SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla)
8 ta' Lulju 2004 (*)
"Tariffa doganali komuni – Nomenklatura magħquda – Intestatura tariffarja – Kaxxi għal pinen"
Fil-kawża C-400/03,
li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 234 KE mit-tribunal d'instance tas-VIIe arrondissement ta' Pariġi (Franza) u intiza sabiex, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn
Waterman SAS, li qabel kienet Waterman SA,
u
Directeur général des douanes et droits indirects,
tingħata deċiżjoni preliminari dwar il-konformità tan-noti ta' spjega tas-subintestaturi 4202 12 11 u 4202 12 19 tan-nomenklatura magħquda, li jinstabu fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, bl-isem "Noti ta' spjega tan-nomenklatura magħquda tal-Komunitajiet Ewropej" (ĠU 2000, C 199, p.1), man-nomenklatura magħquda tat-tariffa doganali komuni li tinstab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2263/2000, tat-13 ta' Ottubru 2000 (ĠU L 264, p.1),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet u K. Lenaerts (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li kkunsidrat l-osservazzjoni bil-miktub ippreżentati:
– għal Waterman SAS, minn F. Goguel, avocat,
– għall-Gvern Franċiż, minn A. Colomb u G. de Bergues, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Schieferer u X. Lewis, bħala aġenti,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta' Waterman SAS, tal-Gvern Franċiż u tal-Kummissjoni fis-seduta ta' l-1 ta' April 2004,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' deċizjoni tal-21 ta' Awwissu 2003, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Settembru 2003, it-tribunal d'instance tas-VIIe arrondissement ta' Pariġi għamel, taħt l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari dwar il-konformità tan-noti ta' spjega tas-subintestaturi 4202 12 11 u 4202 12 19 tan-nomenklatura magħquda, li jinstabu fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Noti ta' spjega tan-nomenklatura magħquda tal-Komunitajiet Ewropej" (ĠU 2000, C 199, p.1) man-nomenklatura magħquda tat-tariffa doganali komuni li tinstab fl-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2263/2000, tat-13 ta' Ottubru 2000 (ĠU L 264, p.1).
2 Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Waterman SAS, l-aventi kawża tal-kumpannija Waterman SAS b'riżultat ta' operazzjoni ta' konċentrazzjoni, u d-directeur général des douanes et droits indirects dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta' kaxxi għal pinen importati fl-Unjoni Ewropea minn din il-kumpannija.
Il-kuntest ġuridiku
3 Il-verżjoni tan-nomenklatura maqgħuda (iktar 'il quddiem in-"NM") li kienet tapplika fiż-żmien meta seħħew il-fatti tinstab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2263/2000. It-tieni parti ta' dan l-Anness jinkludi Kapitolu 42, intitolat "Oġġetti tal-ġild, sarraġ u xedd; oġġetti ta' l-ivvjaġġar, boroż tan-nisa u kontenituri bħalhom, oġġetti mill-imsaren ta' l-annimali".
4 F'dan il-kapitolu tinstab, b'mod partikolari, l-intestatura 4202 li, fost affarijiet oħra, tikkonċerna l-"kaxex għall-ġojjelli […] u kontenituri bħalhom, tal-ġilda jew ta' ġilda artifiċjali, ta' folji tal-plastik, ta' materjali tessili, ta' fibra vvulkanizzata jew tal-kartun, jew kollha jew prinċipalment miksijin b'dawn il-materjali jew bil-karta".
5 Is-subintestatura 4202 92 19 tikkonċerna l-oġġetti msemmijin fil-punt preċedenti meta jkollhom il-"wiċċ ta' barra ta' folji tal-plastik jew ta' materjal tessili". Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, ir-rata konvenzjonali tad-dazju fir-rigward ta' dawn l-oġġetti kienet ta' 9.7%.
6 Is-subintestatura 4202 99 00 tikkonċerna l-oġġetti msemmija fil-punt 4 iktar 'il fuq meta dawn ma jkollhomx il-wiċċ ta' barra tal-ġilda, tal-ġilda artifiċjali jew ta' l-alakka u meta ma jkollhomx il-wiċċ ta' barra ta' folji ta' materjali tal-plastik jew ta' materjali tessili. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, ir-rata konvenzjonali tad-dazju fir-rigward ta' dawn l-oġġetti kienet ta' 3.7%.
7 In-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 42 tan-NM tippreċiża li "[g]ħall-għanijiet tas-subintestaturi ta' l-intestatura 4202, it-terminu 'wiċċ ta' barra' għandu jirreferi għall-materjal tal-wiċċ ta' barra tal-kontenitur li jidher minn barra, ukoll meta dan il-materjal huwa l-qoxra ta' taħlita ta' materjali li jagħmlu l-materjal ta' barra tal-kontenitur".
8 In-nota ta' spjega tas-subintestaturi 4202 92 11 sa 4202 92 19, li tinstab fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 1 iktar 'il fuq, tirreferi għan-noti ta' spjega tas-subintestaturi 4202 12 11 u 4202 12 19 (iktar 'il quddiem in-"noti ta' spjega kkonċernati"), li fihom l-indikazzjonijiet segwenti fir-rigward ta' l-espressjoni "folji ta' materjali tal-plastik":
"Jekk il-materjal ta' barra ta' kontenitur huwa materjal kompost li l-qoxra ta' barra tiegħu li tidher minn barra hija folja ta' materjal tal-plastik (per eżempju, tessut ta' materjal tessili flimkien ma' folja ta' materjal tal-plastik), il-klassifikazzjoni f'dawn is-subintestaturi ssir independentement mill-fatt li din il-folja ġiet iffabbrikata qabel ma ġie ffabbrikat il-materjal kompost jew li l-qoxra ta' materjal tal-plastik inkisbet billi materjal (per eżempju tessut ta' materjal tessili) ġie miksi jew kopert b'materjal tal-plastik, bil-kundizzjoni iżda li l-qoxra ta' barra tiegħu li tidher minn barra jkollha aspett simili għal dak ta' folja ta' materjal tal-plastik maħduma minn qabel". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Fil-11 ta' April 2001, Waterman ressqet talba quddiem l-amministrazzjoni doganali Franċiża għal informazzjoni vinkolanti dwar tariffi (iktar 'il quddiem l-"IVT") għall-klassifikazzjoni ta' kaxxa għall-pinen, il-kaxxa "Man Bille Coverlux", li fit-talba tagħha kienet deskritta kif ġej:
"Qafas (bażi u għatu) ta' materjali tal-plastik
Ċappetta bil-molla ta' l-azzar
Kisi ta' ġewwa tas-satin
Ikkuttunar ta' l-għatu bil-fowm
Kisi estern tal-kaxxa bil-Coverlux
[…]
Envelop estern ta' kartun newtrali."
10 Fit-talba tagħha, Waterman talbet li l-merkanzija tiġi kklassifikata fis-subintestatura 4202 99 00.
11 Fit-28 ta' Ġunju 2001, l-amministrazzjoni doganali Franċiża ħarġet IVT, bin-numru FR-E4-2001-001470, fejn ikklassifikat l-merkanzija in kwistjoni fis-subintestatura 4202 92 19. Abbażi ta' żewġ analiżi tal-laboratorju interreġjonali tad-dwana ta' Pariġi, din l-amministrazzjoni osservat li l-kaxxa in kwistjoni għandha l-wiċċ ta' barra magħmul minn folji ta' materjal tal-plastik bi ħxuna medja ta' 0.12 millimetru. In sostenn ta' l-IVT, din l-amministrazzjoni invokat, b'mod partikolari, in-noti ta' spjega kkonċernati.
12 Fil-11 ta' Settembru 2001, Waterman ressqet proċedura kontra d-directeur général des douanes et droits indirects quddiem it-tribunal d'instance tas-VIIe arrondissement ta' Pariġi sabiex tiġi annullata l-IVT u sabiex jiġi deċiż li l-merkanzija kkonċernata taqa' taħt is-subintestatura 4202 99 00.
13 Permezz ta' deċiżjoni tal-5 ta' Frar 2002, din il-qorti talbet lill-commission de conciliation et d'expertise douanière sabiex tiddetermina u tiddeskrivi l-kompożizzjoni kif ukoll il-proċess ta' fabbrikazzjoni tal-wiċċ ta' barra ta' l-imsemmija merkanzija. F'opinjoni tat-22 ta' Mejju 2002, din il-kummissjoni kkonkludiet li "l-wiċċ ta' barra tal-kaxxi sottomessi għal eżami huwa magħmul minn polimer akriliku mħallat ma' pigmenti tal-kulur u li din it-taħlita kienet miksija fi stat semi-likwidu permezz ta' romblu u dan qabel ma l-kaxxi ġew iffurmati".
14 Affrontata mill-kwistjoni dwar jekk materjal kompost b'dan il-mod, miksub minn proċess bħal dan, jaqax taħt is-subintestatura 4202 92 19, kif ġie deċiż mill-amministrazzjoni doganali Franċiża abbażi tan-noti ta' spjega kkonċernati, it-tribunal d'instance tas-VIIe arrondissement ta' Pariġi ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"In-nota ta' spjega tan-nomenklatura magħquda li tinstab fl-intestaturi 4202 12 11 u 4202 12 19, li tispjega b'dan il-mod l-espressjoni 'folji ta' materjal tal-plastik': "jekk il-materjal ta' barra ta' kontenitur huwa materjal kompost li l-qoxra ta' barra tiegħu li tidher minn barra hija folja ta' materjal tal-plastik (per eżempju, tessut ta' materjal tessili flimkien ma' folja ta' materjal tal-plastik), il-klassifikazzjoni f'dawn is-subintestaturi ssir independentement mill-fatt li din il-folja ġiet iffabbrikata qabel ma ġie ffabbrikat il-materjal kompost jew li l-qoxra ta' materjal tal-plastik inkisbet billi materjal (per eżempju tessut ta' materjal tessili) ġie miksi jew kopert b'materjal tal-plastik, bil-kundizzjoni iżda li l-qoxra ta' barra tiegħu li tidher minn barra jkollha aspett simili għal dak ta' kisja b'folja ta' materjal tal-plastik maħduma minn qabel" tmur kontra t-tariffa?"
Fuq id-domanda preliminari
15 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li d-domanda magħmula ma tikkonċernax l-interpretazzjoni tas-subintestaturi 4202 92 19 u 4202 99 00 tan-NM, invokati rispettivament mill-amministrazzjoni doganali Franċiża u minn Waterman għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-kaxxi għal pinen importati fl-Unjoni Ewropea minn din ta' l-aħħar, iżda l-validità tan-noti ta' spjega kkonċernati li japplikaw għas-subintestaturi 4202 92 11 sa 4202 92 19 tan-NM.
16 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li n-noti ta' spjega tan-NM jikkostitwixxu mezzi validi għall-interpretazzjoni tan-NM sakemm il-kontenut tagħhom ikun konformi mad-dispożizzjonijiet stess tat-tariffa doganali komuni u ma jibdilx il-portata tagħhom (ara s-sentenza tal-11 ta' Lulju 1980, Chem-Tec, 798/79, Ġabra p. 2639, punti 11 u 12).
17 F'dan il-każ, in-noti ta' spjega kkonċernati jippreċiżaw li, fis-sitwazzjoni fejn il-materjal ta' barra ta' kontenitur ikun materjal kompost li l-qoxra tiegħu li tidher minn barra hija folja ta' materjal tal-plastik, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-fatt li din il-folja ġiet iffabbrikata qabel il-fabbrikazzjoni tal-materjal kompost li tiegħu hija l-qoxra ta' barra viżibbli jew li l-qoxra ta' materjal tal-plastik inkisbet billi materjal (per eżempju tessut ta' materjal tessili) kien miksi b'materjal tal-plastik, huwa mingħajr importanza, sakemm it-tieni proċess ta' fabbrikazzjoni jwassal għal riżultat b'aspett analogu għal dak li jirriżulta mill-ewwel proċess.
18 Għaldaqstant, dawn n-noti jassimilaw, għall-finijiet ta' l-interpretazzjoni ta' l-espressjoni "folji ta' materjal tal-plastik" fis-sens tan-NM, il-qoxra ta' materjal tal-plastik miksuba billi jinkesa jew jiġi kopert materjal bil-materjal tal-plastik ma' folja tal-materjal tal-plastik iffabbrikata qabel ma titqiegħed fuq il-kontenitur, bil-kundizzjoni iżda li l-apparenza tkun simili. Taħt din il-kundizzjoni, l-imsemmija noti jqisu bħala ekwivalenti ż-żewġ proċessi li jwasslu biex jinkiseb wiċċ ta' barra magħmul minn materjal tal-plastik għal kontenituri li jaqgħu taħt l-intestatura 4202 tan-NM, jiġifieri l-proċess li jikkonsisti fit-tqegħid ta' folja ta' materjal tal-plastik maħduma minn qabel u l-proċess li jikkonsisti fil-kisi jew il-kopertura ta' materjal (per eżempju, tessut) bil-materjal tal-plastik.
19 Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 16 iktar 'il fuq, għandha tiġi eżaminata l-konformità tan-noti ta' spjega kkonċernati mat-termini ta' l-intestaturi u s-subintestaturi in kwistjoni, mat-termini użati min-noti applikabbli għalihom, kif ukoll mar-regola msemmija fil-punt 6 tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li tinstab fl-ewwel titolu ta' l-ewwel parti tan-NM, u li, skond Waterman, dawn in-noti ta' spjega huma kuntrarji għaliha.
20 Fir-rigward tat-termini ta' dawn l-intestaturi u s-subintestaturi, jiġifieri l-intestatura 4202 u s-subintestaturi 4202 92 11 sa 4202 92 19 tan-NM, għandu jiġi nnutat li dawn ma jippreċiżawx dak li għandu jinftiehem bl-espressjoni "folji ta' materjali tal-plastik".
21 Fir-rigward tal-fatt, allegat minn Waterman fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li n-noti ta' spjega kkonċernati jużaw it-termini "folja" u "qoxra" mingħajr ma jagħmlu distinzjoni bejniethom, meta t-tieni terminu ma jinstabx fl-intestatura u subintestaturi kkonċernati u lanqas ma huwa sinonimu ta' l-ewwel terminu fil-lingwa ta' kuljum, dan il-fatt ma jippermettix li dawn in-noti jitqiesu bħala kuntrarji għat-termini ta' dawn l-intestaturi u s-subintestaturi, kif ukoll għar-regola msemmija fil-punt 6 tar-regoli ġenerali dwar l-interpretazzjoni tan-NM, li tgħid li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha ssir skond it-termini tas-subintestaturi.
22 Fil-fatt, it-terminu "qoxra", fin-noti ta' spjega kkonċernati, jservi biex jirreferi għall-prodott ta' proċess tekniku li għandu, min-naħa, jkun "ta' materjal tal-plastik" u li, fir-rigward tiegħu, dawn in-noti ma jippermettux, min-naħa l-oħra, li jiġi assimilat ma' folja ta' materjal tal-plastik fis-sens tas-subintestaturi 4202 92 11 sa 4202 92 19 tan-NM ħlief meta jkollu l-aspett ta' folja bħal din.
23 Kif josserva l-Gvern Franċiż, għandu jiġi wkoll osservat li n-nota addizzjonali 1 tal-Kapitolu 42 tan-NM (ara l-punt 7 iktar 'il fuq), li fost l-oħrajn tikkonċerna l-kontenituri bil-wiċċ ta' barra tagħhom li jkun magħmul minn folji ta' materjali tal-plastik u li jaqgħu taħt is-subintestaturi 4202 92 11 sa 4202 92 19 tan-NM, tuża wkoll it-terminu "qoxra" biex tippreċiża l-kunċett ta' "wiċċ ta' barra" fis-sens, b'mod partikolari, ta' dawn is-subintestaturi.
24 Fir-rigward tan-noti applikabbli għall-intestatura u s-subintestaturi kkonċernati, għandu jiġi osservat li t-taqsima VIII tan-NM, li minnha jagħmel parti l-Kapitolu 42, ma fiha l-ebda nota. Dan il-kapitolu, min-naħa tiegħu, għandu tliet noti u nota addizzjonali.
25 In-noti 1 u 2 jeskludu, rispettivament, sensiela ta' oġġetti mill-Kapitolu 42 u mill-intestatura 4202 tan-NM, filwaqt li n-nota 3 tikkonċerna l-intestatura 4203. Għaldaqstant, l-ebda waħda minn dawn in-noti ma hija rilevanti għall-finijiet ta' evalwazzjoni tal-validità tan-noti ta' spjega kkonċernati.
26 In-nota addizzjonali 1, riprodotta fil-punt 7 iktar 'il fuq, tippreċiża li, fis-sens tas-subintestaturi rilevanti ta' l-intestatura 4202 tan-NM, it-twaħħil tal-wiċċ ta' barra tal-kontenitur ma' wieħed mit-tipi ta' wċuħ li jaqgħu taħt dawn is-subintestaturi għandu jsir abbażi tal-materjal li jidher minn barra anki meta dak il-materjal jkun biss il-qoxra ta' barra ta' taħlita ta' materjali li minnhom hu magħmul il-materjal ta' barra tal-kontenitur.
27 In-noti ta' spjega kkonċernati jikkwalifikaw bħala estenzjoni ta' din in-nota addizzjonali minħabba li jippreċiżaw li, f'waħda mis-sitwazzjonijiet koperti minn din in-nota, jiġifieri meta l-qoxra ta' barra li tidher minn barra hija folja ta' materjal tal-plastik, il-proċess kif inkisbet din il-folja huwa irrilevanti għall-għanijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja.
28 Fir-rigward tan-nota 10 tal-Kapitolu 39 tan-NM, invokata minn Waterman, din in-nota mhijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-validità tan-noti ta' spjega kkonċernati, minħabba li dawn jikkonċernaw subintestaturi tal-Kapitolu 42. Barra minn hekk, din in-nota ma fiha l-ebda definizzjoni tal-folja ta' materjal tal-plastik li għaliha jistgħu jkunu kuntrarji dawn in-noti ta' spjega.
29 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, meta jqisu bħala ekwivalenti żewġ proċessi tekniċi li jippermettu li jinkiseb prodott identiku, jiġifieri wiċċ ta' barra ta' materjal tal-plastik, in-noti ta' spjega kkonċernati huma konformi mal-ġurisprudenza li tgħid li l-kriterju deċiżiv fir-rigward ta' klassifikazzjoni tariffarja jinstab fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tal-merkanzija in kwistjoni, hekk kif inhi ddefinita fit-test ta' l-intestatura tat-tariffa doganali komuni u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu kkonċernati (sentenzi ta' l-10 ta' Ottubru 1985, Daiber, 200/84, Ġabra p. 3363, punt 13; tad-19 ta' Mejju 1994, Siemens Nixdorf, C-11/93, Ġabra p. I-1945, punt 11, u tad-19 ta' Ottubru 2000, Peacock, C-339/98, Ġabra p. I-8947, punt 9).
30 F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda minn Waterman fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u, barra minn dan, hekk kif din il-kumpannija aċċettat fis-seduta, l-ebda element li jinstab fin-noti ta' spjega kkonċernati ma jippermetti li jitqies li l-Kummissjoni, f'dawn in-noti, tassimila qoxra ta' żebgħa u folja ta' materjal tal-plastik.
31 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Waterman, il-kundizzjoni ta' xebh fl-apparenza stabbilita fin-noti ta' spjega kkonċernati ma tistax tinqara fis-sens li l-Kummissjoni tagħti xi preferenza lill-kriterju ta' l-apparenza għad-dannu tal-kriterju stabbilit fil-ġurisprudenza u msemmi fil-punt 29 iktar 'il fuq. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta' din il-kundizzjoni tassumi li l-prodott li jirriżulta mill-proċess ta' kisi jew kopertura jkun qoxra "ta' materjal tal-plastik".
32 Fid-dawl ta' kull ma għadu kemm intqal, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-eżami tad-domanda magħmula ma żvela l-ebda element ta' natura tali li jolqot il-validità tan-noti ta' spjega kkonċernati.
Fuq l-ispejjeż
33 L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
fir-rigward tad-domanda magħmula lilha mit-tribunal d'instance tas-VIIe arrondissement ta' Pariġi, permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Awwissu 2003, taqta' u tiddeċiedi li:
L-eżami tad-domanda magħmula ma żvela l-ebda element ta' natura tali li jolqot il-validità tan-noti ta' spjega tas-subintestaturi 4202 12 11 u 4202 12 19 tan-nomenklatura magħquda, li jinstabu fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolata "Noti ta' spjega tan-nomenklatura magħquda tal-Komunitajiet Ewropej".
Cunha Rodrigues
Puissochet
Lenaerts
Sentenza mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-8 ta' Lulju 2004.
R. Grass
J. N. Cunha Rodrigues
Reġistratur
Il-President tar-Raba' Awla
** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Full & Egal Universal Law Academy