SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)
10 ta' Marzu 2005 (*)
"Taxxa indiretta – Direttiva 92/12/KEE – Taxxa komunali fuq il-provvista ta' xarbiet alkoħoliċi għall-konsum immedjata fil-post"
Fil-kawża C-491/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' Ottubru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta' Novembru 2003, fil-kawża
Ottmar Hermann, (bħala kuratur tal-falliment ta' Volkswirt Weinschänken GmbH)
vs
Stadt Frankfurt am Main,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn M. P. Jann, President ta' l-Awla, M. K. Lenaerts (Relatur), N. Colneric, MM. K. Schiemann u E. Juhász, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: M. H. von Holstein, Assistent Reġistratur ,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Diċembru 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
- għal Stadt Frankfurt am Main, minn MM. J. Walter u D. Kurtz, bħala aġenti,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn MM. R. Lyal u K. Gross, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta' Jannar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3 (2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta' Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar [monitoraġġ] ta' dawn it-tipi ta' prodotti (ĠU L 76, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Hermann, bħala kuratur tal-falliment ta' de Volkswirt Weinschänken GmbH, u l-iStadt Frankfurt am Main (il-belt ta' Frankfurt-am-main), dwar il-legalità ta' taxxa fuq ix-xarbiet alkoħoliċi imposta mill-belt ta' Frankfurt.
Il-Kuntest Ġuridiku
Il-leġilazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 1 (1) tad-Direttiva 92/12 jipprovdi:
"Din id-Direttiva tistabbilixxi l-arranġamenti għal prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa u taxxi indiretti oħra li huma mposti direttament jew indirettament mal-konsum ta' dawk il-prodotti, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi stabbiliti mill-Komunità."
4 Skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/12:
"1. Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:
– żjut minerali,
– alkoħol u xorb alkoħoliku,
– tabakk maħdum.
2. Il-prodotti elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu suġġetti għal taxxi oħra indiretti għal għanijiet speċifiċi, iżda dawk it-taxxi jkunu jikkonformaw mar-regoli ta' taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa u għall-għanijiet tal-VAT għal dak li għandu x'jaqsam ma' d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa.
3. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu taxxi li huma mposti fuq prodotti ħlief għal dawk li huma elenkati fil-paragrafu 1, b'dan illi, iżda, li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.
Bla ħsara għall-istess proviso, l-Istati Membri għandhom ukoll iżommu d-dritt li jimponu taxxi fuq il-provvista ta' servizzi li ma jistgħux jiġu karatterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ, inklużi dawk li jirrelataw ma' prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 1 tas-Satzung über die Erhebung einer Getränkesteuer im Gebiet der Stadt Frankfurt am Main (liġi dwar il-ġbir ta' taxxa fuq ix-xorb fit-territorju tal-belt ta' Frankfurt-am-Main), tat-13 ta' Diċembru (Amtsblatt der Stadt Frankfurt am Main, n° 52, ta' l-24 ta' Diċembru 1991), hekk kif emendata mir-Regolament ta' l-24 ta' Mejju 1996 (Amtsblatt der Stadt Frankfurt am Main, n° 25, tat-18 ta' Ġunju 1996, iktar 'il quddiem il-"GetrStS"), tipprovdi li din il-belt għandha tiġbor taxxa fuq ix-xorb.
6 L-Artikolu 2 tal-GetrStS jipprovdi:
"(1) It-taxxa hija applikabbli, b'eċċezzjoni għax-xarbiet tas-sidru, għall-provvista, bi ħlas, ta' xarbiet alkoħoliċi, minn imprenditur, intiżi sabiex jiġu kkunsmati fil-post.
(2) Il-konsum proprju ta' xarbiet, minn persuna taxxabbli, inkluża l-provvista ta' xarbiet lill-persunal ta' l-impriża tiegħu, titqies li tkun provvista bi ħlas jekk il-valur ta' l-imsemmi konsum proprju jaqbeż il-5% mill-bejgħ ta' dawn ix-xarbiet.
(3) Il-provvisti kollha għall-konsum immedjat jitqiesu li jikkostitwixxu provvista għall-konsum fil-post. […]"
7 L-Artikolu 4 tal-GetrStS jiffissa taxxa ta' 10 % fuq il-prezz tal-bejgħ tax-xarbiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 2. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li "il-prezz ta' bejgħ huwa l-prezz nett effettivament imħallas mill-konsumatur finali fuq ix-xarbiet".
8 L-Artikolu 5 tal-GetrStS jippreċiża:
"(1) Kull persuna li tipprovdi, bi ħlas, xarbiet taxxabbli għall-konsum immedjat tkun suġġetta għat-taxxa.
(2) Id-debitu fiskali jkun dovut meta ssir il-provvista tax-xarba jew fil-każ imsemmi fl-Artikolu 2(2), meta sseħħ il-konsumazzjoni. […]"
9 Il-GetrStS ġiet imħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2000 (Amtsblatt der Stadt Frankfurt am Main, n° 17, tal-25 ta' April 2000).
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 Fiż-żmien meta seħħu l-fatti fil-kawża prinċipali, l-impriża Volkswirt Weinschänken GmbH kienet tmexxi restorant fit-territorju tal-belt ta' Frankfurt-am-Main. Għat-tielet trimestru ta' l-1995, hi kellha tħallas is-somma ta' 9135.35 DEM (madwar 4670 EUR) bħala taxxa fuq ix-xarbiet previsti mill- GetrStS.
11 Peress li qieset li din it-taxxa, fost affarijiet l-oħra, kienet tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/12, l-imsemmija kumpannija kkontestat, quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main, notifika ta’ tassazzjoni tas-7 ta' Novembru 1995.
12 Fis-sentenza tagħha ta' l-14 ta' Mejju 2002 din il-qorti annullat l-imsemmija notifika ta’ tassazzjoni.
13 L-iStadt Frankfurt am Main ippreżenta appell kontra din is-sentenza quddiem il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof. Waqt dawn il-proċeduri hu spjega li l-GetrStS tipprovdi li mhumiex suġġetti għat-taxxa l-provvisti tal-beni imma l-operazzjoni ta' għotja tas-servizz. Skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12, l-Istati Membri jibqgħu liberi li japplikaw taxxi bħal dik fuq ix-xarbiet.
14 Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-le Hessischer Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
"1) Regolament komunali li jimponi taxxa fuq ix-xarbiet jiddefinixxi s-suġġett ta' din it-taxxa bħala "l-provvista bi ħlas, tax-xarbiet alkoħoliċi, intiżi għall-konsum immedjat", u din il-provvista bħala "kull provvista oħra għall-konsum fil-post". Din it-taxxa tikkostitwixxi taxxa indiretta oħra skond l-Artikolu 3 (1) u (2) tad-Direttiva 92/12 [...] jew taxxa fuq il-provvista ta' servizzi marbuta ma prodotti suġġetti għad-dazju tas- sisa skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12?
2) Fil-każ li tingħata t-tieni parti ta' l-alternattiva msemmija fl-ewwel domanda:
B'rabta mat-tassazzjoni tal-provvista ta' servizzi marbuta mal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva 92/12, il-kundizzjoni "Bla ħsara għall-istess proviso", imsemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 tirreferi wkoll għall-kundizzjoni msemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(3) ta' l-imsemmija Direttiva, "b'dan illi, iżda, li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri" jew, f'każijiet simili t-taxxa trid tkun ukoll għal "għanijiet speċifiċi" kif jeżiġi l-Artikolu 3(2) ta' l-imsemmija Direttiva?"
Fuq l-ewwel domanda
15 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha l-qorti ta' rinviju tfittex li tifhem jekk taxxa bħal dik imposta minn GetrStS tikkostitwixxix taxxa indiretta oħra fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 jew taxxa fuq il-provvista ta' servizzi relatati mal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3) ta' din id-Direttiva.
16 Preliminarjament, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 jiffissa kundizzjonijiet stretti għat-taxxi indiretti imposti mill-Istat Membru fil-każ ta' prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, bħax-xarbiet alkoħoliċi. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li t-taxxi indiretti barra d-dazju tas-sisa jridu jsegwu "għanjiet speċifiċi", b'mod partikolari għanjiet li għandhom finalitajiet oħra barra dawk purament finanzjarji (sentenzi ta' l-24 ta' Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, Ġabra p. I‑1129, punt 19, u tad-9 ta' Marzu 2000, EKW u Wein & Co, C‑437/97, Ġabra p. I‑1157, punt 31), u li barra minn hekk huma jridu jirrispettaw ir-regoli ta' tassazzjoni applikabbli għad-dazju tas-sisa u għall-għanijiet tal-VAT għad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-monitoraġġ tat-taxxa.
17 Skond l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12, l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu taxxi li huma imposti fuq prodotti mhux suġġetti għad-dazju tas-sisa (l-ewwel inċiż) jew taxxi li "ma jistgħux jiġu kkaratterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ" imposti fuq "provvista ta' servizzi […], inklużi dawk li jirrelataw ma' prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa" (tieni inċiż).
18 Fuq il-kwistjoni dwar jekk it-taxxa imposta minn GetrStS tirrelatax ma prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 jew fuq provvista ta' servizzi relatata ma tali prodotti skond l-imsemmi tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3), l-iStadt Frankfurt am Main josserva li s-servizzi mogħtija jikkostitwixxu l-element prinċipali tat-tranżazzjoni intaxxata mill-GetrStS. Għar-ristoratur, fil-fatt il-prezz tax-xarba fih inniffsu huwa biss ta' importanza minuri meta mqabbel ma' l-ispejjeż tal-provvista tas-servizzi neċessarji sabiex iserviha. It-taxxa għaldaqstant taqa' fl-iskop tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/12.
19 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tosserva li sabiex tiddetermina jekk operazzjoni tikkostitwixxix provvista ta' beni jew provvista ta' servizzi, hemm lok li tiġi kkunsidrata n-natura essenzjali ta' l-operazzjoni in kwistjoni. F'dan ir-rigward hi tirreferi għas-sentenza tat-2 ta' Mejju 1996, Faaborg-Gelting Linien (C‑231/94, Ġabra p. I‑2395, punti 12 sa 14). Fir-rigward tal-bejgħ ta' xarbiet fil-ħwienet tal-kafè, ħwienet tat-tè u restoranti, il-parti tas-servizzi pprovduti minn kafetterija jew ristoratur, fit-tranżazzjoni kummerċjali sħiħa hija minuri. Dawn is-servizzi essenzjalment huma kkostitwiti mil-preżentazzjoni tax-xarba lill-klijent, f'reċipjent adegwat u taħt il-forma approprjata. Kuntrarjament għall-bejgħ ta' l-ikliet fejn il-prezz huwa essenzjalment iddeterminat mill-prezz tal-provvista tas-servizz, fil-każ tal-bejgħ tax-xarbiet il-prezz li bih jinxtara l-prodott huwa predominanti. Skond il-Kummissjoni, it-taxxa imposta minn GetrStS għaldaqstant tikkostitwixxi taxxa fuq il-provvista ta' prodott li huwa suġġett għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 (ara s-sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar 'il fuq).
20 F'dan ir-rigward l-ewwel u qabel kollox hemm lok li jiġi mfakkar li kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-GetrStS, il-fatt li jiġġenera t-taxxa huwa kkostitwit mill-provvista bi ħlas tax-xarbiet alkoħoliċi sabiex jiġu kkunsmati immedjatament fil-post. Kontra l-każ li ta' lok għas-sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar il-fuq, li fiha l-qorti nazzjonali saqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 b'rabta mat-taxxa riċevuta fuq il-provvista bi ħlas tax-xarbiet alkoħoliċi (punt 18), il-fatt li ġġenera t-taxxa fil-kawża prinċipali ma jikkonċernax is-sempliċi provvista ta' dawn ix-xarbiet imma bil-kontra jirreferi għall-tranżazzjoni li timplika provvista ta' servizzi.
21 Sabiex jiġi ddeterminat jekk it-taxxa imposta minn GetrStS tapplikax għall-prodotti li huma suġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 jew inkella s-servizzi pprovduti in relazzjoni ma tali prodotti skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3), hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi prinċipali tat-tranżazzjoni li hija tintaxxa (ara b'analoġija s-sentenza Faaborg-Gelting Linien, iċċitata iktar 'il fuq punti 12 sa 14).
22 Fejn il-kummerċalizzazzjoni ta' oġġett tiġi dejjem ma provvista minima ta' servizz, bħal provvista tal-prodotti fl-ixkafef, il-ħruġ ta' fattura, etc., huma biss servizzi, b'eċċezzjoni ta' dawk li neċessarjament jiġu mal-kummerċalizzazzjoni tal-beni, li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-parti li tokkupa l-provvista ta' servizz fit-tranżazzjoni kumplessa kollha li tinvolvi wkoll il-provvista ta' prodott.
23 Anke jekk il-fatt li jiġġenera t-taxxa imposta minn GetrStS huwa kkostitwit mill-konsumazzjoni immedjata fil-post u għaldaqstant minn element li jirrelata mal-provvisti ta' servizzi distinti mill-operazzjonijiet li neċessarjament jiġu mal-kummerċalizzazzjoni tax-xarbiet alkoħoliċi, mhuwiex possibbli li jiġi affermat b'mod ġenerali li għall-operazzjonijiet kollha li jaqgħu fl-iskop tat-taxxa, il-fattur li jirrelata mal-provvista tas-servizz ser ikun dejjem preponderanti.
24 Għaldaqstant hemm lok li jiġi determinat għal kull trażazzjoni intaxxata liema hu l-element preponderanti.
25 Jirriżulta mid-deċiżjoni ta' rinviju li Volkswirt Weinschänken GmbH topera restorant li fih hi kienet isservi platti ppreparati u xarbiet.
26 Il-provvista ta' xarbiet alkoħoliċi lill-klijenti fil-kuntest ta' attività ta' ristorazzjoni hija akkumpanjata minn serje ta' servizzi ta' operazzjonijiet distinti, li huma neċessarjament marbuta mal-kummerċalizzazzjoni ta' tali prodotti. Dawk is-servizzi jikkonsistu fit-tqegħid ta' infrastruttura għad-dispożizzjoni tal-konsumatur, inkluża kamra ta' l-ikel b'għamara u aċċessorji (gwardarobbi, tojlits, etc.), fil-provvista lill-konsumatur ta' pariri u spjegazzjonijiet dwar ix-xarbiet li jiġu servuti, fil-preżentazzjoni tagħhom f'reċipjent adegwat, fis-servizz fuq il-mejda u fl-aħħar, wara l-konsumazzjoni, fl-iżbarazzar u t-tindif tal-mejda (ara f'dan ir-rigward is-sentenza Faaborg-Gelting Linien, iċċitata ktar 'il fuq punt 13).
27 Il-provvista ta' xarbiet alkoħoliċi fil-kuntest ta' attività ta' ristorazzjoni hija kkaratterizzata minn ħafna elementi u azzjonijiet li, minnhom, il-provvista tal-prodott fih innifsu huwa biss komponent wieħed u li fih is-servizzi jippredominaw.
28 Konsegwentement taxxa li fil-każ bħal dak fil-proċeduri prinċipali hija miġbura mill-provvista ta' xarbiet alkoħoliċi fil-kuntest ta' attività ta' ristorazzjoni trid tiġi kkunsidrata bħala taxxa miġbura mil-provvista ta' servizzi "li jirrelataw ma' prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa", skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12.
29 Fl-aħħar nett, irid jiġi kkonstatat li tali taxxa ma tippreżentax "[natura] [ta'] taxxa […] fuq il-bejgħ" skond l-imsemmija dispożizzjoni b'mod illi hi ma tapplikax ħlief għall-kategorija partikolari ta' prodotti, jiġifieri, ix-xarbiet alkoħoliċi (ara b'mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta' Marzu 1988, Bergandi, 252/86, Ġabra p. 1343, punt 15 u 16; EKW u Wein & Co, iċċitata iktar 'il fuq, punti 22 u 23, kif ukoll tad-29 ta' April 2004, GIL Insurance et, C‑308/01, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punti 33 u 35).
30 Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel domanda titwieġeb fis-sens li taxxa imposta fil-kuntest ta' attività ta' ristorazzjoni, fuq il-provvista bi ħlas tax-xarbiet alkoħoliċi intiżi sabiex jiġu kkunsmati immedjatament fil-post trid tiġi kkunsidrata bħala taxxa fuq il-provvista ta' servizzi mogħtija għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, li ma tistax tiġi karatterizzata bħala taxxa fuq il-bejgħ skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12.
Fuq it-tieni domanda
31 Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti ta' rinviju fis-sustanza trid tipprova tifhem jekk taxxa fuq il-provvista ta' servizzi skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li tikseb għan speċifiku skond il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu.
32 F'dan ir-rigward irid jiġi mfakkar li, skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12, l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu taxxi indiretti li huma imposti fuq prodotti li mhumiex suġġetti għad-dazju tas-sisa "b'dan illi, iżda, li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri". It-tieni inċiż ta' dan l-istess paragrafu jipprovdi li "[b]la ħsara għall-istess proviso", l-Istati Membri għandhom ukoll iżommu d-dritt li jimponu taxxi fuq "il-provvista ta' servizzi li ma jistgħux jiġu karatterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ, inklużi dawk li jirrelataw ma' prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa".
33 Id-dritt li jidher fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 huwa suġġett biss għall-kundizzjoni msemmija fl-ewwel inċiż ta' l-istess paragrafu, jiġifieri li "it-taxxi ma jagħtux lok għall-formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri". L-imsemmija Direttiva għaldaqstant ma titlobx li t-taxxi li jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(3) tagħha jirrispettaw il-kundizzjoni msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-istess Artikolu, jiġifieri li għandhom ikunu għall-għanijiet speċifiċi.
34 Għaldaqstant hemm lok li t-tieni domanda tiġi mwieġba li "l-istess proviso" li għalih huma suġġetti t-taxxi li jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3), tad-Direttiva 92/12 jirreferi biss għall-kundizzjonijiet miktuba fl-ewwel inċiż ta' l-imsemmi paragrafu, jiġifieri li "it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri".
Fuq l-ispejjeż
35 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Taxxa imposta fil-kuntest ta' attività ta' ristorazzjoni, fuq il-provvista bi ħlas ta' xarbiet alkoħoliċi intiżi sabiex jiġu kkunsmati immedjatament fil-post trid tiġi kkunsidrata bħala taxxa fuq il-provvista ta' servizzi b'relazzjoni ma prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, li ma tistax tiġi karatterizzata bħala taxxa fuq il-bejgħ skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u onitoraġġ ta' dan it-tip ta' prodotti.
2) "L-istess proviso" li għalih huma suġġetti t-taxxi li jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 jirreferi biss għall-kundizzjonijiet miktuba fl-ewwel inċiż ta' l-imsemmi paragrafu, jiġifieri li "it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri."
Firem
* Lingwa tal-kawża : Il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy