SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta' Jannar 2006(*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 43 KE u 49 KE – Restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment u fuq il-libertà tas-servizzi – Intrapriżi u servizzi ta' sigurtà privata –Kundizzjonijiet – Personalità ġuridika – Kapital azzjonarju minimu – Garanzija – Numru minimu ta' impjegati – Direttivi 89/48/KEE u 92/51/KEE – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali"
Fil-kawża C-514/03
li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fit-8 ta' Diċembru 2003,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia u L. Escobar Guerrero, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues u E. Levits (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-7 ta' Lulju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li, billi impona:
– fuq l-intrapriżi li jipprovdu servizzi ta’ sigurtà privata u fuq il-membri tal-personàl tagħhom, fid-dispożizzjonijiet ta' l-eżekuzzjoni, l-obbligu li jippossjedu in-nazzjonalità spanjola;
– fuq l-intrapriżi ta’ sigurtà privata fil-kuntest tas-sistema tar-reġistrazzjoni tal-barranin, l-obbligu:
a) li tkun persuna ġuridika f'kull każ,
b) li jkollha kapital azzjonarju speċifiku, mingħajr ma ttieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li din l-intrapriża mhix suġġetta għall-istess obbligi fil-pajjiż fejn hi ġiet stabbilita,
c) li tagħti garanzija lil Caja General de Depósitos, mingħajr ma ttieħed in kunsiderazzjoni tal-ħlas eventwali ta' garanzija fl-Istat Membru ta' l-oriġini,
d) li timpjega numru minimu ta' impjegati;
– fuq il-personàl ta' intrapriża barranija ta' sigurtà privata li jikseb awtorizzazzjoni speċifika ġdida fi Spanja meta diġà jkunu akkwistaw awtorizzazzjoni simili fl-Istat Membru fejn l-imsemmija intrapriża giet stabbilita,
u billi ma ssuġġettax il-professjonijiet tas-settur ta’ sigurtà privata għas-sistema Komunitarja għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali,
ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tl[ie]t snin (89/48/KEE) (ĠU L 19, p. 16), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimentata d-Direttiva 89/48 (ĠU L 209, p. 25).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Id-Direttivi 89/48 u 92/51 għandhom bħala għan li jimplementaw sistemi ta' rikonoxximent ta' diplomi intiżi sabiex jiffaċilitaw għaċ-ċittadini Ewropej l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet professjonali kollha li fi Stat Membru ospitanti huma dipendenti fuq l-ikkompletar ta’ edukazzjoni post sekondarja. Filwaqt li d-Direttiva 89/48 tirrigwarda diplomi universitarji li ngħataw wara edukazzjoni professjonali ta' mill-inqas tliet snin, id-Direttiva 92/51 tapplika għal diplomi li jingħataw wara li jkun hemm żmien ta' studji post sekondarji ta' mill-inqas sena jew ta' perijodu ekwivalenti definit fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva.
3 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/51 jiddisponi li:
"Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
[...]
c) ‘ċertifikat ta’ kompetenza': kull prova ta' kwalifika:
– li tiċċertifika l-edukazzjoni u t-taħriġ li ma jiffurmawx parti minn sett li jikkostitwixxi diploma fis-sens tad-Direttiva 89/48/KEE jew diploma jew ċertifikat fis-sens ta' din id-Direttiva,
jew
– mogħtija wara stima tal-kwalitajiet personali, l-kapaċitajiet jew it-tagħrif li huwa kkunsidrat essenzjali li l-applikant ikollu għat-twettieq ta’ professjoni minn awtorità nominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi ta' Stat Membru, mingħajr prova meħtieġa ta’ edukazzjoni u taħriġ preċedenti;
[…]
e) ‘professjoni regolata’: l-attività professjonali regolata jew il-firxa ta' attivitajiet li jikkostitwixxu din il-professjoni fi Stat Membru;
f) ‘attività professjonaliregolata’: attività professjonali li l-bidu jew it-twettieq tagħha, jew waħda mill-modi ta’ twettieq tagħha fi Stat Membru, hija soġġetta, direttament jew indirettament, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi, għall-pussess ta’ prova ta’ edukazzjoni u taħriġ jew ċertifikat ta’ kompetenza. Dan li ġej b’mod partikolari għandu jikkostitwixxi mod ta’ twettieq ta' attività professjonali regolata:
– it-twettieq ta' attività taħt titolu professjonali, sa fejn l-użu ta' dan it-titolu jkun riservat għat-titolari ta' prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew ċertifikat ta' kompetenza regolat bil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrativi […]
[…]".
4 L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/51 jipprovdi kif ġej:
"Meta, fl-Istat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata huwa suġġett għall-pussess ta' ċertifikat ta' kompetenza, l-awtorità kompetenti ma tistax tirrifjuta, fuq bażi ta' kwalifiċi inadegwati, li tawtorizza ċittadin ta' Stat Membru li jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini proprji tiegħu:
a) jekk it-titolari jkollu ċ-ċertifikat ta' kompetenza meħtieġ fi Stat Membru ieħor għall-bidu u t-twettiq ta' l-istess professjoni fit-territorju tiegħu, u dan iċ-ċertifikat ikun ingħata fi Stat Membru;
jew
b) jekk l-applikant jipprovdi prova tal-kwalifiċi meħuda fi Stati Membri oħrajn,
u jagħti garanziji, b'mod partikolari fil-qasam tas-saħħa, is-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumatur, ekwivalenti għal dawk meħtieġa bil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istat Membru ospitanti.
Jekk l-applikant ma jipprovdix prova ta' dan iċ-ċertifikat jew ta' dawn il-kwalifiċi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istat Membru ospitanti."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Fi Spanja, l-attività ta’ sigurtà privata hi rregolata bil-liġi Nru 23/1992, tat-30 ta' Lulju 1992, dwar is-sigurtà privata (BOE Nru 186, ta' l-4 ta' Awwissu 1992, p.27116, iktar 'il quddiem "il-liġi fuq is-sigurtà privata"), u id-Digriet Rjali Nru 2364/1994, tad-9 ta' Diċembru 1994, li japprova r-Regolament dwar is-sigurtà privata (BOE Nru 8, ta' l-10 ta' Jannar 1995, p. 779, iktar 'il quddiem "ir-regolament fuq is-sigurtà privata").
6 L-Artikolu 5(1) tal-liġi fuq is-sigurtà privata, għandu lista eżawrjenti ta' sitt kategoriji ta' servizzi li jistgħu jiġu provduti mill-intrapriżi ta’ sigurtà privata, li huma:
– sorveljanza u protezzjoni ta' oġġetti, ta' stabbilimenti, ta' spettakli, ta’ kompetizzjonijiet u ta’ konvenzjonijiet;
– protezzjoni ta' persuni speċifiċi;
– depożitu, sorveljanza, verifikazzjoni u selezzjoni ta’ muniti, flus tal-karta, titoli ta’ sigurtà u oġġetti ta' valur jew perikolużi, kif ukoll it-trasport u d-distribuzzjoni ta' dawn l-oġġetti;
– l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta' apparat, ta’ mekkaniżmi u ta’ sistemi ta’ sigurtà;
– l-operazzjoni ta’ ċentri ta’ kontroll li jirċievu, jivverifikaw u jittrażmettu sinjali ta' alarm u l-komunikazzjoni tagħhom lill-forzi u l-korpi ta’ sigurtà, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi ta' risposta li ma humiex ir-responsabbiltà ta’ dawn il-forzi u l-korpi;
– ppjanar u assistenza f'dak li jikkonċerna l-attivitajiet ta’ sigurtà imsemmija mill-liġi.
7 Skond l-Artikolu 7(1), ta' l-imsemmija liġi, intrapriża li tixtieq tipprovdi tali servizzi għandha takkwista awtorizzazzjoni amministrattiva taħt il-forma ta' reġistrazzjoni f'reġistru miżmum mill-Ministeru ta' l-Intern. Sabiex takkwista tali reġistrazzjoni, l-intrapriża kkonċernata għandha tkun ikkostitwita bħala persuna ġuridika, li tikkorrispondi ma' waħda mill-erba' tipi ta' kumpanniji definiti mil-liġi nazzjonali. Barra minnhekk, ir-Regolament fuq is-sigurtà privata jissuġġetta l-għotja ta' l-awtorizzazzjoni imsemmija għall-kundizzjonijiet oħra li jvarjaw skond it-tip ta' attività jew attivitajiet eżerċitati mill-intrapriża in kwistjoni.
8 Għaldaqstant, l-intrapriża għandha jkollha kapital azzjonarju minimu u għandha tagħti garanzija. L-ammonti ta' dan il-kapital u ta' din il-garanzija huma kklassifikati mhux biss skond it-tip jew it-tipi ta' attivitajiet eżerċitati mill-intrapriża, imma wkoll skond l-estensjoni tal-kamp ta' azzjoni tagħhom ġeografiku fit-territorju nazzjonali. Għal dak li għandu x'jaqsam ma’ garanzija, din għandha tiġi ddepożitata ma' organizzazzjoni Spanjola, il-Caja General de Depósitos.
9 F'anness, ir-regolament fuq is-sigurtà privata jimponi fuq l-intrapriżi ta’ sigurtà ċerti obbligi partikulari, skond it-tip ta' attività li huma jeżerċitaw. Fil-każ fejn din l-attività tkun it-trasport u d-distribuzzjoni ta' oġġetti ta' valur jew perikolużi jew l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta' apparat, ta’ mekkaniżmi u ta’ sistemi ta’ sigurtà, teżiġi rispettivament li:
"1. Oġġetti ta' valur jew perikolużi
a) [...]
b) It-tieni fażi
1.° Grupp kompost minn kap tas-sigurtà u minn ta' l-inqas tletin gwardja tas-sigurtà, jekk l-estensjoni ta' l-attivitajiet ta' l-intrapriża hija nazzjonali, u ta' sitt gwardji tas-sigurtà, flimkien ma' tlieta għal kull provinċja, jekk l-estensjoni ta' l-attivitajiet ikopri Komunità awtonoma.
[...]
2. Esplożivi
a) [...]
b) It-tieni fażi
1.° Grupp kompost minn minn ta' l-inqas, żewġ gwardji tas-sigurtà speċjalizzati fl-esplożivi għal kull vettura għat-trasport ta' l-esplożivi li għandha l-intrapriża u ta' kap tas-sigurtà meta n-numru ta' gwardjani tas-sigurtà hu aktar minn ħmistax.
[...]
5. L-installazzjoni u l-manutenzjoni ta' apparat, ta’ mekkaniżmi u ta’ sistemi ta’ sigurtà
[...]
2.° It-tieni fażi
a) Grupp kompost minn ta’ l-inqas inġinier tekniku u minn ħames fiters għall-intrapriżi li l-estensjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom hija nazzjonali, u minn inġinier tekniku u żewġ fiters għal dawk li l-estensjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom ikopri Komunità awtonoma."
10 B’applikazzjoni ta' l-Artikolu 10 tal-liġi fuq is-sigurtà privata, meta moqrija flimkien ma' l-Artikolu 53 tar-regolament fuq is-sigurtà privata, il-membri kollha tal-personàl tas-sigurtà privata għandhom jakkwistaw awtorizzazzjoni mill-Ministeru ta' l-Intern. Għal dan il-għan, wieħed għandu jkun maġġorenni, m’għandux ikun laħaq il-limitu ta' età ffissat mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, għandu jkollu l-kapaċitajiet fiżiċi u mentali neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu u għandu jgħaddi mill-eżamijiet li juru l-għarfien u l-kapaċitajiet tiegħu.
11 Fir-rigward b'mod partikulari ta' l-eżerċizzju tal-professjoni ta' ditektiv privat, l-Artikolu 54(5)(b) tar-regolament tas-sigurtà privata jirrikjedi wkoll li l-persuni kkonċernati jkollhom diploma ta' ditektiv privat. L-għotja ta' din id-diploma hi suġġetta għall-kundizzjoni li wieħed għandu ċertu livell ta' taħriġ, li jkun segwa korsijiet speċjalizzati u li jkun għadda minn eżamijiet tal-kapaċità.
12 Id-Direttivi 89/48 u 92/51 ġew trasposti fil-liġi nazzjonali, rispettivament, bid-digriet rjali Nru 1665/1991, tal-25 ta' Ottubru 1991, li jirregola s-sistema ġenerali ta' rikonoxximent tad-diplomi ta' l-edukazzjoni superjuri mogħtija fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea li jirrikjedu studju għal perijodu ta’ żmien ta' minn ta' l-inqas tliet snin (BOE Nru 280, tat-22 ta' Novembru 1991, p.37916), u bid-digriet rjali Nru 1396/1995, ta' l-4 ta' Awwissu 1995, li jirregola it-tieni sistema ġenerali ta' rikonoxximent ta' edukazzjoni professjonali ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati l-oħra firmatarji tal-ftehim dwar il-Qasam ekonomiku Ewropew, u li jikkompleta dak li ġie stabbilit bid-digriet rjali Nru 1665/1991 (BOE Nru. 197, tat-18 ta' Awwissu 1995, p.25657). L-annessi ta' dawn iż-żewġ digrieti fihom listi ta' professjonijiet irregolati li huma koperti mill-mekkaniżmi tar-rikonoxximent in kwistjoni. Madankollu, il-professjonijiet imsemmija mir-regolament fuq is-sigurtà privata ma jidhrux fuq dawn il-listi.
Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
13 Fl-1997, il-Kummissjoni ppreżentat, kontra ir-Renju ta' Spanja, l-ewwel rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi u tar-regolament fuq is-sigurtà privata. Fis-sentenza tad-29 ta' Ottubru 1998, il-Kummissjoni vs Spanja (C‑114/97, Rec. p. I-6717), mogħtija fil-kuntest ta' dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi żamm fis-seħħ l-Artikoli 7, 8 u 10 tal-liġi fuq is-sigurtà privata li jirriservaw l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet ta’ sigurtà privata lill-intrapriżi ta' nazzjonalità Spanjola u billi ħareġ liċenzji ta’ personàl tas-sigurtà liċ-ċittadini Spanjoli biss, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond it-Trattat KE.
14 B'ittra tad-29 ta' Novembru 1999, il-Kummissjoni għarrfet lill-Gvern Spanjol li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u li jirregolaw nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà privata għadhom qed jiksru d-dritt Komunitarju.
15 Peress illi ma rċevietx risposta mill-Gvern Spanjol fit-terminu mogħti, il-Kummissjoni, fl-24 ta' Lulju 2000, ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lir-Rrenju ta' Spanja jieħu l-miżuri neċessarji sabiex itemm l-allegat ksur fi żmien xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni. Peress illi kkunsidrat li l-osservazzjionijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Spanjoli b’risposta għall-imsemmija opinjoni motivata ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.
16 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ħadet konjizzjoni tal-fatt li, wara s-sentenza il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar 'il fuq, l-awtoritajiet Spanjoli kienu emendaw il-liġi u r-regolament fuq is-sigurtà privata, billi neħħew il-kundizzjoni tan-nazzjonalità. Il-Kummissjoni għalhekk irtirat l-ilment dwar din il-kundizzjoni, filwaqt li żammet l-ilmenti l-oħra.
Fuq ir-rikors
17 Sabiex issostni r-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka sitt ilmenti li sostanzjalment jikkonċernaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-leġiżlazzjoni Spanjola għall-eżerċizzju ta' attività ta’ sigurtà privata fi Spanja.
18 Dawn l-ilmenti jistgħu jiġu definiti bħala:
1) inkompatibiltà tal-kundizzjoni li tistabbilixxi li l-intrapriza ta’ sigurtà privata għandha dejjem tkun ikkostitwita bħala persuna ġuridika ma' l-Artikoli 43 KE u 49 KE;
2) inkompatibiltà tal-kundizzjoni li tistabbilixxi li tali intrapriża għandha jkollha kapital azzjonarju minimu ma' l-Artikoli 43 KE u 49 KE;
3) inkompatibiltà tal-kundizzjoni li tistabbilixxi li tali intrapriża għandha tiddepożita garanzija ma’ l-organizzazzjoni Spanjola, il-Caja General de Depósitos ma' l-Artikoli 43 KE u 49 KE;
4) inkompatibiltà tal-kundizzjoni li tistabbilixxi li tali intrapriża għandha timpjega numru minimu ta' impjegati ma' l-Artikoli 43KE u 49 KE;
5) inkompatibbiltà tal-kundizzjoni li tistabbilixxi li awtorizzazzjoni speċjali hi mitluba għall-personàl tas-sigurtà li jeżerċita l-attività tiegħu fi Spanja ma' l-Artikoli 43KE u 49KE;
6) ksur tad-Direttivi 89/48 u 92/51 minħabba n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.
19 Qabel ma tiġi eżaminata il-fondatezza ta' kull wieħed minn dawn l-ilmenti, għandhom jissemmew l-argumenti mressqa mill-partijiet preliminarjament, kif ukoll li jiġu mfakkra l-prinċipji ġenerali definiti mill-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Osservazzjonijiet ġenerali
L-argumenti tal-partijiet
20 Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-attivitajiet ta’ sigurtà privata mhumiex is-suġġett ta' armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju. Madankollu, id-dispożizzjonijiet restrittivi tad-dritt Spanjol fil-qasam ma jirrispettawx ir-rekwiżiti fundamentali definiti mill-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Il-Kummissjoni tikkontesta b'mod partikulari il-qrubija pretiża bejn is-sigurtà privata u s-sigurtà pubblika. Skond din, il-kontribuzzjoni ta' l-intrapriżi kkonċernati għaż-żamma ta' din ta' l-aħħar mhix differenti minn dik li kull individwu jista' jiġi mistoqsi li jagħti. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li tissuġġetta intrapriża barranija ta’ sigurtà privata għall-istess eżiġenzi bħal dawk imposti fuq l-intrapriżi Spanjoli – mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni l-obbligi, garanziji u rekwiżiti li eventwalment huma diġà imposti fuq l-istess intrapriża fi Stat Membru ieħor – tikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata għall-istabbiliment tagħha fit-territorju Spanjol u fattur disswassiv ħafna għall-provvista ta' servizzi bejn il-fruntieri f'dan is-settur, l-aktar f'dak li jikkonċerna l-intrapriżi ż-żgħar u medji.
21 Skond il-Gvern Spanjol, is-sigurtà privata hi marbuta b’mod qarib mas-sigurtà pubblika, u tikkostitwixxi prolongament tagħha. Għalhekk, parti kbira ta' l-attivitajiet ta' dan is-settur timplika l-użu ta' ċerti mezzi li mhumiex, normalment awtorizzati (b'mod partikulari l-armi). Dawn l-attivitajiet jista’ jkollhom ukoll inċidenza serja fuq l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet u tal-libertajiet taċ-ċittadini. Konsegwentement, f'dan is-settur, Stat Membru jista' b'mod leġittimu jagħżel mezzi ta’ intervent u ta’ kontroll li mhumiex ġustifikati f'oqsma oħra. Issa, peress li dan jirrigwarda settur li mhuwiex armonizzat fuq livell Komunitarju, il-leġiżlazzjoni tiegħu fl-Istati Membri l-oħra tista’ tkun radikalment differenti mill-leġiżlazzjoni Spanjola, minħabba n-neċessità li jiġu rispettati l-eżiġenzi partikolari li jeżistu fi Spanja, b'mod partikolari dawk marbuta mal-problema tat-terroriżmu.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
22 Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tirreferi kemm għall-Artikolu 43 KE, li jiggarantixxi l-libertà ta' l-istabbiliment, kif ukoll għall-Artikolu 49 KE, li hu dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-element prinċipali sabiex jiġu definiti l-kampijiet ta' applikazzjoni rispettivi ta' dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hu li jsir magħruf jekk l-operatur ekonomiku kkonċernat huwiex stabbilit jew le fl-Istat Membru li fih hu jipprovdi s-servizz in kwistjoni (l-Istat Membru ospitanti). Meta dan hu stabbilit, prinċiplament jew b’mod sekondarju, is-sitwazzjoni tiegħu tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà ta' l-istabbiliment, fis-sens ta' l-Artikolu 43 KE. F'każ kuntrarju, għandu jiġi kkwalifikat bħala “wieħed li jipprovdi servizzi barra mill-pajjiż” u jaqa’ taħt l-prinċipju tal-libertà li jiġu provduti servizzi, prevista fl-Artikolu 49 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta' Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punti 25 sa 28, u tal-11 ta' Diċembru 2003, Schnitzer, C‑215/01, Ġabra p. I-14847, punti 28 sa 32). Fil-kuntest tar-rikors preżenti, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u r-regolamenti nazzjonali in kwistjoni jidhru li japplikaw bl-istess mod kemm għall-intrapriżi ta’ sigurtà privata stabbiliti fuq it-territorju Spanjol kif ukoll għal dawk stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra u li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi Spanja f'mod okkażjonali jew proviżorju.
23 Sa llum is-servizzi ta’ sigurtà privata, m'humiex armonizzati fuq livell Komunitarju. Madankollu, għalkemm hu veru li, f'sitwazzjoni bħal din, l-Istati Membri jżommu, fil-prinċipju, l-kompetenza sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' l-attivitajiet f'dan is-settur huma għandhom jeżerċitaw l-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam filwaqt li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi tat-3 ta' Ottubru 2000, Corsten, C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 31; ta' l-1 ta' Frar 2001, Mac Quen et, C-108/96, Ġabra p. I-837, punt 24, u tal-11 ta' Lulju 2002, Gräbner, C-294/00, Ġabra p. I-6515, punt 26).
24 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li sar wara emenda, l-Artikolu 49) jeżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra min jipprovdi servizzi li hu stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, imma wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika bl-istess mod kemm għal dawk li jagħtu servizzi li huma nazzjonali u kif ukoll għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din hi ta' natura li tipprojbixxi jew inkella tirrendi anqas vantaġġużi l-attivitajiet tal-persuna li tipprovdi servizzi li hija stabbilta fi Stat Membru ieħor, fejn hi legalment tipprovdi servizzi simili (sentenzi tad-9 ta' Awwissu 1994, Vander Elst, C-43/93, Ġabra p. I-3803, punt 14, u tad-29 ta' Novembru 2001, De Coster, C-17/00, Ġabra p. I-9445, punt 29).
25 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmi Artikolu 59 jopprojbixxi għall-applikazzjoni ta' kull leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tagħmel l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri aktar diffiċli minn provvista ta' servizzi purament interni fi Stat Membru (sentenza De Coster, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30).
26 Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-miżuri kollha nazzjonali li jistgħu jfixxklu jew li jrendu inqas attrajenti l-eżerċizzju ta' l-imsemmija libertajiet jistgħu jkunu ġustifikati biss jekk jissodisfaw erba' kundizzjonijiet: għandhom jiġu applikati b’mod li mhux diskriminatorju, għandhom ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet importanti ta' interess ġenerali, għandhom ikunu approprjati sabiex jiggarantixxu r-realizzazzjoni ta' l-għan tagħhom u m’għandhomx jmorru oltre dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb dak l-għan (ara b'mod partikulari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32; ta' l-4 ta' Lulju 2000, Haim, C‑424/97, Ġabra p. I-5123, punt 57, u Mac Quen et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).
27 Bħala regola ġenerali, miżura bħal din, meta tinkludi l-impożizzjoni ta' ċerti kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet garantiti, tista' tiġi ġġustifikata biss safejn l-interess ġenerali invokat mhux protett mir-regoli li taħthom min jipprovdi s-servizz hu sottomess fl-Istat Membru fejn hu stabbilit (sentenza Corsten iċċitata iktar 'il fuq, punt 35). Fi kliem ieħor, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali f'punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru ospitanti għandhom prinċipalment jieħdu in kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati u l-impjegati tagħhom diġà jissodisfaw fil-pajjiżi ta' l-oriġini tagħhom.
28 Fl-aħħar, f'dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Spanjol fuq l-approssimazzjoni bejn iż-żewġ oqsma tas-sigurtà privata u dak tas-sigurtà pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà iddeċidiet li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 46(1), KE u li tawtorizza lill-Istati Membri jżommu sistemi speċjali għal persuni ta' nazzjonalità barranija li huma ġġustifikati minħabba raġunijiet ta' sigurtà pubblika ma japplikawx għas-sistema ġenerali ta' l-intrapriżi ta’ sigurtà privata (sentenzi il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar 'il fuq, punti 45 u 46, kif ukoll tad-9 ta' Marzu 2000, il-Kummissjoni vs Belġju, C-355/98, Ġabra p. I-1221, punti 28 u 30).
Fuq l-ewwel ilment, dwar il-forma ġuridika ta' l-intrapriża
L-argumenti tal-partijiet
29 Skond il-Kummissjoni, l-obbligu, għall-intrapriża ta’ sigurtà privata, li tkun persuna ġuridika kważi f'kull każ tfisser li persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor u li hemm tipprovdi legalment servizzi bħal dawk in kwistjoni, hija kostretta li toħloq persuna ġuridika sabiex tkun tista' teżerċita l-attivitajiet tagħha fi Spanja, anki jekk b’mod temporanju u okkażjonali. Dan ir-rekwiżit, li fil-prinċipju m'għandu l-ebda rabta diretta ma' l-attività nnfisha ta' l-intrapriża, mhuwiex adegwat sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni tad-destinatarji ta’ l-imsemmija servizzi u ż-żamma tas-sigurtà pubblika. Il-kundizzjonijiet kollha imposti mil-leġizlazzjoni Spanjola jistgħu jiġu effettivament sodisfatti mingħajr ma l-intrapriża tkun persuna ġuridika.
30 Il-gvern Spanjol jirreplika li l-provvista eventwali tas-servizzi in kwistjoni minn persuni fiżiċi mhux biss toħloq serje sħiħa ta' problemi prattiċi, imma tkun ukoll inaċċettabbli mill-aspett tas-sigurtà pubblika. Fl-ewwel lok, sabiex tippermetti lill-persuni fiżiċi li jagħtu s-servizzi kollha in kwistjoni, hemm bżonn li jiġu riveduti l-obbligi eżistenti fil-qasam taż-żamma ta' l-armi li, fi Spanja, huma stretti ħafna. Fit-tieni lok, il-provvista ta' ċerti servizzi minn persuna fiżika teskludi l-possibiltà ta' komunikazzjoni effettiva bejn il-gwardjan u s-sede tal-kumpannija, komunikazzjoni li tista' tkun ta' importanza vitali għas-sigurtà tal-persuni protetti u dik tal-gwardjan stess. Fit-tielet lok, jista' jkun hemm riskju ta' konfużjoni minħabba ż-żieda fl-uniformijiet tal-personàl. B’mod ġenerali, li ddgħajjef ir-regoli imsemmija iktar 'il fuq tnaqqas il-garanziji ta’ sigurtà li huma kkunsidrati bħala adegwati mill-awtoritajiet Spanjoli.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 Għandu jiġi mfakkar fl-ewwel lok li, fil-każ ta' leġiżlazzjoni analoga għal-leġiżlazzjoni Spanjola kkritikata mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà iddeċidiet li l-kundizzjoni li tistabbilixxi li l-intrapriża ta’ sigurtà privata għandha tkun ikkostitwita bħala persuna ġuridika sabiex tkun tista' teżerċita l-attivitajiet tagħha kienet tikkostitwixxi restrizzjoni li tmur kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE (sentenza tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs il-Portugall, C-171/02, Ġabra p. I-5645, punti 41 sa 44).
32 F'dan il-każ, sabiex jiġġustifika din ir-restrizzjoni, il-Gvern Spanjol invoka l-protezzjoni tas-sigurtà tad-destinatarji tas-servizzi in kwistjoni u tal-kumplament tal-popolazzjoni. Issa, għal raġunijiet esposti b’mod iktar estiż mill-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit ta' personalità ġuridika ma tikkostiwixxix miżura adegwata li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Fil-fatt, l-ebda waħda mill-problemi prattiċi elenkati minn dan il-Gvern m’hija direttament marbuta mall-forma ġuridika ta' l-intrapriża.
33 F'dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel ilment huwa fondat.
Fuq it-tieni lment, dwar ir-rekwiżit ta' kapital azzjonarju minimu
L-argumenti tal-partijiet
34 Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tkun tista' tiġi stabbilita fi Spanja jew sabiex tipprovdi servizzi bejn il-fruntieri intrapriża barranija tas-sigurtà privata hija suġġetta għall-kundizzjoni li jkollha kapital azzjonarju minimu. Issa, rekwiżit bħal dan ma jistax jiġi ġġustifikat la minħabba kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà pubblika, u lanqas minħabba mill-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi kkonċernati. Fil-fatt, l-intrapriżi tas-sigurtà privata ta' l-Istati Membri l-oħra apparentament jissodisfaw dawn l-għanijiet mingħajr ma huma soġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ kapital azzjonarju speċifiku.
35 Il-Gvern Spanjol ifakkar li, peress illi s-servizzi ta’ sigurtà privata huma settur mhux armonizzat fuq livell Komunitarju, differenzi kbar ħafna jistgħu jeżistu bejn ir-Renju ta' Spanja u l-Istati Membri l-oħra, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna ir-regoli dwar il-ġar u l-użu ta' l-armi. Issa, meta tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikulari ta' dan l-Istat Membru rigward it-theddida tat-terroriżmu, dan huwa ġustifikabbli li jadotta kundizzjonijiet aktar stretti mill-Istati Membri l-oħra. Għalkemm hu veru li, fi Spanja, l-intrapriżi ta’ sigurtà privata huma wkoll soġġetti għal żewġ garanziji supplimentari, li huma l-garanzija u l-assigurazzjoni obbligatorja, kull waħda minnhom għandha funzjoni speċifika. Madankollu, dawn iż-żewġ garanziji weħidhom mhumiex għaldaqstant biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet mfittxa tas-sigurtà u tal-protezzjoni taċ-ċittadini.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
36 Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni li wieħed ikollu kapital azzjonarju minimu, imposta fuq intrapriżi ta’ sigurtà privata, tikser l-Artikoli 43 KE u 49 KE (sentenza il-Kummissjoni vs il-Portugall, iċċitata iktar 'il fuq, punti 53 sa 57). Il-ġustifikazzjonijiet invokati mill-Gvern Spanjol, u b'mod partikolari t-theddida tat-terroriżmu li teżisti fi Spanja, m'għandhom l-ebda rabta diretta ma' l-ammont tal-kapital azzjonarju ta' l-intrapriża u ma spjegawx ir-restrizzjonijiet għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta' l-istabbiliment.
37 Barra minnhekk, jeżistu mezzi inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizz in kwistjoni, bħal garanzija jew il-ħruġ ta' kuntratt ta' assigurazzjoni. Għalkemm, kif isostni il-Gvern Spanjol, f'ċerti sitwazzjonijiet, kull waħda minn dawn il-miżuri tista' tkun insuffiċjenti waħeda, dejjem teżisti l-possibbiltà li t-tnejn li huma jiġu applikati f'mod kumulattiv. Għalhekk il-Gvern Spanjol ma ppreżentax argumenti li jistgħu juru fejn dawn iż-żewġ miżuri imsemmija iktar ‘il fuq m’humiex suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-sigurtà u l-protezzjoni taċ-ċittadini.
38 F'dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni lment huwa wkoll fondat.
Fuq it-tielet ilment, dwar id-depożitu ta' garanzija ma'organizzazzjoni Spanjola
L-argumenti tal-partijiet
39 Il-Kummissjoni tifhem l-għan prinċipali ta' dan ir-rekwiżit, li huma sabiex jinżammu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet Spanjoli somom li jiggarantixxu li r-riskji marbuta mar-responsabbiltajiet eventwali jew meta ammenda tiġi ordnata huma koperti. Madankollu, hi ssostni li din il-kundizzjoni hija disproporzjonata meta mqabbla ma l-għanijiet li hi tixtieq tilħaq. B'mod partikulari, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jippermettux li tittieħed in kunsiderazzjoni l-eventwali ħlas ta' garanzija fl-Istat Membru ta' oriġini ta' l-intrapriża, li għandha bħala prinċipju, tkun suffiċjenti.
40 Għall-Gvern Spanjol, il-ħlas ta' garanzija jew il-ħruġ ta' kuntratt ta' assigurazzjoni huma mezzi leġittimi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi kkonċernati. Ċertament, il-leġiżlazzjoni fuq is-sigurtà privata timponi fuq l-intrapriżi kkonċernati l-obbligu li jassiguraw ruħhom taħt kuntratt ta' assigurazzjoni ta' responsabbiltà ċivili. Madankollu, fir-rigward tal-fatturi ekonomiċi proprji fis-suq ta' l-assigurazzjonijiet, dan il-mezz jista' joffri biss garanzija limitata. Fi kliem ieħor, il-funzjoni tal-garanzija hija kumplimentarja, imma ma tissostitwixxiex ruħha għaż-żewġ miżuri l-oħra ta' garanzija, li huma l-kapital azzjonarju minimu u l-assigurazzjoni.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
41 Għandu jiġi rilevat li l-obbligu li tiddepożita garanzija ma’ Caja General de Depósitos, bħal dak previst fid-dritt Spanjol, jista’ jfixxkel jew jirrendi inqas attrajenti, l-eżerċizzju tal-libertà ta’ l-istabbiliment u dak tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Fil-fatt, dan jirrendi l-għotja tal-provvista ta’ servizzi jew il-kostituzzjoni ta' intrapriża sussidjarja jew stabbiliment sekondarju fi Spanja aktar oneruża għall-intrapriżi ta’ sigurtà privata stabbiliti fi Stati Membri oħra milli għal dawk stabbiliti fi Spanja. Għandu jiġi determinat jekk din il-kundizzjoni hijiex ġustifikata.
42 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà espressament iddeċiediet li l-kostituzzjoni ta' garanzija tirristrinġi inqas il-libertà ta' l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi milli jirristrinġi r-rekwiżit ta' kapital azzjonarju minimu sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-kredituri (sentenza il-Kummissjoni vs il-Portugall iċċitata iktar 'il fuq, punt 55).
43 Madankollu, hija ġurisprudenza kostanti li restrizzjoni bħal din tista' tkun iġġustifikata biss safejn l-interess ġenerali invokat ma jkunx diġa salvagwardjat mir-regoli li għalihom il-persuna li tipprovdi s-servizz hija soġġetta fl-Istat Membru fejn hija stabbilita (ara s-sentenza Corsten, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35). Issa, il-leġiżlazzjoni Spanjola in kwistjoni teżiġi d-depożitu ta' garanzija ma’ organizzazzjoni Spanjola, il-Caja General de Depósitos, mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni garanzija eventwali kkostitwita fl-Istat Membru ta' l-oriġini. Barra minnhekk, fl-istat attwali ta' l-iżvilupp tal-mekkaniżmi ta' ġbir ta' djun bejn il-fruntieri u ta' l-eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin fi ħdan l-Unjoni, tali restrizzjoni tidher disproporzjonata. L-obbligu li tiddepożita garanzija jmur oltre dak li hu neċessarju sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni adegwata tal-kredituri.
44 Ċertament, jidher mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol li dan iddikjara lilu nnifsu lest li jieħu in kunsiderazzjoni l-garanziji ddepożitati fl-idejn ta' l-organizzazzjonijiet finanzjarji ta' l-Istati Membri l-oħra, bil-kundizzjoni li wieħed jaffettwa u jżomm għad-dispożizzjoni tiegħu somom li jikkorispondu għall-attivitajiet eżerċitati fuq it-territorju Spanjol. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu għandu jiġi evalwat skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru kif tkun fit-tmiem tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u li t-tibdil li jsir wara m'għandux jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, sentenzi tat-30 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni vs il-Greċja, C-103/00, Ġabra p. I-1147, punt 23, u tat-30 ta' Mejju 2002, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-323/01, Ġabra p. I-4711, punt 8). Barra minnhekk, hemmhekk kienet tirrigwarda sempliċement dikjarazzjoni tal-gvern konvenut u mhux ta' miżura leġiżlattiva jew leġiżlazzjoni konkreta.
45 F'dawn il-kundizzjonijiet, it-tielet ilment huwa fondat.
Fuq ir-raba' lment, dwar in-numru minimu ta’ impjegati
L-argumenti tal-partijiet
46 Skond il-Kummissjoni, l-intrapriżi barranin kollha, li legalment joffru servizzi ta’ sigurtà privata fl-Istat Membru tagħhom fejn huma stabbiliti, imma li ma għandhomx in-numru ta' impjegati mitlub mill-leġiżlazzjoni Spanjola, huma mistennija jżiedu dan in-numru, anke jekk mhuwiex neċessarju għall-attivitajiet tagħhom. Din il-kundizzjoni għandha effett dissważiv, b'mod partikulari fuq l-intrapriżi ż-żgħar u medji, għal dak li jikkonċerna l-eżerċizzju kemm tad-dritt li wieħed joħloq stabbilimenti sekondarji kif ukoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn il-fruntieri. L-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprojbixxu l-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni għal intrapriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma' l-awtoritajiet Spanjoli jieħdu in kunsiderazzjoni l-obbligi identiċi għal kollox, jew għall-inqas komparabbli, li diġà huma osservati minn din l-intrapriża fl-Istat ta' l-istabbiliment tagħha.
47 Il-Gvern Spanjol jirrileva l-impenn meħud mill-awtoritajiet Spanjoli li jnaqqsu, b'mod ġenerali, b' 50 % r-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-mezzi umani, materjali u tekniċi. Ir-rekwiżiti leġiżlattivi dwar in-numru ta' impjegati fil-qasam tat-trasport ta' l-esplożivi huwa, bil-kontra, iġġustifikat minħabba kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà, partikolarment marbuta mas-sitwazzjoni Spanjola.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
48 Preliminarjament għandu jiġi rilevat li d-dispożizzjonijiet li jiffissaw numru minimu ta' persuni impjegati mill-intrapriżi ta’ sigurtà jikkostitwixxu ostakolu għall-libertà ta' l-istabbiliment u għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi, safejn dawn jirrendu iktar oneruża l-kostituzzjoni ta' l-istabbilimenti sekondarji jew sussidjarji fi Spanja u jiddisswadu lill-intrapriżi ta’ sigurtà privata barranin milli joffru s-servizzi tagħhom fuq is-suq Spanjol.
49 Inkwantu għall-ġustifikazzjoni ta' din ir-restrizzjoni, għandu jiġi mfakkar li s-sempliċi fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk applikabbli fi Stat Membru ieħor fih innifsu ma jfissirx li dawn ta' l-aħħar huma disproporzjonali u inkompatibbli mad-dritt Komunitarju (sentenzi ta' l-10 ta' Mejju 1995, Alpine Investments, C‑384/93, Ġabra p. I-1141, punt 51; tat-12 ta' Diċembru 1996, Reisebüro Broede, C‑3/95, Ġabra p. I-6511, punt 42; Mac Quen et, iċċitata iktar 'il fuq, punti 33 u 34, kif ukoll Gräbner, iċċitat iktar 'il fuq, punti 46 u 47).
50 Salv għat-trasport ta' l-esplożivi, il-Gvern Spanjol ma weriex b’mod suffiċjenti li n-numru minimu ta' impjegati mitlub mill-leġiżlazzjoni fis-seħħ ma jmurx oltre dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mfittex, jiġifieri l-assigurazzjoni tal-livell tas-sigurtà mixtieq fil-qasam tat-trasport ta' oġġetti ta' valur u ta' oġġetti perikolużi kif ukoll l-installazzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi tas-sigurtà u ta' l-allarm. Għaldaqstant, ir-raba' lment għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala fondat.
51 Inkwantu r-rekwiżit tan-numru minimu ta' impjegati fl-intrapriżi li jiddedikaw l-attivitajiet tagħhom għat-trasport ta' l-esplożivi, li jidher f'punt 2(b), ta' l-Anness tar-regolament fuq is-sigurtà privata, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa ġġustifikat. Fil-fatt, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà, invokati mill-Gvern Spanjol, dan ir-rekwiżit jidher adegwat għat-twettiq ta' dan l-għan mingħajr ma jmur oltre dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq.
52 Għaldaqstant ir-raba' lment għandu jiġi miċħud safejn l-imsemmija leġiżlazzjoni Spanjola teżiġi numru minimu ta' impjegati għall-intrapriżi li għandhom l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tat-trasport jew tad-distribuzzjoni ta' l-esplożivi.
Fuq il-ħames ilment, dwar l-awtorizzazzjoni tal-personàl
L-argumenti tal-partijiet
53 Il-Kummissjoni tfakkar li, fi Spanja, il-membri tal-personàl ta' intrapriża barranija ta’ sigurtà privata għandhom, f'kull każ, jakkwistaw awtorizzazzjoni amministrattiva speċifika. Madankollu, ma teżisti l-ebda klawżola ta' rikonoxximent ta' awtorizzazzjoni diġà mogħtija fl-Istat Membru ta' l-istabbiliment ta' l-intrapriża in kwistjoni, anke jekk ir-rekwiżiti in materja huma analogi għal dawk fis-seħħ fi Spanja. Din il-formalità tikkostitwixxi ostakolu kbir għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li intrapriża barranija ma tistax tittrasferixxi fi Spanja personàl awtorizzat fl-Istat ta' l-istabbiliment tagħha.
54 Il-Gvern Spanjol jispjega li l-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi lill-personàl tas-sigurtà privata jkollu taħriġ li huwa l-itwal wieħed fuq livell Ewropew. Għalhekk ir-rekwiżiti tiegħu huma differenti ħafna minn dawk fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li fil-prinċipju ma jistax ikollok "rekwiżiti analogi" li jippermettu li sistemi ġuridiċi jiġu pparagunati.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
55 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà iddeċidiet li l-kundizzjoni li tipprovdi li l-membri tal-personàl ta' intrapriża ta’ sigurtà privata għandhom jakkwistaw awtorizzazzjoni ġdida speċifika fl-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi restrizzjoni li mhijiex ġustifikata għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' din l-intrapriża skond l-Artikolu 49 KE, safejn hija ma tiħux in kunsiderazzjoni l-kontrolli u l-verifiki diġà effettwati fl-Istat Membru ta' l-oriġini (sentenzi l-Kummissjoni vs il-Portugall, iċċitata iktar 'il fuq, punt 66, u tas-7 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C‑189/03, Rec. p. I-9289, punt 30).
56 Bl-istess mod, fir-rigward tal-libertà ta' l-istabbiliment skond l-Artikolu 43 KE, il-kundizzjoni imsemmija iktar ‘il fuq tista' tirrendi aktar diffiċli l-kostituzzjoni ta' stabbiliment sekondarju fl-Istat Membru ospitanti. Għalhekk din tikkostitwixxi restrizzjoni għall-eżerċizzju, mill-intrapriżi ta’ sigurtà privata barranin, tal-libertà ta' l-istabbiliment tagħhom fi Spanja.
57 Inkwantu għall-ġustifikazzjoni ta' din ir-restrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta' stabbiliment fi Stat Membru ieħor, intrapriża hija fil-prinċipju mistennija li ssegwi l-istess kundizzjonijiet li huma applikabbli għaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru ospitanti (sentenza Gebhard, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36). B’dan il-mod, l-applikazzjoni ġenerali ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni amministrattiva lill-intrapriżi ta’ sigurtà barranin bħala tali ma tmurx kontra l-Artikolu 43 KE. Madankollu, kif ġustament irrimarkat l-Avukat Ġenerali f'punti 84 u 85 tal-konklużjonijiet tagħha, il-leġiżlazzjoni Spanjola ma tipprevedix il-possibiltà li jittieħdu in kunsiderazzjoni r-rekwiżiti li l-membri differenti tal-personàl ta' dawn l-intrapriżi diġà jirrispondu għalihom fl-Istat Membru ta' l-oriġini tagħhom. Issa, tali rigorożità tmur oltre dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu tal-kontroll tal-personàl imsemmi.
58 L-argument tal-Gvern Spanjol, li jgħid li r-rekwiżiti tiegħu huma differenti ħafna minn dawk fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li fil-prinċipju ma jistax ikun hemm "rekwiżiti analogi” li jippermettu l-paragun tas-sistemi ġuridiċi rispettivi, huwa nieqes mir-relevanza.
59 F'dawn il-kundizzjonijiet, il-ħames ilment huwa wkoll fondat.
Fuq is-sitt ilment, dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali
L-argumenti tal-partijiet
60 Il-Kummissjoni tfakkar li l-professjonijiet regolati mir-regolament fuq is-sigurtà privata huma professjonijiet regolati skond id-Direttivi 89/48 u 92/51, safejn l-eżerċizzju tagħhom huwa suġġett għall-pussess ta' ċerti kwalifiki. Madankollu, dawn il-professjonijiet ma jidhrux fuq il-listi annessi mad-digrieti li jittrasponu dawn ż-żewġ Direttivi fid-dritt nazzjonali, u l-ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt Spanjol ma tipprevedi l-possibiltà ta' rikonoxximent tal-kwalifiki akkwistati fil-qasam fl-Istati Membri l-oħra. Il-Kummissjoni tfakkar li, minħabba l-validità tagħha permanenti u li mhijiex limitata biż-żmien, l-awtorizzazzjoni mitluba mill-leġiżlazzjoni Spanjola tikkostitwixxi b’mod ċar "attestazzjoni ta' kompetenza" prevista mid-Direttiva 92/51.
61 Skond il-Gvern Spanjol, l-ebda waħda minn dawn id-Direttivi ma ġiet miksura. Fil-fatt, la l-aċċess għall-professjonijiet fis-settur tas-sigurtà privata u lanqas l-eżerċizzju tagħhom ma huma subordinati għall-pussess ta' kwalunkwe "attestazzjoni ta' kompetenza". Inkwantu għat-taħriġ mitlub mill-liġi nazzjonali, dan jiġi akkwistat biss wara l-ħatra ta' l-interessat. Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-awtorizzazzjoni mitluba mill-liġi fuq is-sigurtà privata hi limitata fiż-żmien. Fil-fatt, skond it-termini ta' l-Artikolu 10 ta' l-imsemmija liġi, meta membru tal-personàl ta' intrapriża ta’ sigurtà privata " jibqa' inattiv matul perijodu ta' iktar minn sentejn, hu għandu jkun sottomess għal eżamijiet ġodda sabiex ikun jista' jeżerċità l-funzjonijiet tiegħu". Konsegwentement, mhux il-każ ta' "attestazzjoni ta' kompetenza", u s-sitwazzjoni prevista mill-ilment ma tidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttivi 89/48 u 92/51.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
62 Hemm lok li jiġi kkonstatat preliminarjament li l-Kummissjoni tallega nuqqas ta' tewttiq ta’ obbligu fl-istess ħin kemm tad-Direttiva 89/48 kif ukoll tad-Direttiva 92/51. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li dawn iż-żewġ Direttivi għandhom kamp ta' applikazzjoni differenti. B'mod partikulari, id-Direttiva 89/48 tirrigwarda diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija ma’ l-ikkompletar ta’ taħriġ professjonali li jdum minn ta' l-inqas tliet snin. Madankollu, ma jidhirx mir-rikors ippreżentat mill-Kummissjonni li l-kwalifiki li minnhom għandhom jibbenefikaw, fi Spanja, il-membri tal-personàl ta' l-intrapriżi ta’ sigurtà privata u d-ditektivs privati, jissoponu li dawn għandhom jkollhom taħriġ fl-edukazzjoni superjuri ta' minn ta' l-anqas tliet snin. Il-Kummissjoni għalhekk ma urietx fejn u kif il-professjonijiet imsemmija hawn fuq jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 89/48.
63 Fir-rigward tad-Direttiva 92/51, il-partijiet jaqblu li jgħidu li l-personàl tas-sigurtà ta' l-intrapriżi ta’ sigurtà privata jeżerċitaw fi Spanja professjoni regolata skond l-Artikolu 1(e), ta' din id-Direttiva. Madankollu, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija Direttiva hijiex applikabbli għal din l-attività, għandu jiġi eżaminat jekk, skond il-leġiżlazzjoni spanjola, l-għotja ta' awtorizzazzjoni amministrattiva lill-personàl tas-sigurtà privata hijiex suġġetta għall-pussess ta' attestazzjoni ta' kompetenza skond l-Artikolu 1 (c) ta' l-istess Direttiva. Issa, kif ġustament indikat l-Avukat Ġenerali f'punti 96 sa 100 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma indikatx ċarament liema huma, preċiżament l-attestazzjonijiet tal-kompetenza formali mitluba mill-awtoritajiet Spanjoli fil-qasam tas-sigurtà privata. Għalhekk, l-ilment li jikkonċerna d-Direttiva 92/51 huwa wkoll infondat, safejn jirreferi għal dan il-qasam.
64 Min-naħa l-oħra f'dak li jirrigwarda l-professjoni tad-ditektiv privat, l-Artikolu 54(5)(b) tar-regolament fuq is-sigurtà privata jitlob lill-persuni kkonċernati li jkollhom diploma ta' ditektiv privat. L-għotja ta' din id-diploma hija subordinata għall-kundizzjonijiet li wieħed jippossjedi ċertu livell ta' taħriġ, li wieħed ikun segwa korsijiet speċjali u li wieħed ikun għadda l-eżamijiet skond id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi partikulari. Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm dan id-dokument ma jikkostitwixxix "diploma" fil-veru sens tal-kelma, fis-sens li dan ma jitlobx taħriġ ta' minn ta' l-inqas sena, jikkorrispondi mingħajr dubju għal-kunċett ta' "attestazzjoni ta' kompetenza" skond l-Artikolu 1(c), tat-tieni inċiż, tad-Direttiva 92/51, safejn dan jinħareġ wara apprezzament tal-kwalitajiet personali, tal-kapaċitajiet u ta’ għarfien ta' l-interessat, li huma essenzjali għall-eżerċizzju tal-professjonijiet ikkonċernati. Il-leġiżlazzjoni Spanjola għalhekk tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din.
65 Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għal dak li jikkonċerna professjoni ta' ditektiv privat, sa llum fi Spanja ma teżisti l-ebda sistema ta' rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, u dan imur kontra l-eżiġenzi tad-Direttiva 92/51.
66 F'dawn il-kundizzjonijiet, is-sitt ilment huwa fondat safejn jirrigwarda r-rikonoxximet ta' l-attestazzjonijiet ta’ kompetenza professjonali għall-eżerċizzju ta' l-attività ta' ditektiv privat.
Fuq l-ispejjeż
67 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F'din il-kawża preżenti, peress li r-Renju ta' Spanja tilef, fil-kuntest ta' l-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-ħames ilmenti invokati mill-Kummissjoni, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
68 Fir-rigward ta' l-ilment dwar in-nazzjonalità li ġie rrinunzjat mill-Kummissjoni, kull wieħed mill-partijiet talab li l-parti l-oħra tbati l-ispejjeż. Għalhekk għandu jiġi applikat l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(5), tar-Regoli tal-Proċedura, u l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż, sakemm ma jidhirx ġustifikat li l-ispejjeż jitpoġġew a karigu tal-konvenut minħabba l-aġir tiegħu. Issa, kif l-Avukat Ġenerali ġustament uriet fil-punti 109 u 110 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li r-Renju ta' Spanja mmodifika r-regolament fuq is-sigurtà privata tard, l-aġir tiegħu wassal lill-Kummissjoni tippreżenta r-rikors. F'dawn il-kundizzjonijiet, dan l-Istat Membru għandu jbati l-ispejjeż li jirrigwardaw l-ilment irtirat.
69 In kunsiderazzjoni tal-preċedenti, u invista tal-fatt għal dak li jikkonċerna r-raba' u s-sitt ilmenti, ir-rikors tal-Kummissjoni ġie biss parzjalment milqugħ, ir-Renju ta' Spanja għandu jbati tliet kwarti ta' l-ispejjeż tal-Kummissjoni u għandu jiġi deċiż li fir-rigward tal-bqija, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi li :
1) Billi żamm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-liġi Nru 23/1992, tat-30 ta’ Lulju 1992, dwar is-sigurtà privata, u tad-digriet rjali Nru 2364/1994, tad-9 ta’ Diċembru 1994 li japprova r-regolament dwar is-sigurtà privata, li jimponi fuq l-intrapriżi barranin tas-sigurtà privata serje ta' kundizzjonijiet sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi Spanja, jiġifieri l-obbligu li:
– jkunu kkostitwiti bħala persuna ġuridika;
– jkollhom kapital azzjonarju minimu determinat;
– jħallsu garanzija lill-organizzazzjoni Spanjola;
– li jimpjegaw numru minimu ta' impjegati, safejn l-intrapriża in kwistjoni teżerċita l-attivitajiet tagħha f'oqsma differenti minn dawk tat-trasport u tad-distribuzzjoni ta' l-esplożivi;
– ġenerali għall-membri tal-personàl tagħhom, li jkollhom awtorizzazzjoni amministrattiva speċjali maħruġa mill-awtoritajiet Spanjoli, u
billi ma ħax id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jassigura ir-rikonoxximent ta' l-attestazzjonijiet ta’ kompetenza professjonali għall-eżerċizzju ta' l-attività ta' ditektiv privat, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond, minn naħa waħda l-Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimentata d-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tl[ie]t snin (89/48/KEE).
2) Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tat-talbiet l-oħra.
3) Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati tliet kwarti ta' l-ispejjeż tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.
4) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati kwart mill-ispejjeż rispettivi tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy