SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)
27 ta' Ottubru 2005
"Moviment liberu tal-kapital – L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 1960 – Xiri ta' bonds negozjabbli fil-Borża – Ripatrijazzjoni tad-dħul mil-likwidazzjoni tagħhom"
Fil-kawża C-329/03
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Areios Pagos (il-Greċja), permezz ta' deċiżjoni tal-31 ta' Marzu 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Lulju 2003, fil-kawża
Trapeza tis Ellados AE
vs
Banque Artesia,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric, K. Schiemann, E. Juhász u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta' Frar 2005,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal Trapeza tis Ellados AE, minn I. Soufleros, K. Christodoulou u T. Kontovazainitis, dikigoroi,
– għal Bank Artesia, minn F. Herbert, Avukat, u G. Stefanakis u E. Papakonstantinou, dikigoroi,
– għall-Gvern Grieg, minn P. Mylonopoulos u Apessos, kif ukoll V. Pelekou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Støvlbæk u G. Zavvos, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' April 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Lista B, Entrata IV A, u tal-Lista D, Entrata VI ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 1960, għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU 1960, 43, p. 921, iktar 'il quddiem l-"Ewwel Direttiva").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata mill-Areios Pagos (Qorti ta' Kassazzjoni), fil-kuntest ta' kawża bejn Trapeza tis Ellados AE (iktar 'il quddiem il-"Bank tal-Greċja") u l-Bank Artesia (iktar 'il quddiem "Artesia"), rigward it-talba ta' dan ta' l-aħħar sabiex jiġi kkumpensat għad-dannu subit minnu minħabba r-rifjut tal-Bank tal-Greċja sabiex jawtorizzah li jikkredita mid-dħul tal-likwidazzjoni ta' bonds f'kont ta' drakma Griegi li jistgħu jiġu konvertiti.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
3 Artesia, li l-uffiċċju reġistrat tiegħu jinsab fi Brussell (il-Belġju), kellu kont fi drakma Griegi li jistgħu jiġu konvertiti fil-fergħa tiegħu f'Ateni (il-Greċja).
4 Matul il-perijodu tat-28 ta' April 1981 sat-30 ta' Lulju 1982, Artesia xtara bonds maħruġa minn Elliniki Trapeza Viomichanikis Anaptixeos (ETVA) Anonimos Etairia (Bank Grieg ta' l-Iżvilupp Industrijali SA, iktar 'il quddiem il-"ETVA"), li l-azzjonijiet tiegħu jappartjenu lill-Istat Grieg. Dawn il-bonds huma denominati f'munita nazzjonali, għal terminu ta' sena mill-ħruġ tagħhom u kienu negozjati u elenkati fil-Borża. Dawn il-bonds kienu ġew mħallsa mill-kont fi drakma Griegi li jistgħu jiġu konvertiti ta' Artesia. Sabiex l-ammont korrispondenti għal dawn il-bonds jista' dejjem jiġi konvertit, awtorizzazzjoni speċjali tal-Bank tal-Greċja kienet meħtieġa.
5 Fl-24 ta' Awwissu 1982, Artesia talab lil dan il-bank sabiex jawtorizzah li jikkredita d-dħul tal-likwidazzjoni tal-bonds in kwistjoni fil-kont tiegħu ta' drakma Griegi li jistgħu jiġu konvertiti, sabiex jerġa' jibgħat dan id-dħul fil-Belġju. Matul il-perijodu bejn l-25 ta' Awwissu 1982 u t-23 ta' Novembru 1986, il-Bank tal-Greċja ċaħad din it-talba għal bosta drabi. Madankollu dan laqa' t-talba tiegħu fl-24 ta' Novembru 1986. Jidher li r-rifjut tiegħu kien immotivat, ta' l-anqas, mill-fatt li l-użu tal-kont ta' Artesia fi drachmas Griegi li jistgħu jiġu konvertiti, għal xiri inizjali tal-bonds in kwistjoni ma kienx ġie awtorizzat u li, għaldaqstant, dan il-kont ma setax jiġi konvertit aktar.
6 Peress li kkunsidra li kien issubixxa dannu matul il-perijodu bejn it-30 ta' Settembru 1982 u l-11 ta' Diċembru 1986, mill-fatt tar-rifjut magħmula mill-Bank tal-Greċja, Artesia, fit-28 ta' April 1987, ressaq rikors għal kumpens għad-danni kontra dan il-bank. Huwa sostna li x-xiri tiegħu tal-bonds jaqa' taħt il-Lista B, Entrata IVA ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva, fejn l-Istati Membri kellhom l-obbligu li jagħtu l-awtorizzazzjoni mitluba, skond l-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva. Il-kawża ġiet deċiża mill-Polymeles Protodikeio Athinon (Qorti ta' Prim Istanza f'Ateni), l-Efeteio Athinon (Qorti ta' l-Appell ta' Ateni) u sussegwentement l-Areios Pagos, li rrinvija l-kawża quddiem dan l-Efeteio. Din ta' l-aħħar, fis-27 ta' Lulju 2001, ikkundannat il-Bank tal-Greċja sabiex jikkumpensa lil Artesia. Dik il-qorti kkunsidrat li l-operazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet taqa' taħt l-Artikolu 2 u taħt il-Lista B ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva.
7 Peress illi l-Bank tal-Greċja fetaħ appell fil-Kassazzjoni, l-Areios Pagos iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti:
"1) Qed jiġi mistoqsi, fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-Lista D, li tirreferi għall-Artikolu 4 ta' l-Ewwel Direttiva […], u tal-kategorija tan-nomenklatura VI, li tirrigwarda l-'Investimenti għal żmien qasir f' kambjali tat-Teżor u f'titoli oħra normalment negozjati fuq is-suq monetarju', jekk, skond l-għan ta' din id-dispożizzjoni u l-iskop li hija ssegwi, jew skond l-interpretazzjoni tagħha fid-dawl tal-prattika ġenerali eventwali fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali, jiġifieri li t-titoli, bħal ma huma l-bonds ETVA in kwistjoni, li għandhom terminu ta' sena, jikkostitwixxu investimenti għal żmien qasir, a) bonds maħruġa minn bank kostitwit taħt il-forma ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata pubblika fejn l-azzjonijiet japparjentu lill-Istat, għal terminu ta' sena mill-ħruġ tagħhom negozzjabbli u elenkati fil-Borża, jew b) bonds maħruġa minn bank kostitwit taħt il-forma ta' kumpannija ta' responsabbiltà limitata għal terminu ta' sena mill-ħruġ tagħhom, negozjabbli fil-Borża, fejn huma wkoll ġew elenkati, huma soġġetti għar-regolamentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.
2) Qed jiġi mistoqsi, fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-Lista D, li tirreferi għall-Artikolu 4 ta' l-[Ewwel] Direttiva […], u tal-kategorija tan-nomenklatura IX, li tipprovedi 'Kostituzzjoni u finanzjament tal-kontijiet kurrenti u ta' depożiti, ripatrijazzjoni jew użu ta' bilanċ fil-kont kurrenti jew f'depożitu ma' stabbilimenti ta' kreditu', jekk, skond l-għan ta' din id-dispożizzjoni u l-iskop li hija ssegwi, l-użu f'bank, bħala stabbiliment ta' kreditu, ta' bilanċ fuq kont ta' depożitu, finanzjat konformement mad-Deċiżjoni 1097/1959 tal-Kumitat Monetarju, ċitat f'din is-sentenza (permezz tad-dħul ta' muniti barranin importati, eċċ), u li jikkonsisti f'depożiti denominati f'munita nazzjonali, li jistgħu jiġu konvertiti f'munita barranija, hija soġġetta għar-regolamentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni."
Fuq it-talba tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
8 Permezz ta' talba ddepożitata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Lulju 2005, il-Bank tal-Greċja talab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.
9 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tista' tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, konformement ma' l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li hemm bżonn ta' kjarifikazzjonijiet ulterjuri jew li l-kawża għandha tiġi maqtugħa fuq il-bażi ta' argument li ma ġiex dibattut bejn il-partijiet (sentenzi ta' l-10 ta' Frar 2000, Deutsche Post, C-270/97 u C-271/97, Ġabra p. I-929, punt 30, u tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 20).
10 Il-Qorti tikkunsidra li m'hemmx lok li tordna, f'dan il-każ, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. B'konsegwenza ta' dan, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid għandha tiġi miċħuda.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
11 L-Artikolu 67 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 67 tat-Trattat KE, abrogat permezz tat-Trattat ta' Amsterdam) jipprovdi:
"1. L-Istati Membri jabbolixxu progressivament bejniethom, matul il-perijodu ta' transazzjoni u sakemm ikun neċessarju għal funzjoni tajba tas-suq komuni, ir-restrizzjonijiet għal movimenti tal-kapital li jappartjenu lil persuni residenti fi Stati Membri, kif ukoll id-diskriminazzjonijiet ta' trattament ibbażati fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza tal-partijiet, jew fuq il-lokalizzazzjoni ta' l-investiment.
2. Il-pagamenti kurrenti li jaqgħu taħt movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri huma ħielsa mir-restrizzjonijiet kollha mhux aktar tard mit-tmiem ta' l-ewwel fażi."
12 Skond il-premessi ta' l-Ewwel Direttiva, il-ksib ta' l-għanijiet tat-Trattat KEE jeħtieġ l-akbar moviment liberu tal-kapital possibbli bejn l-Istati Membri u, b'konsegwenza ta' dan, il-liberalizzazzjoni l-aktar wiesgħa u l-aktar effiċjenti tal-movimenti tal-kapital bejn dawn l-Istati.
13 Skond it-termini ta' l-Artikoli 1(1) u 3 ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħtu kull awtorizzazzjoni ta' kambju meħtieġ għall-konklużjoni jew l-eżekuzzjoni ta' transazzjonijiet u għal trasferimenti bejn residenti ta' l-Istati Membri, relatati mal-movimenti tal-kapital elenkati fil-lista A u, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-Lista C ta' l-Anness I ta' l-istess Direttiva.
14 L-Artikolu 2(1) ta' l-Ewwel Direttiva jipprovdi li "[l-]Istati Membri għandhom jagħtu awtorizzazzjonijiet ġenerali għall-konklużjoni jew l-eżekuzzjoni ta' transazzjonijiet u għat-trasferimenti bejn residenti ta' l-Istati Membri, relatati mal-movimenti ta' kapital enumerati fil-Lista B ta' l-Anness I ta' [din] id-Direttiva". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
15 Dan l-obbligu ta' għoti ta' awtorizzazzjoni m'huwiex, min-naħa l-oħra, impost fir-rigward ta' movimenti tal-kapital elenkati fil-Lista D ta' l-istess Anness. L-Istati Membri jistgħu jżommu r-restrizzjonijiet tagħhom relatati ma' dawn it-transazzjonijiet.
16 L-Artikolu 4 ta' l-Ewwel Direttiva jipprovdi:
"Il-Kumitat Monetarju għandu jipproċedi ta' l-anqas darba fis-sena għal eżami tar-restrizzjonijiet li japplikaw għall-movimenti tal-kapital enumerati fil-listi ta' l-Anness I ta' din id-Direttiva; dan għandu jagħmel rapport lil Kummissjoni dwar ir-restrizzjonijiet li jistgħu jitneħħew." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
17 Il-movimenti tal-kapital enumerati fil-Lista B, Entrata IV A ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva rigward il-"[m]ovimenti tal-kapital imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva", jinkludu b'mod partikolari, ix-"[x]iri min persuni mhux residenti tat-titoli nazzjonali negozjati f'Borża (għall-esklużjoni tal-partijiet ta' fondi kumuni ta' investiment) u [r]-ripatrijazzjoni tad-dħul tal-likwidazzjoni tagħhom", li tikkorrispondi għall-Entrata IV A tan-nomenklatura. Dan jinkludi b'mod partikolari, fil-punt 3 (i), ix-xiri ta' bonds "denominati f'munita nazzjonali" u fil-punt 4, ir-"Ripatrijazzjoni tad-dħul mil-likwidazzjoni tal-bonds". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
18 Il-movimenti tal-kapital enumerati fil-Lista D ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva li jirrigwardaw il-"[m]ovimenti tal-kapital imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva", jinkludu:
– l-"[i]nvestimenti għal żmien qasir f'kambjali tat-Teżor u f'titoli oħra normalment negozjati fuq is-suq monetarju" li magħhom tikkorrispondi l-Entrata VI tan-nomenklatura. Dan jinkludi b'mod partikolari l-investimenti għal żmien qasir minn persuni mhux residenti fuq is-suq monetarju nazzjonali u [r]-ripatrijazzjoni tad-dħul mil-likwidazzjoni tagħhom;
– il-"[k]ostituzzjoni u [l]-finanzjament tal-kontijiet kurrenti u tad-depożiti, [ir]-ripatrijazzjoni jew [l]-użu ta' bilanċ fil-kont kurrenti jew f'depożitu ma' stabbilimenti ta' kreditu" li magħhom tikkorrispndi l-Entrata IX tan-nomenklatura. Dan jinkludi b'mod partikolari t-transazzjonijiet minn persuni mhux residenti ma' stabbilimenti ta' kreditu nazzjonali u japplika għall-kontijiet u bilanċ denominati f'munita kemm nazzjonali kif ukoll barranija.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
19 Id-deċiżjoni 1097 tal-Kumitat Monetarju tat-23 ta' Mejju 1959, li tirrigwarda l-applikazzjoni fil-Greċja tas-sistema ta' konvertibilità limitata (FEK 'A' 109/16.6.1959) kienet tipprovdi, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, żewġ kategoriji ta' kontijiet ta' depożitu fil-Bank tal-Greċja u fil-banek oħra awtorizzati li setgħu jinfetħu fl-isem ta' persuni li għandhom ir-residenza permanenti tagħhom barra l-pajjiż, jiġifieri l-kontijiet fi drakma Greigi li jistgħu jiġu konvertiti u l-kontijiet b'muniti barranin.
20 Skond din id-deċiżjoni, il-kontijiet fi drakma Griegi li jistgħu jiġu konvertiti ma setgħux jiġu utilizzati ħlief għal ċerti skopijiet u jiġu ffinanzjati ħlief taħt ċerti forom ristrettivament indikati. Din id-deċiżjoni kienet tgħid li jekk id-drakma Griegi kienu utilizzati mingħajr awtorizzazzjoni speċjali tal-Bank tal-Greċja, bi skop differenti minn dawk imsemmija, dawn ma jibqgħux jistgħu jiġu aktar konvertiti.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
21 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, l-Areios Pagos titlob, fis-sustanza, jekk ix-xiri ta' bonds denominati f'munita nazzjonali, għal terminu ta' sena mill-ħruġ tagħhom, negozjati u elenkati fil-Borża, maħruġa minn bank stabbilit fi Stat Membru u li jappartjeni lil dak l-Istat Membru, huwa "xiri […] ta' titoli nazzjonali negozjati fil-Borża" skond il-Lista B, Entrata IV A ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva jew "investiment għal żmien qasir f'kambjali tat-Teżor u f'titoli oħra normalment negozjati fuq is-suq monetarju" skond il-Lista D, Entrata VI ta' dan l-istess Anness.
22 Huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li, għal finijiet ta' l-Ewwel Direttiva, Artesia huwa bank "mhux residenti", li kien xtara l-bonds in kwistjoni fil-Greċja u li huwa ried jagħmel ripatrijazzjoni fil-Belġju tad-dħul tal-likwidazzjoni tagħhom. M'hemmx dubju wkoll li dawn il-bonds huma "titoli nazzjonali", denominati f'munita nazzjonali, għal terminu ta' sena mill-ħruġ tagħhom, li kienu ġew negozjati kif ukoll elenkati fil-Borża.
23 Artesia u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li dawn il-bonds jaqgħu taħt il-Lista B, Entrata IV A ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva. Min-naħa l-oħra, il-Bank tal-Greċja u l-Gvern Grieg isostnu li dawn jaqgħu taħt il-Lista D, Entrata VI, ta' dan l-istess Anness.
24 Għaldaqstant il-kawża prinċipali toriġina minħabba differenza ta' interpretazzjoni tal-kriterju li huwa marbut mal-bonds in kwistjoni. Din il-kwistjoni tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-kunċetti ta' "titoli negozjati fil-Borża" u ta' "titoli normalment negozjati fuq is-suq monetarju". Din hija ntiża wkoll sabiex tiddetermina jekk it-terminu tal-bonds in kwistjoni huwiex kriterju determinanti sabiex wieħed jiddefinixxihom. Skond il-Bank tal-Greċja u l-Gvern Grieg, il-bonds in kwistjoni huma "titoli normalment negozjati fuq is-suq monetarju" skond il-Lista D, Entrata VI ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva, indipendentement mill-fatt li huma ġew negozjati fil-Borża.
25 Skond it-termini ta' l-Artikolu 67 tat-Trattat, il-moviment liberu tal-kapital ifisser it-tneħħija ta' restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital ta' persuni residenti fi Stati Membri u kif ukoll ta' diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza tal-partijiet jew fuq il-lokalizzazzjoni ta' l-investiment. L-Ewwel Direttiva tipprovdi, għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 67, il-liberalizzazzjoni sħiħa ta' ċerti movimenti tal-kapital u hija ntiża sabiex telimina l-ostakoli amministrattivi li, għalkemm ma jimponux awtorizzazzjonijiet ta' kambju u ma jaffettwawx ix-xiri ta' titoli barranin, xorta ma jirrappreżentawx diffikultà għal-liberalizzazzjoni l-aktar wiesgħa u l-aktar effiċjenti tal-movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri li, skond il-premessi ta' l-Ewwel Direttiva, huma neċessarji sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Komunità Ewropea (ara s-sentenza ta' l-24 ta' Ġunju 1986, Brugnoni u Ruffinengo, 157/85, Ġabra p. 2013, punti 21 u 22).
26 F'dan ir-rigward, anke jekk fil-lista D, Entrata VI ta' dan l-Anness jinsab il-kunċett ta' "titoli normalment negozjati fuq is-suq monetarju", l-Ewwel Direttiva ma tipprovdi ebda definizzjoni ta' dan il-kunċett. Min-naħa l-oħra, din id-Direttiva tirreferi għal kunċett ta' "titoli negozjati fil-Borża", fil-Lista B, Entrata IVA, ta' l-istess Anness, kif ukoll fin-noti ta' spjegazzjoni tagħha, li fihom tinsab definizzjoni. Skond dawn in-noti, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti integrali ta' din id-Direttiva (ara s-sentenza ta' l-4 ta' Frar 1988, East et, 143/86, Ġabra p. 625, punt 11), it-"titoli negozjati fil-Borża" huma "titoli li huma l-iskop ta' transazzjonijiet regolati u li r-rati tagħhom huma regolarment ippubblikati, kemm minn uffiċjali entitajiet ta' Borża (titoli elenkati uffiċjalment), u kif ukoll minn entitajiet oħra marbuta ma' Borża bħal, per eżempju, kummissjonijiet bankarji (titoli mhux elenkati uffiċjalment)". Kif ressqet il-Kummissjoni, din id-definizzjoni tfisser li l-leġiżlatur Komunitarju ta importanza għar-regoli tal-funzjoni tal-Borża, b'mod partikolari fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu t-trasparenza tal-funzjoni tal-Borża u l-pubblikazzjoni tal-prezzijiet tat-titoli li jkunu l-iskop tan-negozjati.
27 Għal dak li jikkonċerna t-"titoli negozjati fil-Borża" msemmija fil-Lista B, Entrata IV A ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju isostni li t-titoli negozjati f'ambjent regolat, bħal ma hija l-Borża, jistgħu, skond l-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva, jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni ġenerali, mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat, għall-konklużjoni jew l-eżekuzzjoni tat-transazzjonijiet kif ukoll għat-trasferimenti bejn residenti ta' l-Istati Membri.
28 Min-naħa l-oħra, is-suq monetarju, imsemmi fil-Lista D, Entrata VI ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva, huwa inqas regolat mill-Borża. Fil-fatt, it-transazzjonijiet fuq is-suq monetarju huma normalment konklużi wara negozjati privati, f'ambjent li huwa, meta mqabbel mal-Borża, inqas trasparenti. Din l-affermazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-fatt li l-karattru fundamentali ta' "titoli normalment negozjati fuq is-suq monetarju" huwa li l-prezz tagħhom ma jkunx elenkat pubblikament u jista' jkun neċessarju għall-awtoritajiet nazzjonali li jevalwaw il-valur tagħhom sabiex jiġi evitat kwalunkwe frodi minħabba prezzijiet fittizzji. Dan m'huwiex il-każ, min-naħa l-oħra, tat-"titoli negozjati fil-Borża" kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu.
29 Jirriżulta mill-proċess li t-titoli, anke jekk ġew negozjati f'Borża, fir-realtà inxtraw mill-ETVA. Madankollu, din iċ-ċirkustanza, kuntrarjament għal kif sostna l-Bank tal-Greċja fis-seduta, ma biddlitx in-natura tal-bonds in kwistjoni. Fil-fatt, kif ukoll irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Ewwel Direttiva ma tirrekjedix li l-post tan-negozjati tat-titoli u dak tax-xiri tagħhom ikun l-istess. Il-Lista B ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva jinkludi x-"xiri […] ta' titoli […] negozjati f'Borża" u m'huwiex neċessarju li x-xiri tat-titoli iseħħ f'Borża. Il-kriterju deċiżiv huwa li jkunu negozjati f'dan il-kuntest. Kif ukoll irrileva l-Avukat Ġenerali f'dan il-punt, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta' l-Ewwel Direttiva.
30 Jekk it-terminu tat-titoli jista' jkun determinanti għal dawk li jaqgħu taħt il-Lista D ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva u li huma, skond l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva, soġġetti għal restrizzjoni, jiġifieri l-"[i]nvestimenti għal żmien qasir f'kambjali tat-Teżor u f'titoli oħra normalment negozjati fuq is-suq monetarju", dan madankollu ma jkunx il-każ tat-"titoli negozjati fil-Borża". Dawn m'humiex imsemmija ħlief fil-Lista B, Entrata IV A, ta' l-istess Anness, kif ukoll fin-noti ta' spjegazzjoni ta' l-Ewwel Direttiva. Dawn ta' l-aħħar jirreferu espressament għal din l-Entrata IV u jipprovdi biss in-natura ta' l-entità li toħroġ il-bonds, jiġifieri kemm l-"entitajiet privati kif ukoll pubbliċi". Huma d-Direttivi 86/566/KEE tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 1986 li temenda l-Ewwel Direttiva (ĠU L 332, p. 22), u 88/361/KEE tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU L 178, p. 5), li jipprovdu definizzjoni tal-bonds għal żmien qasir, liema Direttivi m'għandhomx applikazzjoni retroattiva. Jirriżulta wkoll mill-kitba tal-Lista B, Entrata IV A ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jiddefinixxi t-"titoli negozjati f'Borża" skond kriterji barra t-terminu tagħhom.
31 Jirriżulta minn dan kollu li l-bonds in kwistjoni huma "titoli negozjati f'Borża" skond il-Lista B, Entrata IV A ta' l-Anness I, u n-noti ta' spjegazzjoni ta' l-Ewwel Direttiva.
32 F'dawn iċ-ċirkustanzi m'hemmx bżonn li jiġi eżaminat jekk dawn il-bonds jissodisfawx simultanjament il-kriterji tal-Lista D, Entrata VI, ta' l-istess Anness. Anke jekk dan kien il-każ, dan ma setax jinfluwenza l-fatt li l-movimenti tal-kapital in kwistjoni jibbenefikaw mis-sistema liberalizzata stabbilita fl-Artikolu 2 ta' Ewwel Direttiva minħabba li dawn jissodisfaw il-kriterji tal-Lista B ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva. Ebda dispożizzjoni ta' din id-Direttiva ma tillimita l-liberalizzazzjoni li minnha jibbenefikaw il-movimenti ta' kapital skond l-Artikolu 2 mill-fatt biss li l-istess movimenti ta' kapital jissodisfaw ukoll il-kriterji tal-Lista D ta' l-Anness I ta' din id-Direttiva. L-istess konklużjoni tirriżulta mill-interpretazzjoni ta' l-Ewwel Direttiva fid-dawl ta' l-iskop tagħha, indikata fl-unika premessa tagħha, bħala li teħtieġ "l-akbar moviment liberu ta' kapital possibbli bejn l-Istati Membri, u, b'konsegwenza ta' dan, il-liberalizzazzjoni l-aktar wiesgħa u l-aktar effiċjenti ta' dawn il-movimenti ta' kapital".
33 Għandu jiġi miżjud li l-fatt li l-bonds fil-kawża prinċipali huma titoli li nħarġu minn bank, kumpannija ta' responsabbiltà limitata f'idejn l-Istat, ma tbiddilx in-natura tagħhom. F'dan ir-rigward, in-noti ta' spjegazzjoni annessi ma' l-Ewwel Direttiva jippreċiżaw li dawn il-bonds jistgħu jiġu maħruġa kemm minn entitajiet privati kif ukoll pubbliċi, kif ukoll jirriżulta mill-punt 27 ta' din is-sentenza.
34 Filwaqt li huwa kkunsidrat dan kollu, it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li l-bonds denominati f'munita nazzjonali, għal terminu ta' sena mill-ħruġ tagħhom, negozjati u elenkati fil-Borża, maħruġa minn bank, stabbilit fi Stat Membru u li jappartjeni lil dak l-Istat, jaqgħu taħt il-Lista B, Entrata IV A ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva. Ix-xiri tagħhom kif ukoll id-dħul mil-likwidazzjoni tagħhom huma regolati mill-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva, li jirreferi għall-Lista B ta' l-Anness I ta' l-istess Direttiva, li jipprovdi għar-ripatrijazzjoni ta' dan id-dħul.
Fuq it-tieni domanda
35 Permezz tat-tieni domanda tagħha, l-Areios Pagos titlob, fis-sustanza, jekk l-użu għall-finijiet tax-xiri ta' bonds bħal ma huma dawk imsemmija permezz ta' ewwel domanda tagħha, ta' bilanċ fil-kont kurrenti jew fid-depożitu ma' stabbiliment ta' kreditu li jaqa' taħt il-Lista D, Entrata IX ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva.
36 Il-movimenti ta' kapital għall-finijiet ta' l-Ewwel Direttiva għandhom neċessarjament jiġu kkunsidrati fit-totalità tagħhom u sakemm id-destinazzjoni ta' moviment jaqa' taħt wieħed mill-kategoriji liberalizzati, l-oriġini ta' dak il-moviment ma jistax, bħala prinċipju, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 32 ta' din is-sentenza, ikollu influwenza fuq din il-klassifika. Minbarra dan, ix-xiri ta' titoli li jaqgħu taħt wieħed mill-kategoriji liberalizzati jkun serjament imfixkel jekk l-Istati Membri jkunu liberi li jirrestrinġu l-użu ta' bilanċ fil-kontijiet kurrenti jew fid-depożitu għall-finijiet ta' dan ix-xiri.
37 B'konsegwenza ta' dan, it-tweġiba għat-tieni domanda għandha tkun li l-fatt li x-xiri ta' bonds li jaqgħu taħt il-Lista B, Entrata IV A ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva kien ġie ffinanzjat permezz ta' bilanċ fil-kont kurrenti jew f'depożitu ma' stabbiliment ta' kreditu, anke jekk jaqa' taħt il-lista D, Entrata IX ta' l-istess Anness, ma jistax ikollu influwenza fuq il-klassifikazzazzjoni tal-moviment ta' kapital in kwistjoni fil-Lista B, Entrata IV A, ta' dan l-Anness.
Fuq l-ispejjeż
38 Peress illi dawn il-proċedimenti huma, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, riżultat ta' kwistjoni li tqajmet quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għall-preżentata ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:
1) Il-bonds denominati f'munita nazzjonali, għal terminu ta' sena mill-ħruġ tagħhom, negozjati u elenkati f'Borża, maħruġa minn bank, stabbilit fi Stat Membru u li jappartjeni lil dak l-Istat, jaqgħu taħt il-Lista B, Entrata IV A ta' l-Anness I ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 1960, għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 67 tat-Trattat. Ix-xiri tagħhom kif ukoll id-dħul mil-likwidazzjoni tagħhom huma regolati mill-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva, li jirreferi għall-Lista B ta' l-Anness I ta' l-istess Direttiva, li jipprovdi għar-ripatrijazzjoni ta' dan id-dħul.
2) Il-fatt li x-xiri ta' bonds li jaqgħu taħt il-Lista B, Entrata IV A ta' l-Anness I ta' l-ewwel Direttiva kien ġie ffinanzjat permezz ta' bilanċ fil-kont kurrenti jew f'depożitu ma' stabbiliment ta' kreditu, anke jekk jaqa' taħt l-lista D, Entrata IX ta' l-istess Anness, ma jistax ikollu influwenza fuq il-klassifikazzjoni tal-moviment ta' kapital in kwistjoni fil-Lista B, Entrata IV A ta' dan l-Anness.
Firem
Full & Egal Universal Law Academy