SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)
27 ta’ Ottubru 2005(*)
"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 78/686/KEE u 78/687/KEE – Prattikanti tad-Dentistrija"
Fil-kawża C-437/03
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-16 ta’ Ottubru 2003,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Schmidt u C. Tufvesson, kif ukoll minn A. Manville, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Schiemann (Relatur), N. Colneric, K. Lenaerts u E. Juhász, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: R. Grass,
wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Marzu 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li:
– Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 1 u 19 tad-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 1978 li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn [evidenza oħra ta’] tal-kwalifiki formali tal-prattikanti tad-dentistrija, inkluzi l-mizuri biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà biex jiġu pprovduti servizzi (78/686/KEE) (ĠU L 233, p. 1), kif emendata mid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU L 206, p. 1, iktar ’il quddiem id-"Direttiva ‘Rikonoxximent’"), u ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet provduti bil-liġi, regolament jew l-azzjoni amministrattiva fejn għandhom x’jaqsmu l-attivitajiet tat-tobba dentisti [prattikanti tad-dentistrija] (78/687/KEE) (ĠU L 233, p. 10), kif emendata mid-Direttiva 2001/19 (iktar ’il quddiem id-"Direttiva ‘Koordinazzjoni’"), billi lid-dentisti ("Dentisten") msemmija fl-Artikoli 6 u 4(3), tal-Liġi fuq id-Dentisti (Dentistengesetz, BGB1. 90/1949), jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom taħt l-isem "Zahnarzt" (Prattikant tad-Dentistrija) jew "Zahnarzt (Dentist)" [Prattikant tad-Dentistrija (dentist)] u jinvokaw l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent", anki jekk huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet minimi previsti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva ‘Koordinazzjoni’ sabiex ikunu koperti mir-Regolamenti stipulati fid-Direttivi "Rikonoxximent" u "Koordinazzjoni";
– Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 1 u l-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent" billi skond l-Artikoli 17 u 23 tal-Liġi dwar it-Tobba (Ärztegesetz, BGB1. I 169/1998), ta’ l-10 ta’ Novembru 1998, lit-tobba speċjalisti fid-dentistrija (Fachärzte für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde) ikomplu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, bi ksur ta’ l-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent", taħt l-isem "Fachärzte für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde", peress illi l-assimilazzjoni ta’ dawn it-tobba speċjalizzati mal-prattikanti tad-dentistrija tonqos safejn l-imsemmija tobba għandhom id-dritt li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ta’ persuni fil-pussess ta’ diplomi, ċertifikati jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali msemmi fl-Anness A ta’ din id-Direttiva (prattikanti tad-dentistrija).
Il-Qafas Ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
Id-dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali
2 Id-Direttivi "Rikonoxximent" u "Koordinazzjoni" ġew adotatti fuq il-bażi, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE intiżi sabiex jilħqu l-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll sabiex ineħħu r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
3 Skond ir-raba’ premessa tagħha, l-ewwel waħda minn dawn id-Direttivi għandha l-għan li jiġu rikonoxxuti reċiprokament id-diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali ta’ prattikant tad-dentistrija li jagħmluha possibbli li jibdew jitwettqu attivitajiet fil-qasam tad-dentisti u rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fir-rigward ta’ prattikanti tad-dentistrija speċjalizzata.
4 Jirriżulta mis-sitt premessa tad-Direttiva "Rikonoxximent" u mill-ewwel premessa tad-Direttiva ‘Koordinazzjoni’ li l-għan ta’ din l-aħħar imsemmija direttiva huwa li tikoordina n-numru ta’ speċjaliżazzjonijiet fis-sengħa tad-dentisti u fit-tip jew it-tul tal-korsijiet tat-taħriġ għal dawn l-ispeċjalizzazzjonijiet, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipproċedu bir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, ċertifikati u evidenza formali oħrajn previsti mid-Direttiva "Rikonoxximent".
5 Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva "Koordinazzjoni", l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li persuni li jixtiequ jieħdu u jwettqu professjoni ta’ dentist taħt it-titoli msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva "Rikonoxximent" u jkollhom diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali elenkati fl-Anness A ta’ l-istess Direttiva li jiggarantixxu li matul il-perjodu tat-taħriġ kollu tagħha l-persuna kkonċernata tkun kisbet l-konoxxenzi u l-esperjenza xierqa li d-Direttiva ‘Koordinazzjoni’ tistabbilixxi. L-Artikolu 1(2) ta’ din l-aħħar direttiva jispeċifika b’mod partikolari li t-taħriġ għandu jinvolvi mill-inqas kors full time ta’ ħames snin.
6 Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva "Rikonoxximent" hemm lista ta’ kwalifiki formali tal-prattikanti tad-dentistrija. Dan l-artikolu ġie kkompletat permezz ta’ l-att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja u dwar l-aġġustament tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1) biż-żieda, b’mod partikolari, tal-kliem segwenti:
"fl-Awstrija: id-diploma li l-Awstrija ser tinnotifika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-aktar tard sal-31 ta’ Diċembru 1998".
7 L-anness A tad-Direttiva "Rikonoxximent", introdott permezz tad-Direttiva 2001/19, fih lista ta’ diplomi, ċertifikati u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali fid-dentistrija. Għal dak li jirrigwarda r- Repubblika ta’ l-Awstrija, dan l-Anness jinkludi r-referenza għad-diploma intitolata "Bescheid über die Verleihung des akademischen Grades ‘Doktor der Zahnheilkunde’" (deċiżjoni dwar l-għoti tal-grad universitarju ta’ "dottorat fid-dentistrija") mogħtija mill-fakultajiet tal-mediċina ta’ l-universitajiet.
Id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar ir-Repubblika ta’ l-Awstrija
8 L-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent" jipprovdi:
"Mid-data li fiha r-Repubblika ta’ l-Awstrija tieħu l-miżuri neċessarja biex tkun konformi ma’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu, għall-iskopijiet ta’ l-insegwiment ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, id-diplomi, ċ-ċertifikati u provi oħrajn [evidenza oħra] ta’ kwalifiki formali fil-mediċina mogħtija fir-Repubblika ta’ l-Awstrija lil persuni li kienu bdew it-taħriġ mediku tagħhom fl-università qabel l-1 ta’ Jannar 1994, li magħhom ikun hemm ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, li jiċċertifika li dawn il-persuni kienu ingaġġati effettivament, legalment u prinċiparjament fir-Repubblika ta’ l-Awstrija f’attivitajiet li jinvolvu [il-prevenzjoni, id-djanjożi u t-trattament ta’ anomaliji u mard tas-snien, il-ħalq, ix-xedaq u t-tessuti assoċjati], mill-inqas tlett snin konsekuttivi matul il-ħames snin qabel il-ħruġ taċ-ċertifikat u li dawn il-persuni huma awtorizzati li jwettqu l-imsemmija attivitajiet taħt l-istess kondizzjonijiet tal-persuni fil-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra [evidenza oħra] ta’ kwalifika formali msemmija fl-Anness A.
Il-ħtieġa ta’ tlett snin esperjenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha titneħħa fil-każ ta’ persuni li kkompletaw b’suċċess almenu tlett snin ta’ studju li huma ċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti bħala li huma ekwivalenti għat-taħriġ imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva [‘Koordinazzjoni’]."
Id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tat-titoli
9 L-Artikolu 8 tad-Direttiva "Rikonoxximent" huwa l-uniku dispożizzjoni tal-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva, intitolata "L-Użu tat-Titolu Akkademiku". Dan jipprovdi:
"Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, l-Istati Membri ospitanti għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli […] u 19b ikollhom id-dritt li jużaw it-titolu akkademiku bil-liġi sa fejn dan mhuwiex identiku mat-titolu professjonali jew, meta approprjat, l-abbrevjazzjoni tiegħu, ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jew ta’ l-Istat Membru minn fejn jiġu, fil-lingwa ta’ dak l-Istat. L-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtieġu li dan it-titolu jkollu warajh l-isem u l-post ta’ stabbiliment jew tal-bord ta’ eżami li tah.
Jekk it-titolu akkademiku użat fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani jista’ jiġi konfuż fl-Istat Membru ospitanti ma’ titolu li jeħtieġ taħriġ addizzjonali f’dak l-Istat li l-persuna kkonċernata ma ħaditx, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li din il-persuna tuża t-titolu impjegat fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fl-Istat Membru li minnu tiġi fi kliem xieraq li għandu jiġi abbozzat mill-Istat Membru li jospita".
10 Skond l-Artikolu 17(1), ta’ l-imsemmija Direttiva:
"Meta fi Stat Membru ospitanti l-użu tat-titolu professjonali li għandu x’jaqsam ma’ xi wieħed mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 hu soġġett għar-regoli, ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu […] 19b għandhom jużaw it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti li, f’dak l-Istat jikkorrispondi għal dawk il-kondizzjonijiet ta’ kwalifika u għandhom jużaw it-titolu abbrevjat".
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Id-dispożizzjonijiet dwar il-professjoni ta’ "Dentist"
11 Sal-31 ta’ Diċembru 1975 kien jeżisti fl-Awstrija taħriġ speċifiku li jippermetti l-aċċess għall-professjoni msejħa ta’ "Dentist". Il-membri ta’ din il-professjoni, li jeżerċitaw parti mill-attivitajiet tal-prattikanti tad-dentistrija, wettqu taħriġ mhux universitarju għal terminu ta’ tlett snin u ma jistgħux, skond il-Gvern Awstrijakk, ikunu assimilati ma’ tobba. L-eżerċizzju tal-professjoni ta’ "Dentist" huwa rregolat mil-Liġi fuq id-Dentisti. Il-verżjoni ta’ din il-liġi applikabli għall-fatti ta’ din il-kawża hija dik li tirriżulta mill-emendi magħmula mil-liġi federali ta’ l-10 ta’ Marzu 1999 (BGBl. I, 45/1999).
12 Skond l-Artikolu 6(1) tal-Liġi fuq id-Dentisti, id-"Dentist" huwa awtorizzat jeżerċita l-professjoni tiegħu taħt it-titolu professjonali ta’ "Zahnarzt" u jżid miegħu t-titolu ta’ taħriġ ta’ "Dentist" fil-parenteżi.
13 Skond l-Artikolu 4(3) ta’ l-istess liġi, l-assoċjazzjoni professjonali tad-"Dentisti" (Dentistenkammer) lil dawn fuq talba tagħti, l-ċertifikazzjoni prevista fl-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent" sabiex tippermettilhom jeżerċitaw il-professjoni ta’ prattikant tad-dentistrija fl-Istati Membri l-oħra.
Id-dispożizzjonijiet dwar il-professjoni ta’ "Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde"
14 Fiż-żmien ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija ma’ l-Unjoni Ewropea, f’dan l-Istat Membru ma kienx jeżisti taħriġ għall-prattikant tad-dentistrija, li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva "Koordinazzjoni". Il-kura tas-snien kienet fdata lil tobba li, wara l-istudji tagħhom ta’ mediċina ġenerali, jkunu kkompletaw speċjaliżazzjoni ta’ wara d-dottorat fid-dentistrija, u li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom taħt it-titolu ta’ "Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde".
15 Sabiex tkun konformi mad-Direttivi "Rikonoxximent" u "Koordinazzjoni", ir-Repubblika ta’ l-Awstrija għalhekk kellha, wara l-adeżjoni tagħha ma’ l-Unjoni, tistabbilixxi sistema ġdida ta’ taħriġ għall-aċċess għall-ispeċjaliżazzjoni fid-dentistrija. Għal dan il-għan, ġiet adottata Liġi fuq it-Tobba. Il-verżjoni ta’ din il-liġi applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża hija dik li tirriżulta mill-emendi magħmula mil-liġi federali ta’ l-10 ta’ Awwissu 2001 (BGBl. I, 110/2001).
16 Il-liġi fuq it-tobba introduċiet taħriġ ġdid fir-rigward tal-prattika tad-dentistrija ("Zahnarzt"), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 1998. It-taħriġ ta’ speċjaliżazzjoni fid-dentistrija initż għat-tobba lawrejati u li jagħti aċċess għall-professjoni ta’ tabib speċjalizzat fid-dentistrija ġew simultanjament abbrogati b’effett mill-aħħar tas-sena universitarja 2000/2001.
17 Skond l-Artikolu17(1) ta’ din il-liġi, l-eżerċizzju, fuq bażi ta’ self employed, ta’ l-attivitajiet ta’ prattikant tad-dentistrija huwa riservata għall-prattikanti tad-dentistrija ("Zahnärzte") u għat-tobba speċjaliżżati fid-dentistrija ("Fachärzte für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde").
18 L-Artikolu 23 ta’ l-imsemmija liġi, intitolata "Definizzjonijiet" u inkluż fit-tielet sezzjoni tagħha, jaqra hekk:
"Sakemm id-dispożizzjonijiet differenti ma jipprovdux mod ieħor, fis-sezzjoni preżenti,
1) it-terminu ġeneriku ‘tabib’ (‘mediku’) jirreferi għat-tobba kollha, indipendentement minn jekk humiex awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni bħala ‘tabib mhux speċjalizzat’ [‘Arzt für Allgemeinmedizin’], ‘tabib awtorizzat’ [‘ approbierter Arzt’], ‘tabib speċjalista’ [‘Facharzt’], ‘prattikant tad-dentistrija’ [‘Zahnarzt’] jew ‘tabib li qed jitħarreġ’ [‘Turnusarzt’],
2) it-terminu ‘tabib speċjalista’ [‘Facharzt’] jirreferi għat-tobba speċjalisti kollha, inklużi t-tobba speċjalisti fid-dentistrija [‘Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde’]."
19 L-użu tat-titoli professjonali mediċi huwa rregolat mill-Artikoli 43 u 44 tal-Liġi fuq it-Tobba. Skond l-Artikolu 43(7):
"It-tobba speċjalisti fid-dentistrija [‘Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde’] jistgħu jużaw it-titolu professjonali kemm ta’ ‘tabib speċjalizzat fid-dentistrija’ [‘Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde’] kif ukoll ta’ ‘prattikant tad-dentistrija’ [‘Zahnarzt’]."
Il-proċedura prekontenżjuza
20 Fis-26 ta’ Lulju 1999, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva "Rikonoxximent", it-titolu ta’ "Zahnarzt", ta’ "Zahnarzt (Dentist)" kif ukoll ta’ "Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde". Hija nnotifikat ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati membri l-oħra d-diploma li tiċċertifika t-taħriġ ta’ "Dentist" bil-għan li dan jiġi inkluż fl-Anness A tad-Direttiva "Rikonoxximent". Din id-diploma hija intitolata "Prüfungszeugnis über die staatliche Dentistenprüfung, ausgestellt von der Österreichischen Dentistenkammer, Lehrinstitut für Dentisten, und Bescheinigung über die einjährige Tätigkeit als Dentistenassistent" (ċertifikat ta’ eżami ta’ l-Istat fid-dentistrija, mogħti mill-assoċjazzjoni tad-dentisti Awstrijaka, Istitut ta’ studji fid-dentistrija, u ċertifikazzjoni ta’ attività bħala assistent ta’ dentist għal sena).
21 Peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijakk dwar l-eżerċizzju tal-professjonijiet ta’ "Dentist" u ta’ tabib speċjalizzat fid-dentistrija mhumiex kompatibbli mad-Direttivi "Rikonoxximent" u "Koordinazzjoni", il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 226 KE. Wara li l-Kummissjoni intimat lir-Repubblika ta’ l-Awstrija sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, fit-18 ta’ Lulju 2001, bagħtet opinjoni motivata fejn stiednet lill-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħhu fi żmien ta’ xahrejn min-notifika tagħha. Peress li, minkejja l-osservazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi b’risposta għal din l-opinjoni motivata, is-sitwazzjoni kienet għada insodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
F’dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, dwar il-professjoni ta’ "Dentist"
22 Dan l-ilment jinqasam f’żewġ partijiet li jeħtieġu li jiġu analizzati separatament.
Fuq l-Artikolu 6(1), tal-Liġi fuq id-Dentisti"
23 Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-Artikolu 6(1) tal-Liġi fuq id-Dentisti li jawtorizza lid- Dentisten jeżerċitaw il-professjoni tagħhom taħt it-titolu professjonali ta’ "Zahnarzt", jmur kontra l-Artikolu 1 tad-Direttiva ‘Koordinazzjoni’ f’dak li d-"Dentisten" ma jisodissfawx il-kriterji dwar it-taħriġ impost minn l-aħħar artikolu għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ prattikant tad-dentistrija taħt it-titoli msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva "Rikonoxximent", li fosthom jidher dak ta’ "Zahnarzt" għar-Repubblika ta’ l-Awstrija.
24 Il-Gvern Awstrijakk ma kkumentax fuq din il-parti ta’ l-ewwel ilment fl-osservazzjonijiet tiegħu.
25 Huwa kostanti li t-taħriġ ta’ "Dentisten" huwa taħriġ mhux universitarju li jdum biss tliet snin, li għalhekk ma jissodisfax il-kriterji imposti fl-Artikolu 1(2), tad-Direttiva "Koordinazzjoni". Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat id-diploma li tirrikonoxxi dan it-taħriġ, innotifikata mir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ma setgħetx tkun inkluża fl-Anness A tad-Direttiva "Rikonoxximent".
26 L-Artikolu 6(1), tal-Liġi fuq id-Dentisti hija għalhekk kuntrarja għall-Artikolu 1 tad-Direttiva ‘Koordinazzjoni’ f’dak li tagħti l-possibbiltà li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ prattikant tad-dentistrija taħt it-titolu ta’ "Zahnarzt" lil persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet ta’ taħriġ imposti minn dan l-aħħar imsemmi artikolu għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni taħt dan it-titolu.
27 F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-ewwel parti ta’ l-ewwel ilment tal-Kummissjoni hija fondata.
Fuq l-Artikolu 4(3) tal-Liġi fuq id-Dentisti
28 Permezz tat-tieni parti ta’ l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-Artikolu 4(3) tal-Liġi fuq id-Dentisti jmur kontra l-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent" f’dak illi huwa jipprevedi l-għoti taċ-ċertifikat previst f’dan l-Artikolu 19b, għalkemm ma jisodisfax il-kundizzjonijiet mħejija f’dan l-aħħar artikolu.
29 Il-Gvern Awstrijakk jirrikonoxxi li d-"Dentisten" ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent" peress li mhumiex persuni fil-pussess ta’ "titoli mediċi" u ma jingħatawx "taħriġ universitarju".
30 Jirriżulta li t-tieni parti ta’ l-ewwel ilment tal-Kummissjoni hija wkoll fondata.
Għal dak li jirrigwarda t-tieni ilment tal-Kummissjoni, dwar il-professjoni ta’ tabib speċjalizzat fid-dentistrija
31 Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-fatt li, fl-Awstrija, it-tobba speċjalisti fid-dentistrija huma awtorizzati jużaw it-titolu ta’ "Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde" u li, għaldaqstant, mhumiex meħtieġa li jużaw dak ta’ "Zahnarzt" huwa kuntrarju għall-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent".
32 Qabel kollox, hemm lok li jingħad ukoll li għalkemm fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tikkwota l-Artikoli 17 u 23 tal-Liġi fuq it-Tobba, huwa ċar li l-awtoriżazzjoni mogħtija lit-tobba speċjalisti fid-dentistrija sabiex jużaw it-titolu ta’ "Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde", kkontestata mill-Kummissjoni, tirriżulta mill-Artikolu 43(7) ta’ din il-liġi.
33 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni litterali ta’ l-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent". Hija tirrimarka li "l-persuni li huma fil-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew evidenza oħra msemmija fl-Anness A", imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, huma l-prattikanti tad-dentistrija u li jistgħu jużaw biss it-titolu ta’ "Zahnarzt". Il-Kummissjoni minn dan tiddeduċi li sabiex tiġi sodissfatta l-kundizzjoni imposta mill-imsemmi artikolu, skond liema l-persuni kkonċernati għandhom ikunu awtorizzati jwettqu l-attivitajiet tagħhom "taħt l-istess kundizzjonijiet", it-tobba speċjalisti fid-dentistrija għandhom ukoll ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dan it-titolu, bl-esklużjoni ta’ kull titolu ieħor.
34 Il-Gvern Awstrijakk jillimita ruħhu li jfakkar li t-tobba speċjalisti fid-dentistrija huma awtorizzati li jwettqu l-attivitajiet tagħhom taħt it-titolu ta’ "Zahnarzt".
35 F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi kkostatat li kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kliem ta’ l-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent" mhuwiex determinanti f’dak illi jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk it-tobba previsti f’dan l-artikolu għandhomx b’mod obbligatorju jużaw l-istess titolu bħall-prattikanti tad-dentistrija jew jekk għall-kuntrarju, għandhomx ikunu awtorizzati biss li jużawh. Il-kundizzjoni skond liema l-persuni ikkonċernati għandhom ikunu "awtorizzati li jwettqu l-attivitajiet [tagħhom] taħt l-istess kundizzjonijiet" bħall-prattikanti tad-dentistrija tista’ tagħti lok għal żewġ interpretazzjonijiet. Min-naħa, kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 19b jista’ ikun interpretat bħala li jimponi kundizzjoni li l-attivitajiet in kwistjoni għandhom ikunu mwettqa "taħt l-istess kundizzjonijiet", li tkun inkompatibbli mal-fatt li ż-żewġ gruppi professjonali kkonċernati mhumiex soġġetti għall-istess proċeduri ta’ awtoriżazzjoni fir-rigward ta’ l-użu ta’ titoli fl-Awstrija. Min-naħa l-oħra, billi jsir emfażi fuq l-użu tal-verb "awtorizza", l-istess dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata bħala li teżiġi biss li t-tobba speċjalisti fid-dentistrija jkunu, kif inhuma skond l-Artikolu 43(7) tal-Liġi fuq it-Tobba, "awtorizzati" li jużaw l-istess titolu bħall-prattikanti tad-dentistrija u għalhekk "awtorizzati" – għalkemm mhumiex obbligati – li jipprattikaw taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawn, taħt it-titolu ta’ "Zahnarzt".
36 Peresss li l-kliem użati fl-Artikolu 19b ma jippermettix li din il-kwistjoni tiġi deċiża, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttivi "Rikonoxximent" u "Koordinazzjoni". F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li l-ewwel waħda minn dawn fiha, fl-Artikoli 8 u 17 tagħha, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu tat-titoli li juru, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-leġiżlatur komunitarju ma xtaqx jimponi użu uniformi tat-titoli fil-qasam tad-dentistrija. Din il-kostatazzjoni hija wkoll sostnuta mill-fatt li l-lista li tidher fl-Artikolu 1 tad-Direttiva "Rikonoxximent" fiha, f’dak li jirrigwarda ċerti Stati Membri, aktar minn titolu wieħed.
37 Għalkemm huwa veru li d-Direttivi "Rikonoxximent" u "Koordinazzjoni" jagħmlu separazzjoni ċari tal-professjonijiet ta’ prattikanti tad-dentistrija u tal-mediċina, il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element tali li juri li l-awtoriżazzjoni għat-tobba msemmija fl-Artikolu 19b sabiex ikomplu jerċitaw il-professjoni tagħhom taħt it-titolu professjonali ta’ "Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde" hija kawża ta’ riskju veru ta’ konfużjoni bejn it-tobba speċjalisti fid-dentistrija u t-tobba l-oħra.
38 F’kull każ, għandu jiġi kkostatat li kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, la l-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent", u lanqas l-Artikoli 8 u 17 ta’ din ma fihom restrizzjonijiet dwar il-kliem preċiż tat-titoli professjonali li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw fit-territorju tagħhom.
39 Minbarra dan, il-fatt li t-tobba li jaqgħu taħt is-sistema tranżitorja ta’ l-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent" jiġu mġiegħla jabbandunaw it-titolu professjonali ta’ "Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde" għal dak ta’ "Zahnarzt" jwassal sabiex jobblighom jiddefinixxu lilhom infushom lill-pazjenti bħala dentisti u ma jagħmlux referenza għat-taħriġ u l-abilità ewlenija tagħhom ta’ tabib mhux speċjalista, li jagħmel ħsara lill-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ d-29 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni vs l-Italja, C‑202/99, Ġabra p. I-9319, punt 51).
40 Fl-aħħarnett, il-possibiltà mogħtija mill-Artikolu 43(7) tal-Liġi fuq it-Tobba speċjalizzati fid-dentistrija li jkomplu jużaw it-titolu professjonali ta’ "Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde" tidher li hija ġustifikat minn motivi ta’ trasparenza, f’dak illi tippermetti lill-pazjenti jiddistingwu d-dentisti li segwew taħriġ komplut ta’ prattikant tad-dentistrija introdott mil-Liġi fuq it-Tobba ("Zahnarzt") minn tobba mhux speċjalista li kkompletaw speċjaliżazzjoni wara d-dottorat ta’ prattikant tad-dentistrija ("Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde").
41 Il-fatt li t-titolu ta’ "Facharzt für Zahn‑, Mund‑ und Kieferheilkunde" ma jistgħax jiġi eskluż fl-Artikolu 1 tad-Direttiva "Rikonoxximent", peress li t-taħriġ ta’ dawn il-prattikanti ma jissodisfax il-kriterji msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva ‘Koordinazzjoni’, huwa irrilevanti peress li l-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent" iddaħħal f’din ta’ l-aħħar, kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni, sabiex jippermetti lit-tobba speċjalisti fid-dentistrija jkomplu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom.
42 F’dawn iċ-ċirkostanzi, jeħtieġ li jingħad li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta invokat il-ġurisprudenza skond liema mhijiex ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li joħolqu kategorija ta’ prattikanti tad-dentistrija li ma tikkorrispondi ma’ l-ebda kategorija prevista mid-direttivi in kwistjoni (sentenza ta’ l-1 ta’ Ġunju 1995, il-Kummissjoni vs Italja, C‑40/93, Ġabra p. I‑1319, punt 24). Kuntrarjament għal Istat Membru kkonċernat f’din is-sentenza, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, min-naħa, ma ħolqietx kategorija ġdida ta’ prattikanti tad-dentistrija, iżda sempliċement żammet kategorija eżistenti, u, min-naħa l-oħra, it-tobba speċjalisti fid-dentistrija ma jikkostitwux kategorija ta’ prattikanti tad-dentistrija li mhijiex prevista fid-Direttivi "Rikonoxximent" u "Koordinazzjoni". Għal kuntrarju, dawn huma speċifikament imsemmija fl-Artikolu 19b ta’ l-ewwel waħda minn dawn id-Direttivi.
43 B’rigward għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jeħtieġ li t-tieni lment tal-Kummissjoni jiġi miċħud.
44 B’kunsiderazzjoni għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkostatat li, billi ppermettiet lid-dentisti ("Dentisten") msemmija fl-Artikoli 4(3) u 6 tal-Liġi fuq id-Dentisti, jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom taħt it-titolu "Zahnarzt" (prattikant tad-dentistrija) jew "Zahnarzt (Dentist)" [prattikant tad-Dentistrija (dentist)] u jagħmlu użu mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent", anki jekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet minimi previsti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva "Koordinazzjoni" jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni msemmija f’dawn id-Direttivi, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 1 u 19b tad-Direttiva "Rikonoxximent" u l-Artikolu 1 tad-Direttiva "Koordinazzjoni", u li jiġi miċħud il-qbija tar-rikors.
Fuq l-ispejjeż
45 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regolament ta’ Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija ma talbietx li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. Madankollu, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(3), ta’ l-istess Regolament jipprevedi li jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li r-Repubblika ta’ l-Awstrija u l-Kummissjoni tilfu parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi ppermettiet lid-dentisti ("Dentisten") msemmija fl-Artikoli 4(3) u 6 tal-Liġi fuq id-Dentisti (Dentistengesetz),
– jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom taħt it-titolu "Zahnarzt" [Prattikant tad-Dentistrija (dentist)] u
– jinvokaw l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 19b tad-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 1978 li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn [evidenza oħra ta’] tal-kwalifiki formali tal-prattikanti tad-dentistrija, inkluzi l-mizuri biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà biex jiġu pprovduti servizzi (78/686/KEE), kif emendata mid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Mejju 2001,
anki jekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet minimi previsti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet provduti bil-liġi, regolament jew l-azzjoni amministrattiva fejn għandhom x’jaqsmu l-attivitajiet tat-tobba dentisti [prattikanti tad-dentistrija] kif emendata mid-Direttiva 2001/19, sabiex jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni msemmija f’dawn id-Direttivi,
ir-Repubblika ta’ l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 1 u 19b tad-Direttiva 78/686 u ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 78/687.
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibagħtu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy