Partijiet
Motivi tas-sentenza
Deċiżjoni dwar l-ispejjeż
Parti operattiva
Partijiet
Fil-kawża C-467/03
li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE imressqa mill-Finanzgericht München (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-
24 ta' Ġunju 2003
, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-
6 ta' Novembru 2003
fil-proċedura fl-ismijiet
Ikegami Electronics (Europe) GmbH
vs
Oberfinanzdirektion Nürnberg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (ir-Raba' Awla) ,
komposta minn M. K. Lenaerts (Relatur), President ta' Awla, J. N. Cunha Rodrigues u E. Levits, Mħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-
9 ta' Diċembru 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
- għal Ikegami Electronics (Europe) GmbH, minn H. Nehm, Rechtsanwalt,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.C. Schieferer, bħala aġent,
wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-
20 ta' Jannar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Motivi tas-sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta l-interpretazzjoni tan-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-nomenklatura magħquda tat-tariffa komuni ta' dwana (iktar 'il quddiem in-NM) li tinstab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001 tas-6 ta' Awwissu 2001 (ĠU L 279, p. 1).
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kwistjoni bejn is-soċjeta Ikegami Electronics (Europe) GmbH (iktar 'il quddiem Ikegami) u Oberfinanzdirektion dwar informazzjoni fuq tariffa vinkolanti mogħtija miz-Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt München (Istitut Tekniku ta' Verifika u ta' Taħriġ tad-Dwani ta' Munich) għal apparat ta' rrekordjar diġitali.
Il-Qafas Ġuridiku
3. Il-verżjoni tan-NM applikabbli fid-data ta' meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali tinstab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2031/2001. It-tieni parti ta' dan l-Anness tinkludi t-Taqsima XVI intitolata Makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċ tiegħu; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta' dawn l-oġġetti .
4. Din it-Taqsima hija komposta minn żewġ kapitoli, jiġifieri l-Kapitolu 84, intitolat Reatturi nukleari, tankijiet tal-misħun, makkinarju u strumenti mekkaniċi; bċejjeċ tagħhom, u l-Kapitolu 85, intitolat Makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċc tiegħu; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta' dawn l-oġgġetti .
5. B'mod partikolari, il-Kapitolu 84 jinkludi l-intestatura 8471, intitolata Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad- data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b'sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta' data f'għamla kodifikata u magni biex jipproċessaw din id- data , li m'humiex speċifikati jew inklużi band'oħra .
6. Is-subintestatura 8471 50 tikkonċerna [u]nitajiet ta' ipproċessar diġitali ħlief dawk tas-subintestatura 8471 41 u 8471 49, fihom jew le fl-istess għata wieħed jew tnejn minn dawn it-tipi ta' unità: unitajiet ta' ħażna, unitajiet ta' dħul, unitajiet ta' ħruġ . Is-subintestatura 8471 50 90 tirreferi għal dawk il-prodotti li mhumiex intiżi għal użu f'biċċiet ta' l-ajru ċivili. Skond ir-Regolament Nru 2031/2001, dawn il-prodotti huma eżentati mid-dazju konvenzjonali
7. Il-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi b'mod partikolari l-intestatura 8521 intitolata Apparat li jirreġistra jew jipproduċi vidjo, li fihom jew le tuner tal-vidjo. Is-subintestatura 8521 90 00 tinkludi dawk il-prodotti li ma jużawx tejp manjetiku. Permezz tar-Regolament Nru 2031/2001, id-dazju konvenzjonali relatat ma' dawn il-prodotti huwa stabbilit għal 14%.
8. In-Nota 4 tat-Taqsima XVI tan-NM tistipola li, [f]ejn magna (inkluża taħlita ta' magni) tikkonsisti f'komponenti individwali (kemm jekk separati kif jekk imwaħħlin flimkien b'pajpijiet, b'mezzi ta' trasmissjoni, b' cables ta' l-elettriku jew b'mezzi oħrajn) maħsubin biex jikkontribwixxu flimkien għal funzjoni definita ċar koperti b'waħda mill-intestaturi fil-Kapitolu 84 jew 85, hekk kollox jaqa' biex jiġi kklassifikat fl-intestatura xierqa għal dik il-funzjoni.
9. B'mod partikolari, in-Nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NM tinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:
(A) Għall-għanijiet ta' l-intestatura 8471, l-espressjoni magni awtomatiċi għal ipproċessar ta' data tfisser:
(a) magni diġitali, li jistgħu:
(1) jaħżnu il-programm jew programmi ta' pproċessar u għall inqas id- data meħhtieġa immedjatament għat-twettiq tal-programm;
(2) jiġu pprogrammati bil-libertà skond il-ħtiġiet ta' min jużahom;
(3) jagħmlu kalkoli aritmetiċi speċifikati minn min jużahom; u
(4) iwettqu, mingħajr intervent uman, programm ta' pproċessar li jkun jeħtighom jibdlu l-esekuzzjoni tagħhom, b'deċiżjoni loġika waqt il-mixja ta' proċessi;
[...]
(E) Magni ji jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta' data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma' magna awtomatika għall-ipproċessar ta' data għandhom jiġu kklassifikati fl-intestaturi xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fl-intestaturi li jibqa'.
Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
10. Fis-6 ta' Diċembru 2001, Ikegami talbet liz-Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt München jagħtiha informazzjoni fuq tariffa vinkolanti għal apparat msejjaħ Digital Recorder SDRG 80008. Hija talbet li dan l-apparat jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 8471 50 90 tan-NM.
11. Id-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi l-apparat kif ġej:
Minbarra tastiera u maws, dan l-apparat huwa kompost minn kaxxa li fiha video digitiser board għal 4 vidjo cards b' connector ports li jieħdu sa tmien kameras tat-televiżjoni, kontroll tal-moviment ta' l-immaġini, mother board bi proċessur u tliet postijiet għal diska riġida, memorja vidjo, skeda tal- modem, skeda grafika, skeda LAN, skeda sonora, diska riġida, u plejer CDRW . Is-sistema operattiva tal-Windows ME, is-softwer għar-rekorder diġitali u s-softwer għal plejer CDRW huma installati minn qabel fuq id-diska riġida.
12. Fl-14 ta' Jannar 2002, iz-Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt München ta informazzjoni fuq tariffa vinkolanti bin-numru DE M/119/021, li tikklassifika l-apparat fis-subintestatura 8521 90 00 tan-NM.
13. Wara oppożizzjoni mingħajr suċċess, Ikegami ressqet rikors kontra din l-informazzjoni fuq tariffa vinkolanti quddiem il-Finanzgericht München u saħħqet li l-apparat għandu jiġi kkunsidrat bħala magna għall-ipproċessar tad- data peress illi l-iskop esklużiv kemm tal-komponenti individwali tiegħu kif ukoll tal-mod ta' kif jaħdem huwa dan l-ipproċessar.
14. Fid-deċiżjoni tar-rinviju l-Finanzgericht München tosserva li l-apparat fil-kawża jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex jiġi kkwalifikat bħala magna awtomatika għall-ipproċessar tad- data skond in-Nota 5 A(a) tal-Kapitolu 84 tan-NM u li jista' jintuża bħala kompjuter personali, iżda li, minħabba t-tagħmir speċifiku tiegħu, huwa deskritt bħala vidjo rekorder diġitali u huwa kkumerċjalizzat u użat bħala tali. Din il-qorti tindika li dan l-apparat jipproċessa d- data b'mod preċiż u li huwa mgħammar fir-rigward ta' din il-funzjoni biss, jiġifieri l-irrekordjar, il-wiri u l-ħażna jew ir-riproduzzjoni ta' sinjali tal-vidjo. Hija żżid li n-nuqqas ta' softwer adatt jipprekludi li dan l-apparat jiġi wżat għal skopijiet oħra. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din il-funzjoni speċifika ta' l-apparat tista' tikkostitwixxi funzjoni oħra għajr dik ta' l-ipproċessar ta' data skond in-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NM.
15. F'dawn il-kundizzjonijiet il-Finanzgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċceduri u li tirrinvija d-domanda li ġejja lill-Qorti għal deċiżjoni preliminari:
In-Nota 5 tan-nomenklatura magħquda, fil-verżjoni ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2031/2001 [...] li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru2658/87 [...], għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li apparat tas-sorveljanza, li jikkonserva sinjali trasmessi minn kameras differenti fuq diski riġidi wara li jkun ikkumpresshom, sabiex jirriproduċihom fuq skrin, għandu funzjoni oħra barra dik li jipproċessa d- data ?
Dwar id-domanda preliminari
16. Permezz tad-domanda rinvijata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk apparat ta' rrekordjar diġitali, bħal dak fil-kawża prinċipali, għandux jiġi kkunsidrat bħala li jwettaq funzjoni oħra għajr dik ta' l-ipproċessar tad- data skond in-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NC.
17. Skond ġurisprudenza kostanti fl-interess taċ-ċertezza legali u sabiex jiġgu faċilitati l-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffa ta' merkanzija għandu ġeneralment jinstab fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif definiti fil-kliem ta' l-intestatura tan-NM. In-Noti ta' Spjegazzjoni tan-NM mħejjija mill-Kummissjoni, kif ukoll dawk li tħejjew fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (World Customs Organisation), f'dak li jikkonċerna s-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni u Kodifika ta' Merkanzija (iktar 'il quddiem is-SA), jikkontribwixxu b'mod importanti fir-rigward ta' l-interpretazzjoni ta' l-iskop ta' l-intestaturi varji tad-dwana mingħajr, madanakollu, ma jorbtu legalment (ara s-sentenza ta' l-4 ta' Marzu 2004, Krings C-130/02, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).
18. F'dan il-każ, it-test ta' l-intestatura 8471 tan-NM, li, skond Ikegami, jidħol taħhtha l-apparat fil-kawża, jkopri, b'mod partikolari, il-magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad- data u unitajiet tagħhom. It-test ta' l-intestatura 8521 tan-NM li fiha, skond l-Amministrazzjoni tad-Dwana ĠGermaniża, dan l-apparat għandu jiġi kklassifikat, jikkonċerna, b'mod partikolari, apparati ta' rrekordjar jew ta' riproduzzjoni ta' vidjo.
19. Min-Nota 5 E tal-Kapitolu 84 tan-NM jirriżulta li l-magni li jwettqu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta' data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma' magna awtomatika għall-ipproċessar ta' data għandhom jiġu kklassifikati fl-intestaturi korrispondenti għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fl-intestaturi li jibqgħu.
20. Skond id-deskrizzjoni msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif supplementata mill-preċiżazzjonijiet li għamlet Ikegami kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, l-apparat fil-kawża prinċipali jinkludi, barra tagħmir karatteristiku ta' magna awtomatika għall-ipproċessar tad- data , tagħmir speċifiku li jippermetti li jiġu memorizzati sinjali analoġiċi li jikkorrispondu għal immaġini jew ħsejjes trasmessi minn sorsi esterni, il-konverżjoni diġitali ta' dawn is-sinjali, il-kompressjoni tagħhom u r-riproduzzjoni tagħhom fuq skrin. Il-qorti tar-rinviju tgħid ukoll li, minħabba dan it-tagħmir speċifiku, l-apparat huwa kkumerċjalizzat bħhala vidjo rekorder diġitali, li Ikegami kkonfermat fl-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fis-seduta.
21. Għalkemm huwa mgħammar għall-ipproċessar tad- data , l-apparat jiddistingwi ruħu minn magna awtomatika li għandha biss il-funzjoni li tipproċessa d- data , mhux biss mill-funzjoni speċifika li jimmemorizza sinjali vidjofoniċi, iżda ukoll mill-mod ta' kif huwa kkumerċjalizzat u ppreżentat lill-pubbliku (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Sony Computer Entertainment Europe vs il-Kummisjoni, T-243/01, Ġabra. p. II4189, punt 112).
22. Jekk, kif issostni Ikegami, l-apparat fil-kawża prinċipali ma jippermettix la l-irrekordjar simultanju tal-ħsejjes u ta' l-immaġini, u lanqas l-irrekordjar u r-riproduzzjoni ta' immaġini li jiċaqalqu, dan il-fatt, anki jekk ikun veru, mhuwiex ta' ostaklu għal premessa li dan l-imsemmi apparat, li huwa mgħammar b'elementi li jippermettu l-memorizzazzjoni u r-riproduzzjoni kemm ta' ħsejjes kif ukoll ta' immaġini, jwettaq funzjoni li tmur lil hinn mill-ipproċessar awtomatiku tad- data
23. Barra minn hekk għandu wkoll jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu li għalih il-prodott huwa intiż jista' jikkostitwixxi kriterju oġġettiv fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffa sakemm dan ikun inerenti għal dan il-prodott u din l-inerenza trid tkun tista' tiġi valutata skond il-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tiegħu (sentenzi tal-5 ta' April 2001, Deutsche Nichimen, C-201/99, Ġabra p. I2701, punt 20, u Krings, ċitata iktar 'il fuq, punt 30).
24. F'dan il-każ, id-deskrizzjoni msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju turi li waħda mill-karatteristiċi oġġettivi ta' l-apparat fil-kawża prinċipali tikkonsisti fil-possibbiltà li huwa joffri li jiġi mqabbad ma' kameras tat-televiżjoni għall-iskop ta' sorveljanza bil-vidjo. Kif jirriżulta minn din l-imsemmija deċiżjoni u mill-preċiżazzjonijiet mogħtja minn Ikegami waqt is-seduta, dan l-apparat huwa mgħammar b' kontroll li jippermetti li jiġgi rregolat id-daqs ta' l-immaġini u li jinbidel l-orjentament tal-kameras li magħhom huwa mqabbad. Waqt is-seduta Ikegami enfassizzat ukoll li l-attivitajiet ta' promozzjoni kummerċjali ta' dan l-imsemmi apparat huma intiżi għal persuni li huma responsabbli għas-sorveljanza ta' bini.
25. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, bl-eċċezzjoni ta' l-ipproċessar awtomatiku tad- data , li t-tagħmir bażiku li huwa jinkludi jippermetti li jsir, l-apparat, kif inhu mgħammar ma jistax jintuża għal skopijiet oħra ħlief għhar-rekordjar u għar-riproduzzjoni ta' immaġini u ħsejjes fil-kuntest ta' apparat ta' sorveljanza bil-vidjo, minħabba li dan mhuwiex mgħammar b'softwer adatt.
26. Dan l-użu partikolari, li huwa inerenti għal karatteristiċi oġġettivi ta' l-elementi li l-apparat fil-kawża prinċipali bihom huwa mgħammar, jsostni l-analiżi li dan l-apparat iwettaq funzjoni separata minn dik ta' l-ipproċessar awtomatiku tad- data .
27. Sabiex issostni l-argument tagħha Ikegami tirreferi għan-nota tas-SA, li tinstab wara n-noti ta' spjegazzjoni, dwar in-Nota 4 tat-Taqsima XVI tan-NM, fil-verżjoni fis-seħħ fid- data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali.
28. Din in-nota tgħid dan li ġej:
Għandu jiġi nnutat li l-elementi kostitwenti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fin-Nota 4 tat-Taqsima XVI isegwu s-sistema tagħhom. Dan huwa partikolarment il-każ ta' l-apparat ta' sorveljanza bil-vidjo b'ċirkwitu magħluq, kompost minn kombinazzjoni ta' numru varjabbli ta' kameras tat-televiżjoni u ta' vidjo monitors mqabbda permezz ta' kejbil koassjali ma' switchboard, commutators , riċevituri awdjo u, eventwalment, magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad- data (sabiex tikkonserva d-d ata ) u/jew ta' vidjo rekorders (għar-rekordjar ta' immaġini).
29. Ikegami ssostni li, in kunsiderazzjoni ta' l-imsemmija nota, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-apparat fil-kawża prinċpali jikkostitwixxi magna għall-ipproċcessar tad- data li, anki jekk tista' tikkostitwixxi sistema ta' sorveljanza bil-vidjo meta hija mqabbda ma' kameras tat-televiżjoni, għandha xorta waħda tingħata klassifikazzjoni differenti fuq il-livell tat-tariffa.
30. Madankollu, meta tikkunsidra, b'mod differenti, il-magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad- data intiżi sabiex jikkonservaw id- data (saving data ), min-naħa waħda, u l-apparati li l-funzjoni tagħhom tikkonsisti fl-irrekordjar ta' immaġini (video recorders), min-naħa l-oħra, in-nota riprodotta fil-punt 28 ta' din is-sentenza tikkonferma li apparat, bħal m'huwa dak fil-kawża prinċipali, li huwa mgħammar b'funzjoni ta' rekordjar diġitali ta' immaġini u ta' ħsejjes, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jwettaq funzjoni differenti, li tmur lil hinn mill-ipproċessar awtomatiku tad- data .
31. Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li apparat ta' rrekordjar ta' sinjali trasmessi minn kameras, li wara li jkun ikkumpresshom, jirriproduċihom fuq skrin, għal skopijiet ta' sorveljanza bil-vidjo, iwettaq funzjoni differenti minn dik ta' pproċessar tad- data skond in-Nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-NC.
Deċiżjoni dwar l-ispejjeż
Dwar l-ispejjeż
32. Peress li fil-kawża prinċipali, din il-proċedura għandha n-natura ta' inċident mqajjem quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha għaldaqstant tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Parti operattiva
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
Apparat ta' rrekordjar ta' sinjali trasmessi minn kameras, li wara li jkun ikkumpresshom, jirriproduċihom fuq skrin, għal skopijiet ta' sorveljanza bil-vidjo, iwettaq funzjoni differenti minn dik ta' pproċessar tad- data skond in-Nota 5 tal-Kapitolu 84 tan-nomenklatura magħquda li tinstab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001 tas-6 ta' Awwissu 2001.
Full & Egal Universal Law Academy