Partijiet
Motivi tas-sentenza
Deċiżjoni dwar l-ispejjeż
Parti operattiva
Partijiet
Fil-kawża C-235/03
li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n° 35 de Barcelona (Spanja), permezz ta' deċiżjoni tal-
5 ta' Mejju 2003
, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-
2 ta' Ġunju 2003
, fil-proċedura
QDQ Media SA
Alejandro Omedas Lecha,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA ,
komposta minn A. Borg Barthet, President ta' l-Awla, u J.-P. Puissochet (Relatur) u S. von Bahr, Mħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura miktuba,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
- għal QDQ Media SA, minn Á. Quemada Cuatrecasas, Procurador de los Tribunales, u J. García López, abogado,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Valero Jordana u R. Amorosi, bħala aġenti, assistiti minn F. López Balaguer, abogado,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet - wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali - li tiddeċiedi li l-kawża mingħajr Konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Motivi tas-sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 200, p. 35).
2. Din it-talba saret fil-kuntest ta' l-eżami mill-Juzgado de Primera Instancia n° 35 de Barcelona (qorti tal-prim'istanza nru. 35 ta' Barċellona) ta' talba għal inġunzjoni għall-ħlas ippreżentata mill-kumpanija QDQ Media SA kontra s-Sur Omedas Lecha, li ma onorax il-kont għal ċerti servizzi pubbliċitarji għall-attività professjonali tiegħhu.
Il-qafas legali
Id-dritt komunitarju
3. Id-Direttiva 2000/35 għandha l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi, jew bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi għall-provvista ta' merkanzija jew għall-għoti ta' servizzi bi ħlas.
4. L-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 2000/35 jipprovdi li ġej:
L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:
[...]
e) sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien, il-kreditur għandu jkun intitolat li jitlob kumpens raġonevoli mid-debitur għall-ispejjeż kollha rilevanti ta' rkupru magħmula minħabba l-ħlas tard ta' dan ta' l-aħħar. Dawk l-ispejjeż ta' rkupru għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' trasparenza u proporzjonalità fir-rigward tad-dejn in kwistjoni. L-Istati Membri jistgħu, waqt li jirrispettaw il-prinċipji riferiti hawn fuq, jiffissaw ammonti massimi fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' rkupru għall-livelli differenti ta' dejn.
Id-dritt nazzjonali
5. L-Artikolu 32(5), tal-Ley de Enjuiciamiento Civil 1/2000, (Kodiċi ta' Proċedura Ċivili), tas-7 ta' Jannar 2000, (iktar 'il quddiem l-LEC), tipprovdi li, f'dak li jirrigwarda spejjeż marbuta ma' proċedura ġgudizzjarja:
Meta r-rappreżentanza legali mhijiex obbligatorja, għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu ta' l-ispejjeż li għalihom tista' eventwalment tiġi kkundannata l-kontroparti, id-drittijiet u l-onorarji li jitħallsu għal tali rappreżentanza legali mill-parti li tirrikorri għal dawn is-servizzi, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn il-Qorti tiġġudika l-imġieba tal-parti kkundannata li tbati l-ispejjeż bħala vessatorja, jew fil-każ fejn id-domiċilju tal-parti assistita u difiża jinsab barra mill-post fejn isseħħ l-istanza. F'dan l-aħħhar każ, il-limiti msemmija fl-Artikolu 394(3) ta' din il-liġi għandhom japplikaw.
6. L-Artikolu 394(3), tal-LEC jipprovdi li:
Meta [...] il-parti li titlef hija kkundannata tbati l-ispejjeż, hija tista' tiġi biss imġiegħla tħallas, barra mis-somma li tikkorrispondi mar-rimunerazzjoni ta' l-avukati jew professjonijiet oħra li mhumiex soġġetti għal tariffa ta' l-ispejjeż jew ta' onorarji, ammont totali li ma jeċċedix terz ta' l-ammont li fuqu tkun qed issir il-kawża, għal kull waħda mill-partijiet fil-kontroversja li kisbu deċiżjoni bħal din favur tagħhom [...].
Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti mhumiex applikabbli meta l-Qorti tkun sabet lill-parti li ġiet ikkundannata tbati l-ispejjeż vessatorja .
7. Il-LEC tipprovdi li tista' tintuża l-proċedura ta' inġunżjoni għall-ħlas ta' djun li huma inqas minn somma partikolari u taħt ċerti kundizzjonijiet.
8. L-Artikolu 814(2), tal-LEC jippreċiża li:
Għall-preżentazzjoni tar-rikors inizjali ta' inġunzjoni għall-ħlas, mhijiex essenzjali r-rappreżentazzjoni legali.
Il-kawża prinċipali u d-domanda rinvijata għal deċijoni preliminari
9. Il-kumpanija QDQ Media għamlet użu mis-servizzi ta' prokuratur legali ( procurador ) sabiex tippreżenta, fit-18 ta' Frar 2003, ir-rikors inizjali ta' inġunzjoni għall-ħlas tas-somma ta' EUR 470.58 kontra s-Sur Omedas Lecha quddiem il-qorti tar-rinviju.
10. Il-Juzgado de Primera Instancia n° 35 de Barcelona ddeċieda li jiddiferixxi l-kawża u jrrinvija d-domanda segwenti għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
Fil-kuntest tal-protezzjoni tal-kreditur prevista mid-Direttiva 2000/35 [...] l-ispejjeż ta' rkupru tad-dejn jistgħu jiġu inklużi fost l-ispejjeż li jirriżultaw mill-intervent ta' rappreżentanza u assistenza legali f'proċedura ta' inġunzjoni għall-ħlas magħmula għall-irkupru ta' dan id-dejn?
Dwar id-domanda preliminari
11. Wara li kkonstatat li QDQ Media għhandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f'Madrid u li hija kienet ressqet il-kawża quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n° 35 de Barcelona, il-Qorti talbet kjarifiki minn din il-qorti, konformement ma' l-Artikolu 104(5) tar-Regoli ta' Proċedura tagħha, prinċipalment sabiex issir taf ir-raġuni għaliex l-Artikolu 32(5), tal-LEC ma kienx jippermettilha li tissodisfa t-talba ta' QDQ Media li l-ispejjeż għar-rappreżentanza legali jiġu inklużi ma' l-ispejjeż li s-Sur Omedas Lecha jista' jkun ikkundannat li jħallas.
12. Il-qorti tar-rinviju wieġbet għal din it-talba b'dan il-mod:
L-Artikolu 32 tal-LEC jipprovdi għall-possibiltà ta' kundanna għall-ispejjeż fil-proċeduri dikjaratorji ta' natura kontradittorja. Il-proċedura ta' inġunzjoni għall-ħlas mhijiex parti mill-proċeduri dikjaratorji, ta' l-anqas f'dak li jirrigwarda l-fażi ta' inġunzjoni għall-ħlas. Fil-fatt, il-LEC tuża l-frażi rikors inizjali' (Artikolu 814 tal-LEC) u mhux talba għal inġunzjoni għall-ħlas' kif ukoll kreditur u debitur' u mhux partijiet fil-kawża'. L-Artikolu 32(5) tal-LEC jista' jiġi applikat fil-fażi kontradittorja - li tirreferi għall-qari tas-sentenza jew għall-proċedura ordinarja - iżda d-domanda preliminari tikkonċerna l-possibiltà li jiġu nklużi fl-ispejjeż l-ispejjeż magħmula mill-preżentata tat-talba inizjali, fi kliem ieħor, hija ntiża li tistabbilixxi jekk, konformement mad-Direttiva kkonċernata, huwiex possibbli li jiġi kkundannat li jbati dawk l-ispejjeż id-debitur li ma jkunx oppona l-ħlas jew li l-oppożizzjoni tiegħu għall-ħlas kienet probabbilment tiġi rifjutata, mingħajr il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata l- mala fede jew, jekk ikun il-każ, li jitqies id-domiċilju tal-kreditur. Barra minn dan, huwa xieraq li jingħad li, anki jekk l-entità kreditriċi għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f'Madrid, impriża ta' dan it-tip żgur li għandha stabbilimenti u aġenziji fit-territorju Spanjol kollu. Konsegwentement, din id-domanda tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jiġu rkuprati l-ispejjeż legali fil-proċeduri kollha ta' inġunzjoni għall-ħlas, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tad-Direttiva kkonċernata.
13. Sabiex tingħata tweġiba lill-qorti nazzjonali, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, kemm fil-każ ta' dispożizzjonijiet adottati qabel kif ukoll ta' dawk adottati wara d-Direttiva, il-qorti nazzjonali mitluba li tinterpreta dan id-dritt hija marbuta li tagħmel dan, safejn hu possibbli, fid-dawl tat-test u ta' l-għan aħħari tad-Direttiva, sabiex tikseb ir-riżultat intiz minnha u tkun konformi mat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Settembru 2000, Collino u Chiappero, C-343/98, Ġabra p. I6659, punt 21).
14. Mill-ispjegazzjonijiet u mill-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li tali dritt nazzjonali ma jippermettix li d-debitur jiġi mġiegħel iħallas l-ispejjeż ta' l-assistenza legali għall-preżentazzjoni ta' rikors inizjali għall-inġunzjoni għall-ħlas meta l-proċedura ma taqax fil-fażi kontradittorja jew meta stabbiliment jew aġenzija tal-kreditur jinsab fil-ġurisdizzjoni tal-qorti li għandha l-kawża quddiemha, jiġifieri, sitwazzjonijiet li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra speċifikament fid-domanda tagħha.
15. Skond din il-qorti, ir-riżultat mfittex favur QDQ Media f'sitwazzjonijiet bħal dawn ma jistax għaldaqstant jiġi miksub permezz ta' applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, anki jekk ikun interpretat, safejn hu possibbli, fid-dawl tad-Direttiva 2000/35.
16. Madankollu, f'każ li jinvolvi kontroversja bejn individwi, bħal ma hu l-każ fil-kawża preżenti, direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi fir-rigward ta' individwu u tiġi invokata bħala tali fil-konfront tiegħu stess (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta' Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 48, u tal-5 ta' Ottubru 2004, Pfeiffer et ., C-397/01 sa C-403/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 108).
17. Konsegwentement, hemm lok li d-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali tiġi mwieġba fis-sens li fl-assenza tal-possibiltà, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, li jiġu inklużi fil-kalkolu ta' l-ispejjeż li jista' jiġi kkundannat għalihom debitur privat għal dejn ta' natura professjonali l-ispejjeż għar-rappreżentanza legali ta' kreditur fi proċedura ġudizzjarja għall-irkupru ta' tali dejn, id-Direttiva 2000/35/KE ma tistax, minnha nfisha, isservi ta' bażi għal tali possibiltà.
Deċiżjoni dwar l-ispejjeż
Dwar l-ispejjeż
18. Peress li l-proċedura preżenti għandha, fir-rigward għal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' inċident imressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha għaldaqstant tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Parti operattiva
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
Fl-assenza tal-possibiltà, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, li jiġu inklużi fil-kalkolu ta' l-ispejjeż li jista' jiġi kkundannat għalihom debitur privat għal dejn ta' natura professjonali l-ispejjeż għar-rappreżentanza legali ta' kreditur fi proċedura ġudizzjarja għall-irkupru ta' tali dejn, id-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali, ma tistax, minnha nfisha, isservi ta' bażi għal tali possibiltà.
Full & Egal Universal Law Academy