SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
14 ta' Diċembru 2006 (*)
"Għajnuna mill-Istat – Skema ta' għajnuniet – Inkompattibbiltà mas-suq komuni – Terminu għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni – Tneħħija ta’ l-iskema ta' għajnuniet – Sospensjoni ta' l-għajnuniet li għadhom ma ngħatawx – Irkupru ta' l-għajnuniet imqiegħda għad-dispożizzjoni – Impossibbiltà assoluta ta' eżekuzzjoni"
Fil-kawżi magħquda C-485/03 sa C-490/03,
li għandhom bħala suġġett rikorsi għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 88(2) KE, imressqa fid-19 ta' Novembru 2003,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn J. L. Buendía Sierra, wara minn F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, J. Klučka, R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Mejju 2006,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Fil-kuntest ta' sitt rikorsi, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottax, fit-terminu previst il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3 ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet:
– 2002/820/KE tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Lulju 2001 dwar skema ta' għajnuniet mill-Istat implementata minn Spanja favur impriżi tal-provinċja ta' Álava taħt forma ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti (ĠU L 296, 2002, p. 1) (kawża C-485/03);
– 2002/892/KE tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Lulju 2001, dwar skema ta’ għajnuniet implementata minn Spanja favur ċertu impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta' Álava (ĠU L 314, 2002, p. 1) (kawża C-488/03);
– 2003/27/KE tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Lulju 2001 dwar skema ta’ għajnuniet ta' Stat implementata minn Spanja favur impriżi tal-provinċja ta' Vizcaya taħt forma ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti (ĠU L 17, 2003, p. 1) (kawża C-487/03);
– 2002/806/KE tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Lulju 2001 dwar skema ta’ għajnuniet ta' l-Istat implementata minn Spanja favur ċerti impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta' Vizcaya (Spanja) (ĠU L 279, 2002, p. 35) (kawża C-490/03);
– 2002/894/KE tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuniet ta' l-Istat implementata minn Spanja favur l-impriżi tal-provinċja Guipúzcoa taħt forma ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti (ĠU L 314, 2002, p. 26) (sentenza C-486/03), u
– 2002/540/KE tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Lulju 2001 dwar skema ta’ għajnuniet mill-Istat implementata minn Spanja favur ċertu impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta' Guipúzcoa (Spanja) (ĠU L 174, 2002, p. 31) (kawża C-489/03),
jew, f'kull każ, billi ma kkomunikax dawn il-miżuri lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4 ta' kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu permezz ta' dawn id-deċiżjonijiet (iktar 'il quddiem id-"deċiżjonijiet ikkontestati") u tat-Trattat KE.
Id-deċiżjonijiet ikkontestati
2 Fil-11 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati li l-ewwel Artikoli tagħhom huma fformulati kif ġej:
– Deċiżjoni 2002/820:
"L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti, illegalment implemenatata minn Spanja fil-provinċja ta' Álava, bi ksur ta' l-Artikolu 88(3), [KE], permezz tal-liġi provinċjali Nru 22/1994 ta' l-20 ta' Diċembru 1994, tal-ħames dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi provinċjali Nru 33/1995 ta' l-20 ta' Diċembru 1995, tas-seba' dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi provinċjali Nru 31/1996 tat-18 ta' Diċembru 1996, emendata minn punt 2.11 tad-dispożizzjoni derogatorja tal-liġi provinċjali Nru 24/1996 tal-5 ta' Lulju 1996 dwar it-taxxa tal-kumpanniji, tal-ħdax id-dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi provinċjali Nru 33/1997 tad-19 ta' Diċembru 1997, tas-seba' dispożizzjoni addizzjonali Nru 36/1998 tas-17 ta' Diċembru 1998, hija inkompatibbli mas-suq komuni"; [traduzzjoni mhux uffiċjali]
– Deċiżjoni 2002/892:
"L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta' tnaqqis tal-bażi taxxabbli, illegalment implementata minn Spanja fil-provinċja ta' Álava, bi ksur ta' l-Artikolu 88(3) [KE], permezz ta' l-Artikolu 26 tal-liġi provinċjali 24/1996 tal-5 ta' Lulju, hija inkompatibbli mas-suq komuni"; [traduzzjoni mhux uffiċjali]
– Deċiżjoni 2003/27:
"L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti, illegalment implementata minn Spanja fil-provinċja ta' Vizcaya, bi ksur ta' l-Artikolu 88(3), [KE], permezz tar-raba' dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi provinċjali Nru 7/1996 tas-26 ta' Diċembru 1996, estiża mingħajr limitazzjoni fiż-żmien mit-tieni dispożizzjoni tal-liġi provinċjali Nru 4/1998 tat-2 ta' April 1998, hija inkompatibbli mas-suq komuni"; [traduzzjoni mhux uffiċjali]
– Deċiżjoni 2002/806:
"L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta' tnaqqis tal-bażi taxxabbli, illegalment implementata minn Spanja fil-provinċja ta' Vizcaya, bi ksur ta' l-Artikolu 88(3), [KE], permezz ta' l-Artikolu 26 tal-liġi provinċjali 3/1996 tas-26 ta' Ġunju, hija inkompatibbli mas-suq komuni";[traduzzjoni mhux uffiċjali]
– Deċiżjoni 2002/894:
"L-Għajnuna mill-Istat, taħt forma ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti, illegalment implementata minn Spanja fil-provinċja ta' Guipúzcoa, bi ksur ta' l-Artikolu 88(3), [KE], permezz tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi tal-provinċja 7/1997 tat-22 ta' Diċembru 1997, hija inkompatibbli mas-suq komuni"; [traduzzjoni mhux uffiċjali]
– Deċiżjoni 2002/540:
"L-għajnuna mill-Istat, taħt forma ta' tnaqqis tal-bażi taxxabbli, illegalment implementata minn Spanja fil-provinċja ta' Guipúzcoa, bi ksur ta' l-Artikolu 88(3), [KE], permezz ta' l-Artikolu 26 tal-liġi provinċjali 7/1996 ta' l-4 ta' Lulju, hija inkompatibbli mas-suq komuni". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
3 L-Artikolu 2 ta' kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet in kwistjoni jeżiġu li r-Renju ta' Spanja jwaqqaf l-iskema ta’ għajnuniet in kwistjoni safejn tibqa' tipproduċi l-effetti.
4 L-Artikoli 3 u 4 ta' kull waħda mill-istess deċiżjonijiet huma fformulati kif ġej:
"Artikolu 3
1. Spanja għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji tagħha l-għajnuniet previsti fl-Artikolu 1 u diġà illegalment imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom.
Fir-rigward ta' l-għajnuna li għadha ma tqassmitx, Spanja għandha tissospendi l-ħlas kollu.
2. L-irkupru jrid isir mingħajr dewmien, skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta' din id-deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata tinkludi l-interessi li jibdew mid-data li fiha dawn tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, sad-data ta' l-irkupru tagħhom. L-interessi huma kkalkulati abbażi ta' rata ta' riferiment użata għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti fil-kuntest ta' l-għajnuna reġjonali.
Artikolu 4
Spanja għandha tinforma lill-Kummissjoni, f'terminu ta' xahrejn li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika ta' din id-deċiżjoni, bil-miżuri li hija tkun ħadet sabiex tikkonforma ruħha." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati
5 Permezz ta' atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil-25 ta' Settembru 2001, id-Diputación Foral d’Álava u l-Gobierno del País Vasco ressqu konġuntament kontra l-Kummissjoni żewġ rikorsi għall-annullament, rispettivament, tad-deċiżjonijiet 2002/820 (kawża T-227/01) u 2002/892 (kawża T-230/01). Bir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 ta' Ottubru 2001, il-Confederación Empresarial Vasca (Confebask, iktar 'il quddiem "Confebask") ukoll ressqet kontra l-Kummissjoni żewġ rikorsi għall-annullament ta' dawn id-deċiżjonijiet (rispettivament il-kawżi T-265/01 u T-267/01).
6 B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Settembru 2001, id-Diputación Foral de Vizcaya u l-Gobierno del País Vasco ressqu konġuntament kontra l-Kummissjoni żewġ rikorsi għall-annullament, rispettivament, tad-deċiżjonijiet 2003/27 (kawża T-228/01) u 2002/806 (kawża T-231/01). Bir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 2001, Confebask ippreżentat ukoll kontra l-Kummissjoni żewġ rikorsi għall-annullament ta' dawn id-deċiżjonijiet (rispettivament il-kawżi T-266/01 u T-268/01).
7 B’atti ppreżentati fil-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Settembru 2001, Diputación Foral de Guipúzcoa u Gobierno del País Vasco ressqu konġuntament kontra l-Kummissjoni żewġ rikorsi għall-annullament, rispettivament, tad-deċiżjonijiet 2002/894 (kawża T-229/01) u 2002/540 (kawża T-232/01). B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 ta' Ottubru 2001, Confebask ukoll ressqet kontra l-Kummissjoni żewġ rikorsi għall-annullament ta' dawn id-deċiżjonijiet (rispettivament kawżi T-270/01 u T-269/01).
8 Il-proċeduri msemmija għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.
Il-fatti li wasslu għall-kawżi sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja
9 Kull waħda mid-deċiżjonijiet fil-kawżi ġiet innotifikata lir-Renju ta' Spanja b'ittra tat-12 ta' Lulju 2001.
10 Il-Kummissjoni qieset li t-terminu ta' xahrejn previst fl-Artikoli 4 tagħhom kien skada fit-13 ta' Settembru 2001, mingħajr ma hija ġiet informata bl-adozzjoni ta' l-implementazzjoni.
11 Fit-12 ta' Ottubru 2001, hija indirizzat lir-rappreżentanza permanenti tar-Renju ta' Spanja għall-Unjoni Ewropeja ittri fformulati kif ġej:
"B'ittra bid-data tat-12 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni informat lill-Gvern tagħkom bid-deċiżjoni tagħha dwar l-iskema ta’ għajnuniet imsemmija.
L-Artikolu 4 ta' din id-deċiżjoni jipprovdi li l-Gvern tagħkom għandu jinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta' xahrejn li jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni, bil-miżuri li huwa ħa sabiex jikkonforma ruħu.
Billi l-Kummissjoni sal-ġurnata tal-llum għadha ma rċeviet l-ebda risposta fuq dan is-suġġett, jien nitlobkom tiġbdu l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet tagħkom dwar dan l-obbligu u li tinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati sabiex tiġi implementata d-deċiżjoni, fi żmien 20 ġurnata li jibdew jiddekorru mid-data ta' din l-ittra."
12 Ir-Renju ta' Spanja rrisponda permezz ta' ittri tat-3 u t-23 ta' Ottubru 2001, permezz ta’ trażmissjoni ta’ l-ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali (iktar 'il quddiem, ilkoll flimkien, l-"ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali"), li fihom tpoġġew żewġ mistoqsijiet lill-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi applikata r-regola de minimis u, f'dak li jirrigwarda s-sistemi ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti, il-linji ta' gwida komunitarji li jirrigwardaw l-għajnunijet ta' l-Istat għal skop reġjonali (ĠU C 74, 1998, p. 9, iktar 'il quddiem il-"linji gwida").
13 Il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet lill-awtoritajiet spanjoli li jorganizzaw laqgħa sabiex isiru l-kjarifiki. Dawn l-awtoritajiet aċċettaw b'ittra tat-21 ta' Jannar 2002.
14 Il-laqgħa nżammet fit-18 ta' April 2002.
15 B'ittra tat-3 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni:
– Tat lir-Renju ta' Spanja indikazzjonijiet, b'mod partikolari, fuq il-possibbiltà li jiġi applikat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU L 10, p. 30), fl-okkażjoni ta' l-irkurpru ta' l-għajnuniet;
– Ikkonstatat li r-rapport relattiv għall-irkupru ta' l-għajnuna kien għadu ma waslilhiex;
– Talbet lir-Renju ta' Spanja jikkomunikalha, f’terminu ta' 20 ġurnata, il-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjonijiet ikkontestati.
16 Fis-27 ta' Awwissu 2002, hija indirizzat lir-rappreżentanza Permanenti tar-Renju ta' Spanja għall-Unjoni Ewropeja ittra li fiha hija qalet, wara li ġibdet l-attenzjoni dwar l-obbligu previst fl-Artikolu 4 ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati:
"Madankollu, minkejja l-ittra mibgħuta fit-3 ta' Ġunju 2002, jiena nista' nikkonstata li l-Gvern tagħkom ma ttrażmettiex l-informazzjoni neċessarja relattiva għall-irkurpu ta' l-għajnuna.
Huwa għalhekk li jien inkun grat jekk jogħġobkom tinsistu ma’ l-awtoritajiet tagħkom sabiex jikkomunikaw il-miżuri adottati lill-Kummissjoni f’terminu ta' 15 -il ġurnata li jibdew jiddekorru mid-data ta' din l-ittra.
Fin-nuqqas ta' risposta fit-terminu stabbilit, jien inkun fl-obbligu li nipproponi lill-Kummissjoni li tipproċedi direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa ta' l-Artikolu 88(2) [KE]."
17 Fis-26 ta' Settembru 2002, ir-Renju ta' Spanja talab proroga ta' dan it-terminu sat-8 ta' Ottubru 2002.
18 Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba b’ittra tat-3 ta' Ottubru 2002, billi enfasizzat li, wara t-8 ta' Ottubru 2002, hija ma kinitx ser tagħti termini supplementari.
19 Permezz ta' ittra tal-25 ta' Ottubru 2002 li biha ttrażmetta r-rapporti ta' l-awtoritajiet provinċjali kkonċernati (iktar 'il quddiem l-"ittra tal-25 ta' Ottubru 2002"), ir-Renju ta' Spanja sostna li l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati kienet bdiet skond ir-regoli nazzjonali applikabbli fil-qasam ta' reviżjoni ta' l-attijiet nulli, billi l-ordinament ġuridiku intern ma kienx jipprevedi espressament mekkaniżmu ta' rkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli fil-każ ta' atti amministrattivi definittivi. Huwa invoka l-intenzjoni soda tiegħu li jinforma lill-Kummissjoni bl-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
20 Fl-24 ta' Frar 2003, il-Kummissjoni indikat lir-Renju ta' Spanja li l-ittra tal-25 ta' Ottubru 2002 ma kienx fiha r-rapport dwar l-irkurpu mitlub, ma kienx fiha riferiment għall-irkupru effettiv ta' għajnuniet illegali u inkompatibbli u ma kien fiha l-ebda element preċiż fuq l-identità tal-benfiċjarji, il-bidu tal-proċedura ta' l-implementazzjoni jew il-miżuri meħuda jew li jridu jittieħdu għall-irkupru effettiv ta' l-għajnuna. Hija żiedet ukoll li, fin-nuqqas ta' informazzjoni konkreta fuq il-proċess ta' l-irkupru, hija tħossha fl-obbligu li tipprevedi l-preżentazzjoni ta' rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni ta' l-Artikolu 88(2) KE.
21 Billi qieset li r-Renju ta' Spanja kien għadu ma kkomunikalhiex l-informazzjoni fuq l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet in kwistjoni, il-Kummissjoni fl-aħħar iddeċidiet li tippreżenta dawn ir-rikorsi għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22 B'digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Marzu 2004, id-domandi għal intervent in sostenn tar-rikorrenti, ippreżentati f'kull waħda mill-kawżi C-485/03 sa C-490/03, mill-Comunidad Autónoma de La Rioja, ġew miċħuda, għaliex inammissibbli fid-dawl tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
23 Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Frar 2006, is-sitt kawżi ġew magħqudin flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, b’applikazzjoni ta' l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura.
24 Fl-14 ta' Marzu 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet f'dawn il-kawżi talbiet ippreżentati mir-Renju ta' Spanja, skond l-Artikolu 82(a) tar-Regoli tal-Proċedura, u pprevediet is-sospensjoni tal-proċedura sad-deċiżjoni tas-sentenzi fil-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.
Fuq ir-rikorsi
L-argumenti tal-partijiet
L-argumenti tal-Kummissjoni
25 Skond il-Kummissjoni, it-terminu ta' xahrejn mogħti bid-deċiżjonijiet ikkontestati skada fit-13 ta' Settembru 2001, mingħajr ma r-Renju ta' Spanja adotta u kkomunika l-miżuri meħuda bil-għan li jikkonforma ruħu u, fin-nuqqas, li dan ma talabx lill-Kummissjoni proroga ta' dan it-terminu qabel l-iskadenza tiegħu.
26 L-ebda waħda mill-ittri tal-Kummissjoni m'għandha tiġi interpretata b'mod li timmodifika t-terminu għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. L-ittra tat-3 ta' Ottubru 2002 li kienet tat estensjoni sat-8 ta' Ottubru 2002 kienet tirrigwarda biss talba f'dan is-sens indirizzata mir-Renju ta' Spanja b'risposta għall-ittra tal-Kummissjoni li kien fiha talba għal informazzjoni fuq il-miżuri meħuda għall-finijiet ta' l-irkupru ta' l-għajnuna. F'kull każ, anki fid-data tat-8 ta' Ottubru 2002, l-Istat Membru konvenut kien għadu ma adottax u lanqas ikkomunika l-miżuri neċessarji.
27 Minkejja t-talbiet ripetuti tal-Kummissjoni, ir-Renju ta' Spanja kkuntenta ruħu, li jibgħat tard informazzjoni inkompleta, ġenerika u kompletament ambigwa.
28 Il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta' Spanja ma rrispettax l-obbligu li jitneħħew l-iskemi ta' għajnuniet safejn dawn kienu għadhom jipproduċu effetti u lanqas ma rrispetta l-obbligu ta' sospensjoni ta' l-għajnuna li għadha mhijiex imħallsa, prevista rispettivament fl-Artikolu 2 u fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati.
29 Il-miżuri li ġiet mgħarrfa bihom il-Kummissjoni fil-punt 3 ta' kull waħda mill-ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali kienu jidhru li qed jevitaw li, fil-futur, impriżi oħra li ma kinux ibbenefikaw minn din l-iskema jistgħu japprofittaw mill-profitti fiskali in kwistjoni.
30 Madankollu, l-awtoritajiet spanjoli ma indikawx jekk u kif huma pproċedew għas-sospensjoni ta' l-istess vantaġġi f'dak li jirrigwarda l-impriżi benefiċjarji tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet in kwistjoni. Fir-rigward ta' dawn l-impriżi, x'aktarx kien neċessarju li jkun hemm reviżjoni ta' l-atti ta' l-għoti tal-vantaġġi.
31 La l-punt 3 u l-ebda punt ieħor ta' kull waħda mill-ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali ma kien fihom informazzjoni utli. Il-Kummissjoni ma kinitx taf x'tip ta' att seta' jintbagħat għall-attenzjoni ta' l-impriżi li ma setgħux ikomplu jibbenefikaw mill-miżuri fiskali. Hija injorat ukoll jekk xi ftehim eventwali f'dan is-sens kienx ipproduċa effetti konkreti, jekk impriżi kinux ippreżentaw rikorsi u jekk tali rikorsi kellhomx effetti sospensivi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma kienet irċeviet l-ebda informazzjoni fuq l-identità ta' l-impriżi kkonċernati u fuq il-volum ta' għajnuna li għadu ma tħallas.
32 F'dak li jirrigwarda s-sospensjoni tal-vantaġġi fiskali ta' l-impriżi benefiċjarji ta' l-għajnuna ta' qabel id-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-Renju ta' Spanja għaldaqstant naqas, minn naħa, mill-obbligu, impost mill-Artikolu 2 ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet in kwistjoni, li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat li s-sistemi ta' għajnuniet ikomplu jipproduċu effetti, u, min-naħa l-oħra, mill-obbligu, prevsit fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) ta' kull waħda mill-istess deċiżjonijiet, li tiġi sospiża l-għajnuna li għadha ma tħallistx.
33 Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta' Spanja wkoll naqas milli jirrispetta l-obbligu ta' rkupru "immedjat" u "mingħajr dewmien" ta' l-għajnuniet diġà mqegħda għad-dispożizzjoni, prevista fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1), u fl-Artikolu 2 ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati.
34 L-uniku motiv ta' difiża li jista' jiġi invokat mill-Istat Membru huwa dak dwar impossibbiltà assoluta li tiġi implementata b'mod korrett id-deċiżjoni. Din iċ-ċirkustanza ma tiġix sodisfatta sakemm il-Gvern konvenut ma jagħmel xejn ħlief jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet ġuridiċi, politiċi jew prattiċi li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni toħloq.
35 Issa, ir-Renju ta' Spanja qatt ma sostna li l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati kienet assolutament impossibbli. Huwa limita ruħu li jinvoka l-kumplessità li toħroġ mill-ħafna diffikultajiet amministrattivi interni, b'mod partikolari mill-fatt tan-nuqqas, fl-ordinament ġuridiku intern, ta' mekkaniżmu ta' implementazzjoni fil-każ ta' atti amministrattivi definittivi.
L-argumenti tal-Gvern Spanjol
36 It-terminu sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn il-kawżi għall-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ma kienx skada fit-13 ta' Settembru 2001, kif issostni l-Kummissjoni, imma fit-8 ta' Ottubru 2002.
37 Meta l-Kummissjoni tiffissa terminu ġdid ta' informazzjoni distinta minn dik li tidher fid-deċiżjoni li tiddikjara l-inkompattibbiltà ta' l-għajnuna, dan it-terminu l-ġdid ikun it-terminu rilevanti.
38 Il-Gvern Spanjol jirrileva li huwa kellu, skambju ta' korrispondenza kif ukoll, fit-18 ta' April 2002, laqgħa intiża, b'mod partikolari, li tiċċara żewġ kwistjonjiet imqajma fl-ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali dwar jekk, waqt l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet in kwistjoni, kienx possibbli li tiġi applikata r-regola de minimis, u, f'dak li jirrigwarda s-sistemi ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti, il-linji gwida.
39 B’hekk, safejn, matul ix-xahar ta' April 2002, huwa reġa' pproċeda għall-kjarifika tal-kwistjonijiet relattivi għall-implementazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet, it-terminu ffissat għalihom diġà ma kienx għadu rilevanti.
40 Il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet din is-sitwazzjoni billi ffissat bl-ittra tat-3 ta' Ottubru 2002 terminu ġdid, li kien jiskadi fit-8 ta' Ottubru 2002.
41 F'kull każ, ma kien jeżisti l-ebda nuqqas ta' twettiq ta' obbligu waqt il-preżentazzjoni tar-rikorsi. Fil-fatt, f'din id-data, l-azzjonijiet neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjonijiet in kwistjoni kienu diġà ttieħdu, u l-Kummissjoni kienet ġiet informata b'dan permezz ta' ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali, u wara b’ittra tal-25 ta' Ottubru 2002.
42 Fir-rigward ta' l-obbligi previsti fl-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu ta' Artikolu 3(1) ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet in kwistjoni, il-Gvern Spanjol jqis li dawn ġew irrispettati.
43 Huwa jsostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li ġiet informata, fix-xahar ta' Ottubru 2001, bil-waqfien fil-ġejjieni tas-sistemi ta' għajnuniet in kwistjoni.
44 Fir-rigward ta' l-ilment dwar is-sospensjoni ta' l-għajnuniet mogħtija qabel id-deċiżjonijiet in kwistjoni u li għadhom jipproduċu effetti posterjuri, huwa jenfasizza li l-miżuri fiskali li jikkwalifikaw bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni ma kinitx tikkonsisti fi ħlasijiet mill-amministrazzjoni, ipoteżi li kienet tippermetti s-sospensjoni pura u sempliċi ta' kull ħlas.
45 Huwa rrileva li dan kien il-każ ta' miżuri li jippermettu lill-operatur ekonomiku li jiddeduċi l-għajnuna waqt li jiġu sodisfatti l-obbligi fiskali tiegħu.
46 Fir-rigward ta' dawn il-miżuri, l-att adegwat u neċessarju sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjonijiet ikkontestati kien li jiġu informati immedjatament l-impriżi kkonċernati li huma ma jistgħux aktar, minn dak inhar 'il quddiem, ikomplu jibbenefikaw mill-miżuri fiskali previsti minn dawn id-deċiżjonijiet.
47 Issa, tali azzjoni ta' informazzjoni kienet ġiet mgħarrfa lill-Kummissjoni fil-punt 2 ta' kull waħda mill-ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali.
48 F'dak li jirrigwarda l-obbligu ta' rkupru ta' l-għajnuna diġà mogħtija, kienet teżisti sitwazzjoni totalment eċċezzjonali, marbuta maċ-ċirkustanza li l-ordinament ġuridiku intern ma kien jipprevedi l-ebda proċedura għall-implementazzjoni ta' deċiżjoni komunitarja li tordna l-irkupru ta' l-għajnuna ta' Stat. Ir-Renju ta' Spanja rrimedja għal din is-sitwazzjoni permezz ta' l-introduzzjoni ta' proċeduri nazzjonali ta' reviżjoni ta' l-atti nulli, li l-Kummissjoni ġiet infurmata bihom bl-ittra tal-25 ta' Ottubru 2002.
49 F'kull każ, il-Kummissjoni ma kinitx irrispettat l-impenn li hija kienet ħadet waqt il-laqgħa tat-18 ta' April 2002.
50 F'dan ir-rigward, ir-Renju ta' Spanja jenfasizza li, matul din il-laqgħa, li essenzjalment kienet dwar it-tieni domanda mqajma fl-ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali f'dak li jirrigwarda l-linji gwida, il-Kummissjoni ppreċiżat li kien possibbli li tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta' l-irkupru ta' l-għajnuna, tal-fatt li l-proġetti ta' investiment jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta' bażi msemmija fil-linji gwida tagħha, b'tali mod li kienet teżisti l-possibbiltà li ma tiġix irkuprata mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna kollha jew parti minnha li effettivament ġiet irċevuta.
51 Il-Kummissjoni mbagħad impenjat ruħha li tibgħat wara l-laqgħa risposta bil-miktub għat-tieni domanda, li madankollu hija naqset milli tagħmel.
52 Għalhekk hija ma tistax tinvoka nuqqasijiet ta' twettiq ta' obbligi.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq id-data pertinenti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tan-nuqqasijiet tat-twettiq ta' l-obbligi
53 Minħabba l-fatt li t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE ma jipprevedix fażi prekontenzjuża, b’differenza mill-Artikolu 226 KE, u li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma tagħtix opinjoni motivata li timponi fuq l-Istati Membri terminu sabiex jikkonformaw ruħhom mad-deċiżjoni tagħha, it-terminu ta' riferiment għandu jkun biss, għall-applikazzjoni ta' l-ewwel dispożizzjoni msemmija hawn fuq, dak li ġie previst fid-deċiżjoni li fiha n-nuqqas ta' eżekuzzjoni ġie kkontestat jew, bħal f'dan il-każ, dak li l-Kummissjoni ffissat sussegwentement (sentenzi tat-3 ta' Lulju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑378/98, Ġabra p. I-5107, punt 26, u ta' l-1 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-99/02, Ġabra p. I-3353, punt 24).
54 L-Artikolu 4 ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati impona fuq ir-Renju ta' Spanja terminu ta' xahrejn, li jibda jiddekorri min-notifika ta' dawn id-deċiżjonijiet, sabiex jikkonforma ruħu magħhom.
55 Id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew innotifikati bl-ittri tat-12 ta' Lulju 2001.
56 Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ittri tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2001 u tas-27 ta' Awwissu 2002, jekk dawn kien fihom terminu għal risposta, huma biss ittri ta' referenza li jenfasizzaw id-dewmien tar-rispett tat-terminu previst fl-Artikolu 4 ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati. Dawn ma kien fihom l-ebda proroga tat-terminu għall-adozzjoni nfisha tal-miżuri neċessarji sabiex wieħed jikkonforma ruħu ma' dawn id-deċiżjonijiet.
57 Bl-istess mod, l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2002 prinċipalment kien fiha riferiment, flimkien ma' terminu ta' risposta ta' 20 ġurnata, kif ukoll, barra minn hekk, hija kien fiha l-opinjoni tal-Kummissjoni, mitluba mir-Renju ta' Spanja, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi applikat ir-Regolament Nru 69/2001 fl-okkażjoni ta' l-irkupru ta' l-għajnuna.
58 Fir-rigward ta' l-ittra tat-3 ta' Ottubru 2002, hija kien fiha biss aċċettazzjoni, mill-Kummissjoni, ta' rapport tat-8 ta' Ottubru 2002, mitlub mir-Renju ta’ Spanja, tad-data ta' l-iskadenza tat-terminu stabbilit għar-risposta fl-ittra ta' referenza tas-27 ta' Awwissu 2002.
59 Fir-rigward tal-laqgħa tat-18 ta' April 2002, organizzata taħt il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, din ma tistax titqies li hija applikabbli fiha nfisha għall-proroga tat-terminu ta' adozzjoni tal-miżuri ta' implementazzjoni, fin-nuqqas ta' elementi oħra li juru l-intenzjoni f'dan is-sens tal-Kummissjoni.
60 B'hekk, ma jirriżultax mill-elementi ta’ l-inkartament li l-Kummissjoni kienet, wara d-deċiżjonijiet ikkontestati, iffissat terminu ġdid li jissostitwixxi dak ta' xahrejn stabbilit mill-Artikolu 4 ta' kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet.
Fuq l-eżistenza ta' nuqqasijiet ta' twettiq ta' obbligi
61 Huwa tajjeb li jiġi evalwat jekk fl-iskadenza tat-terminu ta' xahrejn imposta mid-deċiżjonijiet ikkontestati li jibda jiddekorri min-notifika tagħhom bl-ittri tat-12 ta' Lulju 2001, ir-Renju ta' Spanja kienx ikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjonijiet invokati mill-Kummissjoni.
– Fuq l-ilmenti dwar l-obbligi li jkun hemm waqfien fil-ġejjieni ta' l-effetti tas-sistemi ta' għajnuna u ta' sospensjoni ta' l-għajnuna li għadha ma tħallsitx
62 L-Artikolu 2 ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati jimponi fuq ir-Renju ta' Spanja li jwaqqaf is-sistemi ta' għajnuniet in kwistjoni safejn dawn għadhom jipproduċu effetti. It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) ta' kull waħda minn dawn l-istess deċiżjonijiet jippreskrivi s-sospensjoni ta' l-għajnuna li għadha ma tħallsitx.
63 Jirriżulta mill-punti 7 et seq. tad-deċiżjonijiet ikkontestati li, fil-kuntest ta' kull waħda mis-sistemi in kwistjoni:
– il-benefiċċju ta' l-għajnuna huwa ssuġġettat għal deċiżjoni amministrattiva;
– il-kreditu tat-taxxa ta' 45% fuq l-investimenti, imnaqqsa mill-ammont finali tat-taxxa dovuta, jista' jagħti lok matul ħafna snin, f'dal-każ sussegwentement id-deċiżjonijiet ikkontestati, għal tnaqqis li ma jkunx jista' jiġi applikat qabel minħabba insuffiċjenza ta' dan l-ammont finali;
– l-għajnuna favur l-impriżi l-ġodda maħluqa tikkonsisti fi tnaqqis rispettivament ta' 99%, 75%, 50% u 25 %, tal-bażi taxxabbli pożittiva matul l-erba' eżerċizzji fiskali konsekuttivi għall-ewwel waħda li matulha kienet inkisbet tali bażi pożittiva fl-erba' snin wara l-bidu ta' l-attività kummerċjali.
64 Sussegwentement, bit-tħaddim ta’ l-iskema ta’ għajnuniet in kwistjoni, id-deċiżjonijiet amministrattivi ta' l-għoti effettivament adottati setgħu jipproduċu jew għandhom jipproduċu effetti wara d-deċiżjonijiet ikkontestati, fin-nuqqas ta' miżuri nazzjonali konkreti li jimplementawhom.
65 L-operazzjonijiet ta' tnaqqis ta' krediti tat-taxxa u ta' tnaqqis tal-bażi taxxabbli li dawn jippermettu għall-perijodu ta' wara d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu l-għajnuna li għadha ma tħallsitx skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) ta' kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet.
66 Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta' Spanja ma ġġustifikax l-adozzjoni tal-miżuri tiegħu li jostakolaw il-fatt li d-deċiżjonijiet ta' għoti ta' qabel ikomplu jipproduċu effetti.
67 Anki jekk wieħed kellu jissoponi, kif isostni dan l-Istat Membru, li l-att adegwat u neċessarju, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjonijiet ikkontestati kien sempliċiment li jinforma lill-impriżi kkonċernati li huma minn dak inhar 'il quddiem ma setgħux ikomplu jibbenefikaw mill-miżuri fiskali previsti mid-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jerġa' jiġi kkonstatat li dan lanqas ma ġie ġġustifikat mir-realtà ta' tali azzjoni ta' informazzjoni bejn l-impriżi benefiċjari ta' l-għajnuna.
68 Fil-fatt, il-punt 2 ta' kull waħda mill-ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali jirreferi biss, f'termini ġenerali, għall-inizjattivi meħuda mill-amministrazzjoni fir-rigward tal-persuni taxxabbli kkonċernati "sabiex jiksbu l-informazzjoni neċessarja għall-implementazzjoni" tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
69 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, ma' l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-Renju ta' Spanja ma kienx eżegwixxa l-obbligu ta' sospensjoni ta' l-għajnuna mogħtija qabel dawn id-deċiżjonijiet u li kienu għadhom jipproduċu effetti sussegwentement għal dawn id-deċiżjonijiet
70 F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni ta' nuqqas ta' rispett ta' l-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati huma fondati.
– Fuq l-ilmenti dwar l-obbligu ta' rkupru ta' l-għajnuniet diġà mqegħda għad-dispożizzjoni ta' l-impriżi
71 Fil-każ ta' deċiżjoni negattiva li tirrigwarda għajnuna illegali, l-irkupru tagħha ordnat mill-Kummissjona jseħħ taħt il-kundizzjonijiet prevsiti fl-Artikolu 14(13) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p.1), li skond dan:
"[…] ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f'konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta' proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità."
72 Skond ġurisprudenza kostanti, l-uniku motiv ta' difiża li jista' jiġi invokat mill-Istat Membru kontra rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, ippreżentat mill-Kummissjoni abbażi ta' l-Artikolu 88(2)(KE), huwa dak ibbażat fuq l-impossibbiltà assoluta li tiġi implementata korrettament id-deċiżjoni li tordna l-irkupru (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-404/00, Ġabra p. I-6695, punt 45; Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16, u tat-12 ta' Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-415/03, Ġabra p. I‑3875, punt 35).
73 F'din il-kawża, ir-Renju ta' Spanja, permezz ta' l-ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali, mal-ewwel invoka l-"kumplessità ta' ċerti kwistjonijiet" dwar l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, kumplessità li kienet marbuta, b'mod partikolari, man-neċessità li jiġu rriveduti l-atti amministrattivi li saru definittivi fir-rigward tad-dritt intern, sitwazzjoni li għaliha dan ma pprevediex soluzzjoni. Sussegwentement, huwa sostna, permezz ta' l-ittra tal-25 ta' Ottubru 2002, li s-sitwazzjoni li fiha sabet ruħha l-amministrazzjoni kienet "totalment eċċezzjonali", safejn l-ordinament ġuridiku intern ma pprevediex dispożizzjoni espressa li toħloq u tistabbilixxi proċedura konkreta għall-implementazzjoni ta' deċiżjoni li tordna l-irkupru ta' l-għajnuna inkompatibbli. Permezz ta' l-istess ittra, ir-Renju ta' Spanja ppreċiża li r-reviżjoni ex officio ta' l-atti ta' l-għoti individwali kienet ġiet finalment deċiża li kienet rilevanti għal dan il-għan.
74 F'dan ir-rigward, huwa madankollu tajjeb li jiġi mfakkar li l-kundizzjoni ta' impossibbiltà assoluta li tiġi implementata deċiżjoni ma tiġix sodisfatta meta l-Gvern konvenut ma jagħmel xejn ħlief jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet ġuridiċi, politiċi jew prattiċi li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni toħloq, mingħajr ma jieħu l-passi neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand l-intrapriżi kkonċernati u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi għall-implementazzjoni ta' din id-deċiżjoni li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 47; Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 18, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 43).
75 Ir-Renju ta' Spanja ma jistax utilment isostni li, f'kull każ, ma jeżisti l-ebda nuqqas ta' twettiq ta' obbligu fil-mument tal-preżentazzjoni tar-rikorsi, safejn l-azzjonijiet neċessarji biex jikkonforma ruħu mad-deċiżjonijiet ikkontestati kienu diġà ttieħdu u mgħarrfa lill-Kummissjoni bl-ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali, wara bl-ittra tal-25 ta' Ottubru 2002.
76 Fil-fatt, l-eżistenza ta' nuqqasijiet ta' twettiq ta' obbligi għandha tiġi evalwata fid-data ta' l-iskadenza stabbilita għar-Renju ta' Spanja sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjonijiet ikkontestati.
77 Issa, l-ittri invokati mill-Istat Membru konvenut xejn ma jistabbilixxu r-realtà ta' l-implementazzjoni, fl-imsemmi terminu, tal-miżuri li jippermettu, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, l-implementazzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjonijiet ikkontestati, fil-mument li:
– l-ittri ta' l-awtoritajiet provinċjali juru biss "negozjati […] li saru bejn il-persuni taxxabbli milquta mid-deċiżjonijiet sabiex jiksbu l-informazzjoni neċessarja għall-implementazzjoni" tad-deċiżjonijiet ikkontestati;
– ir-rapporti trażmessi bl-ittra tal-25 ta' Ottubru 2002, jiġifieri aktar minn ħmistax-il xahar wara d-deċiżjonijiet ikkontestati, sempliċement isemmu li "[l-]implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni […] saret u attwalment hija fis-seħħ skond id-dispożizzjonijiet ta' l-ordinament ġuridiku intern fil-qasam ta' reviżjoni ta' atti nulli" mingħajr ma għandhom magħhom l-ebda dokument li juri, b'mod partikolari, la r-realtà ta' l-impenn tal-proċeduri u ta' l-istat tagħhom, ta' l-identità tal-benefiċjarji ta' l-għajnuna, għaldaqshekk previsti fid-deċiżjonijiet individwali ta' għoti minn ipoteżi nominattivi, u lanqas l-ammonti mogħtija.
78 Fl-aħħar nett, ir-Renju ta' Spanja ma jistax jikkontesta l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tinvoka nuqqasijiet ta' twettiq ta' obbligu, minħabba li hija ma rrispettatx impenn, meħud waqt il-laqgħa tat-18 ta' April 2002, li tindirizzalu risposta bil-miktub għad-domandi li huwa għamel fl-okkażjoni ta' din il-laqgħa, speċjalment fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu applikati l-linji gwida.
79 Fil-fatt, din il-kotestazzjoni hija bbażata fuq l-allegazzjoni ta' element mhux pertinenti ratione temporis, jiġifieri impenn aktar tard minn seba' xhur mid-data ta' l-iskadenza tat-terminu stabbilit għar-Renju ta' Spanja sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjonijiet ikkontestati, data li fiha kellha tiġi evalwata l-eżistenza tan-nuqqasijiet tat-twettiq ta' l-obbligi.
80 F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni ta' nuqqas ta' rispett ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1), u ta' l-Artikolu 2 ta' kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati huma fondati.
81 Jirriżulta minn dak li ntqal li r-rikorsi huma fondati, fejn il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta' Spanja li ma adottax, minn naħa, il-miżuri neċessarji sabiex jissospendi l-għajnuna mogħtija qabel id-deċiżjonijiet ikkontestati u li setgħu jerġgħu jipproduċu effetti wara dawn id-deċiżjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-miżuri neċessarji sabiex jiġu rkuprati l-għajnuniet li diġà tqegħdu għad-dispożizzjoni.
82 Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx it-talbiet intiżi li jikkundannaw lir-Renju ta' Spanja talli ma informax lill-Kummissjoni bil-miżuri previsti fil-punt preċedenti, peress li dan l-Istat Membru ma pproċediex preċiżament għal din l-implementazzjoni fit-terminu peskritt (ara s-sentenza ta' l-4 ta' April 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-348/93, Ġabra p. I-673, punt 31).
83 Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma adottax fit-terminu previst il-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-Renju ta' Spanja naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta' dawn id-deċiżjonijiet.
Fuq l-ispejjeż
84 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Billi ma adottax fit-terminu previst il-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-Renju ta' Spanja naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta' dawn id-deċiżjonijiet:
– Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/820/KE, tal-11 ta' Lulju 2001, dwar skema ta’ għajnuniet mill-Istat implementata minn Spanja favur impriżi tal-provinċja ta' Álava taħt forma ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti (ĠU L 296, 2002, p. 1) (kawża C-485/03);
– Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/892/KE, tal-11 ta' Lulju 2001, dwar skema ta’ għajnuniet implementata minn Spanja favur ċertu impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta' Álava (ĠU L 314, 2002, p. 1) (kawża C-488/03);
– Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/27/KE, tal-11 ta' Lulju 2001, dwar skema ta’ għajnuniet mill-Istat implementata minn Spanja favur impriżi tal-provinċja ta' Vizcaya taħt forma ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti (ĠU L 17, 2003, p. 1) (kawża C-487/03);
– Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/806/KE, tal-11 ta' Lulju 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuniet ta' l-Istat implementata minn Spanja favur ċerti impriżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta' Vizcaya (Spanja) (ĠU L 279, 2002, p. 35) (kawża C-490/03);
– Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/894/KE, tal-11 ta' Lulju 2001, dwar skema ta' l-għajnuna ta' l-Istat implementata minn Spanja favur l-impriżi tal-provinċja ta’ Guipúzcoa taħt forma ta' kreditu ta' taxxa ta' 45% fuq l-investimenti (ĠU L 314, 2002, p. 26) (sentenza C-486/03), u
– Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/540/KE tal-11 ta' Lulju 2001 dwar skema ta’ għajnuniet mill-Istat implementata minn Spanja favur ċertu imrpiżi ġodda maħluqa fil-provinċja ta' Guipúzcoa (Spanja) (ĠU L 174, 2002, p. 31) (kawża C-489/03),
ir-Renju ta' Spanja naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta' dawn id-deċiżjonijiet.
2) Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy