SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)
9 ta’ Ġunju 2005(*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Maniġġjar ta’ Skart – Direttiva 75/442/CEE emendata bid-Direttiva 91/156/CEE – Ġarr u Ġbir ta’ Skart – Artikolu 12”
Fil-kawża C-270/03
li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fit-23 ta’ Ġunju,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn L. Visaggio u R. Amorosi, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrapreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J.‑P. Puissochet (Relatur), S. von Bahr, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Frar 2005,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ April 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tikkonstata li, billi r-Repubblika Taljana ppermettiet lill-impriżi, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv Nru 22 tal-5 ta’ Frar 1997, li jittrasponi d-Direttivi 91/156/KEE, dwar l-iskart, 91/689/KEE, dwar skart perikoluż, u 94/62/KE, dwar l-ippakkjar u skart ta’ l-ippakkjar (supplement ordinarju tal-GURI nru 38 tal-15 ta’ Frar 1997), kif emendat bl-Artikolu 1(19) tal-liġi nru 426 tad-9 ta’ Diċembru 1998, (GURI nru 291 ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998, iktar ‘il quddiem id-“digriet leġiżlattiv”):
– li jwettqu l-ġbir u l-ġarr ta’ l-iskart mhux perikoluż tagħhom, bħala attività ordinarja u regolari, mingħajr obbligu li jirreġistraw ruħhom ma’ l-‘Albo nazionale delle imprese esercenti servizi di smaltimento rifiuti’ (Reġistru nazzjonali ta’ l-impriżi li joffru servizz ta’ ġbir u mmaniġġjar ta’ skart), u
– li jġorru l-iskart perikoluż tagħhom fi kwantitajiet li ma jaqbżux 30 kilogrammi jew 30 litru kuljum, mingħajr obbligu li jirreġistraw ruħhom ma’ l-istess Reġistru,
ir-Repubblika Taljana naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/CEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU L194 p. 39) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU L78, p. 32 iktar ‘il quddiem id-“direttiva”).
Il-Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1a), id-Direttiva tiddefinixxi l-iskart bħala “kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi”.
3 L-Artikolu 1 c) tad-Direttiva jiddefinixxi l-”possessur” bħala “il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna naturali jew legali li tippossjedih”.
4 L-Artikolu 4 tad-Direttiva jgħid dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u b’ mod partikolari:
– mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali,
– mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ,
– mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta’ interess speċjali.
L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart”.
5 L-Artikolu 8 tad-Direttiva jgħid dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-pussessur ta’ l-iskart:
– ikun qandlu permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku ta’ l-iskart jew permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fil-lista fl-Annes II A jew B, jew
– ikopri jew jiddisponi minnu huwa nnifsu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”.
6 Skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva, għall-finijiet, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 4, kull stabbiliment jew impriża li jwettaq ix-xogħlijiet ta’ eliminazzjoni ta’ skart imsemmija fl-Anness II A għandhom jiksbu permess mingħand l-awtorità kompetenti. Dan il-permess ikopri, b’mod partikolari, it-tipi u l-kwantitajiet ta’ skart, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà li jridu jittieħdu, il-post tar-rimi, u l-metodu ta’ trattament.
7 Skond it-termini ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva :
“L-istabbilimenti jew l-impriżi li jiġbru jew iġorru l-iskart fuq bażi professjonali jew li jagħmlu arranġamenti għall-ġbir jew il-ġarr ta’ l-iskart fuq bażi professjonali f’isem ħaddieħor (negozjanti jew sensara), u ma kienux soġġetti għall-awtorizzazzjoni, għandhom jiġu rreġistrati ma’ l-awtoritajiet kompetenti”.
Ir-Regolament Nazzjonali
8 Skond l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv :
“Dawk l-impriżi li jwettqu l-attivitajiet ta’ ġbir u ġarr ta’ skart mhux perikoluż prodott minn terzi u l-impriżi li jiġbru u jġorru skart perikoluż għandhomi jinkitbu fir-reġistru [nazzjonali ta’ l-impriżi li joffru s-servizz ta’ eliminazzjoni ta’ l-iskart], ħlief jekk jirrigwarda l-ġarr ta’ skart perikoluż li ma jaqbiżx il-kwantità ta’ tletin kilogramma kuljum jew tletin litru kuljum u li jitwettqu mill-produttur ta’ l-iskart in kwistjoni”.
Il-proċedura prekontenzjuża
9 Peress li qieset li l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv, ma kienx isegwi l-Artikolu 12 tad-Direttiva, il-Kummissjoni, b’ittra ta’ intimazzjoni ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, talbet lir-Repubblika Taljana tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan fi żmien xahrejn.
10 B’ittra tas-27 ta’ Frar 2002, l-awtoritajiet Taljani wieġbu għal din l-intimazzjoni. Fl-ittra, huma kkontestaw l-opinjoni tal-Kummissjoni, billi bbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq nota tal-25 ta’ Jannar 2002 tal-Ministru għall-Ambjent u l-Ħarsien tat-territorju.
11 Peress li ma kinitx konvinta b’dan l-argument, il-Kummissjoni, fis-27 ta’ Ġunju 2002, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana, u tatha terminu ta’ xahrejn min-notifika biex tikkonforma ruħha magħha.
12 Peress li ma rċevitx tweġiba għal din l-opinjoni, il-Kummissjoni ressqet il-preżenti rikors quddiem il-Qorti.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
13 Il-Kummissjoni ssostni, kif diġà għamlet fil-kawża li wasslet għad-digriet tal-Qorti tad-29 ta’ Mejju 2001 C‑311/99 Caterino (li mhijiex ippubblikata fil-Ġabra), li l-kunċett ta’ “impriża li twettaq b’titolu professjonali ġbir u ġarr ta’ skart”, użat fl-Artikolu 12 tad-Direttiva, mhuwiex limitat għall-impriżi li joperaw attività bħal din f’isem terzi. Dan il-kunċett jinkludi wkoll l-impriżi li jwettqu xogħol bħal dan għal rashom, meta ġarr u ġbir bħal din tkun, fost l-attivitajiet oħra tagħhom, waħda mill-attivitajiet ordinarji li minnhom jagħmlu dħul jew vantaġġ ekonomiku ieħor. Interpretazzjoni bħal din tkun issegwi l-obbjettivi tad-Direttiva għall-ħarsien ta’ l-ambjent, mat-tnax-il premessa tad-Direttiva 91/156, ma’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva, li hija applikabbli għal kull “possessur ta’ skart”, u li kienet ġiet ikkonfermata b’mod inċidentali mill-Qorti fil-punt 25 tad-digriet Caterino, iċċitata iktar ‘il fuq.
14 Issa, minn naħa, billi juża, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ skart mhux perikoluż, l-espressjoni “prodotti minn terzi” minflok il-frażi “b’titolu professjonali”, imsemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva, l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv jeskludi mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni, bi ksur tad-Direttiva, dawk l-impriżi li jiġbru u jġorru skart f’isimhom stess fit-twettiq ta’ l-attività professjonali speċifika tagħhom. Dawn iż-żewġ espressjonijiet jirreferu neċessarjament għal kunċetti differenti li ma jistgħux jikkoinċidu.
15 Minn naħa l-oħra, l-Artikolu 12 tad-Direttiva jipprevedi li l-impriżi kollha li jeżerċitaw b’titolu professjonali attivitajiet ta’ ġbir u ġarr ta’ skart, irrispettivament mill-kwantità jew il-perikolożità ta’ dan l-iskart, iridu jkunu rreġistrati ma’ l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li mhumiex suġġetti għal awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv jikser id-Direttiva meta jdaħħal deroga minn dan l-obbligu għal impriżi li jġorru anqas minn 30 litru jew 30 kilogramma ta’ skart kuljum.
16 Fir-risposta tiegħu, il-gvern Taljan isostni li l-ebda regola komunitarja ma titlob li l-ġbir u l-ġarr ta’ skart iseħħ permezz ta’ operaturi intermedjarji bħala terzi li mhumiex il-produttur ta’ l-iskart. L-importanti, għall-finijiet tat-twettiq ta’ l-għanijiet tad-Direttiva, għal prevenzjoni u mmaniġġjar integrat ta’ l-iskart, huwa li jiġi ggarantit il-kontroll taċ-ċiklu ta’ dawn ta’ l-aħħar. Il-leġiżlazzjoni komunitarja tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-produttur ta’ l-iskart sal-mument li fih hu jiddisponi minnu sabiex ikunu utilizzati mill-ġdid, irkuprati jew imneħħija. Għaldaqstant, l-Artikolu 12 tad-Direttiva jirrigwarda l-kontroll ta’ l-iskart meta dan ma jibqax responsabbiltà tal-produttur.
17 Il-produttur ta’ l-iskart li jġorr l-iskart direttament għall-istabbiliment tiegħu ta’ rkupru jew ta’ eliminazzjoni jkun qed “jeħles” minnhom biss fil-mument meta jgħaddih lil dan l-istabbiliment. Għalhekk, m’hemm l-ebda obbligu għalih li jiġi rreġistrat fir-Reġistru, għaliex l-obbligu ta’ reġistrazzjoni japplika biss għal impriżi li jwettqu attività ta’ ġarr u ġbir ta’ skart b’titolu professjonali, jiġifieri bħala “attività normali”.
18 Għaldaqstant, l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv ma jippreġudikax l-għanijiet tad-Direttiva.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
19 Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ l-għan tagħha – li, skond it-tielet premessa, hija l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent mill-effetti dannużi tal-ġbir, tal-ġarr, tat-trattament, tal-ħażna u t-tfigħ ta’ skart, kif ukoll fid-dawl ta’ l-Artikolu 174(2) KE, li jgħid li l-politika tal-Komunità fil-qasam ambjentali tfittex livell għoli ta’ ħarsien u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji tal-prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus C‑9/00, Ġabra. p. I‑3533, punt 23).
20 Fil-verżjoni inizjali tagħha, id-Direttiva kienet tiprrevedi, fl-Artikolu 10 tagħha, li l-impriżi li jipprovdu l-ġarr ta’ skart ikunu suġġetti għal sempliċi “sorveljanza” mill-awtorità kompetenti, kemm jekk il-ġarr ikun qed isir f’isem tiegħu nnifsu u kemm jekk f’isem terzi. Dispożizzjoni bħal din kienet riflessa fis-seba’ premessa ta’ l-istess Direttiva, li tgħid li “biex tassigura l-ħarsien ta’ l-ambjent, hemm bżonn li tipprevedi […] sorveljanza ta’ l-impriżi li jiddisponu mill-iskart tagħhom u ta’ dawk li jiġbru l-iskart ta’ oħrajn […]”.
21 Id-Direttiva 91/156 kellha, b’mod partikolari, l-għan li ssaħħaħ il-kontroll minn naħa ta’ l-awtoritajiet. It-tnax-il premessa tgħid, b’hekk, “biex tassigura l-kontroll kontinwu ta’ l-iskart, mill-produzzjoni għat-tneħħija definittiva tiegħu, hemm bżonn ukoll li impriżi oħra li jwettqu xogħol fl-imaniġġjar ta’ skart, jkunu awtrorizzati jew reġistrati u għal kontroll adegwat, bħall-operaturi intermedji responsabbli għall-ġbir, ġarr u medjazzjoni”. Għal dan il-għan, iddaħħlu dispożizzjonijiet ġodda fl-Artikolu 12 tad-Direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu, b’mod partikolari, minn naħa, li l-impriżi li jipprovdu servizz ta’ ġarr ta’ skart, kemm-il darba mhumiex suġġetti għal awtorizzazzjoni, ikunu rreġistrati u, minn naħa l-oħra, li l-impriżi marbuta b’dan l-obbligu jkunu dawk li jipprovdu l-ġarr “b’titolu professjonali”. B’hekk, id-Direttiva 91/156 biddlet l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sempliċi “sorveljanza”, li m’għadhiex tidher bħala tali fid-Direttiva.
22 Peress li d-Direttiva 91/156 riedet iżżomm livell ogħla ta’ kontroll minn naħa ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, fuq l-attivitajiet ta’ ġarr ta’ skart, minn dak previst mill-verżjoni inizjali tad-Direttiva, ikun kontra għan bħal dan jekk jiġi interpretat il-kunċett ta’ “impriża li tipprovdi servizz ta’ ġarr ta’ skart b’titolu professjonali”, imsemmiija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva, fis-sens li jeskludi l-impriżi li jipprovdu servizz ta’ ġarr ta’ skart għal rashom, fl-ambitu ta’ l-attività professjonali tagħhom. Jekk tintlaqa’ interpretazzjoni bħal din, impriżi bħal dawn jaħarbu minn kwalunkwe kontroll ta’ l-attività tagħhom ta’ ġarr ta’ skart.
23 Barra minn hekk, il-Qorti diġa kellha l-opportunità tiddikjara li l-kunċett ta’ ġarr ta’ skart b’titolu professjonali mniżżla fl-Artikolu 12 mhux biss ikopri dawk li jipprovdu servizz ta’ ġarr ta’ skart ta’ terzi, fil-kuntest tal-professjoni ta’ trasportatur, iżda anki dawk li, filwaqt li ma jeżerċitawx il-professjoni ta’ traportatur, iġorru madankollu, fl-ambitu ta’ l-attività professjonali tagħhom, skart prodott minnhom stess (diriet Caterino, iċcitata iktar ‘il fuq, punt 25).
24 Kontra dak li qed isostni l-Gvern Taljan, l-għan tas-sorveljanza fuq iċ-ċiklu ta’ l-iskart, imfittex mid-Direttiva, jimplika kontroll kontinwu ta’ l-iskart mill-mument meta jiġi prodott u, b’mod partikolari, kif ipprovdut fl-Artikolu 12 tad-Direttiva, il-kontroll tal-kundizzjonijiet li fihom jinġabar u jinġarr. Jekk, f’ċerti każijiet, huwa minnu li l-produttur ta’ l-iskart jista’ jwettaq hu stess il-ġbir u l-ġarr tiegħu, u jiddisponi minnu b’mod effettiv biss għall-għan ta’ ġbir u ġarr, ċirkustanza bħal din hija irrelevanti għall-għanijiet ta’ kwalifika ta’ skart, ta’ sustanzi jew oġġetti miġbura u mġarra u lanqas, konsegwentement, għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-produttur minħabba operazzjoni bħal din.
25 Madankollu, l-Artikolu 12 tad-Direttiva ma jinkludix l-impriżi kollha li, fl-ambitu ta’ l-attività professjonali tagħhom, iġorru l-iskart li jipproduċu huma stess.
26 L-ewwel nett, il-frażi “b’titolu professjonali”, użata f’dan l-Artikolu, mhijiex sinonimu ta’ l-espressjoni “fl-ambitu ta’ l-attività professjonali tagħhom” jew “fil-qadi ta’ l-attività professjonali tagħhom”, li l-leġiżlatur komunitarju probabbilment kien juża, li kieku kellu f’moħħu li jinkludi l-impriżi kollha li, fl-ambitu ta’ l-attività professjonali tagħhom, jġorru l-iskart li huma stess jipproduċu.
27 Barra minn hekk, mit-tnax-il premessa tad-Direttiva 91/156 jirriżulta wkoll li l-obbligi l-ġodda ta’ awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni previsti minn din id-Direttiva huma applikabbli għal “impriżi li jimmaniġġjaw l-iskart, bħall-operaturi li jiġbru, iġorru jew tal-medjazzjoni”. L-użu tal-verb “jimmaniġġjaw”, kif ukoll il-lista indikattiva ta’ professjonijiet speċjalizzati fis-settur ta’ l-iskart jindikaw li l-Artikolu 12 tad-Direttiva huwa applikabbli għall-impriżi li jwettqu ħidma ta’ ġbir u ġarr ta’ skart regolarment.
28 Fl-aħħar nett, l-eżiġenza li l-ġarr isir “b’titolu professjonali” jfisser li l-attività tal-ġarr ta’ skart, anki jekk l-Artikolu 12 ma jipprevedix li din trid tkun l-attività esklużiva, u lanqas prinċipali, ta’ l-impriża kkonċernata, għandha tirrappreżenta attività ordinarja u regolari ta’ dawn l-impriżi.
29 Mill-kunsiderazzjonijiet li ntqalu qabel, jirriżulta li l-Artikolu 12 tad-Direttiva jorbot b’obbligu ta’ reġistrazzjoni lil dawk l-istabbilimenti jew impriżi li, fl-ambitu ta’ l-attività tagħhom, jipprovdu servizz ta’ ġarr ta’ skart b’mod ordinarju u regolari, irrispettivament mill-fatt jekk dan l-iskart kienx prodott minn terzi jew minnhom stess. Barra minn hekk, minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva ma jirriżulta li obbligu bħal dan jippermetti derogi bbażati fuq in-natura jew il-kwantità ta’ l-iskart.
30 Issa, l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv iqiegħed obbligi ta’ reġistrazzjoni li jvarjaw skond in-natura perikuluża jew le ta’ l-iskart miġbur u mġarr.
31 F’dak li hu skart mhux perikoluż, regola bħal din timponi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru nazzjonali ta’ l-impriżi li joffru servizz ta’ ġbir u mmaniġġjar biss fuq l-impriżi li jiġbru u jġorru skart prodott minn terzi, u b’hekk teskludi dawk l-impriżi li jiġbru u jġorru skart prodott minnhom stess.
32 Ċertament, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ skart perikoluż, l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv jitlob li dawk l-impriżi kollha li jiġbru u jġorru skart ta’ dan it-tip ikunu obbligati jirreġistraw ruħhom. Din ir-regola ma tipprevedi l-ebda restrizzjoni f’dik li hi n-natura professjonali ta’ attività bħal din ta’ ġbir u ġarr, u għaldaqstant, f’dan ir-rigward, għandha kamp ta’ applikazzjoni aktar wiesgħa minn dak ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva.
33 Madankollu, id-dispożizzjoni msemmija tneħħi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni li hija twaqqaf “il-ġarr ta’ anqas minn 30 litru jew 30 kilogramma ta’ skart kuljum […] magħmula mill-produttur ta’ l-istess skart”, eċċezzjonijiet li mhumiex previsti minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, il-Gvern Taljan ma spjegax liema huma l-kunsiderazzjonijiet magħmula biex iffissaw din il-kwantità minima.
34 Minn dan kollu joħroġ li l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv imur kontra l-Artikolu 12 tad-Direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat.
35 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana, billi ppermettiet lill-impriżi, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv:
– li jwettqu ġbir u ġarr ta’ skart mhux perikoluż prodott minnhom stess, bħala attività ordinarja u regolari mingħajr l-obbligu li jkunu rreġistrati fir-Reġistru nazzjonali ta’ l-impriżi li joffru servizz ta’ ġbir u mmaniġġjar ta’ skart, u
– li jġorru iskart perikoluż prodott minnhom stess fi kwantitajiet li ma jaqbżux 30 kilogramma u 30 litru kuljum, mingħajr l-obbligu li jkunu reġistrati fl-imsemmi Reġistru,
naqset mill-obbligi li kellha tosserva skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
36 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika Taljana, u peress li din ta’ l-aħħar sfat telliefa, għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-Repubblika Taljana, billi ppermettiet lill-impriżi, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 30(4) tad-digriet leġiżlattiv Nru 22 tal-5 ta’ Frar 1997, li jittrasponi d-Direttivi 91/156/KEE, dwar l-iskart, 91/689/KEE, dwar skart perikoluż, u 94/62/KE, dwar l-ippakkjar u skart ta’ l-ippakkjar, kif emendat bl-Artikolu 1(19) tal-liġi nru 426 tad-9 ta’ Diċembru 1998 :
– li jwettqu ġbir u ġarr ta’ skart mhux perikoluż prodott minnhom stess, bħala attività ordinarja u regolari mingħajr l-obbligu li jkunu rreġistrati fl-Albo nazionale delle imprese esercenti di smaltimento rifiuti (ir-Reġistru nazzjonali ta’ l-impriżi li joffru servizz ta’ ġbir u mmaniġġjar ta’ skart), u
– li jġorru skart perikoluż prodott minnhom stess fi kwantitajiet li ma jaqbżux 30 kilogramma u 30 litru kuljum, mingħajr l-obbligu li jiġu rreġistrati fl-imsemmi Reġistru,
naqset mill-obbligi li kellha tosserva skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta’ Marzu 1991.
2) Ir-Repubblika Taljan għandha tbati l-ispejjeż.
Firem
Rosas
Puissochet
von Bahr
Malenovský
Lõhmus
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ġunju 2005.
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy