitħallsu bi ħlas sħiħ. Il-ġranet tal- leave għal mard supplementari meħuda matul dan l-istess perijodu ta' 12-il xahar jitħallsu bin-nofs, fil-limitu ta' 365 ġurnata ta' leave għal mard bi ħlas matul kull perijodu ta' erba' snin.
13. Is-sistema in kwistjoni ma tiddistingwix bejn il-kundizzjonijiet patoloġiċi marbuta mat-tqala u l-mard li mhux marbut mat-tqala. Taħt din is-sistema l-assenza mix-xogħol minħabba l-ewwel kundizzjoni titqies bħala leave għal mard li jittieħed fil-każ tat-tieni kondizzjoni, inkwantu l-kundizzjonijiet ġenerali ta' din is-sistema jipprovdu li "l-assenzi kollha maħluqa minn kundizzjoni patoloġika marbuta mat-tqala qabel l-14-il ġimgħa ta' leave għal maternità għandhom jiġu kkunsidrati taħt is-sistema tal- leave għal mard tal-Bord".
14. Bl-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet, is-Sinjura McKenna kienet ġiet ikkunsidrata li eżawriet id-dritt tagħha għal paga sħiħa fis-6 ta' Lulju 2000. Għaldastant il-paga tagħha ġiet imnaqqsa bin-nofs minn din id-data sat-3 ta' Settembru 2000, li hi d-data ta' meta beda l- leave tagħha għal maternità, li kien wassal sal-11 ta' Diċembru 2000.
15. Matul il- leave tagħha għall-maternità, is-Sinjura McKenna irċeviet il-paga kollha, skond ir-regolament applikat għall- Health Boards mill-Ministeru tas-Saħħa u tat-tfal.
16. Meta spiċċa l- leave tagħha għal maternità, McKenna kienet għada mhux fi stat tajjeb biex taħdem minħabba raġunijiet mediċi. Bis-saħħa tas-sistema tal- leave għal mard, il-paga tagħha reġgħet ġiet imnaqqsa mill-ġdid bin-nofs.
17. Is-Sinjura McKenna ikkontestat quddiem l- Equaility Officer l-applikazzjoni tas-sistema tal- leave għal mard għas-sitwazzjoni tagħha.
18. Hi sostniet illi hi soffriet diskriminazzjoni kontra d-Direttiva 76/207, peress li l-kundizzjoni patoloġika marbuta mat-tqala tagħha kienet ġiet meqjusa bħala marda u li l-ġranet ta' assenza tagħha kienu ġew imnaqqsa min-numru totali tal- leave għal mard li hi kellha dritt għalih.
19. Hi sostniet, ukoll, illi t-tnaqqis bin-nofs tal-paga tagħha wara l-perijodu ta' 183 ġurnata meta hi kellha dritt għal paga sħiħa kien jikkostitwixxi trattament inqas favorevoli f'dak li għandu x'jaqsam mal-paga, bi ksur ta' l-Artikolu 141 KE u tad-Direttiva 75/117.
20. Bid-deċiżjoni tat-13 ta' Awwissu 2001, l- Equality Officer laqa' l-argumentazzjoni tas-Sinjura McKenna. Hu ordna li hi tiġi mħallsa l-arretrati tal-paga kkontestata. Huwa alloka wkoll kumpens għad-danni lill-attriċi, minħabba d-diskriminazzjoni li hi soffriet.
21. Il-Bord appella kontra din id-deċiżjoni quddiem il- Labour Court .
22. Din il-Qorti mal-ewwel stqarret, illi min iħaddem huwa emanazzjoni ta' l-Istat, b'mod li Direttiva tista tiġi invokata kontrih.
23. Hija ssottolinejat ukoll illi l-kawża pendenti quddiemha għandha żewġ aspetti. Min-naħa, irid jiġi determinat jekk is-Sinjura McKenna soffrietx trattament ta' inugwaljanza minħabba li l-assenza tagħha kkaġunata minn marda marbuta mall-kundizzjoni tat-tqala tagħha ġiet imnaqqsa miż-żmien totali tad-drittijiet tagħha għall- leave għal mard, bil-konsegwenza li d-drittijiet tagħha għal benefiċċji matul is-snin li ġejjin jistgħu jonqsu jew jintemmu jekk hi terġa' tkun marida fil-futur. Min-naħa l-oħra, irid jiġi eżaminat jekk is-Sinjura McKenna kinetx is-suġġett ta' diskriminazzjoni f'dak li jikkonċerna l-paga minħabba l-fatt li l-paga tagħha tnaqqset bin-nofs wara l-ewwel 183 ġurnata ta' assenza tagħha.
24. F'dan il-kuntest il- Labour Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Sistema tal- leave għal mard li titratta bl-istess mod impjegati li jsofru minn marda marbuta mat-tqala u dawk li jsofru minn kundizzjoni patoloġika taqa' taħt l-ambitu tad-Direttiva 76/207?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, il-fatt li min iħaddem inaqqas perijodu ta' assenza mix-xogħol, minħabba inkapaċità li taħdem kkawżata minn marda marbuta mat-tqala u li seħħet matul it-tqala, mid-drittijiet ta' benefiċċji totali li previsti mis-sistema tal- leave għal mard fil-kuntest ta' kuntratt ta' impjieg, huwa kontra d-Direttiva 76/207?
3) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, id-Direttiva 76/207 teżiġi li min iħaddem ipoġġi skemi speċjali sabiex ikopri l-assenzi mix-xogħol minħabba inkapiċità li wieħed jaħdem kkawżata minn marda marbuta mat-tqala u li seħħet matul din it-tqala?
4) Sistema ta' leave għal mard li titratta [bl-istess mod] impjegati li jsofru minn marda marbuta mat-tqala u dawk li jsofru minn kundizzjoni patoloġika taqa' taħt l-iskop ta' l-Artikolu 141 [KE] u d-Direttiva 75/117?
5) Jekk ir-risposta għar-raba' domanda hija fl-affermattiv, il-fatt li min iħaddem inaqqas il-paga ta' mara wara assenza mix-xogħol għal perijodu stabbilit meta l-assenza hi kkawżata minn inkapaċità li taħdem minħabba marda marbuta mat-tqala u li sseħħ matul ż-żmien tat-tqala, bl-istess mod bħal fil-każ fejn mara li mhix tqila jew raġel li huwa assenti mix-xogħol għall-istess perijodu minħabba inkapaċità li jaħdem ikkawżata minn kundizzjoni purament patoloġika, huwa kontra l-Artikolu 141 [KE] u d-Direttiva 75/117?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u r-raba domandi
25. Fl-ewwel u r-raba domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju fis-sustanza qed tistaqsi, jekk sistema ta' leave għal mard li titratta bl-istess mod ħaddiema nisa li jsoffru minn marda marbuta mat-tqala u l-ħaddiema l-oħra li jsofru minn marda li mhix marbuta mat-tqala taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 76/207 jew taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE u tad-Direttiva 75/117.
26. Is-Sinjura McKenna u l-gvern Taljan jikkunsidraw li sistema bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa' taħt id-Direttiva 76/207, billi din tistabbilixxi li assenzi li jirriżultaw minn marda marbuta mat-tqala għandhom jittieħdu mill- leave għal mard stabbilit għal kawżi oħra, imma taqa' wkoll taħt l-Artikolu 141 KE u taħt id-Direttiva 75/117, billi din twassal għal riduzzjoni fil-paga wara 183 ġurnata ta' assenza minħabba marda marbuta mat-tqala.
27. Il-Bord u kif ukoll il-gvernijiet ta' l-Irlanda, ta' l-Awstrija u tar-Renju Unit isostnu li sistema bħal din taqa' biss taħt l-Artiko lu 141 KE u d-Direttiva 75/117, peress li l-element in kwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda remunerazzjoni skond it-termini ta' dawn id-dispożizzjonijiet u t-tnaqqis fil-paga kkontestat mis-Sinjura McKenna joħroġ direttament u awtomatikament mill-applikazzjoni ta' din is-sistema.
28. Min-naħa l-oħra, l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tirritjeni li l-kwistjoni tirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-effetti fuq ir-remunerazzjoni huma biss indiretti. Għaldaqstant d-Direttiva 76/207 biss hi applikabbli.
29. F'dawn ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kontinwazzjoni tal-ħlas tal-paga ta' ħaddiem f'każ ta' mard taqa' taħt il-kunċett ta' "paga" skond l-Artikolu 141 KE (ara s-sentenza tat-13 ta' Lulju 1989, Rinner-Kühn, 171/88, Ġabra p. 2743, punt 7), kunċett li jikkomprendi kull korrispettiv kemm jekk f'kontanti jew f'oġġetti, kemm jekk immedjat jew fil-futur, basta li l-ħaddiem jirċevieh, anke jekk indirettament, għall-impjieg tiegħu, minn min iħaddmu u irrispettivament jekk irċevihx taħt kuntratt ta' impjieg, jew bis-saħħa ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew fuq bażi volontarja (sentenza tad-19 ta' Novembru 1998, Hj Pedersen et , , Ġabra. p. I-7327, punt 32).
30. Paga skond l-Artikolu 141 KE u Direttiva 75/117 ma tistax taqa' wkoll taħt id-Direttiva 76/207. Fil-fatt, jirriżulta mit-tieni premessa ta' din id-Direttiva illi hi ma tapplikax għall-"paga" fis-sens tad-dispożizzjonijiet ċitati iktar 'il fuq (ara s-sentenza tat-13 ta' Frar 1996, Gillespie et , , Ġabra. p. I-475, punt 24).
31. Sistema bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tiddefinixxi l-kundizzjonijiet fejn il-ħaddiem jibqa' jitħallas il-paga fil-każ ta' assenza minħabba mard. Din is-sistema tipprovdi għall-ħlas sħiħ tal-paga sakemm ma jinqabiżx il-perijodu massimu ta' matul sena u jekk dan il-perijodu jinqabeż il-ħlas tal-paga jaqa' b'50% għal perijodu massimu totali determinat matul erba snin.
32. Sistema bħal din, li tirriżulta f'riduzzjoni tal-paga u sussegwentement fit-tmiem tad-dritt tal-paga, topera awtomatikament fuq il-bażi ta' kalkulazzjoni aritmetika tal-ġranet ta' assenza minħabba mard.
33. Għalhekk ir-regoli stabbiliti jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE u d-Direttiva 75/117 (ara b'mod analogu, fir-rigward ta' sistema sabiex takkwista drittijiet għall-paga superjuri fuq il-bażi tar-regoli ta' anzjanità, is-sentenza tas-7 ta' Frar 1991, Nimz, , Ġabra. p.I297, punti 9 u 10).
34. Il-fatt li riduzzjoni jew tmiem tad-dritt taż-żamma tal-paga mhix immedjata, imma sseħħ wara li jiskadi l-perijodu massimu, ma tiċħadx l-imsemmija regoli min-natura awtomatika tagħhom la darba il-kundizzjonijiet imsemmija jiġu sodisfatti.
35. Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u r-raba domandi preliminari għandha tkun li sistema ta' leave għal mard li titratta b'mod identiku l-ħaddiema nisa li jsoffru minn mard marbut mat-tqala u ħaddiema oħra li jsofru minn mard mhux marbut mat-tqala taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE u d-Direttiva 75/117.
Dwar it-tieni, it-tielet u l-ħames domandi
36. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u r-raba domandi u kif ukoll il-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali li trid tiġi eżaminata mill-qorti tar-rinviju, it-tieni, it-tielet u l-ħames domandi għandhom jiġu eżaminati flimkien.
37. Permezz ta' dawn it-tliet domandi l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 141 KE u d-Direttiva 75/117 għandhomx jiġu interpretat fis-sens li dawn li ġejjin jikkostitwixxu diskriminazzjoni sesswali:
- regola ta' sistema ta' leave għal mard li tistabbilixxi, fil-każ ta' ħaddiema nisa assenti qabel il-leave għal maternità minħabba marda marbuta mat-tqala tagħhom, bħal fil-każ ta' ħaddiema irġiel assenti minħabba mard ieħor, li jkun hemm riduzzjoni fil-paga meta l-assenza teċċedi ċertu żmien;
- regola ta' sistema ta' leave għal mard li tistabbilixxi li assenzi minħabba mard għandhom jitnaqqsu mit-total massimu ta' numru ta' ġranet ta' leave għal mard bi ħlas li għalihom ħaddiem huwa intitolat matul perijodu determinat, irrispettivament jekk il-marda hiex jew le marbuta mat-tqala.
38. Il-Bord u kif ukoll il-gvernijiet ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit jikkunsidraw, fir-rigward tal-paga, li ħaddiema mara m'għandhiex dritt għal żamma integrali tal-paga tagħha u li regola bħal dik fil-kawża prinċipali mhix diskriminatorja. Il-Bord u l-gvern tar-Renju Unit ma ppreżentawx osservazzjonijiet f'dak li jikkonċerna l-imputazzjoni ta' l-assenzi b'kawża ta' mard. Il-gvern Irlandiż jikkunsidra, b'mod ġenerali, li l-Istati Membri m'humiex obbligati li jadottaw dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-assenzi kkawżati minn mard li jseħħu matul it-tqala.
39. Is-Sinjura McKenna, il-gvernijiet ta' l-Italja u tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni jissottomettu li riduzzjoni tal-paga bħal dik in kwistjoni prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni sesswali. Is-Sinjura McKenna, il-gvern Taljan u l-Kummissjoni jaffermaw li l-istess japplika fir-rigward tat-tnaqqis ta' l-assenzi minħabba mard min-numru totali massimu ta' ġranet ta' leave għal mard li għalih ħaddiem għandu dritt. Il-gvern Awstrijak isostni, b'mod ġenerali, li inkapacità li taħdem relatata mat-tqala għandha tkun suġġetta għal dispożizzjonijiet differenti minn dawk applikabbli għal inkapaċitajiet li wieħed jaħdem li mhumiex relatati mat-tqala.
Il-funzjoni u l-iżvilupp tar-regoli tad-dritt komunitarju li jirregolaw l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa tqal u nisa li jkunu welldu.
40. Għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, ir-riduzzjoni tal-paga u l-imputazzjoni ta' l-assenza minħabba mard marbut mall-kundizzjoni tat-tqala huma l-konsegwenza ta' l-applikazzjoni għan-nisa tqal u nisa li welldu tas-sistema ġenerali li hi applikabbli għal kull ħaddiem fil-każ ta' mard.
41. Huwa neċessarju li jiġu eżaminati d-domandi mressqa fid-dawl tal-funzjoni u l-iżvilupp tar-regoli tad-dritt komunitarju dwar l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa fil-kuntest ta' drittijiet għal nisa tqal jew li welldu.
42. F'dan il-kuntest, l-għan segwit mir-regoli hu li jipproteġi lill-ħaddiema nisa qabel u wara li jweldu (ara, fir-rigward ta' leave għal maternità, is-sentenza Gillespie et , iċċitata iktar 'il fuq, punt 20).
43. L-ewwelnett id-dritt komunitarju jassigura protezzjoni speċifika kontra tkeċċija mix-xogħol sa l-aħħar tal-leave għal maternità.
44. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, matul il-leave għal maternità, il-mara hi protetta kontra tkeċċija mix-xogħol minħabba l-assenza tagħha (is-sentenza tat-8 ta' Novembru 1990, Handels- og Kontorfunktionrernes Forbund, , Ġabra p. I-3979, punt 15).
45. Kuntrarjament, fil-każ ta' mard li jseħħ wara l-leave għal maternità, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li ma kienx hemm għalfejn tiddistingwi bejn mard ikkawżat mit-tqala jew mit-twelid u mard ieħor, peress li kundizzjoni patoloġika bħal din taqa' taħt is-sistema ġenerali applikabbli f'każ ta' mard. F'sitwazzjoni bħal din il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dritt komunitarju ma jiċħadx tkeċċiji li jirriżultaw minħabba assenzi dovuti f'każ ta' marda kkawżata mit-tqala jew mit-twelid (sentenza Handels- og Kontorfunktionrernes Forbund, ċitata aktar 'il fuq, punti 16 u 19).
46. Fil-każ ta' tkeċċija mix-xogħol ta' ħaddiema mara minħabba mard relatat mat-tqala li jseħħ qabel il-leave għal maternità, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet, li t-tqala m'għandha bl-ebda mod tiġi mqabbla ma kundizzjoni patoloġika, iżda li l-perijodu tat-tqala huwa perijodu fejn jista' jkun hemm problemi u kumplikazzjonijiet li jistgħu jwasslu li mara titpoġġa taħt sorveljanza medika stretta u, f'ċerti każijiet, għal mistrieħ matul jew f'parti mill-perijodu tat-tqala. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-problemi u l-kumplikazzjonijiet, li jistgħu joħolqu inkapaċità għax-xogħol, jiffurmaw parti mir-riskji inerenti għall-kundizzjoni tat-tqala u għalhekk huma fattur speċifiku ta' din il-kundizzjoni (sentenza tat-30 ta' Ġunju 1998, Brown , Ġabra p.I4185, punt 22).
47. Konsegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li protezzjoni kontra tkeċċija liċenzjament kellha tiġi akkordata għan-nisa mhux biss matul il-leave għal maternità imma wkoll għal matul il-perijodu kollu tat-tqala, wara li enfasizzat fuq li r-riskju ta' tkeċċija mix-xogħol jista' jeffettwa b'mod detrimenti l-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema nisa li huma tqal jew li għadhom kif welldu, inkluż ir-riskju serju li nisa tqal jistgħu jkunu lesti jitterminaw it-tqala tagħhom volontarjament. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li tkeċċija mix-xogħol ta' ħaddiema mara waqt it-tqala minħabba assenzi kkawżati minn inkapaċità li taħdem minħabba t-tqala tagħha huwa marbut ma' l-okkorrenza ta' riskji inerenti mat-tqala u għalhekk għandu jiġi kkunsidrat bħala essenzjalment ibbażat fuq il-fatt tat-tqala. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tkeċċija bħal din tista' taffetwa biss lin-nisa u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta' sess (ara s-sentenza Brown, iċċitata iktar 'il fuq, punti 18 u 24).
48. Minħabba l-effetti ħżiena li riskju ta' tkeċċija jista' jkollu fuq l-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema fit-tqala, ħaddiema li welldu reċentament jew dawk li qed ireddgħu, l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, p. 1) jistabbilixxi projbizzjoni għat-tkeċċija matul il-perijodu li jibda mill-bidu tat-tqala sa l-aħħar tal-leave għal maternità.
49. Flimkien mall-protezzjoni kontra t-telf ta' l-impjieg, il-liġi Komunitarja tiggarantixxi wkoll, f'ċertu limiti, protezzjoni tal paga ta' ħaddiema li hi tqila jew għadha kif weldet.
50. F'dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li n-nisa li jibbenefikaw minn leave għal maternità jinsabu f'sitwazzjoni speċifika li teżiġi li għandha tingħatalhom protezzjoni speċjali, imma li mhix komparabbli ma' dik ta' raġel li effettivament qiegħed fuq il-post tiegħu tax-xogħol (sentenza Gillespie et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17). Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet ukoll li la l-Artikolu 119 tat-Trattat KEE [li sar l-Artikolu 119 tat-Trattat KE, (l-Artikoli 117 sa120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti bl-Artikolu 136 KE sa 143 KE)] u lanqas l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117 ma kienu jirrikjedu li n-nisa għandhom ikomplu jirċievu l-paga sħiħa matul il-leave għal maternità, waqt li madankollu ġie ppreċiżat li l-ammont ta' l-allowance pagabbli ma jistax ikun baxx b'tali mod li jmur kontra l-iskop tal-leave għal maternità, li hu dak li jipproteġi lin-nisa qabel u wara li huma jwelldu (sentenza Gillespie et , iċċitata iktar 'il fuq, punt 20).
51. Fir-rigward ukoll tal-leave għal maternità, d-Direttiva 92/85, li ma kinitx applikabbli ratione temporis għal kwistjoni li wasslet għas-sentenza Gillespie et , ċitata iktar 'il fuq, fl-Artikolu 11 (2)(b) tipprovdi li għandu jiġi assigurat "il-manteniment ta' ħlas ta', u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema". L-Artikolu II (3) jippreċiża li "l- allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta' saħħa".
52. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, permezz ta' interpretazzjoni mogħtija fil-kuntest ta' tkeċċija mix-xogħol imma valida wkoll fir-rigward ta' paga imħallsa lill-ħaddiema mara, li, fejn kundizzjonijiet patoloġiċi kkawżati bit-tqala jew twelid tat-tfal iseħħu wara t-tmiem tal-leave għal maternità, dawn huma koperti mir-regoli ġenerali applikabbli fil-każ ta' mard. Hija żiedet illi l-unika kwistjoni hija dik fejn irid jiġi stabbilit jekk l-assenzi ta' ħaddiema mara, wara l-leave għal maternità, ikkawżata bl-inkapaċità tagħha li taħdem minħabba dawn il-problemi, huma ttrattati bl-istess mod bħall-assenzi ta' ħaddiem raġel, minħabba li jkun inkapaċi li jaħdem għall-istess tul taż-żmien. Jekk dan ikun il-każ, diskriminazzjoni sesswali hija eskluża (ara s-sentenza Brown, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26). B'hekk il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kundizzjoni patoloġika marbuta mat-tqala jew mit-twelid u li sseħħ wara il-leave għal maternità tista' tirriżulta f'riduzzjoni fil-paga taħt l-istess kundizzjonijiet provisti għal kull mard ieħor.
53. Fir-rigward ta' każ ta' marda relatat mat-tqala li taffettwa ħaddiema qabel il-leave għal maternità tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja innotat fil-punt 33 tas-sentenza tagħha Hj Pedersen et ċitata iktar 'il fuq, billi rrepetiet it-termini użati fil-punt 22 tas-sentenza tagħha Brown, ċitata iktar 'il fuq, li l-problemi u l-kumplikazzjonijiet marbuta mat-tqala, li jistgħu joħolqu inkapaċità għax-xogħol, jiffurmaw parti mir-riskji inerenti fil-kundizzjoni tat-tqala u għalhekk huma fattur speċifiku għal dik il-kundizzjoni. Il-Qorti kompliet tirrileva li, fil-kuntest tal-kwistjoni tal-kawża prinċipali, mara kienet miċħuda, qabel il-bidu tal-leave għal maternità tagħha, mill-benefiċċju li tieħu il-paga sħieħa tagħha meta l-inkapaċità tagħha għax-xogħol kienet ir-riżultat ta' kundizzjoni patoloġika marbuta mat-tqala, filwaqt li, taħt il-leġislazzjoni nazzjonali in kwistjoni, kull ħaddiem kellu, fil-prinċipju, id-dritt li jikkonserva l-integrità tal-paga tiegħu fil-każ ta' inkapaċità għax-xogħol. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jwasslu għal diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema n-nisa (sentenza Hj Pedersen et , iċċitata iktar 'il fuq, punti 34, 35 u 37).
54. Jirriżulta mill-premess li, hekk kif jinsab id-dritt Komunitarja fil-preżent, ħaddiema mara:
- ma tistax titkeċċa matul il-leave għat-tqala tagħha minħabba l-kundizzjoni tagħha jew, qabel dan il-leave, minħabba marda marbuta mat-tqala u li sseħħ qabel dan il-leave;
- tista' jekk ikun il-każ, titkeċċa minħabba marda marbuta mat-tqala jew it-twelid li sseħħ wara il-leave għal maternità;
- tista', jekk ikun il-każ, ssofri riduzzjoni fil-paga jew matul il-leave għal maternità jew, wara dan il-leave, f'każ ta' mard marbut mat-tqala jew twelid u li jseħħ wara dan il-leave.
55. Jirriżulta wkoll mill-premess, li l-Qorti tal-Ġustizzja s'issa għadha ma ġietx mistoqsijha sabiex tispeċifika jekk ħaddiema mara hijiex intitolata, f'kull każ, għaż-żamma tal-paga sħiħa tagħha fil-każ ta' mard relatat mat-tqala li sseħħ qabel il-leave għal maternità, anke jekk ir-regola nazzjonali kkontestata tistabbilixxi għall-applikazzjoni ta' riduzzjoni fl-istess miżura għal-paga mħallsa lil ħaddiem f'każ ta' mard li mhux marbut ma' kundizzjoni tat-tqala.
56. Fl-aħħar jirriżulta mill-premess, illi l-kundizzjoni tat-tqala mhix komparabbli ma' kundizzjoni patoloġika u li problemi u kumplikazzjonijiet marbuta mat-tqala u li joħolqu inkapaċità għax-xogħol jiffurmaw parti minn riskji inerenti fil-kundizzjoni tat-tqala u għalhekk huma fattur speċifiku ta' dik il-kundizzjoni (ara punti 46 u 53 tas-sentenza preżenti).
Fuq il-paga ta' ħaddiema mara matul it-tqala
57. Ma jirriżultax neċessarju mill-osservazzjonijiet li mard relatati mat-tqala huma sui generis li ħaddiema mara assenti minħabba marda marbuta mat-tqala tagħha għandha dritt għaż-żamma integrali tal-paga tagħha, meta ħaddiem li jkun assenti minħabba mard li mhux marbut mat-tqala m'għandux dan id-dritt.
58. F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat qabel kollox li, għal dak li jikkonċerna t-tkeċċiji, in-natura partikolari ta' marda relatata mat-tqala tista' tittieħed in kunsiderazzjoni biss billi tiċħad id-dritt lil min iħaddem li jkeċċi ħaddiema mara għal dik ir-raġuni. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-paga, iż-żamma integrali tagħha mhux l-uniku mezz li bih tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura partikolari ta' marda relatata mat-tqala. Fil-fatt, mhux eskluż li din l-ispeċifikazzjoni tittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' sistema li, fil-każ ta' assenza ta' ħaddiema mara minħabba marda relatat mat-tqala, twassal għar-riduzzjoni fil-paga.
59. Huwa tajjeb li wieħed iżomm f'moħħu li, kif il-liġi tal-Komunità qegħda bħalissa, l-ebda dispożizzjoni ġenerali jew prinċipju tagħha ma jirrikjedu li n-nisa għandhom ikomplu jirċievu il-paga sħiħa matul il-leave għal maternità, sakemm l-ammont tar-remunerazzjoni li għandu jitħallas mhux baxx ħafna li jmur kontra l-iskop tal-liġi tal-Komunità li hu dak li jipproteġi ħaddiema nisa, b'mod partikulari qabel iweldu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Gillespie et , ċitata iktar 'il fuq, punt 20).
60. Issa jekk regola li tistabbilixxi, f'ċerti limiti, riduzzjoni fil-paga mħallsa lil ħaddiema mara matul il-leave għal maternità tagħha ma tikkostitwix diskriminazzjoni bbażata fuq sess, regola li tistabbilixxi, fl-istess limiti, għar-riduzzjoni fil-paga lil dik il-ħaddiema mara li hi assenti matul it-tqala minħabba marda relatata mat-tqala wkoll ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi diskriminazzjoni ta' dan it-tip.
61. F'dawn iċ-ċirkostanzi, għandu jiġi konkluż li, hekk kif il-liġi tal-Komunità tinsab fil-preżent din ma timponix iż-żamma integrali tal-paga ta' ħaddiema mara li hi assenti matul it-tqala tagħha minħabba marda marbuta mat-tqala.
62. Matul assenza li tirriżulta minn marda bħal din, ħaddiema mara tista' għalhekk issofri minn riduzzjoni fil-paga tagħha, sakemm hi tiġi ttrattata bl-istess mod bħal ħaddiem raġel li hu assenti minħabba mard, u sakemm l-ammont tal-ħlas magħmul mhux daqstant baxx li jmur kontra l-oġġettiv li jiġu protetti il-ħaddiema fit-tqala.
Fuq it-tnaqqis ta' l-assenzi minħabba mard min-numru massimu totali ta' leave għal mard bi ħlas li għalih ħaddiem huwa intitolat matul perijodu speċifiku
63. Is-sistema in kwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi li l-assenzi minħabba mard għandhom jittieħdu min-numru totali massimu ta' ġranet ta' leave għal mard bi ħlas li ħaddiem huwa intitolat għalih matul perijodu speċifiku. Għalhekk din is-sistema tittratta bl-istess mod il-mard kollu, kemm jekk huwa marbut ma' kundizzjoni ta' tqala u kemm jekk le.
64. Sistema bħal din ma tieħux in kunsiderazzjoni n-natura partikolari ta' mard relatat mat-tqala.
65. Madankollu, din in-natura partikolari, ma teskludix li assenzi minħabba mard relatat mat-tqala jistgħu, f'ċerti limiti, jitnaqqsu min-numru totali ta' ġranet ta' leave għal mard bi ħlas.
66. Fil-fatt, l-esklużjoni, f'kull ċirkostanza, ta' tnaqqis bħal dan ma tkunx kompatibbli mal-possibbiltà ta' riduzzjoni tal-paga matul it-tqala. Ikun ukoll diffiċli li tirrikonċilja mal-ġuris prudenza li tirriżulta mis-sentenzi ċitata iktar 'il fuq f'Handels- og Kontorfunktionrernes Forbund u Brown, li skond dawn, wara l-leave għal maternità, marda li toriġina fit-tqala jew fit-twelid taqa' taħt is-sistema ġenerali applikabbli f'każ ta' mard.
67. Madankollu, it-tnaqqis ta' l-assenzi matul it-tqala minħabba mard relatat mat-tqala min-numru massimu totali ta' ġranet ta' leave għal mard bi ħlas li għalih ħaddiem huwa intitolat matul perijodu speċifiku ma jistax ikollu l-effett li, matul l-assenza affettwata b'dan it-tnaqqis wara l-leave għal maternità, il-ħaddiema mara tirċievi paga li tkun aktar baxxa mill-ammont minimu li għalih kienet intitolata matul iż-żmien tal-mard li seħħ waqt it-tqala (ara punt 62 tas-sentenza preżenti).
68. Għalhekk għandhom jiġu implementati dispożizzjonijiet speċjali sabiex jimpedixxu effett bħal dan.
69. Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni, it-tielet u l-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 141 KE u d-Direttiva 75/117 għandhom jiġu interpretati b'tali mod li dawn li ġejjin ma jammontawx għal diskriminazzjoni sesswali:
- regola ta' sistema ta' leave għal mard li tistabbilixxi, fil-każ ta' ħaddiema nisa assenti qabel il-leave għal maternità minħabba marda marbuta mat-tqala tagħhom, bħal fil-każ ta' ħaddiema irġiel assenti minħabba mard ieħor, li jkun hemm riduzzjoni fil-paga meta l-assenza teċċedi ċertu żmien, sakemm ħaddiema mara tiġi ttrattata bl-istess mod bħal ħaddiem raġel li jkun assenti minħabba mard u sakemm l-ammont ta' ħlas magħmul mhuwiex tant baxx li jmur kontra l-għan li jiġu protetti ħaddiema li jkunu tqal;
- regola ta' sistema ta' leave għal mard li tistabbilixxi li assenzi minħabba mard għandhom jitnaqqsu mit-total massimu ta' numru ta' ġranet ta' leave għal mard bi ħlas li għalihom ħaddiem huwa intitolat matul perijodu determinat, irrispettivament jekk il-marda hiex jew le marbuta mat-tqala, sakemm it-tnaqqis ta' l-assenzi minħabba marda marbuta mat-tqala m'għandhux l-effett li, matul l-assenza affettwata b'dan it-tnaqqis wara il-leave għal maternità, il-ħaddiema mara tirċievi paga li hi inferjuri għall-ammont minimu li għalih hija kienet intitolata matul il-marda li seħħet waqt li hi kienet tqila.
Fuq l-ispejjeż
70. Peress illi dawn il-proċedimenti huma, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, riżultat ta' kwistjoni li tqajmet quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha l-kompetenza tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż għall-preżenza ta' l-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Parti operattiva
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Sistema ta' leave għal mard li titratta b'mod identiku l-ħaddiema nisa li jsoffru minn mard marbut mat-tqala u ħaddiema oħra li jsofru minn mard mhux marbut mat-tqala taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE u d-Direttiva d-Direttiva tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa 75/117.
2) L-Artikolu 141 KE u d-Direttiva 75/117 għandhom jiġu interpretati b'tali mod li dawn li ġejjin ma jammontawx għal diskriminazzjoni sesswali:
- regola ta' sistema ta' leave għal mard li tistabbilixxi, fil-każ ta' ħaddiema nisa assenti qabel il-leave għal maternità minħabba marda marbuta mat-tqala tagħhom, bħal fil-każ ta' ħaddiema irġiel assenti minħabba mard ieħor, li jkun hemm riduzzjoni fil-paga meta l-assenza teċċedi ċertu żmien, sakemm ħaddiema mara tiġi ttrattata bl-istess mod bħal ħaddiem raġel li jkun assenti minħabba mard u sakemm l-ammont ta' ħlas magħmul mhuwiex tant baxx li jmur kontra l-għan li jiġu protetti ħaddiema li jkunu tqal;
- regola ta' sistema ta' leave għal mard li tistabbilixxi li assenzi minħabba mard għandhom jitnaqqsu mit-total massimu ta' numru ta' ġranet ta' leave għal mard bi ħlas li għalihom ħaddiem huwa intitolat matul perijodu determinat, irrispettivament jekk il-marda hiex jew le marbuta mat-tqala, sakemm it-tnaqqis ta' l-assenzi minħabba marda marbuta mat-tqala m'għandhux l-effett li, matul l-assenza affettwata b'dan it-tnaqqis wara il-leave għal maternità, il-ħaddiema mara tirċievi paga li hi inferjuri għall-ammont minimu li għalih hija kienet intitolata matul il-marda li seħħet waqt li hi kienet tqila.
Full & Egal Universal Law Academy