SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
13 ta’ Jannar 2005 (*)
"Appell – Sajd – Ftehim tas-sajd ma’ l-Arġentina – Għajnuna finanzjarja Komunitarja – Tnaqqis"
Fil-kawża C-254/03 P,
li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-13 ta’ Ġunju 2003,
Eduardo Vieira SA, irrappreżentata minn J.-R. García-Gallardo Gil-Fournier u D. Domínguez Pérez, abogados,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán, bħala aġent, assistit minn J. Rivas-Andres, u J. Gutiérrez Gisbert, avocats, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
Komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, N. Colneric (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Settembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ l-appell tagħha, Eduardo Vieira SA (iktar ‘il quddiem "SAEV") titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-3 ta’ April 2003, Vieira et vs Il-Kummissjoni (T‑44/01, T‑119/01 u T-126/01, Ġabra p. II-1209, iktar ‘il quddiem is-"sentenza kkontestata"), safejn din tiċħad ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2001 li tnaqqas il-ħlas ta’ għajnuna miftiehma għall-proġett ARG/ESP/SM/26-94 għat-twaqqif ta’ intrapriżi konġunti fil-kuntest tal-ftehim dwar ir-relazzjonijiet tas-settur tas-sajd tal-baħar bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Arġentina (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").
Il-kuntest ġuridiku
Il-ftehim dwar ir-relazzjonijiet tas-settur tas-sajd tal-baħar bejn il-Komunità u r-Repubblika ta’ l-Arġentina
2 Il-ftehim dwar ir-relazzjonijiet tas-settur tas-sajd tal-baħar bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Arġentina (iktar ‘il quddiem il-"ftehim tas-sajd") ġie approvat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3447/93, tat-28 ta’ Settembru 1993 (ĠU L 318, p. 1).
3 L-Artikolu 5(1) u (2) tal-ftehim tas-sajd jiddisponi li:
"1. Il-Partijiet għandhom joħolqu kondizzjonijiet adegwati għat-twaqqif ta’ impriżi fl-Arġentina permezz ta’ kapital li jigi min wieħed jew aktar mill-Istati Membri tal-Komunità u l-kreazzjoni ta’ intrapriżi u impriżi konġunti fis-settur tas-sajd bejn is-sidien tal-bastimenti ta’ l-Arġentina u l-Komunità [bl-għan] li jesplojtaw flimkien u, fejn xieraq, jipproċessaw flimkien ir-riżorsi ta’ l-istrutturi tas-sajd [ta’ l]-Arġentina taħt il-kondizzjonijiet mniżżlin f’Protokoll I u l-anness I u II.
2. L-Arġentina għandha tagħti l-impriżi definiti taħt paragrafu 1 aċċess għall-opportunitajiet għas-sajd mniżżlin f’Protokoll I b’mod konformi mad-dispo[ż]izzjonijiet ta’ l-anness I sa IV."
4 L-Artikolu 2(e) ta’ dan il-ftehim jiddefinixxi "intrapriża konġunta" bħala "kumpan[n]ija mwaqqfa taħt il-ligi privata li tikkonsisti minn wieħed jew aktar sidien tal-Komunità u wieħed jew akt[a]r mill-persuni naturali jew legali ta’ l-Arġentina maqgħuda minn kuntratt ta’ intrapriża konġunta b’għan li jużaw u, fejn xieraq, l-ipproċessar tar-riżorsi tas-sajd b’priorità għas-suq tal-Komunità".
5 Skond l-Artikolu 5(3) ta’ l-istess ftehim, it-twaqqif ta’ intrapriża konġunta timplika, fil-prinċipju, it-trasferiment ta’ bastiment Komunitarju. Dan ta’ l-aħħar huwa għalhekk mneħħi mir-Reġistru tal-Komunità.
6 Taħt l-Artikolu 6 tal-ftehim tas-sajd:
"Il-Partijiet għandhom jagħżlu l-proġetti għal-impriżi konġunti, impriżi tal-Komunità mwaqqfin fl-Arġentina u l-intrapriżi konġunti li hemm provdut fl-Artikolu 5, li se jkunu awtori[zz]ati li jieħdu l-kwantitajiet tal-qbid tal-ħut speċifikat fil-Protokoll I. Dawn il-proġetti għandhom jinta[għ]żlu b’mod konformi mal-metodu u kriterji mniżżlin [fl]-Anness III."
7 L-Artikolu 7(1) ta’ dan il-ftehim jiddisponi li:
"Sabiex [i]ħeġġu t-twaqqif ta’ impriżi li hemm provdut fl-Artikolu 5, il-pro[ġ]etti magħżula mill-Partijiet jistgħu [j]ġibu assistenza finanzjarja b’mod konformi ma Protokoll I."
8 It-tieni punt ta’ l-Anness III ta’ dan l-istess ftehim jipprevedi li l-proġetti għat-twaqqif ta’ l-intrapriżi konġunti għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mill-Istati Membri "b’mod konformi mar-regoli tal-Komunità".
9 Skond it-tielet punt ta’ dan l-Anness, il-Komunità għandha tagħti lill Kumitat Konġunt lista tal-proġetti li huma eleġibli għal għajnuna finanzjarja. Permezz ta’ din l-istess dispożizzjoni
"Il-Kumitat Konġunt għandu jistima l-proġetti b’mod konformi ba[ż]ikament mal-kriterji li ġejjin:
a) teknoloġija xierqa għal operazzjonijiet tas-sajd proposti;
b) speċji u żoni għas-sajd;
c) l-i[m]modernizzar tal-bastimenti;
d) investiment totali tal-proġetti;
e) investiment fil-pjanti li huma fuq l-art;
f) esperjenza preċedenti tas-sid tal-bastiment tal-Komunità u kull sieħeb Arġentin fis-settur tas-sajd."
10 Skond il-punti 4 u 5 ta’ l-Anness III tal-ftehim tas-sajd, l-proġetti jiġu approvati, fuq parir tal-Kumitat Konġunt "mill-awtorità tat-twettiq ta’ l-Arġentina u l-Komunità".
11 Il-Protokoll I ta’ dan il-ftehim huwa intitolat "l-opportunitajiet għas-sajd u l-kumpens finanzjaru […]". L-Artikolu 1 tiegħu jistabbilixxi l-qbid annwali massimi għas-sajd ta' l-ispeċji żejda (Patagonian grenadier (macruronus magellanicus), il-klamari shortfin ta’ l-Arġentina (illex argentinus), Patagonian rockcod (salilota australis) u/jew roughhead grenadier (macrourus whitsoni)) u ta' l-ispeċji mhux żejda (merluccius hubbsi) previsti minn dan l-istess ftehim.
12 L-intrapriżi konġunti huma awtorizzati li jaqbdu l-ispeċji żejda u l-ispeċji mhux żejda msemmija fil-kwantitajiet tal-qbid tal-ħut speċifikati fil-Protokoll I (l-Artikolu 6 tal-ftehim tas-sajd) u jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja skond id-dispożizzjonijiet ta' l-istess Protokoll (l-Artikolu 7 tal-ftehim).
13 Għal dan il-għan, l-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll jiddisponi li:
"1. […] il-Komunità għandha tipprovdi [assistenza] finanzjara għall-formazzjoni ta’ intrapriżi konġunti […]
L-assistenza finanzjara […] għandha titħallas mis-sidien tal-Komunità biex [i]kopri parti mill-kontribuzzjonijiet tiegħu għat-twaqqif ta’ intrapr[i]żi […] konġunti […] u/jew biex ineħħi l-bastimenti kkonċernati mir-Reġistru tal-Komunità.
2. [Bl]-għan li jinkoraġ[ġ]ixxu t-twaqqif u l-i[ż]villup ta’ intrapriżi konġunti, [i]l-Komunità għandha tagħti lill-intrapriżi konġunti stabbiliti fl-Arġe[n]tina għajnuna finanzjara ta’ ħmistax (15) fil-mija ta’ l-ammont [i]mħallas lis-sid tal-Komunità. […]
[…]
4. Id-dispo[ż]izzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjonijiet u l-għotja ta’ assistenza mill-Komunità lis-sid tal-Komunità definiti fil-paragrafu 1 għandha titnizzel b’mod konformi mar-regoli rilevanti tal-Komunità.
[…]"
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward ta’ intrapriżi konġunti fis-settur tas-sajd
14 Fit-18 ta’ Diċembru 1986, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 4028/86, dwar azzjonijiet Komunitarji għat-titjib u l-adattar ta’ l-istrutturi tas-settur tas-sajd u ta’ l-akwakultura (ĠU 376, p. 7). Dan ir-Regolament, kif suċċessivament emendat bir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3944/90 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1990 (ĠU L 380, p. 1), Nru 2794/92 tal-21 ta’ Settembru 1992 (ĠU L 282, p. 3), u Nru 3946/92 tad-19 ta’ Diċembru 1992 (ĠU L 401, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-"Regolament Nru 4028/86"), jipprevedi fl-Artikoli 21a sa 21d, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li, għal proġetti ta’ intrapriżi konġunti tas-sajd, tagħti tipi differenti ta’ għajnuna finanzjarja, ta’ ammont li jvarja skond it-tunnellaġġ u l-età tal-bastimenti kkonċernati, sakemm dawn il-proġetti jirrispettaw il-kundizzjonijiet li jistabbilixxi.
15 Il-"kumpannija konġunta" hija ddefinita, fl-Artikolu 21a tar-Regolament Nru 4028/86, bħala kumpannija mwaqqfa skond il-ligi privata li tikkonsisti minn sid Komunitarju jew iktar u sieħeb jew iktar minn pajjiż terz […], intiża għall-isfruttament u eventwalment il-valorizazzjoni tar-riżorsi tas-sajd li jinsabu fl-ibħra taħt is-sovranità u/jew il-ġuriżdizzjoni ta’ dak il-pajjiżi terz, fil-perspettiva ewlenija li tipprovdi għas-suq Komunitarju". Il-Kummissjoni tagħti għajnuna finanzjarja lill-proġetti ta’ intrapriżi konġunti "sabiex tkopri l-parteċipazzjoni finanzjarja ta’ l-imsieħeb jew l-imsieħba Komunitarji skond il-kapital investit fl-intrapriża konġunta" (l-Artikolu 21c(1)).
16 L-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 4028/86, li ġie applikat sal-31 ta’ Diċembru 1993, jiddisponi li:
"Waqt il-perijodu kollu ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna Komunitarja, l-awtorità jew korp magħżul għal dan il-għan mill-Istat Membru interessat tittrażmetti lill-Kummissjoni, fuq talba tiegħu, kull dokument probatorju u kull dokument ta’ natura li jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet finanzjarji jew kundizzjonijiet oħra imposti għal kull proġett huma sodisfatti. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tissospendi, tnaqqas jew tneħħi l-għajnuna, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 47:
– jekk il-proġett mhuwiex imwettaq kif previst, jew
– jekk ċertu kundizzjonijiet imposti ma jiġux issodisfatti, jew
[…]"
17 Bl-adozzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2080/93, ta’ l-20 ta’ Lulju 1993, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f’dak li jirrigwarda l-istrument finanzjarju għall-gwida tas-sajd (ĠU L 193, p. 1), u (KE) Nru 3699/93, tal-21 ta’ Diċembru 1993, li jiddefinixxu l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd u l-akwakultura kif ukoll tat-trasformazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom (ĠU L 346, p. 1), it-tmexxija u l-finanzjament ta’ l-intrapriżi konġunti huma inklużi fl-istrument finanzjarju għall-gwida tas-sajd (FIFG). L-Istati Membri huma issa responsabbli għall-għażla tal-proġetti ta’ l-intrapriżi konġunti li ser jiġu ffinanzjati. Huma wkoll responsabbli mit-tmexxija u tal-kontroll tal-proġetti.
18 Skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2080/93, ir-Regolament Nru 4028/86 ġie rrevokat, b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 1994. Madankollu, dan ta’ l-aħħar kif ukoll id-dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu baqgħu applikabbli għat-talbiet ta’ l-għajnuna finanzjarja introdotti qabel din id-data.
19 It-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 3(1), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċemrbu 1988, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-għajnuna tal-Fondi strutturali differenti, min-naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u ta’ strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta’ l-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar ‘il quddiem ir-"Regolament Nru 4253/88"), jiddisponi li, fit-twettiq ta’ l-għanjiet previsti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2052/88, il-Kummissjoni tiżgura, fil-kuntest ta’ sħubija, konsistenza bejn l-għajnuna tal-Fondi u għajnuna strutturali pprovduta taħt ir-riżorsi tal-baġit Komunitarju għal azzjonijiet oħra. Taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, il-Kummissjoni, wara eżami xieraq tal-każ li fih "it-twettiq ta’ azzjoni jew ta’ miżura tidher li ma tiġġustifikax la parti la l-għajnuna finanzjarja kollha lilha mogħtija" (paragrafu 1), "tista’ tnaqqas jew tissospendi l-għajuna għall-azzjoni jew il-miżura kkonċernata jekk l-eżami jikkonferma l-eżistenza ta’ irregolarità jew ta’ emenda importanti li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni jew tal-miżura u li għalihom l-approvazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex mitluba" (paragrafu 2).
20 Bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p.1), ir-Regolament Nru 4253/88 ġie rrevokat b’seħħ mill- 1 ta’ Jannar 2000. Madankollu, din ir-revoka hija effettwata "mingħajr preġudizzju [għall-]Artikolu 52(1)". Taħt din l-aħħar dispożizzjoni, ir-Regolament Nru 1260/1999 "ma jafettwax it-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellament totali jew parzjali, ta’ l-għajnuna approvata […] mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-[Regolament] […] Nru 4253/88".
Il-kuntest fattwali
21 Il-fatti li fuqhom kien ibbażat ir-rikors immressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huma esposti kif ġej fis-sentenza kkontestata:
"18 Fil-kuntest tal-ftehim tas-sajd, il-kumpannija Spanjola [SAEV] ppreżentat proġett għat-twaqqif ta’ intrapriża konġunta bl-isem Vieira Argentina, SA, (iktar ‘il quddiem "VASA"), ikkostitwita minn SAEV u sid ta’ bastiment Arġentin. Il-proġett kien jipprevedi s-sajd ta’ l-ispeċji Patagonian toothfish. Il-bastiment Komunitarju Ibsa Cuarto, wara mogħti l-isem ġdid ta’ Vieirasa XII, kellu jiġi ttrasferit mal-proġett.
19 Bl-ittra tat-13 ta’ Ottubru 1994, il-Kummissjoni infurmat lil SAEV li l-proġett ma setgħax jittieħed in kunsiderazzjoni minħabba li l-ispeċji msemmija ma kinitx fost l-ispeċji koperti bil-ftehim tas-sajd.
20 Għalhekk, l-awtoritajiet Spanjoli ttrażmettew lill-Kummissjoni, bl-ittra ta’ l-20 ta’ Ottubru 1994, id-dokumenti li juru bidla fil-pjan tal-qbid li r-rikorrenti kkomunikalhom. Dan il-pjan isemmi l-qbid fiż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) Arġentina ta’ l-ispeċji żejda msemmija fil-Protokoll I tal-ftehim tas-sajd: Patagonian grenadier (macruronus magellanicus), roughhead grenadier (macrourus whitsoni) u Patagonian rockcod (salilota australis).
21 Bl-ittra tat-8 ta’ Diċembru 1994, il-Kummissjoni infurmat lil SAEV li l-proġett tagħha ma kienx irrakkomandat mill-Kumitat Konġunt tal-5 u tas-6 ta’ Diċembru 1994, billi l-imsieħeb Arġentin insista li jrid iżomm il-Patagonian toothfish (speċji mhux prevista fil-kuntest tal-ftehim tas-sajd) fil-pjan għall-qbid tal-proġett ippreżentat lill-Awtoritajiet Arġentini.
22 Bil-fax tat-12 ta’ Diċembru 1994, SAEV għarraf lill-Kummissjoni li l-imsieħeb Arġentin ‘irrinunzja għas-sajd tal-Patagonian toothfish, fl-ittra trażmessa lid-direzzjoni ġenerali tas-sajd u l-agrikoltura Arġentina, fl-24 ta’ Novembru 1994’.
23 L-awtoritajiet Arġentini approvaw il-proġett bir-Riżoluzzjoni Nru 14/95, ta’ l-14 ta’ Lulju 1995, billi ħarġu permess tas-sajd lill-bastiment Vieirasa XII għall-ispeċji żejda, li bis-saħħa tiegħu dan il-bastiment seta’ jaqbad 1,204 il-tunnellata ta’ roughhead grenadier (macrourus whitsoni), 1,204 tunnellata ta’ Patagonian rockcod (salilota australis), 301 tunnellata ta’ Patagonian grenadier (macruronus magellanicus) u 301 tunnellata ta’ speċji oħra.
24 Bl-ittra tat-18 ta’ Lulju 1995, l-intrapriża konġunta VASA talbet lill-awtoritajiet Arġentini li jallegaw mal-permess tas-sajd li ntlaħaq skond il-ftehim tas-sajd, permess supplementari għall-qbid tal-Patagonian toothfish.
25 Bid-deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 1995 (iktar ‘il quddiem id-’deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna […]’), il-Kummissjoni approvat l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lill-proġett ippreżentat minn SAEV (proġett ARG/ESP/SM/26-94) ‘skond il-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet stabbiliti mil-ftehim [tas-sajd] […], permezz tal-leġiżlazzjoni Komunitarji applikabbli u bid-dispożizzjonijiet ta’ l-annessi (l-Artikolu 1).
26 L-Anness I tad-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna tal-25 ta’ Lulju 1995 jiddetermina l-għajnuna finanzjarja mogħtija lil SAEV, jiġifieri ECU 1,881,936. Dan l-Anness stabbilixxa wkoll l-ammont ta’ l-għajnuna mogħti lill-intrapriża konġunta VASA, li rċeviet għajnuna li tammonta għal 15% ta’ l-ammont mogħti lill-SAEV, jiġifieri ECU 282,290.4. Għalhekk l-għajnuna totali għal dan il-proġett tilħaq ECU 2,164,226.4.
27 L-Anness I tad-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna tal-25 ta’ Lulju 1995 jipprevedi wkoll li:
‘Ma tista’ ssir l-ebda emenda fuq l-informazzjoni li tinsab f’dan l-Anness mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ l-awtoritajiet Arġentini u tal-Kummissjoni.’
28 Bir-Riżoluzzjoni ta’ l-14 ta’ Novembru 1995, l-awtoritajiet Arġentini taw permess tas-sajd finali lill-bastiment Vieirasa XII fejn it-tunnellaġġ ta’ l-ispeċji żejda tnaqqas għal 750 tunnellata ta’ roughhead grenadier (macrourus whitsoni), 230 tunnellata ta’ Patagonian rockcod (salilota australis), 230 tunnellata ta’ Patagonian grenadier (macruronus magellanicus) u permess ġdid għas-sajd ta’ 1,800 tunnellata tal-Patagonian toothfish.
29 Fis-27 ta’ Ġunju 1996, il-Kummissjoni ħallset l-ewwel parti (80%) ta’ l-għajnuna.
30 Il-bastiment Vieirasa XII telaq definittivament l-ibħra Arġentini, fil-5 ta’ Lulju 1996, sabiex jistad fl-ibħra internazzjonali.
31 Fil-25 ta’ Frar 1997 SAEV ippreżentat talba għall-ħlas tal-bqija ta’ l-għajnuna.
32 Bl-ittra tal-21 ta’ April 1998, il-Kummissjoni infurmat lil SAEV li, fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċjenti min-naħa tagħha, setgħet tinbeda l-proċedura għal tnaqqis fl-għajnuna Komunitarja. F’din l-ittra, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tluq tal-bastiment mill-ibħra Arġentini, fil-5 ta’ Lulju 1996, jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 5(1) tal-ftehim tas-sajd u ta’ l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll I ta’ dan il-ftehim peress li l-intrapriżi konġunti huma kkostitwiti bil-għan ta’ l-isfruttament u, skond il-każ, it-trasformazzjoni tar-riżorsi tas-sajd Arġentini.
33 Fid-19 ta’ Mejju 1998, SAEV ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. F’din l-ittra, esponiet ir-raġunijiet li għalihom kienet tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna ma ġewx miksura.
34 Bl-ittra tad-9 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni infurmat lil-SAEV bil-fatt li tqis li ‘l-ispjegazzjonijiet ippreżentati [fl-]ittra tad-19 ta’ Mejju 1998 ma [jippermettux] li jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni Komunitarji f'dan il-qasam ġiet irrispettata, iżda [ikkonfermaw] li l-bastiment telaq l-ibħra Arġentini fil-5 ta’ Lulju 1996’. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni spjegat li kienet [iddeċidiet] li tnaqqas l-għajnuna għal dan il-proġett’. L-ittra kienet tispjega l-mod tal-kalkolu tat-tnaqqis u kkonkludiet li l-ammont ta’ EUR 355,477 għandu jiġi mħallas lura. Fin-nuqqas ta’ ftehim min-naħa ta’ SAEV fir-rigward tas-soluzzjoni proposta, il-Kummissjoni indikat li kienet ser tkun fl-obbligu li ‘tkompli l-proċedura għat-tnaqqis u għall-irkupru li kienet għaddejja’.
35 Din l-ittra kienet segwita minn skambju ta’ ittri bejn SAEV (l-ittri tas-16 ta’ Lulju 1999, tal-21 ta’ Diċembru 1999 u tal-5 ta’ April 2000) u s-servizzi tal-Kummissjoni (l-ittri tat-23 ta’ Settembru 1999 u tat-28 ta’ Frar 2000). Seħħu wkoll laqgħat bejn rappreżentanti ta’ SAEV u s-servizzi tal-Kummissjoni.
36 Bl-ittra ta’ l-14 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni infurmat lil SAEV li wara kalkolu ġdid hija kienet tikkunsidra li l-ammont ta’ EUR 419,446 għandu jiġi mħallas lura lilha.
37 SAEV, peress li kienet tikkunsidra li l-Kummissjoni illegalment naqset milli tħallasha l-bqija ta’ l-għajnuna Komunitarja, formalment intimat lill-Kummissjoni li tagħmel dan bl-ittra tal-21 ta’ Settembru 2000.
38 Bl-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni infurmat lil SAEV li kienet għaddeja l-proċedura għat-tnaqqis ta’ l-għajnuna mogħtija lis-sid tal-bastiment Komunitarju u li deċiżjoni fir-rigward ta’ dan kienet ser tittieħed wara konsultazzjoni tal-kumitat permanenti ta’ l-istrutturi tas-sajd.
39 Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, indirizzata lir-Renju ta’ Spanja u lil SAEV, il-Kummissjoni naqset l-għajnuna finanzjarja li kienet tat lil din ta’ l-aħħar. L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni ordna lil SAEV tħallas lura l-ammont ta’ EUR 419,446. Din id-deċiżjoni ma tiddeterminax tnaqqis eventwali ta’ l-għajnuna mogħtija lill-intrapriża konġunta VASA.
40 Ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu dan li ġej:
‘2. Skond l-Artikolu 1 tad-[…] deċiżjoni [ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna tal-25 ta’ Lulju 1995], l-għajnuna tingħata fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet stipulati mill-ftehim [tas-sajd] […], mil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli u mid-dispożizzjonijiet ta’ l-annessi.
3. Il-ftehim tas-sajd, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu jiddisponi li t-twaqqif ta’ l-intrapriżi konġunti fl-Arġentina għandu bħala għan l-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd Arġentini fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll I u fl-Annessi I u II; skond l-Artikolu 6 tiegħu, l-intrapriżi konġunti huma awtorizzati li jaqbdu l-kwantitajiet msemmija fil-Protokoll I.
4. Fil-punt 3.2.1 tal-parti B tal-formularju tat-talba għall-għajnuna Komunitarja kompluta u ffirmata [mis-SAEV], huwa espliċitament indikat li l-Kummissjoni tagħti għajnuna finanzjarja għall-proġetti intiżi għall-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tal-pajjiż terz in kwistjoni.
5. […]
6. Konsegwentement, l-għoti ta’ l-għajnuna finanzjarja Komunitarja għat-twaqqif ta’ l-intrapriża konġunta in kwistjoni tapplika unikament għall-qbid magħmul mill-bastiment tas-sajd Ibsa Cuarto ta’ l-ispeċji msemmija fl-annessi tad-deċiżjoni [ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna tal-25 ta’ Lulju 1995], jiġifieri Patagonian grenadier (macruronus magellanicus), Patagonian grenadier u Patagonian rockcod (salilota australis), u li jinsabu fl-ibħra Arġentini.
7. Mill-5 ta’ Lulju 1996, il-bastiment Ibsa Cuarto waqqaf l-attivitajiet tiegħu tas-sajd fiż-ŻEE Arġentina u beda jopera mill-ġdid fl-ibħra internazzjonali għas-sajd tal-Patagonian toothfish, mingħajr ma nnotifika minn qabel lill-Kummissjoni u mingħajr ma kiseb l-awtorizzazzjoni tagħha.’
41 Wara li fakkret li saret taf b’din is-sitwazzjoni, fit-2 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-punt 9 tad-deċiżjoni [kkontestata] li SAEV ma rrispettatx il-kundizzjonijiet ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna finanzjarja. Wara dan hija pproċediet għall-kalkolu tat-tnaqqis ta’ l-għajnuna in kawża fil-punti 10 sa 13 ta’ din id-deċiżjoni. L-ewwel nett tikkonstata li SAEV għandha dritt, bl-applikazzjoni tal-limitu massimu stabbilit mir-Regolament Nru 3699/93, għal għajnuna ta’ EUR 688,187 minħabba t-trasferiment definittiv tal-bastiment Vieirasa XII lill-intrapriża konġunta. Il-bqija ta’ l-għajnuna li ġiet mogħtija lilha bid-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ għajnuna tal-25 ta’ Lulju 1995 għalhekk ilaħħaq għal EUR 1,193,749 (1,881,936 – 688,187). Billi l-bastiment Vieirasa XII kien attiv biss għal tnax-il xahar (mis-36 xahar previsti) fl-ibħra Arġentini, il-Kummissjoni tikkonkludi li SAEV għandha dritt biss għal terz ta’ EUR 1,193,749 previsti, jiġifieri EUR 397,916. L-ammont totali ta’ l-għajnuna mnaqqsa hija għalhekk, skond il-Kummissjoni, ta’ EUR 1,086,103 (397,916 + 688,187). SAEV li kienet ġa rċeviet 80% ta’ l-għajnuna (EUR 1,505,549) hija għalhekk mitluba li tħallas lura lill-Kummissjoni EUR 419,446."
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata
22 Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-8 ta’ Ġunju 2001, SAEV ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
23 Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors u kkundannat lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.
It-talbiet fl-appell
24 SAEV titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiddikjara dan l-appell inammissibbli,
– tannulla s-sentenza kkontestata,
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha magħmula kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
25 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiddikkjara li l-ewwel motiv, it-tieniparti tat-tieni motiv, it-tielet u l-ħames motivi ta’ l-appell huma manifestament inammissibbli,
– tiċħad l-appell kollu jew, skond il-każ, il-parti ta’ l-appell ddikjarata bħala ammissibbli,
– tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż ta’ l-appell.
Fuq l-appell
26 In sostenn ta’ l-appell tagħha, SAEV qajmet sitt motivi bbażati fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju:
– ksur tal-ftehim tas-sajd f’dak li jirrigwarda l-bażi ġuridika tas-sentenza kkontestata;
– ksur tal-ftehim f’dak li jirrigwarda r-rwol tal-Kumitat Konġunt u ta’ l-awtoritajiet Arġentini;
– ksur tal-ftehim f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 4028/86 waqt il-proċedura għat-tnaqqis ta’ l-għajnuna finanzjarja;
– ksur tal-ftehim f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3699/93 meta ġie kkalkulat l-ammont ta’ tnaqqis għall-għajnuna finanzjarja;
– ksur tal-ftehim f’dak li jirrigwarda forza maġġuri;
– ksur tal-ftehim f’dak li jirrigwarda l-bżonn li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għat-tluq miż-żona tas-sajd Arġentin.
Fuq l-ewwel motiv
L-argumenti tal-partijiet
27 SAEV tikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 94 tas-sentenza kkontestata, li tgħid li "[b]illi l-għajnuna finanzjarja kienet korrettament mogħtija, fost l-oħrajn taħt ir-Regolament Nru 4253/88, il-Kummissjoni kienet materjalment kompetenti biex bl-istess mod tibbaża s-sentenzi kkontestati fuq dan ir-Regolament, u b’mod partikolari fuq l-Artikolu 24 tiegħu."
28 Fuq dan il-punt, SAEV issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball tad-dritt meta kkonkludiet li d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 4253/88, billi l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jagħmel referenza "għal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli".
29 Skond SAEV, il-ftehim tas-sajd ma fiħ l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-possibbiltà ta’ tnaqqis jew ta’ tneħħija ta’ għajnuna finanzjarja. Fin-nota spjegattiva tad-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna stess, jissemma biss ir-Regolament Nru 3447/93 u l-ebda dispożizzjoni Komunitarja oħra ma hija ċċitata. Għalhekk jidher li l-ftehim tas-sajd huwa, fil-prinċipju, l-unika bażi ġuridika ta’ din id-deċiżjoni.
30 Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument huwa inammissibbli minħabba li hija fundamentalment identiku għal dak espost fl-ewwel istanza.
31 Fuq il-mertu, hija b’mod partikolari ssostni li, hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, ir-referenza għar-Regolament Komunitarju għandha tiġi interpretata, b’mod partikolari, bħala referenza għar-Regolament Nru 4253/88. Dan ir-Regolament japplika, skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 3(1) tiegħu, għal assistenza differenti pprovduta mir-riżorsi tal-baġit Komunitarju allokati għal azzjonijiet oħra b’għan strutturali. Issa, l-għajnuna finanzjarja mogħtija għat-twaqqif ta’ intrapriżi konġunti fil-kuntest ta’ ftehim tas-sajd għandu għan strutturali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv
32 Għandu jitqies li, meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti tad-dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi waqt appell. Fil-fatt, jekk rikorrent ma jkunx jista’ jibbaża b’tali mod l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-proċedura ta’ l-appell tkun mċaħħda minn parti mis-sinnifikat tagħha (ara d-digriet tal-11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il-Parlament, C-488/01 P, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 225 KE u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58, ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din ta’ l-aħħar li appell irid jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-annullament tagħha huwa mitluba kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara d-digriet Martinez vs Il-Parlament, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 F’din il-kawża, l-ewwel motiv huwa intiż li jikkontesta l-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq kwistjoni ta’ dritt lilha ppreżentata, min-naħa, il-ftehim tas-sajd u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna. SAEV preċiżament identifikat l-iżball tad-dritt ikkontestat lill-Qorti tal-Prim’Istanza u kkritikat l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li fuqu dan huwa bbażat.
35 Għalhekk, l-ewwel ilment huwa ammissibbli.
– Fuq il-mertu tal-motiv
36 L-Artikolu 3(4) tal-Protokoll I tal-ftehim tas-sajd jgħid li d-dispożizzjonijiet dwar il-metodu tal-ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja lis-sid ta’ bastiment Komunitarju, previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, irid ikun skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
37 L-Artikolu 1(1), tad-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna wkoll jiddisponi li din ta’ l-aħħar tingħata skond il-kundizzjonijiet stabbiliti, b’mod partikolari, mil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli.
38 Fit-tieni premessa, din l-istess deċiżjoni ta’ l-għoti ta' l-għajnuna tirreferi għall-għanjiet tal-politika strutturali tal-Komunità fis-settur tas-sajd. Ir-referenza għal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli li tinsab fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni għandha, għalhekk, tinftiehem bħala referenza għar-regoli dwar azzjonijiet b’għan strutturali.
39 L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, intitolata "Tnaqqis, sospensjoni u tneħħija ta’ l-għajnuna", b’mod partikolari, tipprevedi, l-għajnuna finanzjarja b’għan strutturali. Kif jirriżulta ukoll mit-titolu u mill-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, taħt dan l-Artikolu 24 taqa' mhux biss l-għajnuna finanzjarja mill-Fondi Strutturali, iżda wkoll dik iffinanzjati permezz tar-riżorsi tal-baġit Komunitarju allokati għal azzjonijiet oħra b’għan strutturali bħal dawk fil-kawża preżenti.
40 Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ddeċidiet, fil-punt 92 tas-sentenza kkontesta, li r-referenza għal-"leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli" għandha tinftiehem, b’mod partikolari, bħala referenza għar-Regolament Nru 4253/88.
41 Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv
L-argumenti tal-partijiet
42 It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.
43 Permezz ta’ l-ewwel parti, SAEV issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju u l-ftehim tas-sajd meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tikkonsulta l-Kumitat Konġunt. Hija tikkritika l-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fil-punti 104 u 106 tas-sentenza kkontestata, li jgħidu li "l-ftehim tas-sajd huwa maqsum f’żewġ partijiet: il-parti internazzjonali, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn il-Komunità u r-Repubblika Arġentina, u l-parti Komunitarja, li tinkludi, b’mod partikolari, l-iffinanzjar mogħti mill-Kummissjoni lis-sidien tal-bastimenti Komunitarji għat-twaqqif ta’ intrapriżi konġunti fil-kuntest tal-ftehim tas-sajd" u li "l-għoti ta’ l-għajnuna finanzjarja lis-sidien tal-bastimenti Komunitarji għal proġetti magħżula huwa att unilaterli tal-Komunità u għalhekk jaqa' taħt il-parti Komunitarja tal-ftehim tas-sajd". SAEV tirreferi f’dan ir-rigward għal ftehim tas-sajd ieħor konkluż mill-Komunità li jipprevedi, kuntrarjament għall-ftehim in kawża, għall-għoti ta’ kompetenzi ħafna iktar limitati lill-Kumitat Konġunt. Tikkonkludi li, għallinqas fuq titolu konsultattiv, il-parteċipazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar ma tistax tiġi eskluża.
44 Il-Kummissjoni tirrispondi, b’mod partikolari, li la l-ftehim tas-sajd, la r-Regolament Nru 3447/93 u lanqas il-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli ma fihom l-ebda dispożizzjoni li tirrikjedi l-konsultazzjoni obbligatorja tal-Kumitat Konġunt għat-tnaqqis jew it-tneħħija ta’ l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità.
45 Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju u l-ftehim tas-sajd meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tikkonsulta ma' l-awtorità Arġentina qabel ma tnaqqas l-għajnuna finanzjarja. Hi tqis li n-nota li tinsab f'qiegħ il-paġna 1 ta’ l-Anness I tad-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna fiha nota li tgħid li "l-ebda modifika ma tista’ tittwettaq lill-informazzjoni li tinsab f’dan l-Anness mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ l-awtoritajiet Arġentini u l-Kummissjoni". Issa, din in-nota, bl-istess mod tirrigwarda l-ammont ta’ għajnuna mogħtija.
46 Il-Kummissjoni tqis li din il-parti hija inammissibbli billi r-rikorrenti tillimita ruħha li terġa ttenni l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u f’kull każ mhuwiex fondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
47 Mingħajr ma hemm il-bżonn li tiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, għandu jiġi kkonstatat li huwa f’kull każ mhuwiex fondat.
48 Kif ġustament qis l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 sa 56 u 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti ta’ l-għajnuna finanzjarja hija missjoni li l-ftehim tas-sajd jagħti biss lill-awtoritajiet Komunitarji.
49 Billi m’hemm l-ebda obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat Konġunt jew ma’ l-awtoritajiet Arġentini għall-għoti ta’ tali għajnuna, ma jistax jiġi sostnut li tali obbligu jeżisti għal każ kuntrarju.
50 Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tielet motiv
L-argumenti tal-partijiet
51 Permezz tat-tielet motiv, SAEV tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball tad-dritt meta ċaħdet il-motiv għall-annullament ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fir-rigward ta’ tnaqqis ta’ l-għajnuna finanzjarja. Issostni li l-Kummissjoni applikat l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 4028/86, abrogat mir-Regolament Nru 2080/93 (li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994). Fil-fatt, il-Kummissjoni, fl-20 ta’ Novembru 2000, kkonsultat il-Kumitat Permanenti ta’ l-Istrutturi tas-Sajd skond l-Artikoli 44 u 47 tar-Regolament Nru 4028/86. Fl-aġenda ta’ dan il-Kumitat jinsab it-titolu "Diskussjoni u opinjoni b’nota – proċedura ta’ l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 4028/86 (kumitat ta’ tmexxija)". Dan it-titolu huwa totalment kuntrarju għall-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li, fil-punt 158 tas-sentenza kkontestata, iddikjarat li "[i]l-fatt li l-Kummissjoni [kienet] ikkonsultat kumitat li l-konsultazzjoni tiegħu kienet prevista mir-Regolament Nru 4028/86 ma jurix li d-deċiżjoni kkontestata […] kienet ibbażata fuq dan ir-Regolament.
52 Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa inammissibbli billi r-rikorrenti, min-naħa, tirrepeti l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u, min-naħa l-oħra, mill-ġdid tippreżenta allegat element ta’ prova, in-nota ta’ l-aġenda, li diġà ġiet evalwata mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
53 Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tikkonstata li l-fatt li r-rikors għall-proċedura prevista fl-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 4028/86 kien volontarju, bl-ebda mod ma ppreġudika lir-rikorrenti u jikkostitwixxi garanzija supplementari ta’ imparzjalità.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
54 Permezz tat-tielet motiv, SAEV tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinsab fil-punt 158 tas-sentenza kkontestata li, safejn din tibbaża konklużjoni ġuridika fuq fatt, għandha tiġi kkunsidrata bħala kwalifika ġuridika li taqa' taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
55 Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball tad-dritt meta ddeċidiet li s-sempliċi konsultazzjoni ta’ Kumitat, previst mir-Regolament Nru 4028/86, mhijiex biżżejjed, minnha nfisha, biex tinkludi dan ir-Regolament fil-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, meħuda wara din il-konsultazzjoni.
56 Għalhekk, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud peress li mhuwiex fondat.
Fuq ir-raba’ motiv
L-argumenti tal-partijiet
57 Permezz tar-raba’ motiv, SAEV issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għarfet, fil-punt 159 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni rrikorriet għal-limitu massimu ta’ l-għajnuna stabbilita mir-Regolament Nru 3699/93. Madankollu, skond SAEV, il-Kummissjoni ma segwietx b’analoġija d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, kif tafferma l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 163 tas-sentenza tagħha, iżda applikata direttament. Konsegwentement, il-Kummissjoni applikat żewġ Regolamenti differenti: ir-Regolament Nru 4028/86, f’dan il-każ l-Artikolu 44 tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-proċedura, u r-Regolament Nru 3699/93 għall-ikkalkular ta’ l-ammont tat-tnaqqis. Issa, hi kellha tikkalkula tnaqqis skond il-limitu massimu tar-Regolament Nru 3699/93, waqt li tibqa’ fil-kuntest tal-ftehim tas-sajd u tieħu in kunsiderazzjoni l-limiti massimi stabbiliti minnu.
58 L-applikazzjoni tal-limitu massimu stabbilit mir-Regolament Nru 3699/93 għall-kumpanniji suġġetti għas-sistema stabbilita mill-ftehim tas-sajd toħloq diskriminazzjoni, safejn, għall-intrapriżi konġunti, wieħed jibda minn limitu massimu ferm inqas minn dak stabbilit mill-ftehim tas-sajd.
59 Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball fid-dritt billi rrifjutat li tammetti li l-Kummissjoni kellha tikkalkula t-tnaqqis fuq il-bażi ta’ l-għajnuna mogħtija lill-intrapriża konġunta skond il-ftehim tas-sajd billi timponilha tnaqqis ta’ 50% li jkun simili għal dak previst mir-Regolament Nru 3699/93, u ma kellhiex direttament tapplika dan ir-Regolament.
60 L-applikazzjoni tal-limitu massimu stabbilit mir-Regolament Nru 3699/93 jimponi piena addizzjonali fuq il-benefiċċjarju.
61 Il-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li tapplika dan il-limitu massimu, billi l-ftehim tas-sajd ma jagħmel l-ebda referenza għal-leġiżlazzjoni ġenerali fuq dan il-punt partikolari.
62 Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 157 tas-sentenza kkontestata, ikkonkludiet li "la r-Regolament Nru 4028/86 u lanqas ir-Regolament Nru 3699/93 ma jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata". Il-Kummissjoni ma applikatx dawn ir-Regolamenti, iżda segwiethom biss b’analoġija.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
63 Permezz tar-raba’ motiv, SAEV essenzjalment issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball fid-dritt billi rrifjutat li tammetti li l-Kummissjoni ma kellhiex tapplika direttament ir-Regolament Nru 3699/93.
64 Madankollu, SAEV ma tikkontestax il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 163 tas-sentenza kkontestata, li tgħid li l-Kummissjoni kienet biss marbuta mill-prinċipju tal-proporzjonalità biex tikkalkula l-ammont definittiv ta’ l-għajnuna dovuta lir-rikorrenti.
65 Għalhekk, huwa biss fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunstatat li l-Kummissjoni ġustament setgħet issegwi, b’analoġija, d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3699/93 biex tiddetermina l-ammont dovut lir-rikorrenti għat-trasferiment tal-bastiment.
66 Issa, minkejja li SAEV targumenta li, anke jekk jiġi meqjus li l-Kummissjoni applikat leġittimament il-limitu massimu stabbilit mir-Regolament Nru 3699/93, il-Qorti tal-Prim’Istanza xorta waħda wettqet żball fid-dritt, hija madankollu ma weritx safejn tali applikazzjoni kienet tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
67 Għalhekk, ir-raba’ ilment għandu jiġi miċħud.
Fuq is-sitt motiv
L-argumenti tal-partijiet
68 Permezz tas-sitt motiv li għandu jiġi eżaminat qabel il-ħames, SAEV tikkontesta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kisret il-ftehim is-sajd, billi ddikjarat fil-punti 124 u 125 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrenti kellha l-obbligu li tinforma lill-Kummissjoni bil-problemi li ltaqgħet magħhom fit-twettiq tal-proġetti u li kellha tikseb l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni qabel ma titlaq iż-żona tas-sajd Arġentin, anke jekk hija kisbet l-awtorizzazzjoni espressa ta’ l-awtorità Arġentina kompetenti, li għandha l-obbligu li tinforma lill-Kummissjoni d'din is-sitwazzjoni waqt il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.
69 L-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 124 tas-sentenza kkontestata, li informazzjoni korretta kienet tippermetti lill-Kummissjoni li tieħu miżuri eventwali biex tadatta l-ftehim tas-sajd għaċ-ċirkustanzi l-ġodda, skond l-Artikolu 9(1) ta’ dan, mhijiex aċċettabbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet taf perfettament, biċ-ċirkustanzi u l-miżuri ta’ konservazzjoni adottati mill-awtorità Arġentina peress li l-assoċjazzjoni ta’ l-intrapriżi konġunti kkonċernati ppreżentat talba lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex ikunu adottati tali miżuri.
70 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar il-kliem użat fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, li jgħid li din ta' l-aħħar tista’ tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna finanzjarja jekk l-eżami juri l-eżistenza ta’ irregolarità jew ta’ emenda importanti li għaliha ma ntalbitx l-approvazzjoni tagħha.. Anke jekk mill-ftehim tas-sajd jiġi dedott li l-Kummissjoni tispiċċa biex tiġi infurmata dwar it-tluq ta’ bastiment mill-ibħra Arġentini mill-awtoritajiet Arġentini waqt il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, ir-rikorrenti kisret l-obbligi ta' informazzjoni u ta’ lealtà li benefiċjarju ta’ għajnuna Komunitarja huwa għalihom suġġett.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
71 Jirriżulta mill-Anness I tad-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna li l-ebda emenda ma tista’ titwettaq fuq l-informazzjoni li tinsab f’dan ta' l-aħħar mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ l-awtoritajiet Arġentini u tal-Kummissjoni.
72 Tagħmel parti minn dan l-istess Anness ir-referenza għall-proġett emendat (ARG/ES/SM/26-94) tat-twaqqif ta’ intrapriża konġunta ppreżentata minn SAEV, li tipprovdi espliċitament għall-isfruttament jew it-trasformazzjoni tar-riżorsi tas-sajd Arġentini.
73 Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet, fil-punt 125 tas-sentenza kkontestata, li l-bastimenti użati mill-intrapriżi konġunti ma jistgħux jitilqu ż-ŻEE ta’ l-Arġentina mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.
74 Konsegwentement, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq il-ħames motiv
L-argumenti tal-partijiet
75 Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin l-obbligi tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-kwalifika ġuridika ta’ ċertu fatti bħala każijiet ta’ forza maġġuri.
76 Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 145 tad-sentenza kkontestata, li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkunsidra li r-riżorsi tas-sajd jispiċċaw iżda li r-rikorrenti, qabel ma titlaq mill-ibħra Arġentini, kellha titlob l-awtorizzazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni.
77 Din l-affermazzjoni tmur kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, APOL u AIPO vs Il-Kummissjoni (T-61/00 u T-62/00, Ġabra p. II-635, punt 72), li tgħid li l-eżistenza ta’ prattika amministrattiva, anki meta din ma tirriżzulta minn l-ebda test, li permezz tagħha l-Kummissjoni teżamina jekk jeżistix każ ta’ forza maġġuri li jwassalha sabiex tirrinunzja għat-tneħħija ta’ l-għajnuna, hija suxxettibbli li torbot lil din l-istituzzjoni kull darba li każ ta’ forza maġġuri jiġi invokata quddiemha.
78 Ir-rikorrenti ssostni li, fl-ittra tat-28 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni tidher li tagħraf l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri. Din ta’ l-aħħar stess indikat li fil-fatt tista’ tikkunsidra l-perijodu ta’ inattività tal-bastiment Vieirasa XII fl-ibħra Arġentini, bejn il-5 ta’ Lulju 1996 (tluq mill-ibħra Arġentini) u l-31 ta’ Diċembru 1996 (tmiem tal-perijodu bijoloġiku ta’ mistrieħ tal-Patagonian toothfish), bħala perijodu ta’ attività. It-tluq tal-bastiment miż-ŻEE Arġentin kien unikament u esklussivament immotivat minn raġunijiet ta’ forza maġġuri.
79 Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa inammissibbli billi fl-ebda mument l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri ma ġiet invokata fl-ewwel istanza.
80 Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tikkunsidra li qatt ma tagħat x'tifhem li seta kien hemm każ ta’ forza maġġuri. Hija tikkunsidra li t-tluq tal-bastiment mill-ibħra Arġentini ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi kkunsidrat bħala ġġustifikat minn raġunijiet eventwali ta’ forza maġġuri peress li l-eżistenza ta’ ċirkustanzi "mhux normali u mhux prevedibbli" ma ġewx ipprovati. F’kull ipoteżi, li l-istokk in kwistjoni jispiċċa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza mhux prevedibbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
81 Il-motiv huwa ammissibbli. Fil-fatt, fil-punt 105 tar-rikors li ta' bidu għal dawn il-proċedimenti, SAEV teċċepixxi, fil-kuntest tal-motiv bit-titolu "Problemi li jinħolqu mill-applikazzjoni sussidjarja tal-leġiżlazzjoni ġenerali ta’ l-intrapriżi konġunti", li hemm kontradizzjoni bejn il-metodu użat għall-finijiet tal-kalkolu tat-tnaqqis ta’ l-għajnuna u l-fatt li, waqt il-proċedura, il-Kummissjoni ammettiet li t-tluq mill-ibħra Arġentini, meta l-awtoritajiet Arġentini unilateralment iddeċidew li jipprojbixxu s-sajd, jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri.
82 Fuq il-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza, ġustament ikkunsidrat, li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tikkunsidra li r-riżorsi tas-sajd fiż-żona kkonċernata jispiċċaw. F’dan ir-rigward tfakkar, li f’kull każ, qabel ma titlaq mill-ibħra Arġentini r-rikorrenti kellha l-ewwel titlob l-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni. Kif jirriżulta mill-eżami tas-sitt motiv, din il-konstatazzjoni hija eżatta. Dan kien ikun ukoll il-każ jekk iċ-ċirkustanzi invokati minn SAEV jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri.
83 Għalhekk, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
84 L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li meta l-appell m’huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta’ l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li SAEV tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta’ din il-kawża, kif mitluba mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Eduardo Vieira SA hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Full & Egal Universal Law Academy