SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)
10 ta' Novembru 2005 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 28 KE u 30 KE – Direttiva 89/106/KEE – Deċiżjoni 3052/95/KE – Proċedura nazzjonali ta' approvazzjoni – Nuqqas milli jiġu kkunsidrati ċ-ċertifikati ta' approvazzjoni maħruġa fi Stati Membri oħra – Prodotti għall-bini"
Fil-kawża C-432/03,
li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-10 ta' Ottubru 2003,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Caeiros, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, bħala aġent, assistit minn N. Ruiz, advogado, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, K. Lenaerts (Relatur) u E. Juhász, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Ġunju 2005,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Settembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, peress li ma ġewx ikkunsidrati ċ-ċertifikati ta' approvazzjoni mogħtija minn Stati Membri oħra f'proċedura ta' approvazzjoni, skond l-Artikolu 17 tar-Regolamenti Ġenerali fuq il-Bini Urban (Regulamento Geral das Edificações Urbanas) adottat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 38/382 tas-7 ta' Awwissu 1951 (Diário do Governo, série I, nº 166, tas-7 ta' Awwissu 1951, p. 715, iktar 'il quddiem id-Digriet Leġiżlattiv"), tal-pajpijiet tal-politin importati minn dawn l-Istati Membri l-oħra u peress illi l-Kummissjoni ma ġietx informata b'tali miżura, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll skond l-Artikoli 1 u 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 3052/95 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 1995, li tistabbilixxi proċedura għall-iskambju tat-tagħrif dwar il-miżuri nazzjonali li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Komunità (ĠU L 321, p. 1).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni komunitarja
2 Id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (89/106/KEE) (ĠU 1989, L 40, p. 12), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 93/68, tat-22 ta' Lulju 1993, (ĠU L 220, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 89/106"), tapplika skond l-Artikolu 1(1), għal prodotti għall-bini safejn għandhom x'jaqsmu magħhom il-ħtiġijiet essenzjali li jirrigwardaw ix-xogħlijiet ta' bini skond l-Artikolu 3(1) ta' din l-istess Direttiva.
3 Skond l-Artikolu 1(2), tad-Direttiva 89/106, hu kkunsidrat bħala "prodott ta' bini" għall-finijiet ta' din id-Direttiva "kull prodott li hu magħmul biex jiddaħħal b'mod permanenti fix-xogħlijiet ta' bini, [li jinkludu] kemm bini u kemm [xogħolijiet ta' inġenerija ċivili]".
4 Skond l-Artikolu 2(1) ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti li għalihom jirreferi l-Artikolu 1, li huma maħsuba biex jintużaw f'xogħlijiet, jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikunu tajbin għall-użu maħsub, li jfisser li jkollhom dawk il-karatteristiċi li x-xogħlijiet li ser jiddaħħlu fihom, jingħaqdu magħhom, jintużaw fihom jew jiġu installati fihom, jistgħu, jekk iddisinjati u mibnija sew, jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali li għalihom jirreferi l-Artikolu 3 meta u fejn dawk ix-xogħlijiet huma suġġetti għar-regolamenti li jinkludu dawk il-ħtiġijiet.
5 L-Artikolu 3(1), ta' l-istess Direttiva jipprovdi li dawn il-ħtiġijiet essenzjali huma stabbiliti fl-Anness I tagħha bħala għanijiet. L-imsemmija ħtiġijiet jikkonċernaw ċerti karatteristiċi tax-xogħolijiet relatati mar-reżistenza mekkanika u l-istabbilità, mas-sigurtà fil-każ ta' ħruq, ma' l-iġjena, is-saħħa u l-ambjent, mas-sigurtà fl-użu, mal-protezzjoni kontra l-istorbju, ma' l-ekonomija fl-enerġija u ż-żamma tas-sħana.
6 Skond l-Artikolu 4(1), tad-Direttiva 89/106, għandhom ikunu meqjusa bħala "speċifikazzjonijiet tekniċi" għall-finijiet tagħha, in-normi u approvazzjonijiet tekniċi.
7 L-Artikolu 4(2), ta' din id-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassumu li l-prodotti huma tajba għall-użu intenzjonat tagħhom jekk permezz tagħhom ix-xogħlijiet li fihom huma użati jkunu jistgħu jissodisfaw, filwaqt li dawn il-prodotti jkollhom fuqhom il-marka "KE", li tindika li huma konformi man-normi nazzjonali li jitrasponu normi armonizzati, ma' approvazzjoni teknika Ewropea jew ma' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali li għalihom jirreferi l-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, sa fejn ma jeżistux speċifikazzjonijiet armonizzati.
8 L-imsemmi paragrafu 3 jippermetti lill-Istati Membri li jgħarrfu lill-Kummissjoni bit-testi ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali tagħhom li huma jqisu li jaqblu mal-ħtiġijiet essenzjali sabiex hi tgħarraf lill-Istati Membri b'dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali li fir-rigward tagħhom hemm preżunzjoni ta' ħtiġijiet essenzjali.
9 L-Artikolu 6(1) u (2), tad-Direttiva 89/106 jiprovdi li:
"1. L-Istati Membri ma għandhomx [jostakolaw] il-moviment liberu, it-tqegħid fis-suq jew l-użu fit-territorju tagħhom ta' prodotti li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu ta' prodotti bħal dawn, għall-għan li ġew maħsuba għalih, ma jitwaqqafx minn regoli jew kundizzjonijiet imposti minn korpi pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu bħala impriża pubblika jew [bħala] korp pubbliku fuq il-bażi tal-pożizzjoni ta' monopolju.
2. L-Istati Membri, iżda, għandhom iħallu li prodotti mhux koperti bl-Artikolu 4 (2) jitqiegħdu fis-suq fit-territorju tagħhom jekk jissodisfaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali konsistenti mat-Trattat sakemm [ma jipprovdux mod ieħor…] l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej li għalihom jirreferi l-Kapitoli II u III."
10 L-Artikolu 16 ta' l-istess Direttiva jgħid li:
"1. Fin-nuqqas ta' speċifikazzjonijiet tekniċi, kif imfissra f'Artikolu 4, għal […] prodott [partikolari], l-Istat Membru destinatarju għandu, b'talba f'każijiet individwali, iqis il-prodott [bħala] konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li hemm fis-seħħ jekk dan issodisfa it-testijiet u l-ispezzjonijiet imwettqa minn korp approvat fl-Istat Membru produttur skond il-metodi fis-seħħ fl-Istat Membru destinatarju jew [rikonoxxuti] bħala ekwivalenti minn dak l-Istat Membru.
2. L-Istat Membru produttur għandu jgħarraf lill-Istat Membru destinatarju, [li]bi konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom isiru t-testijiet u l-ispezzjonijiet, [bil-]korp li beħsiebu japprova għal dan il-għan. L-Istat Membru destinatarju u l-Istat Membru produttur għandhom jagħtu lil xulxin l-informazzjoni kollha meħtieġa. Meta jintemm dan l-iskambju ta' informazzjoni l-Istat Membru produttur għandu japprova l-korp għalhekk nominat. Jekk Stat Membru jkollu xi [dubji], huwa għandu jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu u jgħarraf lill-Kummissjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi nominati jistgħu jagħtu lil xulxin l-għajnuna kollha meħtieġa.
4. F'każ li Stat Membru jistabbilixxi li korp approvat mhux qed iwettaq it-testijiet u l-ispezzjonijiet kif suppost bi konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, hu għandu jgħarraf lill-Istat Membru li fih hu approvat il-korp minnufih. Dak l-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel in-notifika fi żmien stipulat raġonevoli dwar l-azzjoni li ttieħdet. Jekk l-Istat Membru li jkun qed jagħmel in-notifika ma jarax li l-azzjoni li ttieħdet tkun biżżejjed, hu jista' jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott imsemmi jew jesponih għal kundizzjonijiet speċjali. Hu għandu jgħarraf lill-Istat Membru [l-ieħor] u lill-Kummissjoni dwar dan."
11 Id-deċiżjoni Nru 3052/95 tiddisponi, fl-Artikolu 1 tagħha :
"Meta Stat Membru jieħu miżuri sabiex [jostakola] l-moviment liberu jew it-tqegħid fis-suq ta' mudell jew tip partikolari ta' prodott iffabbrikat legalment jew imqiegħed fis-suq fi Stat Membru ieħor, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni kif xieraq meta l-effett dirett jew indirett tal-miżura huwa:
– ta' projbizzjoni ġenerali fuq il-merkanzija,
– taċ-ċaħda li l-merkanzija tiġi permessa li titqiegħed fis-suq,
– il-modifika tal-mudell jew tat-tip tal-prodott interessat qabel ikun jista' jitqiegħed jew jinżamm fis-suq,
jew
– l-irtirar tal-merkanzija mis-suq.
12 L-Artikolu 3(2), tad-Deċiżjoni Nru 3052/95 jipprovdi li dan l-obbligu tan-notifika m'għandux japplika inter alia għall-miżuri meħuda biss skond il-miżuri Komunitarji ta' armonizzazzjoni, u għall-miżuri nnotifikati lill-Kummissjoni skond dispożizzjonijiet speċifiċi.
13 L-Artikolu 4(1) u (2), tad-Deċiżjoni jipprovdi li n-notifika imsemmija fl-Artikolu 1 għandha ssir fid-dettal biżżejjed u f'għamla ċara u li tinftiehem u li t-tagħrif ta' l-informazzjoni pertinenti għandha tiġi nnotifikata fi żmien 45 jum mid-data li fiha tittieħed il-miżura.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
14 Skond l-Artikolu 17 tad-"Digriet Leġiżlattiv", l-użu ta' materjal ġdid jew metodi ġodda għall-bini li fir-rigward tagħhom ma jeżistux speċifikazzjonijiet uffiċjali u lanqas esperjenza prattikka biżżejjad hu suġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Laboratorju Nazzjonali ta' l-Inġinerija Ċivili tal-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi (Laboratório Nacional de Engenharia Civil, iktar 'il quddiem "l-LNEC").
15 Skond ir-Regolamenti tal-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi tat-2 ta' Novembru 1970 (Diário do Governo, série II - nº261, ta' l-10 ta' Novembru 1970, p. 7834) u tas-7 ta' April 1971, (Diário do Governo, Série II nº91 tad-19 ta' April 1971, - p. 2357), huwa biss il-materjal tal-plastik approvat mil-LNEC li jista' jiġi użat fin-netwerk tad-distribuzzjoni ta' l-ilma.
Il-proċedura prekontenzjuża
16 F'April ta' l-2000, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand intrapriża Portugiża li kienet ġiet irrifjutata mill-awtorità tal-kontroll, il-kumpannija Empresa Pública de Águas Livres de Lisboa SA (iktar 'il quddiem "EPAL"), l-awtorizzazzjoni neċessarja għall-installazjoni, fis-sistema tal-pajpijiet ta' bini, ta' pajpijiet tal-politin PEX importati mill-Italja u minn Spanja, minħabba li dawn il-pajpijiet ma kinux ġew approvati mil-LNEC. L-intrapriża li ressqet l-ilment, wara talbet lil dan ta' l-aħħar jipprovdilha ċertifikat ta' l-ekwivalenza taċ-ċertifikati barranin li hi suppost kellha.
17 B'ittra tas-26 ta' Mejju 2000, il-LNEC informat lill-intrapriża li ressqet l-ilment biċ-ċaħda tat-talba tagħha għal ċertifikat ta' l-ekwivalenza taċ-ċertifikat mogħti mill-Istituto Italiano dei Plastici (iktar 'il quddiem l-"IIP") peress li dan ta' l-aħħar ma kienx membru ta' l-Unjoni Ewropea għall-Approvazzjoni teknika fil-Bini (iktar 'il quddiem il-"UEATC"), u lanqas ma kien inkluż fost il-korpi oħra li magħhom il-LNEC kien ikkonkluda ftehim fil-qasam in kwistjoni.
18 B'ittra ta' intimazzjoni tat-12 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Portugiża li, billi ssoġġettat, skond l-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv, pajpijiet tal-politin importati minn Stati Membri oħra għal-proċedura ta' approvazzjoni mingħajr ma kkunsidrat iċ-ċertifikati ta' approvazzjoni maħruġa minn dawn l-Istati Membri l-oħra u mingħajr ma għarrfet lill-Kummissjoni b'miżura bħal din, hi naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28KE u 30KE u l-Artikoli 1 u 4(2), tad-Deċiżjoni Nru 3052/95.
19 Peress li ma kinetx sodisfatta bir-risposta mogħtija mill-awtoritajiet Portugiżi, il-Kummissjoni fis-16 ta' Mejju 2001, bagħtitilhom opinjoni motivata fejn stednithom li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.
20 Il-Kummissjoni ma kinetx sodisfatta bir-risposta ta' l-awtorità Portugiża, u ippreżentat dan ir-rikors preżenti.
Dwar ir-rikors
Fuq l-ewwel ilment, dwar ksur ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE
L-argumenti tal-partijiet
21 Il-Kummissjoni osservat, fl-ewwel lok, li, jekk il-pajpijiet in kwistjoni huma "prodotti għall-bini" skond id-Direttiva 89/106, huma mhumiex koperti minn normi armonizzati skond l-Artikolu 4 tagħha. Fir-rigward tal-proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 16 ta' din id-Direttiva, din ma kinetx applikabbli f'dan il-każ minħabba l-fatt li, min-naħa waħda, ma jeżistux speċifkazzjonijiet tekniċi Portugiżi dwar il-pajpijiet in kwistjoni, u, min-naħa l-oħra, il-metodi ta' ċertifikazzjoni u ta' għoti ta' l-approvazzjoni fis-seħħ fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati ma kinux l-istess u lanqas ma kienu ekwivalenti. Għaldaqstant, ir-regoli li għalihom l-imsemmija pajpijiet huma suġġetti fil-Portugall iridu jiġu eżaminati fid-dawl ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE.
22 Fil-fatt, il-proċedura ta' approvazzjoni li għaliha hu suġġett, skond l-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv, l-użu tal-pajpijiet tal-politin importati minn Stati Membri oħra tikkostitwixxi miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni. L-awtoritajiet Portugiżi ma kinux indikaw ir-raġunijiet għaliex il-pajpijiet in kwistjoni ma jassigurawx livell ta' protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni ekwivalenti għal dak li l-leġiżlazzjoni Portugiża tfittex li tassigura.
23 Skond il-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, l-awtoritajiet Portugiżi huma obbligati li jikkunsidraw iċ-ċertifikati maħruġa mill-korpi ta' ċertifikazzjoni ta' Stati Membri oħra li, għalkemm ma jkunux membri ta' l-UEATC, huma rikonoxxuti mill-Istati Membri l-oħra bħala li huma awtorizzati biex jiċċertifikaw il-prodotti in kwistjoni. Safejn l-awtoritajiet Portugiżi ma kellhomx informazzjoni suffiċjenti fuq il-kuntest ġuridiku li fih l-IIP ħareġ iċ-ċertifikat tiegħu, huma setgħu jakkwistaw din l-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Taljani.
24 B'relazzjoni ma' l-iskop tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, ikun, barra minn hekk sproporzjonat li l-approvazzjoni tal-pajpijiet tiġi rifjutata minħabba li l-LNEC japprova biss sistemi ta' pajping.
25 Fi kwalunkwe każ, sabiex sistema ta' awtorizzazzjoni amministrattiva li tingħata minn qabel tkun iġġustifikata minkejja li tidderoga mil-libertajiet fundamentali, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b'tali mod li jiġi kkontrollat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta' l-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tiġix eżerċitata b'mod arbitrarju.
26 Il-Gvern Portugiż isostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-fatt jimplimentaw l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/106, li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu li l-prodotti għall-bini jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk l-użu tagħhom fix-xogħlijiet li huma ddestinati għalihom jippermetti lil dawn ta' l-aħħar jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali provduti fl-Anness I ta' din id-Direttiva.
27 Peress li l-pajpijiet in kwistjoni m'huma koperti la minn norma armonizzata jew minn approvazzjoni teknika Ewropeja, u lanqas minn speċifikazzjoni teknika nazzjonali rikonoxxuta fuq livell Komunitarju, ir-Repubblika Portugiża għandha dritt li tissottomettihom għal proċedura ta' approvazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv.
28 Fir-rigward ta' prodotti li jaqgħu taħt id-Direttiva 89/106, il-prinċipju li Stat Membru ma jistax jeżiġi analiżi jew testijiet meta dawn ikunu diġa saru fi Stat Membru ieħor madankollu jimmaterjalizza fil-proċedura speċjali tal-kontroll ta' konformità, prevista fl-Artikolu 16 ta' din id-Direttiva. Issa, f'dan il-każ, ir-Repubblika Taljana, bħala Stat produttur, ma segwietx din il-proċedura.
29 Peress illi l-LNEC ma kienx f'pożizzjoni li jikkoopera ma' l-IIP, hu ma setax, mingħajr ma jikser l-Artikolu 16 tad-Direttiva 89/106, japprova l-pajpijiet fuq l-unika bażi ta' ċertifikat maħruġ mill-IIP. Fil-fatt, jekk ċertifikat jiġi rikonoxxut f'dawn iċ-ċirkostanzi, dan ikun ifisser aċċetazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent ta' kwalunkwe ċertifikat, maħruġ minn kwalunkwe korp, indipendentement mill-garanziji kollha fir-rigward ta' l-idonejità tal-prodotti kkonċernati u fir-rigward tar-realtà u s-suffiċjenza tal-mekkaniżmu tal-kontroll.
30 Fl-aħħar nett, sistema bbażata fuq il-kontroll tal-konformità tas-sistemi tal-pajping mhux neċessarjament toħloq aktar ostakoli għall-kummerċ tal-pajpijiet bejn il-Portugall u l-Istati l-oħra Membri minn sistema ta' approvazzjoni ta' pajpijiet separati. Fil-fatt, il-garanzija tas-sigurtà tal-bini ma tistax tkun assigurata mis-sempliċi kontroll tal-pajpijiet separati.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 Qabel ma tiġi eżaminata l-konformità tal-proċedura ta' approvazzjoni, applikabbli skond l-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv, ma' l-Artikoli 28 KE u 30 KE, għandu jiġi vverifikat jekk, hekk kif isostni l-Gvern Potugiż, ir-Repubblika Portugiża, meta applikat din il-proċedura, kienetx qegħda biss tikkonforma ruħha ma' l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 89/106.
32 Id-Direttiva 89/106 għandha bħala għan prinċipali li telimina l-ostakoli għall-kummerċ billi toħloq kundizzjonijiet li jippermettu li l-prodotti għall-bini jkunu kkummerċjalizzati liberatament fis-suq intern tal-Kommunità. Għal dan il-għan, hija tiddefinixxi l-ħtiġijiet essenzjali li għandhom jissodisfaw il-bini u x-xogħlijiet li fihom il-prodotti għall-bini jridu jiġu użati u li huma implimentati minn normi armonizzati u minn normi nazzjonali ta' traspożizzjoni, minn approvazzjonijiet tekniċi Ewropej u minn speċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali rikonoxxuti fuq livell Komunitarju. Skond l-Artikolu 6(1), tad-Direttiva 89/106, l-Istati Membri ma għandhomx jostakolaw il-moviment liberu, it-tqegħid fis-suq jew l-użu fit-territorju tagħhom ta' prodotti li jkunu jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta' din l-istess Direttiva.
33 Huwa kostanti bejn il-partijiet li l-pajpijiet in kwistjoni, għalkemm huma "prodotti għall-bini" skond id-Direttiva 89/106, m'huma koperti la minn normi armonizzati jew minn approvazzjoni teknika Ewropea, u lanqas minn speċifikazzjoni teknika nazzjonali rikonoxxuta fuq livell Komunitarju skond l-Artikolu 4(2), ta' din id-Direttiva.
34 Issa, fir-rigward tal-prodotti għall-bini li mhumiex koperti mill-Artikolu 4(2), tad-Direttiva 89/106, l-Artikolu 6(2), tagħha jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw it-tqegħid tagħhom fis-suq fit-territorju tagħhom jekk dawn il-prodotti jissodisfaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali konsistenti mat-Trattat KE, u dan sakemm l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej ma jipprovdux mod ieħor.
35 B'hekk, id-Direttiva 89/106 tikkonferma li Stat Membru jista' jissoġġetta t-tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu ta' prodott għall-bini, li mhuwiex kopert minn speċfikazzjonijiet tekniċi armonizzati jew rikonoxxuti fuq livell Komunitarju, biss għal dispożizzjonijiet nazzjonali li huma konformi ma' l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat, b'mod partikulari l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija stipulat fl-Artikoli 28 KE u 30 KE.
36 Huwa veru li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 89/106 jipprovdi proċedura speċjali, li bis-saħħa tagħha prodott għall-bini, li joriġina fi Stat Membru u li għalih ma jeżistux speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati jew rikonoxxuti fuq livell Komunitarju, għandu jiġi kkunsidrat mill-Istat Membru destinatarju li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ f'dan l-Istat jekk jissodisfa t-testijiet u l-kontrolli li saru fl-Istat Membru produttur minn korp approvat skond il-metodi fis-seħħ fl-Istat Membru destinatarju jew rikonoxxuti bħala ekwivalenti minnu.
37 In konformità ma' din il-proċedura speċjali, l-Istat Membru destinatarju u l-Istat Membru produttur għandhom jagħtu lil xulxin l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex dan ta' l-aħħar ikun jista' japprova l-korp nominat għal dan il-għan. Jekk Stat Membru jkollu xi dubji, huwa għandu jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu u jgħarraf lill-Kummissjoni skond (l-Artikolu 16(2), tad-Direttiva 89/106).
38 Madankollu, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 89/106 ma jirregolax is-sitwazzjoni ta' operatur ekonomiku li importa prodott għall-bini li għalih ma jeżistux speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati jew rikonoxxuti fuq livell Komunitarju, u fejn l-Istat Membru produttur ma indikax lill-Istat Membru destinatarju l-korp li hu approva jew li għandu l-intenzjoni li japprova għal dan il-għan.
39 Barra minn hekk, in-nuqqas ta' wieħed mill-Istati Membri kkonċernati mill-imsemmija proċedura li jaġixxi ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-eżistenza ta' restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija li operatur ekonomiku jiġi kkonfrontat biha meta jiġi biex juża l-prodott in kwistjoni fi Stat Membru ieħor.
40 Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta' dak li sostna il-Gvern Protugiż, il-proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 16 tad-Direttiva ma teskludix li r-rifjut minn korp ta' approvazzjoni bħal LNEC li tiċċertifika, fil-kuntest tal-proċedura ta' l-approvazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv u mir-regolamenti ministerjali ta' l-1970 u l-1971, l-ekwivalenza ta' ċertifikat mogħti minn korp ta' approvazzjoni ta' Stat Membru ieħor, jiġi eżaminat fid-dawl ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE.
41 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ħtieġa ta' approvazzjoni minn qabel ta' prodott sabiex tiġi ċċertifikata l-idonejità tiegħu għal użu partikolari, bħar-rifjut, f'dan il-kuntest ta' rikonoxximent ta' l-ekwivalenza taċ-ċertifikati maħruġa minn Stat Membru ieħor tillimita l-aċċess għas-suq ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal limitazzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni skond l-Artikolu 28 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I-4431, punti 62 u 63).
42 Skond ġurisprudenza kostanti, miżura bħal din tista' tiġi ġġustifikata biss minn waħda mir-raġunijiet ta' interess pubbliku mniżżla fl-Artikolu 30 KE jew minn waħda mill-ħtiġijiet mandatorji rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kundizzjoni b'mod partikulari li din il-miżura tkun tajba sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u li ma tmurx oltre dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara s-sentenzi tat-22 ta' Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 33; ta' l-20 ta' Ġunju 2002, Radiosistemi, C-388/00 u C-429/00, Ġabra p. I-5845, punti 40 sa 42, u tat-8 ta' Settembru 2005, Yonemoto, C-40/04, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 55).
43 Il-proċedura ta' approvazzjoni stabbilita bl-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv għandha bħala għan li tiggarantixxi s-sigurtà tal-materjal użat fil-bini u fix-xogħolijiet ta' bini u, konsegwentement, isservi wkoll biex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin.
44 Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, fin-nuqqas ta' regoli ta' armonizzazzjoni, huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu fuq liema livell bi ħsiebhom jiggarantixxu l-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin u dwar ħtieġa ta' awtorizzazzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati (ara s-sentenza tas-27 ta' Ġunju 1996, Brandsma, C-293/94, Ġabra p. I-3159, punt 11).
45 Madankollu, miżura introdotta minn Stat Membru ma tistax tiġi kkunsidrata li ma tmurx oltre dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għan mfittex jekk hi tirdoppja l-kontrolli li diġà saru fil-kuntest ta' proċeduri oħra, jew f'dan l-istess Stat, jew fi Stat Membru ieħor (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Canal Satélite Digital, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).
46 Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, filwaqt illi Stat Membru huwa liberu li jissoġġetta prodott li jkun diġà ġie appruvat fi Stat Membru ieħor għal proċedura ġdida ta' eżaminar u approvazzjoni, l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri huma madankollu mistennija li jikkontribwixxu għal tnaqqis tal-kontrolli fil-kummerċ intrakomunitarju. Minn dan jirriżulta li huma ma jistgħux jeżiġu għalxejn analiżijiet tekniċi jew kimiċi jew testijiet tal-laboratorju meta l-istess analiżijiet u testijiet ikunu diġa saru fi Stat Membru ieħor u r-riżultati tagħhom huma għad-dispożizzjoni ta' dawn l-awtoritajiet jew jistgħu, fuq it-talba tagħhom, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom (sentenzi tas-17 ta' Diċembru 1981, Frans-Nederlandse Maatschappij voor Biologische Producten, 272/80, Ġabra p. 3277, punt 14; Brandsma, iċċitata iktar 'il fuq, punt 12, u tas-17 ta' Settembru 1998, Harpegnies, C‑400/96, Ġabra p. I‑5121, punt 35).
47 Ir-rispett strett ta' dan l-obbligu jitlob attitudni attiva min-naħa tal-korp nazzjonali li quddiemu hemm talba għall-approvazzjoni ta' prodott jew għal rikonoxximent, f'dan il-kuntest, ta' l-ekwivalenza ta' ċertifikat maħruġ minn korp ta' approvazzjoni ta' Stat Membru ieħor. Barra minn hekk attitudni attiva bħal din għandha tittieħed ukoll, jekk ikun neċessarju, minn dan il-korp ta' l-aħħar, u f'dan ir-rigward, huwa l-obbligu, ta' l-Istati Membri li jassiguraw li l-korpi ta' approvazzjoni kompetenti jikooperaw bejnithom, bil-għan li jiffaċilitaw il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jinkiseb l-aċċess għas-suq nazzjonali ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni.
48 F'dan il-każ, l-LNEC irrifjuta li jirrikonoxxi l-ekwivalenza taċ-ċertifikat mogħti mill-IIP minħabba li dan il-korp ma kienx membru ta' l-UEATC, li l-LNEC hu affiljat magħha, u ma kien ikkonkluda ma' l-LNEC l-ebda ftehim ta' kooperazzjoni fil-qasam ikkonċernat. Jidher mill-proċess li l-LNEC la fittex li jikseb mill-intrapriża rikorrenti l-informazzjoni li kienet tinsab fil-pussess tagħha u li kienet tippermetti lil LNEC jevalwa n-natura taċ-ċertifikat maħruġ mill-IIP, u lanqas ma ikkuntattja lil din ta' l-aħħar sabiex jakkwista tali informazzjoni.
49 Issa, billi ssoġġettaw, skond l-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv, l-użu tal-prodott in kwistjoni għal proċedura ta' approvazzjoni mingħajr ma taw każ, f'dan il-kuntest, ta' ċertifikat maħruġ minn korp ta' approvazzjoni ta' Stat Membru ieħor u mingħajr ma fittxew li jiksbu mingħand l-intrapriżi rikorrenti jew l-imsemmija korp l-informazzjoni neċessarja, l-awtoritajiet Portugiżi naqsu milli jwettqu l-obbligu ta' kooperazzjoni li joħroġ, fil-kuntest ta' talba għall-approvazzjoni ta' prodott importat minn Stat Membru ieħor, mill-Artikoli 28 KE u 30 KE.
50 Fir-rigward tal-ħtiġijiet konkreti li għalihom hi soġġetta l-approvazzjoni tal-pajpijiet in kwistjoni fil-Portugall, u li skond il-Gvern Portugiż, imorru oltre l-ħtiġijiet tekniċi aċċettati mill-IIP, huwa tajjeb li jitfakkar li, sabiex sistema ta' awtorizzazzjoni amministrattiva li trid tingħata minn qabel tkun iġġustifikata minkejja li tidderoga mil-libertajiet fundamentali, hemm bżonn, f'kull każ, li din tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b'tali mod li jiġi kkontrollat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta' l-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tiġix eżerċitata b'mod arbitrarju (sentenza Canal Satélite Digital, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).
51 Issa, inkwantu l-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv, jipprovdi biss li l-użu ta' materjal ġdid jew metodi ġodda għall-bini li fir-rigward tagħhom ma jeżistux speċifikazzjonijiet uffiċjali u lanqas esperjenza ta' prattika biżżejjed hu suġġett għal approvazzjoni minn qabel tal-LNEC, din id-dispożizzjoni diġà ma tissodisfax dawn il-ħtiġijiet.
52 Billi ssoġġettat il-pajpijiet in kwistjoni għal proċedura ta' approvazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv, il-leġiżlazzjoni Portugiża għalhekk ma tirrispettax il-prinċipju ta' proporzjonalità u, konsegwentement tikser l-Artikoli 28 KE u 30 KE.
53 Minn dan isegwi li l-ewwel ilment imressaq mill-Kummissjoni huwa fondat.
Fuq it-tieni ilment, dwar ksur ta' l-Artikoli 1 u 4(2), tad-Deċiżjoni Nru 3052/95
L-argumenti tal-partijiet
54 Il-Kummissjoni ssostni li r-rifjut ta' l-EPAL li tapprova l-prodotti in kwistjoni fin-nuqqas ta' ċertifikat tal-LNEC u r-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jirrikonoxxi l-ekwivalenza taċ-ċertifikat mogħti mill-IIP jikkostitwixxu, flimkien, "miżura" skond id-Deċiżjoni Nru 3052/95, li kellha tiġi notifikata lilha fi żmien 45 ġurnata mill-adozzjoni tagħha.
55 Il-Gvern Portugiż wieġeb li jirriżulta mill-Artikolu 3(2), tad-Deċiżjoni Nru 3052/95 li dan l-obbligu tan-notifika ma japplikax għall-miżuri meħuda biss skond il-miżuri komunitarji ta' armonizzazzjoni. Issa, meta irrifjutat li tirrikonoxxi l-ekwivalenza għal approvazzjoni nazzjonali taċ-ċertifikat maħruġ mill-IIP, ir-Repubblika Portugiża kienet sempliċiment qed twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttiva 89/106.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
56 L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 3052/95 jirrigwarda l-miżuri li bihom Stat Membru jostakola l-moviment liberu tal-prodotti ffabrikati jew kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor.
57 Skond id-deċiżjoni Nru 3052/95, "miżura" tfisser il-miżuri kollha meħuda minn Stat Membru, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li għandom bħala effett li jillimitaw il-moviment liberu tal-merkanzija ffabbrikata jew kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor, tkun xi tkun il-forma tagħha jew l-awtorità li tkun ħarġitha (sentenza Radiosistemi, iċċitata iktar 'il fuq, punt 68).
58 Safejn id-deċiżjonijiet meħuda minn EPAL u mill-LNEC, skond id-Digriet Leġiżlattiv u r-regolamenti ministerjali tat-2 ta' Novembru 1970 u tas-7 ta' April 1971 għandhom effettivament, meta meqjusa flimkien, il-konsegwenza li jabolixxu l-użu tal-pajpijiet in kwistjoni, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu "miżura" skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 3052/95.
59 Hekk kif ġie rrilevat fil-punti 31 sa 35 iktar 'il fuq, din mhijiex miżura preskritta mid-Direttiva 89/106. Għall-kuntrarju ta' dak li tippretendi r-Repubblika Portugiża, il-miżura in kwistjoni għalhekk ma tibbenefikax mill-eżenzjoni tan-notifika prevista fl-Artikolu 3(2), tad-Deċiżjoni Nru 3052/95.
60 Peress li l-Kummissjoni ma ġietx notifikata b'tali miżura fi żmien 45 ġurnata, ir-Repubblika Portugiża kisret l-obbligi tagħha skond id-Deċiżjoni Nru 3052/95.
61 Konsegwentement, it-tieni lment tal-Kummissjoni huwa fondat ukoll.
62 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, peress li ma ġewx ikkunsidrati ċ-ċertifikati ta' approvazzjoni maħruġa minn Stati Membri oħra f'proċedura ta' approvazzjoni, skond l-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv, tal-pajpijiet tal-politin importati minn dawn l-Istati Membri l-oħra u peress li l-Kummissjoni ma ġietx informata b'tali miżura, ir-Repubblika Protugiża naqset twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll skond l-Artikoli 1 u 4(2), tad-Deċiżjoni Nru 3052/95.
Dwar l-ispejjeż
63 Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi
1) Peress li ma ġewx ikkunsidrati ċ-ċertifikati ta' approvazzjoni maħruġa minn Stati Membri oħra f'proċedura ta' approvazzjoni, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Ġenerali fuq il-Bini Urban, adottat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 38/382 tas-7 ta' Awwissu 1951, tal-pajpijiet tal-politin importati minn dawn l-Istati Membri l-oħra u peress li l-Kummissjoni ma ġietx informata b'tali miżura, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi li hi għandha bis-saħħa ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll skond l-Artikoli 1 u 4(2), tad-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1995, li tistabbilixxi proċedura għall-iskambju tat-tagħrif dwar il-miżuri nazzjonali li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Komunità.
2) Ir-Repubblika Portugiża għandha tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.
Full & Egal Universal Law Academy