SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
6 ta' Ottubru 2005 (*)
"Appell – Għajnuna mogħtija minn Stat illegalment – Applikazzjoni fiż-żmien stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 659/1999 – Deċiżjoni ta' inkompatibbiltà u ta' rkupru ta' l-għajnuna – Perjodu ta' preskrizzjoni – Interruzzjoni – Bżonn li l-benefiċjarju ta' l-għajnuna jiġi informat b'miżura ta' interruzzjoni"
Fil-kawża C-276/03 P
li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressqa fl-24 ta' Ġunju 2003,
Scott SA, stabbilita f'Saint Cloude (Franza), irrappreżentata minn J. Lever, QC, G. Peretz, barrister, A. Nourry, R. Griffith u M. Papadakis, solicitors, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Flett, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza
Ir-Repubblika Franċiża,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, N. Colneric, K. Schiemann, E. Juhász u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta' Frar 2005,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-14 ta' April 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' l-appell tagħha, Scott SA (aktar 'il quddiem "Scott") titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-10 ta' April 2003, Scott vs Il-Kummissjoni (T-366/00, Ġabra p. II-1763, aktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha li fih kienet talbet l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/14/KE, tat-12 ta' Lulju 2000, li tikkonċerna għajnuna mogħtija minn Franza favur Scott Paper SA/Kimberly-Clark (ĠU L 12, p. 1, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata") [traduzzjoni mhux uffiċjali], safejn dan ir-rikors kien ibbażat fuq il-ksur, mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1).
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li:
"1. Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex [tirkupra] l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] ta’ għaxar snin.
2. Il-perjodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna [i]llegali tingħata lill-benefiċarju jew bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b’rigward għall-għajnuna [i]llegali għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni]. Kull interuzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid. Il-perjodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
3. Kull għajnuna li għaliha jkun skada l-perjodu ta’ limitu [preskrizzjoni], għandha tinftiehem li hi għajnuna eżistenti."
Il-fatti li taw lok għall-kawża
3 Mill-punti 12 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punti 1 sa 10 u 13 sa 19 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-fatti li taw lok għal kawża huma, essenzjalment, is-segwenti.
4 Fl-1969, il-kumpannija stabbilita taħt id-dritt Amerikan, Scott Paper Company, xtrat il-kumpannija stabbilita taħt id-dritt Franċiż, Bouton Brochard, u ħolqot kumpannija distinta, Bouton Brochard Scott SA (aktar 'il quddiem "Bouton Brochard Scott"), li ħadet kontroll ta' l-attivitajiet ta' Bouton Brochard.
5 Fl-1986, Bouton Brochard Scott iddeċidiet li twaqqaf fabbrika fi Franza u għal dan il-għan għażlet art li tinsab fid-dipartiment ta' Loiret fiż-żona industrijali ta' La Saussaye.
6 Fil-31 ta' Awwissu 1987, il-belt ta' Orléans u l-imsemmi dipartiment ikkonċedew ċerti vantaġġi lil Bouton Brochard Scott. Min-naħa, dawn il-muniċipalitajiet biegħulha art ta' 48 ettaru fl-imsemmija żona industriali, taħt kundizzjonijiet preferenzjali. Min-naħa l-oħra, huma kkommettew ruħhom li jikkalkulaw l-imposta tat-trattament ta' l-ilma skond rata preferenzjali ukoll.
7 Bouton Brochard Scott saret Scott f'Novembru 1987.
8 F'Jannar 1996, l-assi tal-kumpannija ta' l-aħħar ġew mixtrija minn Kimberly-Clark Corporation.
9 F'Jannar 1998, din ta' l-aħħar ħabbret l-għeluq tal-fabbrika in kwistjoni, u li l-assi tagħha, jiġifieri l-art u l-fabbrika għall-produzzjoni tal-karti, ġew mixtrija minn Procter&Gamble f'Ġunju 1998.
10 Wara li sar ilment, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra tas-17 ta' Jannar 1997, talbet lir-Repubblika Franċiża xi informazzjoni dwar il-vantaġġi hawn fuq imsemmija. Din it-talba ġiet segwita minn skambju ta' korrispondenza ma' l-awtoritajiet ta' dan l-Istat Membru.
11 Permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Mejju 1998, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE) u informat lill-imsemmi Stat Membru b'dan permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Lulju 1988, li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fit-30 ta' Settembru 1998 (ĠU C 301, p. 4).
12 Fl-istess ġurnata ta' l-imsemmija pubblikazzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lil Scott, permezz tat-telefon, bid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura.
13 Fit-12 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li tiddikjara l-għajnuniet taħt forma ta' prezz preferenzjali ta' art u ta' tariffa preferenzjali tat-taxxa fuq il-konsum ta' l-ilma mogħtija mir-Repubblika ta' Franza lil Scott bħala inkompatibbli mas-suq komuni u ġie ordnat l-irkupru tagħhom.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata
14 Permezz tar-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-30 ta' Novembru 2000, Scott ressqet rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata fejn talbet l-annullament parzjali ta' din id-deċiżjoni.
15 Ir-Repubblika Franċiża interveniet f'din il-proċedura in sostenn tat-talbiet ta' Scott.
16 Fuq talba ta' din il-kumpannija, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tagħti deċiżjoni dwar l-argument ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 qabel ma teżamina l-argumenti l-oħra tar-rikors.
17 F'dan ir-rigward, l-imsemmi argument imressaq minn Scott kien ippreżentat f'żewġ partijiet, ibbażati fuq:
– il-ksur ta' l-imsemmi Artikolu 15 mill-Kummissjoni safejn hija kkunsidrat li l-perjodu ta' preskrizzjoni seta' jiġi interrott permezz ta' miżura li ma kinitx innotifikata lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna illegali, f'dan il-każ, it-talba għall-informazzjoni tas-17 ta' Jannar 1997, jew, b'mod alternattiv,
– il-ksur ta' l-istess Artikolu 15 mill-Kummissjoni safejn hija kkunsidrat li l-perjodu ta' preskrizzjoni seta' jiġi interrott permezz ta' miżura adottata u nnotifikata wara l-iskadenza ta' dan il-perjodu, f'dan il-każ, id-deċiżjoni ta' l-20 ta' Mejju 1998 li tinbeda l-proċedura.
18 Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors, safejn dan kien ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, u ddeċidiet li tkompli l-proċedimenti fir-rigward tal-kumplament tar-rikors.
19 Sakemm tingħata din s-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ssospendiet il-proċedimenti fil-kawża Scott vs Il-Kummissjoni (T-366/00) kif ukoll dawk fil-kawża Département du Loiret vs Il-Kummissjoni (T-369/00), li ukoll għandhom bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20 Scott titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn jikkonċerna l-għajnuna taħt forma ta' prezz preferenzjali għal art, u
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta' l-ispejjeż fiż-żewġ istanzi.
21 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– tiċħad l-appell fl-intier tiegħu jew, fin-nuqqas ta' dan, tilqa' biss parti mill-appell,
– terġa' tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tagħti s-sentenza jew, fin-nuqqas ta' dan,
– tiċħad ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għal dak li jikkonċerna l-argumenti bbażati fuq ksur ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999.
Fuq l-appell
L-argumenti tal-partijiet u s-sentenza kkontestata
22 In sostenn ta' l-appell tagħha, Scott essenzjalment invokat argument wieħed ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 mill-Qorti tal-Prim'Istanza, li ddeċidiet li l-perjodu ta' preskrizzjoni seta' jiġi interrott permezz ta' miżura li ma kinitx ġiet innotifikata lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna, f'dan il-każ, it-talba għall-informazzjoni tas-17 ta' Jannar 1997.
23 Fil-punti 58 sa 60 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet li l-fatt biss li l-benefiċjarju ta' l-għajnuna kien jinjora l-eżistenza ta' talba għall-informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat m'għandux il-konsegwenza li jippriva din it-talba mill-effett tagħhom fir-rigward tal-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999. Dan ta' l-aħħar introduċa perjodu ta' preskrizzjoni wieħed li japplika bl-istess mod għall-Istat Membru kkonċernat u għat-terzi persuni. Barra minn hekk, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat tkun primarjament bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, it-terzi persuni interessati, fosthom il-benefiċjarju ta' l-għajnuna, li min-naħa tagħhom ikollhom id-dritt li jiġu informati u li jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-argumenti tagħhom, b'hekk ikollhom essenzjalment rwol ta' "sors ta' informazzjoni" tal-Kummissjoni. Madankollu, din mhijiex obbligata li tinforma l-persuni potenzjalment interessati, inkluż il-benefiċjarju ta' l-għajnuna, bil-miżuri li hija tieħu fir-rigward ta' għajnuna illegali, qabel ma tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat.
24 Fil-punt 61 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza żżid tgħid li l-benefiċjarju ta' għajnuna mhux innotifikata, bħal dik in kwistjoni, ma jistax ikollu aspettativa leġittima fir-regolarità ta' l-għajnuna. Fil-punt 62 ta' l-istess sentenza hija kkonstatat ukoll li qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, il-benefiċjarju ta' tali għajnuna ma setax jipprevali ruħu minn ebda ċertezza legali fir-rigward tal-preskrizzjoni tas-setgħa li tiġi rkuprata l-għajnuna u li, konsegwentement, l-interruzzjoni tal-perjodu ta' preskrizzjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-regolament ma kellhiex l-effett li tipprivah minn tali ċertezza legali.
25 Skond Scott, mill-kliem ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, b'mod partikolari mit-termini "azzjoni meħudha […] minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni", kif ukoll mill-għan ta' dan l-artikolu jirriżulta li hija biss miżura li kienet innotifikata lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna li tista' tinterrompi l-perjodu ta' preskrizzjoni fir-rigward tiegħu, anke jekk dan jinvolvi perjodi ta' preskrizzjoni differenti fir-rigward ta' diversi partijiet interessati. F'dan ir-rigward, Scott issostni li mhuwiex daqstant rilevanti li fil-kuntest tal-proċedimenti mibdija taħt l-Artikolu 93(2) tat-Trattat il-benefiċjarju kien biss "sors ta' informazzjoni", li l-Kummissjoni ma kellhiex obbligu li tinforma lil dan il-benefiċjarju bit-teħid ta' miżura ta' interruzzjoni, li dan ta' l-aħħar ma setax ikollu aspettativa leġittima fir-regolarità ta' l-għajnuna illegali jew li, għaxar snin wara l-għoti ta' l-għajnuna in kwistjoni, l-imsemmi regolament ma kienx għadu daħal fis-seħħ.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti
26 Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi għal perjodu ta' preskrizzjoni ta' għaxar snin li jibdew dakinhar li l-għajnuna illegali tiġi mogħtija lill-benefiċjarju. Skond it-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta' l-istess artikolu, il-perjodu ta' preskrizzjoni huwa interrott minn "[k]ull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b'rigward għall-għajnuna [i]llegali".
27 Għalkemm din id-dispożizzjoni effettivament fiha referenza doppja għal "azzjoni[jiet] meħud[a] mill-Kummissjoni" u għal "talb[iet] tal-Kummissjoni", madankollu dan ma jfissirx li talba għall-informazzjoni mingħand din l-istituzzjoni indirrizzata lill-Istat Membru kkonċernat ma tistax tikkostitwixxi "azzjoni meħudha mill-Kummissjoni" ħlief jekk tiġi nnotifikata lill-benefiċċjarju ta' l-għajnuna. Fil-fatt, kif ġie indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 87 sa 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-referenza doppja tista' tiġi spjegata, min-naħa, minħabba negliġenza tal-leġiżlatur, li jidher li rriproduċa, mingħajr ma għamel attenzjoni għad-differenzi proċedurali, il-formulazzjoni użata fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta' Novembru 1974, li jikkonċerna l-perjodi ta' limitazzjoni [preskrizzjoni] fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p.1). Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li jeżistu ċerti sitwazzjonijiet li fihom "talba tal-Kummissjoni" ma tikkostitwixxix awtomatikament u simultanjament "azzjoni meħudha mill-Kummissjoni". Fl-aħħarnett, kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 659/1999 jirrikonoxxi l-eżistenza eventwali ta' diversi miżuri interruttivi (suċċessivi) peress illi fl-Artikolu 15 tiegħu jipprovdi li kull interruzzjoni tibda l-perjodu ta' preskrizzjoni mill-ġdid.
28 B'hekk, il-kliem ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 ma jipprovdi ebda indikazzjoni li teżisti xi kundizzjoni li għandha tingħata notifikazzjoni tal-miżura lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna sabiex ikun hemm interruzzjoni tal-perjodu ta' preskrizzjoni.
29 Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk tali kundizzjoni tirriżultax mill-għan ta' l-imsemmi Artikolu 15.
30 F'dan ir-rigward, mill-erbatax-il premessa tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, għal raġunijiet ta' ċertezza legali, il-perjodu ta' preskrizzjoni għandu mnejn ifixkel l-irkupru ta' l-għajnuniet illegali, li ma tkunx tista' tiġi ordnata aktar. B'hekk, il-perjodu ta' preskrizzjoni huwa intiż b'mod partikolari li jipproteġi xi uħud mill-partijiet interessati, fosthom l-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarju ta' l-għajnuna.
31 Għalhekk dawn il-partijiet interessati għandhom interess prattiku li jiġu informati bil-miżuri meħuda mill-Kummissjoni li huma ta' natura li jinterrompu l-preskrizzjoni.
32 Madankollu, dan l-interess prattiku ma jistax ikollu l-effett li jissuġġetta l-applikazzjoni tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 659/1999 għall-kundizzjoni li l-imsemmija miżuri jiġu nnotifikati lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna.
33 Fil-fatt, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat tkun primarjament bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Hija tinfetaħ kontra dan l-Istat u mhux kontra l-benefiċjarji (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-24 ta' Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punti 81 u 83).
34 Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet ċerti drittijiet proċedurali tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna. Madankollu, dawn ta' l-aħħar huma intiżi sabiex jippermettu lill-imsemmi benefiċjarju jipprovdi xi informazzjoni lill-Kummissjoni u sabiex jippreżenta l-argumenti tiegħu, iżda ma jikkonferixxux fuqu l-istat ta' parti fil-proċedimenti.
35 Għalhekk, anke jekk l-istat ta' parti jista' jiġġustifika kundizzjoni ta' notifikazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-benefiċjarju ta' l-għajnuna m'għandux dan l-istat.
36 Fid-dawl ta' dak li ntqal preċedentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma interpretatx l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 b'mod żbaljat meta ddeċidiet li l-perjodu ta' preskrizzjoni jista' jiġi interrott permezz ta' miżura li ma ġietx innotifikata lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna, f'dan il-każ, it-talba għall-informazzjoni tas-17 ta' Jannar 1997.
37 Huwa minnu li la l-fatt li l-benefiċjarju ma setax ikollu aspettativa leġittima fir-regolarità ta' l-għajnuna, u lanqas il-fatt li, għaxar snin wara l-għoti ta' l-għajnuna in kwistjoni, ir-Regolament Nru 659/1999 ma kienx għadu daħal fis-seħħ, ma jikkostitwixxu stadju neċessarju ta' raġunament sabiex wieħed jasal għal din l-interpretazzjoni. Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet m'għandhomx inaqqsu l-mertu ta' din ta' l-aħħar.
38 Konsegwentement, l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
39 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedimenti ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' dawn ir-regoli, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 69(5) ta' l-imsemmija regoli, fin-nuqqas li ssir talba għall-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Peress illi l-Kummissjoni ma talbitx li Scott tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li
1) L-appell għandu jiġi miċħud.
2) Scott SA u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jbatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy