SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
1 ta' Frar 2005 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 249 KE u 307 KE – Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 76/207/KEE – Trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa – Projbizzjoni li jiġu impjegati nisa f'xogħol taħt l-art fil-minjieri kif ukoll f'xogħol f'ambjent ta' pressjoni għolja u f'xogħol ta' immersjoni"
Fil-kawża C-203/03,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentata fit-12 ta' Mejju 2003 ,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. Yerrell u H. Kreppel, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
Ir-Repubblika Federali ta' l-Awstrija, irrrappreżentata minn H. Dossi u E. Riedl, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta' Awla, J. P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric (Relatur) J. Malenovský, J. Klučka, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin
Avukat Ġenerali: F . G. Jacobs,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Lulju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żammet, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40),
– fl-Artikolu 2 tal-Verordnung des Bundesministers für Wirtschaft und Arbeit über Beschäftigungsverbote und – beschränkungen für Arbeitnehmerinnen (Digriet tal-Ministru ta' l-Affarijiet Kummerċjali u x-Xogħol dwar il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet ta' impjieg għall-ħaddiema), ta' l-4 ta' Ottubru 2001( BGB1.II, 356/2001, iktar 'il quddiem id-("Digriet ta' l-2001"), projbizzjoni ġenerali ta' impjieg tan-nisa, li tipprovdi numru limitat ta' eċċezzjonijiet, fis-settur ta' l-industrija tal-minjieri ta' taħt l-art; u
– fl-Artikoli 8 u 31 tad-Druckluft- und Taucherarbeiten-Verordung (digriet dwar ix-xogħlijiet f'atmosfera iperbarika u x-xogħol magħmul minn bugħaddasa) tal-25 ta' Lulju 1973 (BGB1 501/1973, iktar 'il quddiem id-"Digriet ta' l-1973"), projbizzjoni ġenerali fuq l-impjieg tan-nisa f'dan it-tip ta' xogħol,
ir-Repubblika Awstrijaka naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 2 u 3 ta' din id-Direttiva u ta' l-Artikoli 10 KE u 249 KE u li tikkundanna lir-Repubblika Awstrijaka tbati l-ispejjeż .
2 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors li jirrigwarda d-digriet ta' l-2001 bħala inammissibbli; u
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż,
kif ukoll, safejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra r-rikors ammissibbli,
– tiċħad ir-rikors; u
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 L-Artikolu 2 tal-konvenzjoni Nru 45 ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (iktar 'il quddiem l-"ILO"), tal-21 ta' Ġunju 1935, dwar l-impjieg tan-nisa fix-xogħol taħt l-art fil-mini ta' kull kategorija, irratifikata mir-Repubblika Awstrijaka fl-1937, jipprovdi:
"Ebda persuna ta' sess femminili, tkun xi tkun l-eta tagħha, ma tista' tiġi impjegata għal xogħol taħt l-art fil-minjieri."
4 Skond l-Artikolu 3 ta' din il-konvenzjoni:
"Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista' teżenta mill-projbizzjoni msemmija iktar 'il fuq:
a) persuni li jokkupaw post ta' direzzjoni li ma jagħmlux xogħol manwali;
b) persuni impjegati fis-servizzi sanitarji u soċjali;
c) persuni li fil-kors ta' l-istudji tagħhom jiġu ammessi sabiex jieħdu esperjenza ta' xogħol fil-parti taħt l-art tal-mina fid-dawl tat-taħriġ professjonali tagħhom;
d) kull persuna oħra msejħa kultant żmien sabiex tinżel fil-parti taħt l-art tal-mina għall-eżerċizzju ta' professjoni ta' natura mhux manwali".
5 L-Artikolu 7 ta' l-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:
"1. Kull membru li jirratifika l-konvenzjoni preżenti jista' jiddenunzjaha, ma' l-iskadenza ta' perijodu ta' għaxar snin wara l-implementazzjoni inizjali tal-konvenzjoni, b'permezz ta' att ikkomunikat lid-Direttur Ġenerali ta' l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol u rreġistrata minnu. Id-denunzja ma jkollha ebda effett qabel sena wara li ssir ir-reġistrazzjoni tagħha.
2. Kull membru li jirratifika l-konvenzjoni preżenti li, fi żmien sena wara l-iskadenza tal-perijodu ta' għaxar snin imsemmi fil-paragrafu preċedenti, ma jagħmilx użu mill-fakultà ta’ denunzja prevista mill-Artikolu preżenti, jintrabat għal perijodu ġdid ta' għaxar snin u, sussegwentement, ikun jista' jiddenunzja l-konvenzjoni preżenti wara l-iskadenza ta' kull perijodu ta' għaxar snin taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu preżenti."
6 Il-Konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO daħlet fis-seħħ fit-30 ta' Mejju 1937.
7 Il-Konvenzjoni ta' l-ILO, tat-22 ta' Ġunju 1995, dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-minjieri, ma ssemmix biss l-irġiel iżda tistabbilixxi regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà irrispettivament mis-sess tal-ħaddiem.
8 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija rratifikat din il-konvenzjoni fis-26 ta' Mejju 1999, iżda ma ddenunzjatx il-konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO.
Id-dritt Komunitarju
9 L-Artikolu 307, l-ewwel u t-tieni inċiżi, KE jiddisponi:
" Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta' Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m'għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat".
Sal-punt li dawn il-ftehim mhumiex kompatibbli ma' dan it-Trattat, l-Istat membru jew Stati membri kkonċernati għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jeliminaw l-inkompatibbiltajiet stabbilti. L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jassistu lil xulxin għal dan il-għan u għandhom, meta approprjat, jaddottaw attitudni komuni."
10 L-Artikolu 2(1) sa (3) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi:
"1. Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir riferenza għall-istat maritali jew tal-familja.
2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jeskludu mill-qasam ta’ l-applikazzjoni tagħha dawk l-attivitajiet ta' xogħol u, fejn hu xieraq, it-taħriġ li jwassal għalihom, li għalihom, minħabba l-istess natura tagħhom jew il-kuntest li jsiru fihom, is-sess tal-ħaddiem jikkostitwixxi fattur determinanti.
3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar t-tqala u l-maternità."
11 Skond l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva:
"1. L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba s-sess fil-kundizzjonijiet, inklużi l-kriterji tal-għażla, għall-aċċess għall-impjiegi kollha jew postijiet, ikun x'ikun is-settur jew il-qasam tal-attività, u għal-livelli kollha tal-ġerarkija tax-xogħol.
2. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li:
(a) il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kollha li huma kuntrarji għall-prinċipju tat-trattament ugwali għandhom jitneħħew;
[…]"
12 L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16 (1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, p. 1), jiddisponi:
"Tifisiriet
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
a) 'ħaddiema tqila' għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;
b) ħaddiema li welldet reċentement għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġiżlazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;
c) ħaddiema li qiegħda tredda' tfisser ħaddiema li qiegħda tredda' fis-sens tal-leġiżlazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika."
13 L-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva jipprovdi:
"Stima u Informazzjoni
1. Għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kundizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti hija mogħtija fl-Anness I, min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul ta’ l-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, jew direttament jew permezz tas-servizzi protettivi jew preventivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/391/KEE, sabiex:
– issir stima ta’ kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2,
– jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 u ħaddiema li x'aktarx ikunu f’xi sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 fl-impriża u/jew stabbiliment konċernat u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu nfurmati bir-riżultati ta’ l-istima msemmija fil-paragrafu 1 u bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. "
14 Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85:
"Azzjoni wara r-riżultati ta’ l-istima
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE, jekk ir-riżultati ta' l-istima msemmija fl-Artikolu 4 (1) jirrivelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew xi effett fuq it-tqala jew treddigħ ta’ ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2, min iħaddem għandu jieħu l-azzjoni neċessarja biex jiżgura li, billi jiġu aġġustati temporanjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, l-espożizzjoni ta’ dik il-ħadddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat.
2. Jekk l-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata.
3. Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b'mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha.
4. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-każ meta ħaddiema li qed tagħmel attività projbita skond l-Artikolu 6 toħroġ tqila jew tibda’ tredda’ u tinforma lil min iħaddimha dwar dan."
15 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/85 jipprovdi kif ġej:
"Sitwazzjonijiet fejn hi pprojbita l-espożizzjoni
Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ħaddiema, partikolarment dawk relatati mal-limiti għal espożizzjoni fuq ix-xogħol:
1) ħaddiema tqal fis-sens ta’ l-Artikolu 2 (a) ma jistgħu taħt l-ebda ċirkustanza jiġu mġiegħla jwettqu dmirijiet li għalihom l-stima rrivelat riskju ta’ espożizzjoni, li tista’ thedded is-sigurtà jew saħħa, għal aġenti u kundizzjonijiet fuq xogħol elenkati fl-Anness II, it-Taqsima A;
2) ħaddiema li qegħdin ireddgħu fis-sens ta’ l-Artikolu 2 (ċ), ma jistgħu taħt l-ebda ċirkustanza jiġu mġiegħla jwettqu dmirjiet li dwarhom l-stima rrivelat risku ta’ espożizzjoni, li tista’ thedded is-sigurtà jew saħħa, għall-aġenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol mniżżla fl-Anness II, it-Taqsima B. "
16 L-Anness I ta' din id-Direttiva intitolat "Lista mhux eżawrijenti ta' aġenti, proċessi u kundizzjonijiet tax-xogħol imsemmija fl-Artikolu 4 (1)", jippreċiża :
A.A. Aġenti
1. Aġenti fiżiċi fejn dawn huma meqjusa bħala aġenti li jikkawżaw leżjonijiet fil-fetu u/jew li x’aktarx jiddisturbaw attakkament tal-plaċenta, u partikolarment:
a) taħbit qawwi, vibrazzjonijiet jew ċaqliq;
b) il-ġarr manwali ta’ piżijiet li jimplikaw riskji, partikolarment ta’ natura dorsolumbari;
ċ) storbju;
[…]
f) estremi ta’ bard jew sħana;
g) ċaqliq jew qagħad, ivvjaġġar - jew ġewwa jew barra l-istabbiliment - għeja fiżika jew mentali u piżijiet oħra fiżiċi konnessi ma' l-attivita tal-ħaddiema fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva.
2. Aġenti Bijoloġiċi
[…]
3. Aġenti Kimiċi
L-aġenti kimiċi li ġejjin in kwantu hu magħruf jpoġġu is-saħħa tan-nisa tqal u tat-tarbija mhux mitwielda fil-perikolu in kwantu għadhom ma jidhrux fl-Anness II:
[…]
e) monossidu tal-karbonju;
[…]
B. Proċessi
– Proċessi ndustrijali elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 90/394/KEE.
C. Kundizzjonijiet tax-xogħol
– Xogħol fil-mini taħt l-art."
17 L-Anness II tad-Direttiva 92/85 intitolat "Lista mhux eżawrenti ta' aġenti u kundizzjonijiet tax-xogħol imsemmija fl-Artikolu 6", jipprovdi :
A.A. Ħaddiema tqal fis-sens ta' l-Artikolu 2 (a)
1. Aġenti
a) Aġenti fiżiċi
– Xogħol f’atmosfera iperbarika, p.e. taħt pressjoni, u għadis taħt l-ilma.
[…]
2. Kundizzjonijiet ta' xogħol
– Xogħol fil-mini taħt l-art.
B. Ħaddiema li qed ireddgħu fis-sens ta' l-Artikolu 2 (ċ)
[…]
2. Kundizzjonijiet ta' xogħol;
– Xogħol fil-mini taħt l-art."
Id-dritt nazzjonali
18 L'Artikolu 16 ta' l-Arbeitszeitordung (Digriet dwar id-dewmien tal-ħin tax-xogħol) tat-30 ta' April 1938 (Deutsches RGB1. I, p. 447; GB1.f.d.L.Ő 231/1939, iktar il' quddiem id-"Digriet ta' l-1938") jiddisponi:
"Projbizzjonijiet ta' impjieg
(1) Il-ħaddiema tas-sess femminili ma jistgħux jiġu impjegati taħt l-art fil-faħam, fis-salini, fil-fabbriki ta' trattament, fil-mini taħt l-art, lanqas jiġu impjegati fuq l-art għall-estrazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-preparazzjoni (separazzjoni, tindif), tat-trasport u tar-riforniment.
(2) Il-ħaddiema tas-sess femminili ma jistgħux iktar jiġu impjegati f' impjanti ta’ kokkjar jew fit-trasport ta' materjal mhux maħdum, ikun x'ikun it-tip ta' kostruzzjoni kkonċernat.
(3) Il-Ministru Federali tax-Xogħol jista' jipprojbixxi totalment jew jista' jissuġġetta għal ċerti kundizzjonijiet l-impjieg tal-ħaddiema femminili għal ċerti tipi ta' impjanti jew xogħlijiet li jippreżentaw xi riskju partikolari għas-saħħa u għall-morali."
19 Fl-1972, din id-dispożizzjoni ġiet abrogata, bl-eċċezzjoni tas-settur tal-mini taħt l-art.
20 B'effett mill-1 ta' Awwissu 2001, l-impjieg tan-nisa fl-industrija tal-minjieri ġiet irregolata mid-Digriet ta' l-2001.
21 L-Artikolu 2 ta' dan id-Digriet, intitolat "L-impjieg fl-industrija tal-minjieri taħt l-art", jiddisponi:
"(1) Ħaddiema nisa ma jistgħux jiġu impjegati fl-industrija tal-minjieri taħt l-art.
(2) Il-paragrafu 1 mhuwiex applikabbli
1. għal ħaddiema nisa li jokkupaw post ta' responsabbiltà, jiġifieri ta' direzzjoni, ta' teknika, u fejn ix-xogħol mhuwiex ta' sforz kbir fiżiku;
2. għal ħaddiema nisa li jeżerċitaw attività f'servizz soċjali jew tas-saħħa;
3. għal ħaddiema nisa li jkollhom jagħmlu taħriġ professjonali fil-kuntest ta' l-istudji tagħhom jew taħriġ simili, għat-tul ta' dan it-taħriġ;
4. għal ħaddiema nisa li huma impjegati biss okkażjonalment fl-industrija tal-minjieri taħt l-art fil-kuntest ta' attività professjonali li mhijiex ta' sforz kbir fiżiku."
22 L-Artikolu 4 ta' dan id-Digriet, intitolat "Xogħol ta' sforz fiżiku partikolari", jiddisponi:
"(1) Il-ħaddiema nisa ma jistgħux jiġu assenjati għal xogħol li jesponihom għal sforz fiżiku partikolari minħabba rfiegħ, ġarr, imbuttar, tidwir u kull tip ta' trasport ieħor li jqiegħed sforz eċċessiv fuq ġisimhom.
(2) Fl-evalwazzjoni tax-xogħlijiet previsti fil-paragrafu 1, il-fatturi determinanti tat-tensjoni u l-isforz għandhom jiġu kkunsidrati, jiġifieri essenzjalment il-piż, it-tip u l-forma tat-tagħbija, l-mezz u l-veloċità tat-trasport, id-dewmien tax-xogħlijiet u l-frekwenza tagħhom kif ukoll il-produttività tal-ħaddiema nisa.
(3) Il-paragrafu 1 mhuwiex applikabbli għax-xogħlijiet li fihom il-ħaddiema mhumiex affettwati ħlief għal żmien qasir jew f'kundizzjonijiet li ma jipperikolawx il-ħajja jew is-saħħa tagħhom."
23 L-Artikolu 8 tad-Digriet ta'l-1973 jipprovdi:
"(1) Huma biss il-ħaddiema maskili ta' mill-inqas 21 sena li jissodisfaw il-kundizzjonijiet mediċi meħtieġa li jistgħu jiġu impjegati għax-xogħlijiet li jsiru f'atmosfera iperbarika. [...]
(2) […] Fil-każ fejn il-kundizzjonijiet mediċi meħtieġa previsti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti, il-ħaddiema tas-sess femminili ta' mill-inqas 21 sena jistgħu wkoll jiġu impjegati bħala persunal ta' sorveljanza jew jagħmlu xi xogħol ieħor f'atmosfera iperbarika sakemm ma jinvolvix tensjoni elevata fuq ġisimhom. […]"
24 Skond l-Artikolu 3 tad-Digriet ta' l-1973:
"(1) Huma biss il-ħaddiema maskili ta' mill-inqas 21 sena, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet mediċi meħtieġa, u li għandhom l-għarfien speċjalizzat u l-esperjenza professjonali neċessarja mil-lat tal-protezzjoni tal-ħaddiema, li jistgħu jiġu impjegati bħala bugħaddasa. […]"
Il-proċedura prekontenzjuża
25 Peress li l-projbizzjoni prevista fid-Digriet ta' l-1938 għall-impjieg tal-ħaddiema nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju, bħalma hija l-projbizzjoni simili dwar xogħol f’atmosfera iperbarika u xogħol ta' għaddas taħt l-ilma, l-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu. Wara li intimat lir-Repubblika ta' l-Awstrija sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fis-7 ta' Frar 2002, ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat membru jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu magħha f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni, Għal dak li jikkonċerna l-impjieg fl-industrija tal-minjieri taħt l-art, din l-opinjoni kienet tipprevedi d-Digriet ta' l-1938 u mhux dak ta' l-2001, li huwa l-għan tar-rikors preżenti u li ġie invokat għall-ewwel darba fir-risposta tal-Gvern Awstrijak għall-imsemmija opinjoni motivata.
26 Peress li l-informazzjoni kkomunikata mill-Awtoritajiet Awstrijaċi wriet li n-nuqqas imsemmi fl-opinjoni motivata baqa' jissussisti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà
L-Argumenti tal-gvern Awstrijak
27 Il-Gvern Awstrijak isostni li r-rikors tal-Kummissjoni huwa inammissibbli fejn jirrigwarda l-projbizzjoni ta' l-impjieg tan-nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art. Huwa jsostni li l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu fondati fuq ilmenti identiċi. Filwaqt li jinvoka s-sentenza ta' l-10 ta' Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-11/95, Ġabra p. I-4115, dan il-Gvern isostni li mhuwiex ħlief fil-każ fejn il-miżuri evokati waqt il-proċedura kontenzjuża jinżammu fit-totalità tagħhom li l-emendi tal-liġijiet nazzjonali, adottati bejn dawn iż-żewġ fażijiet ta' proċedura, mhumiex ostaklu għall-ammissibbiltà tar-rikors. Issa, d-Digriet tal-2001 kien biddel b'mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni eżistenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
28 Huwa minnu li l-għan ta' rikors ippreżentat skond l-Artikolu 226 KE huwa ċirkuskritt mill-proċedura kontenzjuża prevista għal din id-dispożizzjoni u li, bħala konsegwenza, l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq ilmenti identiċi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-221/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).
29 Madankollu, din il-ħtieġa ma tistax tiġi interpretata fis-sens li timponi f'kull każ koinċidenza perfetta bejn id-dispożittiv ta’ l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm l-għan tal-kwistjoni ma nżdiedx jew ġie modifikat iżda, kuntrarjament, ġie sempliċiment ristrett (sentenza tal-11 ta' Lulju, Il-Kummissjoni vs Spanja C-139/00, Ġabra p. I-6407, punt 19). F'dan il-każ, sakemm bidla leġiżlattiva seħħet waqt fil-kors tal-proċedura prekontenzjuża, ir-rikors jista' jikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali li mhumiex identiċi għal dawk previsti fl-opinjoni motivata.
30 Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, ċċitata iktar 'il fuq ma teskludix din l-interpretazzjoni. Fil-punt 74 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa biżżejjed li s-sistema implementata mil-leġiżlazzjoni kkontestata fil-kors tal-proċedura prekontenzjuża, fit-totalità tagħha, inżammet mill-miżuri ġodda adottati mill-Istat membru wara l-opinjoni motivata u li huma kkontestati fil-kuntest tar-rikors. B'din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li huwa biżżejjed bl-istess mod li l-miżuri nazzjonali ġodda jdaħħlu xi eċċezzjonijiet għas-sistema li tkun is-suġġett ta' l-opinjoni motivata, u b'hekk jirrimedjaw il-kontestazzjoni parzjalment. Jekk f'tali każ rikors ma jiġix milqugħ bħala ammissibbli, Stat Membru jista' jostakola proċedura ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu billi jemenda ftit il-leġiżlazzjoni tiegħu kull darba li ssirlu notifikazzjoni ta' opinjoni motivata, filwaqt li jżomm il-leġiżlazzjoni in kwistjoni.
31 Fil-kawża preżenti, l-Artikolu 2 tad-Digriet ta' l-2001 jipprojbixxi, bħalma kien l-Artikolu 16 tad-Digriet ta' l-1938, l-impjieg tan-nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art. Huwa jistabbilixxi, b'differenza tad-digriet ta' qabel, ċerti eċċezzjonijiet li jirrestrinġu l-portata tal-projbizzjoni. Li tali rikors jiġi ddikjarat ammissibbli ma jwassalx preġudizzju għad-drittijiet ta' difiża fil-każ preżenti, fejn l-argumenti kollha, b'mod partikolari dawk ta' natura medika jew fiżika, favur il-projbizzjoni assoluta, ikunu jistgħu jiġu ppreżentati fil-kors tal-proċedura prekontenżjuza u li dawn l-argumenti huma, essenzjalment, dawk li kienu ġew invokati sabiex jiġġustifikaw projbizzjoni mimlija eċċezzjonijiet.
32 Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mressqa mill-Gvern Awstrijak.
Il-projbizzjoni ta' impjieg ta' ħaddiema nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art
Fuq id-Direttiva 76/207
– L-argumenti tal-partijiet
33 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 2 tad-Digriet ta' l-2001, li ma jawtorizzax l-impjieg tan-nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art, ħlief għal ċerti attivitajiet limitati, mhuwiex kompatibbli ma' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 76/207. Sakemm din id-Direttiva stess fiha ċerti restrizzjonijiet tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni, ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika l-projbizzjoni ta' impjieg ikkontestata.
34 Skond il-Kummissjoni, l-attività eżerċitata fl-industrija tal-minjieri taħt l-art ma tirrigwardax sitwazzjoni professjonali tat-tip prevista fl-Artikolu 2(2) ta' l-imsemmija Direttiva.
35 F'dak li jirrigwarda d-deroga mill-prinċipju ta' trattament ugwali bejn irġiel u nisa previst fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207, il-Kummissjoni ssostni li r-riskji li għalihom huma esposti n-nisa mhumiex, b'mod ġenerali, differenti fin-natura tagħhom għal dawk li huma esposti għalihom b'mod ugwali l-irġiel.
36 Il-Gvern Awstrijak, filwaqt li jibbaża ruħu fuq din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, isostni li l-Artikolu 2 tad-Digriet ta' l-2001 huwa konformi mad-Direttiva 76/207.
37 Skond dan il-Gvern, ix-xogħol fl-industrija tal-minjieri taħt l-art, xogħol fl-industrija tal-minjieri taħt l-art jinvolvi tensjoni permanenti tas-sistema lokomotiva, f'pożizzjoni restrittiva, marbuta ma xogħol magħmul frekwentement bl-idejn mgħollija, f'atmosfera ta' pressjoni għolja, b'mod partikolari bl-emissjonijiet ta’ kwarz, ta' ossidi tan-nitroġenu, u ta' monossidu tal-kubrit, li jkunu b'valuri ġeneralment ogħla mill-medja f'dak li jirrigwarda t-temperatura u l-umdità. Il-konsegwenza għall-ħaddiema kkonċernati hija ta' mard frekwenti tal-pulmun, tal-ġogi u tas-sinsla (menisku tal-minatur, ħsara lid-diski intravertebrali, rewmatiżmu fil-muskoli).
38 Il-massa u s-saħħa muskolari, il-kapaċità vitali, l-assorbiment ta' l-ossiġenu, il-volum tad-demm u n-numru ta' eritroċiti huma ġeneralment inferjuri fin-nisa meta mqabbla ma dawk ta' l-irġiel. In-nisa li jissaportu sforz fiżiku fuq il-post tax-xogħol huma esposti għal riskji ogħla ta' abort, kif ukoll ta' osteoporożi waqt il-menopawża u jbatu min iktar emikranji.
39 Peress li n-nisa ġeneralment għandhom vertebri ta' daqs iżgħar, huma jissugraw riskji ikbar mill-irġiel meta jġorru tagħbija tqila. Barra minn hekk, wara l-ħlas, ir-riskji ta' korriment fil-vertebri tal-ġenbejn jogħla.
40 Għaldaqstant, jidher b'mod ċar li minħabba d-differenzi li ġeneralment jeżistu bejn il-morfoloġija ta' l-irġiel u n-nisa, xogħol fiżiku ta' sforz kbir fl-industrija tal-minjieri taħt l-art jesponi lil dawn ta' l-aħħar għal iktar riskji, kuntrarjament f'sitwazzjoni per eżempju, ta' xogħol ta' bil-lejl, li jesponi lin-nisa u rġiel għall-istess tensjoni.
41 F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-Gvern Awstrijak stess iddikjara fil-kors tal-proċedura kontenzjuża li "l-kamp ta' differenzi ta' enerġija huwa kunsiderevoli, iż-żoni li jisporġu mal-valuri maskili huma kbir u [li] jaqbel għaldaqstant nipproċedu għal evalwazzjoni individwali".
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
42 Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 76/207, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament jimplika n-nuqqas ta' kull tip ta' diskriminazzjoni fondat fuq is-sess fil-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-impjieg jew postijiet tax-xogħol. Huwa kostanti li l-Artikolu 2(1) tad-Digriet ta' l-2001 jittratta lill-irġiel u n-nisa b'mod differenti f'dak li jirrigwarda l-impjieg fl-industrija tal-minjieri. Fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Awstrijak invoka d-deroga prevista fl-Artikolu 2(3) ta' din id-Direttiva, għandu jiġi eżaminat jekk tali differenza fit-trattament huwiex kopert mill-imsemmija dispożizzjoni u għalhekk huwa awtorizzat.
43 Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-30 ta' Ġunju 1998, Brown (C-394/46, Ġabra p. I-4185, punt 17), l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207, peress li jippermetti lill-Istati membri d-dritt li jdaħħlu dispożizzjonijiet sabiex jipproteġu l-mara f'dak li jirrigwarda "it-tqala u l-maternità", jirikonoxxi l-leġittimità, fir-rigward tal-prinċipju ta' ugwaljanza ta’ trattament bejn is-sessi, minn naħa, il-protezzjoni tal-kundizzjoni bioloġika tal-mara waqt it-tqala, u wara l-ħlas, u min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tar-rapporti partikolari bejn il-mara u binha fil-kors tal-perijodu wara l-ħlas.
44 Huwa preċiżament minħabba l-fatt li ċerti attivatijiet jistgħu jippreżentaw riskju speċifiku minħabba l-espożizzjoni tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li jkunu weldu reċentement, jew li qed ireddgħu għall-aġenti, proċeduri jew kundizzjonijiet ta' xogħol perikolużi, li jipperikolaw is-sigurtà jew is-saħħa, li l-leġiżlatur komunitarju meta ġiet adottata d-Direttiva 92/85, implementa dispożittiv ta' evalwazzjoni u ta' komunikazzjoni tar-riskji, kif ukoll il-projbizzjoni ta' eżerċitazzjoni ta' ċerti attivitajiet.
45 Madankollu, l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207 ma jippermettix li n-nisa jiġu esklużi minn tip ta' impjieg minħabba l-fatt li huma għandhom jiġu protetti iktar mill-irġiel kontra riskji li jaffettwaw in-nisa u l-irġiel bl-istess mod u li huma distinti mill-bżonn ta' protezzjoni speċifika għal mara bħal dawn li semmew espressament (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 44, u tal-11 ta' Jannar, Kreil, C-285/98, Ġabra p. I-69, punt 30).
46 Huwa wkoll mhux permess li n-nisa jiġu esklużi minn impjieg minħabba l-fatt biss li huma ġeneralment iżgħar u inqas b'saħħithom mill-irġiel, meta rġiel li għandhom karatteristiċi fiżiċi simili huma aċċetati għal dan l-impjieg.
47 F'dan il-każ, huwa veru li d-Digriet ta' l-2001 ma jipprojbixxix l-impjieg tan-nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art mingħajr ma jipprovdi eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni, iżda l-fatt jibqa' li l-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni ġenerali li tidher fl-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmi Digriet jibqa' wiesa’ fil-każ fejn dan jeskludi n-nisa stess minn xogħol li mhuwiex ta' sforz fiżiku u li, bħala konsegwenza, ma jippreżentax riskju speċifiku għall-preżervazzjoni tal-kapaċitajiet bioloġiċi tal- mara li toħroġ tqila jew li tredda, jew għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-mara tqila, li għadha kemm welldet jew li qed tredda, jew ukoll għall-fetu.
48 L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2), punt 1, ta' dan id-Digriet jipprevedi biss, fil-fatt, il-postijiet ta' direzzjoni u pożizzjonijiet tekniċi magħmula minn persuni li jokkupaw "post ta' responsabbiltà" u għalhekk qegħdin fi grad ġerarkiku ogħla. L-eċċezzjoni prevista fil-punt 2 ta' l-imsemmi paragrafu ma tikkonċernax il-ħaddiema li jeżerċitaw attività fis-servizzi soċjali jew tas-saħħa, u l-punti 3 u 4 ta' l-istess paragrafu jittrattaw biss sitwazzjonijiet speċifiċi limitati fiż-żmien.
49 Tali legiżlazzjoni jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-mara fis-sens tal-paragrafu 2(3) tad-Direttiva 76/207.
50 Jirriżulta li l-projbizzjoni ġenerali fuq l-impjieg tan-nisa fis-settur ta' l-industrija tal-mini taħt l-art espressament imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet ta' l-2001, anki jekk moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni ma jikkostitwixix differenza fit-trattament li huwa permissibbli skond l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207.
Dwar l-Artikolu 307 KE u l-Konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO.
– L-argumenti tal-partijiet.
51 Il-Gvern Awstrijak isostni li, indipendentement mir-raġunijiet mediċi invokati, ir-restrizzjonijiet ta' l-impjieg tan-nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art, fil-limiti previsti skond il-leġiżlazzjoni l-ġdida, huma ġġustifikati wkoll minħabba l-fatt li r-Reppubblika ta' l-Awstrija hija marbuta mill-Konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO, irratifikata minnha fl-1937.
52 Fir-rigward tas-sentenzi tat-2 ta' Awwissu 1993, Levy, C-158/91, (Ġabra I-4287, punt 17 et seq), u tat-3 ta' Frar 1994, Minne, C-13/93, (Ġabra I-371, punt 19), huwa fi kwalunkwe każ permissibbli għall-Istati membri li jiddefendu d-drittijiet mogħtija lilhom mit-trattati. Isegwi li l-Gvern Awstrijak, marbut li jittrasponi fid-dritt Nazzjonali l-projbizzjoni ta' impjieg inkluza fil-Konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO, mhuwiex obbligat li japplika f'dan fir-rigward ta' l-Artikolu 2 u 3 tad-Direttiva 76/207.
53 Il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni mogħtija mill-Gvern Awstrijak fis-sentenzi Levy u Minne, iċċitati iktar 'il fuq, huma ġenerali wisq.
54 Skond il-Kummissjoni l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 307 KE mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ta' l-4 ta' Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-84/98, (Ġabra p. I-5215, punti 51 u 53), huma trasponibbli direttement fil-kawża in kwistjoni. Fil-fatt, il-konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO fiha, fl-Artikolu 7 tagħha, klawżola ta' denunzja. Huwa inkontestabbli li r-Repubblika ta' l-Awstrija setgħat tiddenunzja din il-konvenzjoni b'effett mit-30 ta' Mejju 1997, jiġifieri data wara dik li fiha d-Direttiva saret obbligatorja għaliha minħabba r-ratifika tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU L 1, 1994, p. 3). Ir-Repubblika ta' l-Awstrija kien ikollha tipproċedi għal din id-denunzja skond l-Artikolu 3(2) tad-Diretta 76/207.
55 Il-Gvern Awstrijak jwieġeb li ma setax ikun jaf li d-dritt applikabbli f'dan il-qasam fl-Awstrija huwa kuntrarju għad-dritt Komunitarju, u lanqas li l-Kummissjoni tqis id-dispożizzjonijiet in kwistjoni bħala kuntrarji għad-dritt Komunitarju. L-ewwel ittra tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni kienet tad-29 ta' Settembru 1998. Minn dan jirriżulta li denunzja tal-Konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO hija possibbli mill-iktar fis fit-30 ta' Mejju 2007.
56 Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar 'il fuq, ma timponi ebda obbligu ġenerali fuq l-Istati membri sabiex jiddenunzjaw il-ftehim internazzjonali tagħhom meta dawn imorru kontra d-dritt Komunitarju. Din l-interpretazzjoni, skond il-Gvern Awstrijak, tirriżulta wkoll mis-sentenza tal-5 ta' Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-475/98, (Ġabra p. I-9797, punt 49), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta' ftehim internazzjonali magħrufa bħala tas-"sema' miftuħ" li, fil-każ ta' emenda ta' tali ftehim qabel l-adeżjoni, l-Istati membri mhux biss ma jistgħux jagħmlu rabtiet ġodda internazzjonali, iżda għandhom ukoll iżommu fis-seħħ tali rabtiet jekk dawn huma kuntrarji għad-dritt Komunitarju. Kieku kien jeżisti obbligu ġenerali ta' denunzja tal-ftehim li huma kuntrarji għad-dritt Komunitarju ma kienx ikun neċessarju li jiġi stabbilit li l-ftehim kollu ġie kkonfermat waqt li partijiet minnu ġew emendati.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
57 irriżultaJirriżulta mill-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 307 KE li l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi, għall-Istati aderenti qabel id-data ta' l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar minn naħa, u Stat mhux membru wieħed jew iktar min-naħa l-oħra, m'għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.
58 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija, li ngħaqdet mal-Komunità Ewropea fl-1 ta' Jannar 1995, irratifikat il-konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO qabel din id-data. Din il-Konvenzjoni fiha, fl-Artikolu 2 tagħha, projbizzjoni ġenerali għall-impjieg tan-nisa fix-xogħol taħt l-art fil-minjieri, u tippermetti, fl-Artikolu 3 tagħha, xi eċċezzjonijiet li huma ta' l-istess tip ta' dawk previsti mid-Digriet ta' l-2001. Huwa kostanti li dan id-Digriet jimplementa l-obbligi li jirriżultaw minn din il-Konvenzjoni mingħajr ma jmur lil hinn mir-restrizzjonijiet fuq l-impjieg tan-nisa li huma previsti fih.
59 F'dawn F'dawn iċ-ċirkustanzi, jekk huwa veru li r-Repubblika ta' l-Awstrija tista' bħala prinċipju, tinvoka l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 307 KE, sabiex iżżomm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw l-obbligi msemmija iktar 'il fuq, xorta jibqa’ l-fatt li t-tieni inċiż ta' l-istess Artikolu jippreċiża li, fil-każ fejn konvenzjonijiet ta’ qabel fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-imsemmi Artikolu mhumiex kompattibli mat-Trattat, l-Istat jew Stati membri in kwistjoni għandhom jirrikorru għall-mezzi xierqa kollha sabiex jeliminaw inkompatibbiltajiet stabbiliti.
60 Issa, fid-dawl tal-konklużjoni li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għaliha fil-punt 50 ta' din is-sentenza, l-obbligi li jirriżultaw għar-Repubblika Awstrijaka mill-Konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO huma inkompatibbli ma' l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 76/207.
61 Kif ukoll jirriżulta Kif ukoll jirriżulta mill-punt 50 tas-sentenza ta' l-4 ta' Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-62/98, (Ġabra p. I-5171), fost il-mezzi xierqa sabiex tiġi eliminata tali inkompatibbiltà li huma previsti fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 307 KE, tidher b'mod partikolari d-denunzja tal-Konvenzjoni in kwistjoni.
62 Madankollu, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-unika okkażjoni għar-Repubblika ta' l-Awstrija wara l-adeżjoni tagħha mal-Komunità Ewropea, sabiex tiddenunzja l-Konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO ppreżentat ruħha, skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7(2) ta' din il-Konvenzjoni, waqt is-sena ta' wara t-30 ta' Mejju 1997. Issa, f'dak iż-żmien, l-inkompatibbiltà bejn il-projbizzjoni prevista minn din il-Konvenzjoni u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/207, kienu għadhom ma ġewx stabbiliti biżżejjed sabiex Stat membru jkun marbut li jiddenunzja l-imsemmija Konvenzjoni.
63 Għandu jingħad ukoll li, kif ukoll jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni Nru 45 ta' l-ILO, l-opportunità li jmiss sabiex ir-Repubblika ta' l-Awstrija tiddenunzja din il-Konvenzjoni tkun b'effett ta' l-iskadenza ta' perijodu ġdid ta' għaxar snin mit-30 ta' Mejju 1997.
64 Isegwi illi, billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk li fih id-Digriet ta' l-2001, ir-Repubblika ta' l-Awstrija ma naqsitx milli wettqet l-obbligi imposti fuqha mid-dritt Komunitarju.
65 Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li għandu jiġi miċħud ir-rikros safejn jikkonċerna l-projbizzjoni ta' l-impjieg tan-nisa fis-settur ta' l-industrija tal-minjieri taħt l-art.
Il-projbizzjoni ta' l-impjieg tan-nisa f'xogħol li jseħħ f'atmosfera iperbarika u xogħol magħmul minn bugħaddasa
L-argumenti tal-partijiet
66 Il-Kummissjoni tqis li l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-projbizzjoni ta' l-impjieg tan-nisa fl-industrija tal-minjieri taħt l-art huma applikabbli bl-istess mod għall-projbizzjoni ta' l-impjieg tan-nisa għal xogħlijiet li jseħħu f'atmosfera iperbarika u xogħol magħmul minn bugħaddasa. Tali projbizzjoni ġenerali ta' l-impjieg tan-nisa mogħtija mingħajr evalwazzjoni individwali ma tistax tiġi ġġustifikata mill-bżonn allegat ta' protezzjoni partikolari tagħhom.
67 Fl-opinjoni tal-Gvern Awstrijak, ir-restrizzjonijiet ta' impjieg li jidhru fl-Artikolu 8 u 31 tad-Digriet ta' l-1973 huma wkoll iġġustifikati minħabba raġunijiet mediċi u jirrigwardaw b'mod speċifiku l-attivitajiet tan-nisa.
68 Ix-xogħlijiet li għandhom isiru f'atmosfera iperbarika u x-xogħol li jagħmlu l-bugħaddasa jirrappreżentaw, fil-parti l-kbira, sforz fiżiku qawwi, per eżempju fil-kuntest tal-kostruzzjoni ta' metropolitani f'atmosfera iperbarika, kif ukoll fil-każ ta' xogħlijiet ta' drenaġġ imwettqa fuq pontijiet u taħt l-ilma. Il-projbizzjoni ta' impjieg tan-nisa għax-xogħlijiet ta' tensjoni qawwija fuq il-fiżiku f'atmosfera iperbarika u l-projbizzjoni ta' impjieg għax-xogħlijiet imwettqa minn bugħaddasa huma ġġustifikabbli minħabba l-kapaċità respiratorja inferjuri tan-nisa ħdejn dik ta' l-irġiel, u numru inqas ta' eritroċiti fin-nisa.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
69 Il-projbizzjoni assoluta fuq l-impjieg tan-nisa għax-xogħol li jagħmlu l-bugħaddasa ma jikkostitwixxix differenza fit-trattament aċċettat skond l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207.
70 Il-firxa tax-xogħlijiet li jagħmlu l-bugħaddasa hija kbira u tinkludi, per eżempju, xi attivitajiet fil-kuntest tal-bioloġija, arkeoloġija, turiżmu u tal-pulizija kriminali.
71 Il-projbizzjoni assoluta imposta mill-Artikolu 31 tad-Digriet ta' l-1973 teskludi lin-nisa wkoll minn xogħlijiet li ma jirrappreżentawx sforz kbir fuq il-fiżiku u tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-mara.
72 F'dak li jikkonċerna l-impjieg f'atmosfera iperbarika, id-Digriet ta' l-1973 jeskludi lin-nisa mix-xogħol li jwassal għal sforz elevat fuq l-organiżmu tagħhom.
73 Sakemm il-Gvern Awstrijak jinvoka, fir-rigward tan-nisa, kapaċità respiratorja inferjuri u numru inqas elevat ta' eritroċiti, sabiex jiġġustifika din l-esklużjoni, jibbaża ruħu fuq argument li jitlaq mill-valuri medji mkejla bil-kampjun f'dak li jikkonċerna n-nisa sabiex jiġu mqabbla ma dak li jikkonċerna l-irġiel. Issa kif ammetta dan il-Gvern stess waqt il-kors tal-proċedura prekontenzjuża, fir-rigward ta' dawn il-varjabbli, iż-żoni ta' koinċidenza tal-valuri femminili individwali u l-valuri maskili individwali huma importanti.
74 F'dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni li teskludi evalwazzjoni individwali, u tipprojbixxi lin-nisa mill-impjieg in kwistjoni, meta tali impjieg ma jeskludix lill-irġiel li l-kapaċità vitali tagħhom u n-numru ta' eritroċiti huwa ugwali jew inqas mill-valuri medja mkejla bil-kampjun f'dak li jikkonċerna lin-nisa, mhuwiex awtorizzat skond l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207 u jikkostitwixxi diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess.
75 Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li, billi żamm, fl-Artikoli 8 u 31 tad-Digriet ta' l-1973, projbizzjoni ġenerali fuq l-impjieg tan-nisa f'atmosfera iperbarika u fix-xogħol li jwettqu l-bugħaddasa, billi jipprevedi f'dan ta' l-qabel numru limitat ta' eċċezzjonijiet, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 76/207.
Fuq l-ispejjeż
76 Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. Peress illi parti biss mir-rikors tal-Kummissjoni ġie milqugħ, hemm lok li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Billi żammet, fl-Artikoli 8 u 31 tad-Druckluft- und Taucherarbeiten-Verordnung (digriet dwar ix-xogħlijiet f'atmosfera iperbarika u x-xogħol imwettaq minn bugħaddasa) tal-25 ta' Lulju 1973, projbizzjoni ġeneral fuq l-impjieg tan-nisa f'atmosfera iperbarika u fix-xogħol li jwettqu l-bugħaddasa, billi jipprevedi f'dan ta' l-qabel numru limitat ta' eċċezzjonijiet, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207 /KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol;
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-partijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy