SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta’ Mejju 2005 (*)
"Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni – Laħam taċ-ċanga – Qatla speċjali ta' emerġenza – Regolament (KEE) Nru 3665/87 – Artikolu 13 – Kwalità tajba u ġusta għat-tqegħid fuq is-suq – Karattru kummerċjabbli taħt kundizzjonijiet normali"
Fil-kawża C-409/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ottubru 2003, fil-proċedimenti
Société d’exportation de produits agricoles SA (SEPA)
vs
Hauptzollamt Hamburg-Jonas,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Lenaerts, N. Colneric, K. Schiemann u E. Juhász (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Novembru 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal SEPA, minn D. Ehle, Rechtsanwalt,
– għall-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, minn M. Blaesing, bħala aġent,
– għall-Gvern Grieg, minn G. Kanellopoulos u V. Kontolaimos kif ukoll minn E. Svolopoulou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Paasivirta u G. Braun, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta' Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1).
2 Id-domandi preliminari tqajmu fil-kuntest ta' kawża mressqa mis-Société d’exportation de produits agricoles SA (aktar 'il quddiem "SEPA") kontra l-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (Uffiċċju Prinċipali Doganali ta' Hambourg-Jonas, aktar 'il quddiem il-"Hauptzollamt") dwar ir-rifjut li jingħataw rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta' laħam taċ-ċanga provenjenti minn annimali li kienu s-suġġett ta' qatla speċjali ta' emerġenza u esportat minn SEPA lejn pajjiżi terzi.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Ir-Regolament Nru 3665/87, fid-disa' premessa tiegħu, jipprovdi li:
"[I]l-prodotti għandhom ikunu ta' kwalità tali li jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati taħt kundizzjonijiet normali". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 L-Artikolu 13 ta' dan l-istess regolament jipprovdi li:
"L-ebda rifużjoni m'għandha tingħata meta l-prodotti ma jkunux ta' kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq u, jekk dawn il-prodotti jkunu intiżi għall-konsum uman, meta l-użu tagħhom għal dan il-għan ikun eskluż jew sostanzjalment imfixkel minħabba l-karatteristiċi jew il-kundizzjoni tagħhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 B'effett mill-1 ta' Lulju 1999, ir-Regolament Nru 3665/87 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta' April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli (ĠU L 102, p. 11) li, fl-Artikolu 11(1) tiegħu, jipprovdi li:
"Ir-rifużjonijiet għandhom jingħataw biss fuq prodotti li […] jiċċirkolaw liberament fil-Komunità […]".
6 L-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi ta' l-Artikolu 21(1) ta' dan l-istess regolament jipprovdu dan li ġej:
"1. L-ebda rifużjoni m'għandha tingħata fuq prodotti li ma jkunux ta' kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq fid-data li fiha d-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni tiġi aċċettata.
Il-prodotti għandhom jiġu meqjusa li jissodisfaw il-ħtiġiet stabbilit[i] fl-ewwel subparagrafu jekk dawn ikunu jistgħu jitqiegħdu fuq is-suq fit-territorju tal-Komunità taħt kondizzjonijiet normali permezz tad-deskrizzjoni li tkun tidher fuq l-applikazzjoni għar-rifużjonijiet u jekk, fejn dawn il-prodotti huma intenzjonati għal konsum uman, l-użu tagħhom għal dak l-għan ma jkunx eskluż jew sostanzjalment imfixkel minħabba l-karatteristiċi jew il-kundizzjoni tagħhom.
Il-konformità tal-prodotti mal-ħtiġiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandha tkun eżaminata skond l-istandards jew il-prattiċi eżistenti fil-Komunità."
7 L-Artikolu 2(n) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE, tas-26 ta' Ġunju 1964, dwar problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju f'laħam frisk (ĠU 121, 1964, p. 2012), kif emendata u kkodifikata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/497/KEE, tad-29 ta' Lulju 1991 (ĠU L 268, p. 69, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 64/433") jipprovdi d-definizzjoni segwenti:
“'[Q]atla speċjali ta’ emerġenza' tfisser: kwalunkwe qtil ordnat min kirurgu veterinarju wara inċident jew problemi serji fiżjoloġiċi jew funzjonali. Qatla speċjali ta’ emerġenza tista' sseħħ barra l-biċċerija fejn il-kirurgu veterinarju jikkunsdira li t-trasport ta’ l-annimal kien ikun impossibli jew kien jissoġġetta l-annimal għal sofferenza mhux neċessarja."
8 L-Artikolu 6(1) ta' din id-direttiva huwa miktub kif ġej:
"L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:
[…]
e) [laħam provenjenti minn] annimali li għaddew minn qatla ta’ emerġenza speċjali [jista' jkun awtorizzat] biss għall-konsum uman fis-suq lokali u biss jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew issodisfati […]".
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 L-Artikolu 13 tal-Liġi Ġermaniża dwar il-Kundizzjoni tas-Saħħa tal-Laħam tad-19 ta' Jannar 1996 (Fleischhygienegesetz, BGBl. 1996 I, p. 59) jipprovdi kif ġej:
"Artikolu 13 – Qatla f'każ ta' mard
(1) L-annimali li
1. għandhom jinqatlu minħabba raġuni partikolari jew li
2. jipproduċu patoġeni,
jistgħu jinqatlu biss f'biċċeriji speċjali (imsejħa biċċeriji iżolati). Wara kull qatla f'biċċerija iżolata, il-lokal u l-magni użati għandhom jiġu mnaddfa u ddiżinfettati.
(2) Il-laħam miksub minn annimali morda maqtula b'dan il-mod jista' biss jitqiegħed fuq is-suq bħala prodott ta' l-ikel permezz ta' l-aġenziji tal-bejgħ tal-biċċeriji msemmija aktar 'il fuq li jkunu speċjalment awtorizzati u kkontrollati għal dan l-iskop mill-awtorità kompetenti u għandu jkun partikolarment immarkat bħala tali.
[…]
(4) Il-Ministru Federali huwa awtorizzat jadotta dispożizzjonijiet, permezz ta' digriet approvat mill-Bundesrat, safejn ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew sabiex ikunu applikati l-atti ġuridiċi ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, dwar il-punti segwenti:
1. ir-regoli minimi dwar l-iġene applikabbli għall-biċċeriji iżolati sabiex ikun evitat kull riskju ta' tixrid ta' patoġeni,
2. it-tikketti tal-laħam ikkonċernat,
3. ir-regoli minimi dwar l-iġene applikabbli għall-aġenziji tal-bejgħ u għall-awtorizzazzjoni u l-kontroll tagħhom kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet u l-proċedura li għandha tintuża sabiex ikunu awtorizzati jew sabiex tkun sospiża l-awtorizzazzjoni tagħhom,
4. ir-regoli minimi dwar l-iġene applikabbli għall-ħażna, għat-trasport u għall-bejgħ, mill-aġenziji tal-bejgħ, tal-laħam provenjenti minn annimali morda maqtula fil-kundizzjonijiet deskritti aktar 'il fuq,
5. ir-regoli minimi dwar l-iġene applikabbli għat-twettiq ta' qatliet ta' emerġenza u għall-bejgħ ta' laħam provenjenti minn dan it-tip ta' qatliet."
10 Id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija liġi huma implementati mir-Regolament dwar il-Kundizzjoni tas-Saħħa tal-Laħam (Fleischhygieneverordnung, BGBl. 1997 I, p. 1138) li l-Artikolu 10 tiegħu jipprovdi li l-laħam miksub f'biċċeriji iżolati "[…] jista' biss jinbiegħ minn aġenziji ta' bejgħ awtorizzati […], u lil konsumaturi finali biss […]".
Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 SEPA, impriża Franċiża, esportat lejn pajjiżi terzi laħam provenjenti minn biċċeriji iżolati Ġermaniżi fejn jinqatlu annimali morda u dawk li jkollhom jinqatlu b'mod urġenti minħabba raġunijiet partikolari (per eżempju, minħabba inċident). Sa Ottubru 1997, kienu jingħatawlha rifużjonijiet fir-rigward ta' esportazzjonijiet bħal dawn.
12 F'Novembru 1997, SEPA ppreżentat dikjarazzjoni ta' esportazzjoni dwar kunsinna ta' laħam taċ-ċanga ffriżat provenjenti minn annimali maqtula fl-imsemmija biċċeriji, għal-liema kunsinna hija talbet l-għoti ta' rifużjonijiet mill-Hauptzollamt. L-għoti ta' dawn ir-rifużjonijiet kien miċħud minħabba l-fatt li dan il-prodott ma kienx ta' "kwalità ġusta biex jitpoġġa fuq is-suq" fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 peress li l-mezzi ta' distribuzzjoni tal-laħam miksub f'kundizzjonijiet bħal dawn kienu strettament limitati taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
13 Ir-rikors imressaq minn SEPA kontra d-deċiżjoni ta' rifjut quddiem il-Finanzgericht Hamburg ġie miċħud minħabba li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma kinux sodisfatti. Din il-qorti qieset li l-laħam ma kienx ta' "kwalità ġusta biex jitpoġġa fuq is-suq" minħabba l-fatt li l-kummerċ ta' laħam provenjenti minn biċċeriji iżolati kien suġġett għal restrizzjonijiet partikolari taħt id-dritt Ġermaniż.
14 Peress li l-biċċeriji iżolati kellhom attestazzjonijiet veterinarji li l-laħam kien tajjeb għall-konsum uman u kien jissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-kundizzjoni tas-saħħa tal-laħam u peress li, għall-finijiet tal-formalitajiet doganali, kienu ġew maħruġa wkoll ċertifikati ta' kundizzjoni tas-saħħa oħra, SEPA ressqet appell għal reviżjoni fuq punt ta' liġi kontra d-deċiżjoni tal-Finanzgericht Hamburg quddiem il-Bundesfinanzhof.
15 Minħabba li kkunsidra li s-soluzzjoni tal-kwistjoni kienet tirrikjedi interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Bundesfinanzhof iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Permezz tal-kunċett ta' 'kwalità ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq', l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 […] jeżiġi li l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati jkunu biss suġġetti għal dispożizzjonijiet ġuridiċi ta' applikazzjoni ġenerali, bħal dawk li japplikaw għal kull prodott ta' din it-tip, u għaldaqstant jeskludi mill-għoti ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni l-prodotti li huma suġġetti għal restrizzjonijiet partikolari fir-rigward, b'mod partikolari tal-kisba, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tagħhom bħal, per eżempju, l-inġunzjoni li jsir kontroll speċjali tal-kundizzjoni tas-saħħa jew limitazzjoni għal ċerti mezzi ta' distribuzzjoni?
2) Permezz tal-kunċett ta' 'kwalità ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq', l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 jeżigi kwalità medja tal-prodott esportat u, billi jagħmel dan, jeskludi mill-għoti ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni l-prodotti ta' kwalità inferjuri li, madankollu, huma abitwalment ikkummerċjalizzati bid-deskrizzjoni mogħtija fl-applikazzjoni għal rifużjoni? Dan ikun ukoll il-każ meta l-kwalità inferjuri tal-prodotti ma kellha l-ebda effett fuq il-konklużjoni tat-tranżazzjoni kummerċjali?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
L-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja
16 SEPA tosserva li l-unika kundizzjoni għall-għoti ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni hija l-kunsinna ta' ċertifikat ta' kundizzjoni tas-saħħa fir-rigward tal-prodotti. Skondha, il-"kwalità ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti stess, li huma inerenti għal dawn il-prodotti u li jeżistu indipendentament mill-kwistjoni tad-"distribuzzjoni mingħajr limiti" jew minn "kanalizzazzjoni tad-distribuzzjoni". Għaldaqstant, il-limitazzjoni għal ċerti mezzi ta' distribuzzjoni m'għandhiex tillimita l-karattru kummerċjabbli ta' prodott. Hija tenfasizza li, fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87, il-possibbiltà li l-prodott jiġi kkummerċjalizzat fuq is-suq lokali hija biżżejjed sabiex ikollu "kwalità biex jitpoġġa fuq is-suq". SEPA tippreċiża, barra minn hekk, li l-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' ċertezza legali, li għandhom importanza partikolari fil-kuntest tas-sistema Komunitarja ta' rifużjonijiet, jeżiġu li l-liġijiet li jimponu piżijiet ikunu ċari u preċiżi sabiex min ikun eliġibbli għar-rifużjoni jkun jista' jagħraf, mingħajr ambigwità, id-drittijiet u l-obbligi tiegħu u jkun jista' jieħu l-miżuri meħtieġa.
17 Il-Hauptzollamt, li ma ppreżentax osservazzjonijiet bil-miktub, sostna, waqt is-seduta, li, anki jekk il-laħam provenjenti minn annimali li kienu s-suġġett ta' qatla speċjali ta' emerġenza mhuwiex ta' kwalità inferjuri fih innifsu, iżda jitqies bħala tajjeb għall-konsum wara kontroll veterinarju, mill-aspett ġuridiku, dan il-laħam jista' biss jiġi ppreżentat għall-bejgħ fuq is-suq lokali u f'ċerti aġenziji tal-bejgħ speċifiċi. Minħabba l-leġiżlazzjoni Komunitarja u Ġermaniża rilevanti, il-possibbiltajiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' laħam bħal dan huma limitati ħafna; għaldaqstant dan il-laħam la huwa ta' kwalità li jitqiegħed fuq is-suq u lanqas li jiġi kkummerċjalizzat, fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87. Fir-rigward tas-suq sinjifikanti, tal-postijiet ta' bejgħ possibbli, tal-kompetizzjoni u tas-sistema dwar il-laħam, id-differenzi bejn dan il-laħam u dak li jidħol fin-netwerks ta' kummerċjalizzazzjoni mingħajr restrizzjonijiet huma tant diversi li l-unika xebh jinsab fil-fatt li huwa involut laħam. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-imsemmi Artikolu 13 mhuwiex intiż biss sabiex jipproteġi s-saħħa iżda wkoll sabiex jillimita r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal dawk il-prodotti biss li, b'xi mod, jimmeritawhom.
18 Ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra li l-"kundizzjonijiet normali" ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli jistgħu jikkostitwixxu l-kuntest tas-sitwazzjonijiet li huma rregolati kemm minn regoli ta' applikazzjoni ġenerali dwar il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' dawn il-prodotti u li huma applikabbli għall-prodotti kollha ta' l-istess kategorija u kemm minn restrizzjonijiet partikolari li jolqtu, b'mod partikolari, il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta' ċerti prodotti. Ir-regoli ta' applikazzjoni ġenerali, minn naħa, u r-restrizzjonijiet partikolari, min-naħa l-oħra, flimkien jikkostitwixxu kriterji ta' konformità tal-prodotti agrikoli mal-"kwalità ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" meħtieġa, b'tali mod li ma tqumx il-kwistjoni tad-distinzjoni fir-rigward tal-"kundizzjonijiet normali" ta' kummerċjalizzazzjoni.
19 Skond il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-kunċett ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" ifisser li l-prodott għandu jkun jista' jiġi kkummerċjalizzat taħt kundizzjonijiet normali. Hija tikkunsidra li laħam li, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun ġej minn biċċeriji iżolati, ma jissodisfax dan il-kriterju minħabba li l-kummerċ tiegħu huwa limitat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li prodott bħal dan, għalkemm il-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu mhijiex ikkuntestata, ma jissodisfax ir-rekwiżit ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġa fuq is-suq" peress li ma jistax jiġi kkummerċjalizzat taħt kundizzjonijiet normali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
20 Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk, fid-dawl tal-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li laħam, li jissodisfa l-kriterji ta' kundizzjoni tas-saħħa u li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu intiża għall-konsum uman fil-Komunità Ewropea hija limitata mil-leġiżlazzjoni Komunitarja għas-suq lokali minħabba l-fatt li ġej minn annimali li għaddew minn qatla speċjali ta' emerġenza, jista' jitqies bħala ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġa fuq is-suq", li hija kundizzjoni meħtieġa sabiex jingħataw rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.
21 Fl-Artikolu 13 tiegħu, ir-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi li l-ebda rifużjoni m'għandha tingħata meta l-prodotti ma jkunux ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" u, jekk dawn il-prodotti jkunu intiżi għall-konsum uman, meta l-użu tagħhom għal dan il-għan ikun eskluż jew sostanzjalment imfixkel minħabba l-karatteristiċi jew il-kundizzjoni tagħhom.
22 F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1041/67/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1967, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-settur ta' prodotti suġġetti għal sistema ta' prezz uniku (ĠU 314, 1967, p. 9), li r-rekwiżit ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" jammonta għal kundizzjoni ġenerali u oġġettiva għall-għoti ta' rifużjoni, irrispettivament mir-rekwiżiti dwar tip u kwalità previsti fir-regolamenti li jistabbilixxu l-ammonti tar-rifużjonijiet għal kull prodott. Prodott li ma jistax jiġi kkummerċjalizzat fit-territorju Komunitarju taħt kundizzjonijiet normali u bid-deskrizzjoni li tidher fuq l-applikazzjoni għal għoti ta' rifużjoni ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti ta' kwalità (ara s-sentenza tad-9 ta' Ottubru 1973, Muras, 12/73, Ġabra p. 963, punt 12).
23 Din l-interpretazzjoni hija rripetuta fid-disà premessa tar-Regolament Nru 3665/87, li tipprovdi li l-prodotti għandhom ikunu ta' kwalità tali li jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati f'kundizzjonijiet normali (ara s-sentenza tad-19 ta' Novembru 1998, Franza vs Il-Kummissjoni, C-235/97, Ġabra p. I-7555, punt 77).
24 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm fin-nuqqas ta' standard Komunitarju li jiddefinixxi l-kunċett ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw dispożizzjonijiet rilevanti aktar preċiżi, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux imorru kontra s-sistema ġenerali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli li teżiġi kwalità li tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni taħt kundizzjonijiet normali (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Ġunju 1994, Ellinika Dimitriaka, C-371/92, Ġabra p. I-2391, punt 23, u Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 76 u 77).
25 Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali aktar preċiżi fir-rigward tal-kunċett ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" tad-dritt Komunitarju, iżda l-poter leġiżlattiv tagħhom huwa limitat mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, b'mod partikolari, mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87, interpretat fid-dawl tad-disa' premessa ta' dan l-istess regolament.
26 Barra minn hekk, il-fatt li l-karattru kummerċjabbli tal-prodott "taħt kundizzjonijiet normali" huwa element inerenti għall-kunċett ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" jirriżulta b'mod ċar mil-leġiżlazzjoni dwar ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-prodotti agrikoli inkwantu, mir-Regolament Nru 1041/67, ir-regolament rilevanti kollha adottaw kemm il-kunċett ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fis-suq" u kemm il-kriterju tal-karattru kummerċjabbli tal-prodott "taħt il-kundizzjonijiet normali" bħala rekwiżiti sabiex prodott ikun jista' jagħti lok għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni.
27 Fir-rigward tar-Regolament Nru 800/1999, għandu jiġi osservat li l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' l-Artikolu 21(1) tiegħu jipprovdu li l-ebda rifużjoni m'għandha tingħata meta l-prodotti ma jkunux ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq" fid-data li fiha d-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni tiġi aċċettata u li l-prodotti jissodisfaw dan ir-rekwiżit "jekk dawn ikunu jistgħu jitqiegħdu fuq is-suq fit-territorju tal-Komunità taħt kundizzjonijiet normali". Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ wara li seħħew il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li adottat il-kunċetti msemmija aktar 'il fuq, ma emendatx is-sitwazzjoni ġuridika eżistenti iżda, għall-kuntrarju, ikkonfermatha.
28 Fir-rigward tal-frażi "kummerċjalizzazzjoni taħt kundizzjonijiet normali", l-argument li r-restrizzjonijiet partikolari li jikkonċernaw il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-prodotti jikkostitwixxu l-kuntest tas-sitwazzjonijiet irregolati u għalhekk jikkontribwixxu għall-"kundizzjonijiet normali" ma jistax jiġi aċċettat peress li jneżża' dan il-kunċett ta' l-aħħar mill-kontenut tiegħu. Dan ir-raġunament, kieku jkun segwit, iwassal sabiex jiġi aċċettat li kull prodott li jista' jkun is-suġġett ta' tranżazzjoni kummerċjali legali jkollu jkun ikklassifikat bħala "kummerċjabbli taħt kundizzjonijiet normali".
29 F'dan ir-rigward għandha tkun iċċitata d-Direttiva 64/433 li, fl-Artikolu 6(1)(e) tagħha, tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-laħam provenjenti minn annimali li jkunu s-suġġett ta' qatla speċjali ta' emerġenza jista' biss ikun aċċettat għall-konsum uman fuq is-suq lokali u dan biss jekk diversi kundizzjonijiet addizzjonali jkunu ġew rispettati.
30 Issa, laħam li, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tiegħu huma ristretti b'mod konsiderevoli, anki jekk jissodisfa l-kriterji dwar il-kundizzjoni tas-saħħa u jekk ikun is-suġġett ta' tranżazzjoni kummerċjali, ma jistax jitqies li għandu karattru kummerċjabbli "taħt kundizzjonijiet normali".
31 Barra minn hekk, f'kull każ, ikun jidher inkoerenti jekk l-esportazzjonijiet ta' dawn il-prodotti lejn pajjiżi terzi jkunu sostnuti mentri fi ħdan il-Komunità dawn l-istess prodotti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fuq is-swieq lokali biss.
32 Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li laħam, li jissodisfa l-kriterji dwar il-kundizzjoni tas-saħħa u li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu intiża għall-konsum uman fil-Komunità Ewropea hija limitata mil-leġiżlazzjoni Komunitarja għas-suq lokali minħabba l-fatt li jkun ġej minn annimali li kienu s-suġġett ta' qatla speċjali ta' emerġenza, ma jistax jitqies bħala ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġa fuq is-suq", kundizzjoni meħtieġa sabiex jingħataw rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.
Fuq it-tieni domanda
33 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li prodott esportat, li huwa abitwalment ikkummerċjalizzat, jista' jitqies bħala ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġa fis-suq", kundizzjoni meħtieġa sabiex jingħataw rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni meta l-kwalità tiegħu hija inferjuri għall-kwalità medja ta' dawn it-tip ta' prodotti.
34 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
35 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta' Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli, għandu jiġi interpretat fis-sens li laħam, li jissodisfa l-kriterji dwar il-kundizzjoni tas-saħħa u li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu intiża għall-konsum uman fil-Komunità Ewropea hija limitata mil-leġiżlazzjoni Komunitarja għas-suq lokali minħabba l-fatt li jkun ġej minn annimali li kienu s-suġġett ta' qatla speċjali ta' emerġenza, ma jistax jitqies bħala ta' "kwalità tajba u ġusta biex jitpoġġa fuq is-suq", kundizzjoni meħtieġa sabiex jingħataw rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Full & Egal Universal Law Academy