Kawża T-419/03
Altstoff Recycling Austria AG
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Akkordji — Sistema ta’ ġbir u ta’ riċiklaġġ ta’ imballaġġi użati fl-Awstrija — Ftehim ta’ ġbir u ta’ għażla li jinkludu klawżoli ta’ esklużività — Deċiżjoni ta’ eżenzjoni individwali — Obbligi imposti — Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Sommarju tas-sentenza
1. Proċedura — Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))
2. Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Qafas ta’ ftehim ta’ sħubija li jinkludi klawżoli ta’ esklużività territorjali — Aċċessibbiltà tas-suq — Ftehim li għandhom bħala effett kumulattiv il-qsim tas-suq — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku speċifiku
(Artikolu 81(1) KE)
3. Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Qafas ta’ ftehim li jirrigwardaw il-ġbir u l-għażla ta’ imballaġġi domestiċi użati u li jinkludu klawżoli ta’ esklużivita territorjali — Ġustifikazzjoni — Effett restrittiv potenzjali fis-suq upstream tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi — Għoti ta’ eżenzjoni individwali b’żieda ta’ obbligi
(Artikolu 81(1) u (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikoli 8(1))
1. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma huwiex permess li matul il-kawża jiġu ppreżentati raġunijiet ġodda sakemm dawn ir-raġunijiet ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, u li għandu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.
(ara l-punt 44)
2. Fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, imputabbli lil ftehim ta’ sħubija li jinkludu klawżoli ta’ esklużività territorjali, il-Qorti Ġenerali ma tistax tillimita ruħha għall-effetti tal-esklużività kkunsidrati iżolament u tirreferi biss għar-restrizzjonijiet imposti mill-ftehim ta’ sħubija.
Fil-fatt, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk dawn il-ftehim jaqgħux taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jiġi eżaminat jekk il-ftehim kollha simili konklużi fis-suq rilevanti u elementi oħra tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu l-ftehim inkwistjoni jindikawx li huma għandhom l-effett kumulattiv li jagħlqu l-aċċess ta’ dan is-suq għal kompetituri ġodda.
Jekk minn dan l-eżami jirriżulta li dan ma huwiex il-każ, il-ftehim individwali li jikkostitwixxu s-serje ta’ ftehim ma jistgħux joħolqu theddida għall-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Min-naħa l-oħra, jekk l-eżami jindika li l-aċċess għas-suq huwa diffiċli, ikun meħtieġ li jiġi mbagħad analizzat sa fejn il-ftehim inkwistjoni jikkontribwixxu għall-effett kumulattiv prodott, fid-dawl tal-fatt li huma preklużi biss il-kuntratti li jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għal qsim eventwali tas-suq.
(ara l-punt 56)
3. Fir-rigward ta’ qafas ta’ ftehim ta’ sħubija konklużi bejn, minn-naħa, impriża ta’ riċiklaġġ settorjali, li topera fis-suq tal-eliminiazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi użati, u, min-naħa l-oħra, imsieħba reġjonali (bħal impriżi jew awtoritajiet territorjali) li jiżguraw b’mod konkret il-ġbir, l-għażla, it-trasport u l-irkupru ta’ dawn l-imballaġġi domestiċi użati u li jibbenefikaw, għal perijodu ta’ minn tliet snin sa ħames snin, minn esklużività territorjali de facto, għal kull reġjun ta’ ġbir u ta’ għażla, il-konsegwenza prattika tal-istabbiliment ta’ dan il-qafas ta’ ftehim hija l-għeluq tal-aċċess għas-suq għall-impriżi tal-ġbir u tal-għażla esklużi u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, min-naħa tal-provvista, fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi, matul il-perijodu tal-ftehim.
Fil-fatt, peress li dawn il-ftehim ta’ sħubija huma konklużi mill-ikbar entità li titlob servizzi ta’ eliminazzjoni ta’ skart u jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tali esklużività tikkawża fis-suq tal-ġbir u tal-għażla għandha effetti fuq it-territorju nazzjonali kollu u, għalhekk, fis-suq kollu tal-ġbir u tal-għażla ġeografikament rilevanti Għalhekk, l-impriżi esklużi għandhom diffikultajiet kemm sabiex iduru mal-qafas ta’ ftehim u jidħlu fis-suq nazzjonali tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi kif ukoll sabiex jibqgħu f’dan is-suq.
Madankollu, ftehim bħal dawn jistgħu jiġi ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ amminstrazzjoni u ta’ effiċjenza, minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata provvista affidabbli ta’ servizzi ta’ ġbir, kif ukoll minħabba n-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-organizzazzjoni u minħabba li kien meħtieġ li jsiru investimenti sabiex il-ftehim ta’ ġbir u ta’ għażla jiġi implementat. L-obbligu ta’ esklużività jista’ għalhekk jikkostitwixxi restrizzjoni indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan tal-organizzazzjoni razzjonali tal-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE.
Madankollu, l-impenn ta’ impriża ta’ riċiklaġġ settorjali li tintrabat biss ma’ msieħeb wieħed tal-ġbir u/jew tal-għażla għal reġjun tal-ġbir jista’ jippermettilha li timblokka l-aċċess għall-infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla eżistenti għall-kompetituri potenzjali tagħha sa fejn jirnexxilha timponi fuq l-imsieħba tagħha esklużività de facto fil-provvista tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla F’sitwazzjoni bħal din, dawn ma għandhomx il-possibbiltà reali u konkreta li jevitaw il-qafas ta’ kuntratti stabbilit mill-imsemmija impriża, peress li, fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi, ma hemmx impriża tal-ġbir u tal-għażla oħra li tista’ toffrilhom dawn is-servizzi, taħt kundizzjonijiet kompetittivi, mill-bidu tal-attività tagħhom. Għalhekk, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkonstatata fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi tista’ twassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni upstream, jiġifieri fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi. Din ir-restrizzjoni hija riflessa immedjatament f’limitazzjoni tad-domanda tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi.
Għalhekk, il-Kummissjoni ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tikkunsidra li, sabiex tevita li impriża ta’ riċiklaġġ settorjali tkun tista’ telimina l-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni tal-imballaġġi domestiċi, huwa meħtieġ li mal-eżenzjoni individwali jiżdiedu ċerti obbligi, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17.
(ara l-punti 58, 59, 63-65, 80)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
22 ta’ Marzu 2011(*)
“Kompetizzjoni – Akkordji – Sistema ta’ ġbir u ta’ riċiklaġġ ta’ imballaġġi użati fl-Awstrija – Ftehim ta’ ġbir u ta’ għażla li jinkludu klawżoli ta’ esklużività – Deċiżjoni ta’ eżenzjoni individwali – Obbligi imposti – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża T‑419/03,
Altstoff Recycling Austria AG, li kienet Altstoff Recycling Austria AG u ARGEV Verpackungsverwertungs-Gesellschaft mbH, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn H. Wollmann, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn W. Mölls, sussegwentement minn W. Mölls u H. Gading, u fl-aħħħar nett minn W. Mölls u R. Sauer, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
EVA Erfassen und Verwerten von Altstoffen GmbH, stabbilita fi Vjenna, irrappreżentata minn A. Reidlinger u I. Hartung, avukati,
u minn
Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte, stabbilita fi Vjenna, irrappreżentata minn K. Wessely, avukat,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/208/KE, tas-16 ta’ Ottubru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każi COMP D3/35470 – ARA u COMP D3/35473 – ARGEV, ARO) (ĠU 2004, L 75, p. 59),
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: K. Andová,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Altstoff Recycling Austria AG (iktar ’il quddiem “ARA”) hija kumpannija privata b’responsabbiltà limitata li ġiet inkorporata fl-1993 u li l-proprjetajru u azzjonarju uniku tagħha huwa Altstoff Recycling Austria Verein (iktar ’il quddiem il-“Grupp ARA”). Il-Grupp ARA jiġbor fih impriżi li jaqgħu fis-settur tal-imballaġġ, tal-ippakkjar u tal-ibbottiljar, kif ukoll tal-kummerċ.
2 ARA tiġġestixxi fl-Awstrija, fuq livell nazzjonali, sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ imballaġġi. Fiż-żmien tal-fatti ta’ dan il-każ, hija kkonkludiet ma’ impriżi ta’ riċiklaġġ settorjali ekonomikament indipendenti (iktar ’il quddiem l-“IRS”), fl-ambitu ta’ din is-sistema, kuntratti ta’ mmaniġġar tal-iskart li ttrasferixxewlhom l-organizzazzjoni tal-ġbir, tal-għażla, tat-trasport u tal-irkupru tal-imballaġġi. Kull IRS kienet kompetenti għal kategoriji partikolari ta’ materjal ta’ imballaġġ. L-IRS, min-naħa tagħhom, ikkonkludew kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi ma’ msieħba reġjonali, jiġifieri impriżi jew awtoritajiet reġjonali li jiżguraw b’mod konkret il-ġbir, l-għażla u l-irkupru ta’ imballaġġi (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ sħubija”). Flimkien, ARA u l-IRS jikkostitwixxu s-“sistema ARA”.
3 Is-sistema ARA kienet tinkludi, fiż-żmien tal-fatti ta’ dan il-każ, tmien IRS, jiġifieri ARGEV Verpackungsverwertungs-Gesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “ARGEV”), li kienet responsabbli mill-ġbir, mill-għażla u mir-riċiklaġġ ta’ imballaġġi metalliċi (metalli tal-ħadid, aluminju) u ta’ imballaġġi ħfief (injam, ċeramika, plastik, kompożiti, tessuti); Österreichischer Kunststoff Kreislauf AG (iktar ’il quddiem “ÖKK”), li kienet responsabbli mill-irkupru ta’ imballaġġi tal-plastik u ta’ tessuti; Aluminium-Recycling GmbH (iktar ’il quddiem “Alurec”), li kienet responsabbli mill-irkupru ta’ imballaġġi tal-aluminju miġbura minn ARGEV; Arbeitsgemeinschaft Verbundmaterialien GmbH, li kienet responsabbli mill-irkupru ta’ imballaġġi ta’ materjal kompożit, bl-eċċezzjoni ta’ kartun kompożit għax-xorb; Verein für Holzpackmittel (iktar ’il quddiem “VHP”), li kienet responsabbli mill-irkupru ta’ imballaġġi tal-injam u, parzjalment, ukoll, mill-ġbir tagħhom; Ferropack Recycling GmbH (iktar ’il quddiem “Ferropack”), li kienet responsabbli mill-irkupru ta’ imballaġġi ta’ metalli tal-ħadid miġbura minn ARGEV; Altpapier-Recycling-Organisationsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “ARO”), li kienet responsabbli mill-ġbir u mill-irkupru ta’ imballaġġi tal-karti, tal-kartun u tal-kartun immewweġ, u, fl-aħħar nett, Austria Glas Recycling GmbH (iktar ’il quddiem “AGR”), li kienet responsabbli mill-ġbir u mill-irkupru ta’ imballaġġi tal-ħġieġ. Fl-14 ta’ Settembru 2009, ARA assorbixxiet lil ARGEV kif ukoll lill-IRS l-oħra tas-sistema ARA, bl-eċċezzjoni ta’ AGR.
4 ARGEV kienet tiġġestixxi, fiż-żmien tal-fatti ta’ dan il-każ, tliet sistemi ta’ ġbir, waħda għall-imballaġġi ħfief domestiċi, waħda għall-imballaġġi metalliċi domestiċi u waħda għall-imballaġġi ħfief u metalliċi tal-industrija. L-imsieħba ta’ ARGEV, fiż-żmien tal-fatti tal-każ, kienu ARA, b’sehem ta’ 11 %, u l-grupp ARGEV, li kien jinkludi mitt membru, inklużi manifatturi u importaturi, kumpanniji tas-settur tal-kummerċ, kumpanniji tas-settur tal-imballaġġ u impriżi tal-ġbir u tal-irkupru ta’ skart.
5 ARA tagħti s-servizzi tagħha lill-impriżi Awstrijaki u barranin li huma direttament ikkonċernati mill-Verordnung über die Vermeidung und Verwertung von Verpackungsabfällen und bestimmten Warenresten und die Einrichtung von Sammel- und Verwertungssystemen (Digriet tal-Ministru tal-Ambjent, taż-Żgħażagħ u tal-Familja Awstrijak dwar il-prevenzjoni u l-irkupru ta’ skart ta’ imballaġġi u ta’ ċerti fdalijiet ta’ prodotti u dwar l-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ ġbir u ta’ rkupru) (BGBl., 648/1996), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1996 (iktar ’il quddiem id-“Digriet”). Id-Digriet huwa bbażat fuq l-Abfallwirtschaftsgesetz (Liġi Awstrijaka dwar l-immaniġġar tal-iskart) (BGBl., 434/1996), kif emendata (BGBl., 102/2002) (iktar ’il quddiem il-“Liġi”), u jittrasponi d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349). ARA teżerċita wkoll, bħala mandatarja, id-drittijiet tal-liċenzji fir-rigward tal-IRS.
6 Fl-24 ta’ Marzu 1994, il-Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte (Kamra Federali tal-Ħaddiema u l-Impjegati, iktar ’il quddiem il-“BAA”) ressqet ilment kontra s-sistema quddiem l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (iktar ’il quddiem l-“Awtorità EFTA”). Sussegwentement, dan l-ilment ġie ttrasferit lill-Kummissjoni Ewropea.
7 Fit-30 ta’ Ġunju 1994, ARA u ARGEV innotifikaw ċerti ftehim lill-Awtorità EFTA bil-ħsieb li tinkiseb approvazzjoni negattiva jew, skont il-każ, deċiżjoni ta’ eżenzjoni ġenerali. B’ittra tal-21 ta’ Marzu 1995, il-kompetenza għall-eżami tal-ftehim innotifikati ġiet ittrasferita lill-Kummissjoni.
8 Fit-8 ta’ Mejju 1996, FRS Folien-Rücknahme-Service GmbH & Co. KG u Raiffeisen Umweltgesellschaft mbH ressqu quddiem il-Kummissjoni lment li jirrigwarda l-abbozz ta’ inkorporazzjoni ta’ impriża komuni bil-għan li tiġi implementata sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ imballaġġi. Madankollu, il-kumpanniji li lmentaw ma żammewx dan l-ilment.
9 B’ittra tat-28 ta’ Awwissu 2001, ARA nnotifikat ftehim ġodda lill-Kummissjoni u, barra minn hekk, talbet flimkien ma’ ARGEV li jingħaqdu l-proċeduri tagħhom ta’ notifika bil-għan li tinkiseb approvazzjoni negattiva jew, skont il-każ, deċiżjoni ta’ eżenzjoni, skont l-Artikolu 81(3) KE. Fl-istess ħin, ARO talbet li tiddaħħal fil-proċedura bħala parti notifikanti. Din il-proċedura kienet tirrigwarda l-ftehim kollha li fuqhom hija bbażata s-sistema ARA, jiġifieri:
– il-ftehim ta’ eżenzjoni u ta’ liċenzja konklużi bejn ARA u l-impriżi suġġetti għad-Digriet (mingħajr tariffa);
– il-kuntratt ta’ ġestjoni konkluż bejn ARA u ARGEV bħala mudell ta’ kuntratti ta’ ġestjoni konklużi bejn ARA u l-IRS l-oħra (Arbeitsgemeinschaft Verbundmaterialien GmbH, ARO, AGR, Alurec, VHP, Ferropack u ÖKK);
– il-kuntratti ta’ ġestjoni u ta’ kooperazzjoni konklużi bejn ARGEV u ÖKK u bejn ARGEV u Alurec bħala mudelli ta’ kuntratti konklużi bejn ARGEV u ÖKK, Alurec, Ferropack u VHP;
– il-kuntratti konklużi minn ARGEV u ARO mal-imsieħba reġjonali rispettivi tagħhom.
10 Permezz ta’ ittri tad-19 ta’ Frar 1996 u tat-22 ta’ Marzu 2002, il-BAA ppreżentat quddiem il-Kummissjoni osservazzjonijiet fir-rigward tas-sistema ARA, billi għamlet riferiment għall-ilment li hija ressqet f’dan ir-rigward fl-24 ta’ Marzu 1994 quddiem l-Awtorità EFTA. Barra minn hekk, b’ittra tas-27 ta’ April 2000, EVA Erfassen und Verwerten von Altstoffen GmbH (iktar ’il quddiem “EVA”) ressqet ilment kontra l-kumpanniji tas-sistema ARA, li rriproduċa u kkompleta l-ilment inizjali mressaq fit-8 ta’ Mejju 1996 minn FRS Folien-Rücknahme-Service u Raiffeisen Umweltgesellschaft.
11 Fl-24 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura f’dan il-każ.
12 B’avviż tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2002 (ĠU C 252, p. 2), din tat lit-terzi interessati l-possibbiltà li jindikaw il-perspettiva tagħhom, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kif emendat.
13 Wara r-rimarki tal-Kummissjoni fl-imsemmi avviż, ARA u ARGEV ikkomunikaw erba’ impenji, li minn fosthom għandhom jiġu rrilevati dawn li ġejjin:
– impenn Nru 1: b’effett mid-29 ta’ Novembru 2000, ARGEV u ARO jirrinunzjaw għall-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ trattament preferenzjali miftiehma mal-impriżi tal-ġbir;
– impenn Nru 3: ARGEV ma tostakolx lill-imsieħba reġjonali milli jaħdmu ma’ kompetituri tas-sistema ARA jew milli jikkonkludu u jeżegwixxu magħhom kuntratti marbuta mal-użu ta’ reċipjenti jew ta’ installazzjonijiet oħra intiżi għall-ġbir u/jew għall-għażla ta’ imballaġġi użati domestiċi; madankollu, dan l-impenn ma jillimitax id-dritt ta’ ARGEV li timponi l-possibbiltajiet kuntrattwali tagħha ta’ organizzazzjoni għas-sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru użata konġuntament u li tieħu l-miżuri kollha li jkunu meħtieġa sabiex tkun tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha taħt il-Liġi u d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni;
– impenn Nru 4 : ARGEV u ARO għandhom iwaqqfu l-kuntratti tagħhom mal-imsieħba reġjonali mal-iskadenza ta’ perijodu kuntrattwali ta’ tliet snin, jekk il-partijiet ma ddeċidewx bi qbil li jġeddu l-kuntratt għal perijodu massimu ta’ għaxar snin; l-iktar tard wara l-iskadenza ta’ perijodu kuntrattwali ta’ ħames snin, ARGEV u ARO għandhom jagħtu kuntratti ġodda għal servizzi permezz ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni, trasparenti u oġġettiva (sejħiet għal offerti ta’ kull tip, talba għal offerti, eċċ.).
14 Fis-16 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/208/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każi COMP D3/35470 – ARA u COMP D3/35473 – ARGEV, ARO) (ĠU 2004, L 75, p. 59, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
15 Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, id-diversi swieq inkwistjoni ġew identifikati fid-deċiżjoni kkontestata. Qabelxejn, is-suq li fih joperaw is-sistemi ta’ ġbir u s-sistemi individwali ta’ teħid lura huwa indikat bħala s-“suq tas-sistemi”. Is-sistemi ta’ ġbir jipprevedu impriżi suġġetti għall-obbligi imposti bid-Digriet sabiex dawn jiġu eżonerati mill-imsemmija obbligi, bl-implementazzjoni ta’ servizz ta’ rkupru komuni. Is-sistemi individwali għandhom jorganizzaw servizzi partikolari ta’ rkupru għal kull waħda mill-impriżi li ma jridux jaderixxu għas-sistemi ta’ ġbir fis-seħħ. Fid-dawl tal-obbligi imposti bid-Digriet, is-suq inkwistjoni huwa limitat għall-iskart ta’ imballaġġi.
16 Fid-deċiżjoni kkontestata jinsab speċifikat li, meta s-servizzi ma humiex funzjonalment interkambjabbli, għandha ssir distinzjoni, fi ħdan is-suq tas-sistemi, bejn is-suq tas-sistemi tal-eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi u dak tal-imballaġġi ta’ impriżi kbar u tal-industrija.
17 Imbagħad, sa fejn l-IRS ma jassumux huma stess il-kompitu li jeliminaw l-imballaġġi użati, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata l-eżistenza tat-tieni livell ta’ swieq, is-swieq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi użati, li fihom l-IRS jaġixxu bħala impriżi li jitolbu servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla, u l-impriżi kif ukoll l-awtoritajiet lokali, bħala fornituri tal-istess servizzi. Meta s-servizzi inkwistjoni ma jkunux funzjonalment interkambjabbli, għandha ssir distinzjoni fid-dawl tal-post ta’ produzzjoni tal-iskart bejn, minn naħa, is-suq tal-ġbir u tal-għażla tal-imballaġġi użati domestiċi u, min-naħa l-oħra, dak tal-imballaġġi użati tal-industrija. Bl-istess mod, fis-settur tal-imballaġġi domestiċi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti partikolari ta’ ċertu materjal, huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn tliet swieq, jiġifieri dak tal-ġbir ta’ karti qodma, dak tal-ġbir tal-ħġieġ użat u dak tal-ġbir u tal-għażla tal-imballaġġi ħfief.
18 Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni kkontestata, saret distinzjoni bejn is-swieq tal-ġbir u tal-għażla u s-swieq tas-servizzi ta’ rkupru ta’ materjal miġbur u ta’ materja prima sekondarja, inkwantu l-organizzazzjoni tal-irkupru ta’ materjal miġbur u l-għoti ta’ materja prima sekondarja huma livelli differenti tal-istess suq ta’ prodotti. Fid-deċiżjoni kkontestata, ġie kkunsidrat ukoll li hemm kemm swieq ta’ servizzi ta’ rkupru u ta’ materji prima sekondarji kif ukoll kategoriji ta’ materjal. Barra minn hekk, ġie speċifikat li, għall-istess kategorija ta’ materjal, ma tista’ tiġi stabbilita ebda distinzjoni bejn l-imballaġġi domestiċi u l-imballaġġi industrijali.
19 Mill-perspettiva ġeografika, fir-rigward tas-suq tas-sistemi u dawk tal-ġbir u tal-għażla, it-territorju tal-Awstrija huwa t-territorju meħud inkunsiderazzjoni skont id-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-swieq tas-servizzi ta’ rkupru u ta’ materja prima sekondarja, iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) hija t-territorju meħud inkunsiderazzjoni.
20 Ladarba s-swieq inkwistjoni huma ddefiniti, il-Kummissjoni eżaminat il-ftehim ta’ sħubija u kkunsidrat li dawn kienu iwasslu għal restrizzjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, minn naħa, fis-swieq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi, bl-eċċezzjoni tal-kuntratt bejn ARO u l-awtoritajiet territorjali, u, min-naħa l-oħra, fis-swieq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi industrijali. Din ir-restrizzjoni hija riżultat tal-eżistenza ta’ klawżola ta’ esklużività territorjali favur kull imsieħeb reġjonali ta’ ARGEV jew ta’ ARO. Fil-fatt, fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti ta’ ARGEV u ta’ ARO fis-suq tad-domanda, matul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratti, kull fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ skart ta’ imballaġġi domestiċi u industrijali jisfa mingħajr aċċess għal swieq kbar jew jiġi prekluż minn opportunitajiet li ma humiex insinjifikattivi.
21 Fir-rigward tal-imballaġġi domestiċi, skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-restrizzjoni identifikata kienet sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Ladarba, fiż-żmien tal-fatti tal-każ, ARGEV kienet l-kumpannija prinċipali li talbet servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla, il-qafas ta’ kuntratti ta’ servizzi, li kienu jinkludu klawżola ta’ esklużvità, ikkawża fis-suq ġeografiku kollu l-effett kumulattiv li jagħlaq is-suq għall-impriżi tal-ġbir u tal-għażla esklużi. Min-naħa tal-provvista, raġunijiet li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni tat-territorju u l-loġistika neċessarja għall-immaniġġar tal-iskart jipprekludu l-istabbiliment tat-tieni infrastruttura ta’ ġbir. Għaldaqstant, skont id-deċiżjoni kkontestata, kien realistiku li jiġi kkunsidrat li kull sistema ta’ ġbir li tista’ tidħol f’kompetizzjoni mas-sistema ARA kellha taħdem mal-imsieħba reġjonali tas-sistema ARA, li jrendi improbabbli kull possibbiltà ta’ dħul fis-suq għall-impriżi tal-ġbir u tal-għażla esklużi. Konsegwentement, swieq importanti ngħalqu għal perijodu li seta’ jilħaq ħames snin, perijodu massimu tal-kuntratti.
22 Fir-rigward tal-imballaġġi industrijali, fid-deċiżjoni kkontestata ġie kkonstatat li, fiż-żmien tal-fatti tal-każ, ARGEV u ARO ma kinux il-kumpanniji prinċipali li talbu servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla. F’dan il-qasam, kien hemm sistemi oħra fis-suq tad-domanda ta’ servizzi ta’ mmaniġġar ta’ skart, u l-impriżi tal-eliminazzjoni ta’ skart setgħu wkoll joffru s-servizzi tagħhom lill-produtturi l-kbar tal-iskart. Madankollu, skont id-deċiżjoni kkontestata, is-sistemi kompetituri u l-produtturi l-kbar tal-iskart ma kinux komparabbli, fil-livell tal-importanza ekonomika, mas-sistema ARA u, f’dan il-kuntest, ir-restrizzjoni identifikata ċaħdet lill-impriżi esklużi, matul il-validità tal-ftehim, minn swieq li ma humiex insinjifikattivi, u kellhom għalhekk effetti sostanzjali fuq il-kompetizzjoni.
23 Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-klawżola ta’ esklużività li tidher fil-kuntratti ta’ servizzi kienet madankollu neċessarja għall-funzjonament u għall-istabbiliment ta’ infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla, li rrikjedew investimenti sostanzjali min-naħa tal-imsieħba reġjonali u ppermettew it-tqegħid fis-seħħ dirett ta’ dispożizzjonijiet ambjentali. Bl-istess mod, il-fatt li l-ġbir kollu jiġi fdat lil impriża waħda skont iż-żona ta’ ġbir matul perijodu massimu ta’ ħames snin ippermetta lill-partijiet, minn naħa, jippjanaw u jorganizzaw għal żmien twil is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti u, min-naħa l-oħra, li jkun hemm ekonomija fil-kobor u fil-firxa ta’ prodotti, u dan wassal għal iktar effiċjenza. Għalhekk, l-esklużività favur l-imsieħba reġjonali kkontribwixxiet għat-titjib tal-produzzjoni u għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku u kienet favorevoli għall-utenti, li rċevew parti xierqa mill-profitt li rriżulta, fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE. Bl-istess mod, klawżola ta’ esklużività ta’ mill-inqas tliet snin tirriżulta indispensabbli għal raġunijiet ekonomiċi, sabiex tiggarantixxi l-provvista fit-tul u affidabbli ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla u sabiex tiżgura l-investimenti li kellhom isiru mill-imsieħba reġjonali sabiex jimplementaw il-ftehim ta’ ġbir u ta’ għażla.
24 Skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-restrizzjoni identifikata ma setgħetx telimina l-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati. Madankollu, fir-rigward tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ skart domestiku, il-Kummissjoni għamlet l-ispeċifikazzjonijiet esposti iktar ’l isfel.
25 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ġbir ta’ skart domestiku, huwa rrikonoxxut fid-deċiżjoni kkontestata li l-għoti, l-iktar tard wara ħames snin, ta’ kuntratti ġodda għal servizzi permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jiggarantixxi sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni libera sabiex jinkisbu ż-żoni tal-ġbir. Madankollu, huwa kkonstatat li, fil-prattika, ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita t-tieni infrastruttura ta’ ġbir domestiku minħabba problemi ta’ spazju, problemi legali marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u tal-pajsaġġ u minħabba drawwiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-ġbir tal-iskart. Fid-dawl ta’ dan l-aspett speċifiku tal-provvista fis-suq inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset li r-reċipjenti għal imballaġġi użati li jkunu viċin id-djar kienu jikkostitwixxu element li għalih kull kompetizzjoni kienet impossibbli.
26 Fid-dawl tal-premess, il-Kummissjoni kkunsidrat li aċċess kompletament liberu għall-infrastrutturi tal-ġbir diġà eżistenti kkostitwixxa kundizzjoni indispensabbli għall-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni mhux biss, fuq il-livell tad-domanda, fis-settur tas-servizzi ta’ ġbir domestiku, iżda wkoll fis-suq vertikali upstream tal-organizzazzjoni tat-teħid lura u tal-irkupru ta’ imballaġġi użati tal-individwi. Għaldaqstant, skont id-deċiżjoni kkontestata, jista’ biss ikun hemm kompetizzjoni, fil-livell tad-domanda, fil-qasam tas-servizzi ta’ ġbir jekk ARGEV ma tipprekludix lill-imsieħba reġjonali milli jikkonkludi kuntratti dwar użu konġunt ta’ reċipjenti bejn kompetituri tas-sistema ARA.
27 Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata ġie kkonstatat li, fl-impenn Nru 3, ARGEV xtaqet iżżid ma’ dan l-użu konġunt restrizzjonijiet kbar. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li jiġu imposti ċerti obbligi, sabiex jiġi ggarantit li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-għoti ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE jkunu sodisfatti. Fl-ewwel lok, ARGEV ma setgħetx tipprekludi lill-impriżi tal-ġbir milli jikkonkludu u jeżegwixxu, ma’ kompetituri ta’ ARA u ta’ ARGEV, kuntratti dwar l-użu konġunt ta’ reċipjenti jew ta’ installazzjonijiet oħra tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi ta’ bejgħ użati. Fit-tieni lok, sabiex jiġi evitat li ARGEV tieħu l-imballaġġi miġbura kollha u timpedixxi lill-kompetituri milli josservaw ir-rati preskritti, hija setgħet biss teżiġi provi mingħand l-imsieħba reġjonali għall-kwantitajiet ta’ imballaġġi li jikkorrispondu għas-sehem miżmum mis-sistema ARA mill-intier tal-imballaġġi miġbura taħt liċenzja mid-diversi sistemi ta’ ġbir. Dan it-tieni obbligu kien jirrigwarda l-impriżi kollha li kkonkludew ftehim ta’ sħubija għall-ġbir ma’ ARGEV u kien japplika sa fejn sistema kompetitriċi titlob li tibbenefika minn użu konġunt taż-żona tal-ġbir ikkonċernata, u mid-data li fiha l-approvazzjoni għas-sistema inkwistjoni tkun ingħatat.
28 Fit-tieni lok, fir-rigward tas-servizzi ta’ għażla ta’ skart domestiku, fid-deċiżjoni kkontestata huwa stabbilit li s-separazzjoni tal-imballaġġi skont il-materjal użat irrikjediet proċessi tekniċi kumplessi, kif ukoll investimenti li setgħu biss jintużaw b’mod limitat għal operati oħra ta’ għażla. L-investimenti kbar neċessarji sabiex jiġu stabbiliti installazzjonijiet ġodda jikkostitwixxu għall-kompetituri tas-sistema ARA ostaklu li ma huwiex insinjifikattiv għad-dħul tagħhom fis-suq.
29 Minkejja li ARGEV iddikjarat li l-impriżi tal-immaniġġar tal-iskart setgħu liberament iqiegħdu l-installazzjonijiet tal-għażla għad-dispożizzjoni tas-sistemi kompetituri, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-kuntest tal-impenn Nru 3, din xtaqet madankollu timponi restrizzjonijiet sostanzjali fuq l-użu konġunt. Fid-dawl tal-importanza tal-aċċess liberu għall-installazzjonijiet tal-għażla għall-finijiet tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni, il-Kummissjoni għalhekk qieset li kien neċessarju li l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE tiġi suġġetta għal obbligu fis-sens li ARGEV ma kellhiex timpedixxi lill-impriżi tal-immaniġġar tal-iskart milli jikkonkludu u jeżegwixxu kuntratti dwar użu konġunt ta’ installazzjonijiet tal-għażla.
30 Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“Artikolu 2
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) […] KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE huma ddikjarati inapplikabbli, skont l-Artikolu 81(3) […] KE u l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE, għad-diversi kuntratti ta’ ġbir u ta’ għażla konklużi minn ARGEV u ARO mal-imsieħba reġjonali rispettivi tagħhom, li jinkludu klawżola ta’ esklużività u jiskadu l-iktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2006.
L-eżenzjoni se tkun valida mit-30 ta’ Ġunju 1994 sal-31 ta’ Diċembru 2006.
Artikolu 3
Mal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 għandhom jiżdiedu l-obbligi li ġejjin:
a) ARGEV ma għandhiex timpedixxi lill-impriżi tal-ġbir milli jikkonkludu, ma’ kompetituri tas-sistema ARA, kuntratti dwar l-użu konġunt ta’ reċipjenti jew installazzjonijiet oħra tal-ġbir jew tal-għażla ta’ imballaġġi ta’ bejgħ użati li ġejjin mid-djar jew milli jeżegwixxu dawn il-kuntratti;
b) ARGEV tista’ titlob lill-impriżi tal-ġbir jipprovdulha attestazzjoni biss għar-rigward tal-kwantitajiet ta’ imballaġġi li jikkorrispondu għas-sehem miżmum mis-sistema ARA mill-imballaġġi domestiċi kollha ċeduti lil xi sistemi għal ċerti kategoriji ta’ materjal. F’dan il-każ, ARGEV tkun tista’ tnaqqas ir-rimunerazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.1.1 tal-ftehim ta’ ġbir fil-proporzjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt. Għar-rimunerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3.1.2 u 3.1.3 tal-ftehim ta’ ġbir, huma l-kwantitajiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta prova lil ARGEV li jkunu determinanti. Dan l-obbligu japplika għall-impriżi kollha tal-ġbir li magħhom ARGEV iffirmat ftehim ta’ sħubija.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Proċedura u talbiet tal-partijiet
31 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2003, ARA u ARGEV ressqu l-azzjoni preżenti.
32 Permezz ta’ att separat irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ARA u ARGEV ressqu talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑419/03 R). B’ittra tal-11 ta’ Marzu 2004, huma rtiraw din it-talba. B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Marzu 2004, il-Kawża T‑419/03 R tħassret mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż marbuta magħha ġew irriżervati.
33 Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fid-19 ta’ Frar u fit-23 ta’ April 2004, EVA u l-BAA, rispettivament, talbu jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni. B’digriet tal-20 ta’ Jannar 2005, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għall-intervent ta’ EVA u l-BAA. L-intervenjenti ippreżentaw in-noti tagħhom fis-17 ta’ Mejju 2005.
34 Fis-16 ta’ Settembru 2007, il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lit-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali wara tiġdid parzjali tagħha u ġie nnominat Imħallef Relatur ġdid.
35 Fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur, it-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet fit-8 ta’ Lulju 2009 li tiftaħ il-proċedura orali. Fit-12 ta’ Awwissu 2009, il-verbal tas-seduta ġie nnotifikat lill-partijiet, filwaqt li d-data tas-seduta ġiet iffissata għad-29 ta’ Settembru 2009.
36 Fl-14 ta’ Settembru 2009, ARA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet assorbixxiet lil ARGEV kif ukoll lill-IRS l-oħra tas-sistema ARA, bl-eċċezzjoni ta’ AGR.
37 Fil-21 ta’ Settembru 2009, il-Qorti Ġenerali ġiet adita b’talba għas-sospensjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti skont l-Artikolu 77 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali. B’digriet tat-22 ta’ Settembru 2009, il-Qorti Ġenerali ssospendiet il-proċedura għal perijodu ta’ sitt xhur.
38 Il-proċedura tkompliet fit-23 ta’ Marzu 2010 u s-seduta saret fil-15 ta’ Ġunju 2010.
39 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata;
– sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
40 Il-Kummissjoni, EVA u l-BAA jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
41 Fis-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għat-talba ta’ inammissibbiltà tar-rikors inkwantu dan ġie ppreżentat minn ARA, u dan ġie indikat fil-verbal tas-seduta.
42 Ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 17. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-konformità tal-kuntratti għal servizzi mal-kundizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) [KE] għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364). It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata ma josservawx ir-rekwiżiti tat-teorija tal-“faċilitajiet essenzjali”. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-obbligi previsti fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex realizzabbli. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-obbligi previsti fid-deċiżjoni kkontestata u s-sitt motiv huwa bbażat fuq kontradizzjonijiet eżistenti bejn id-dispożittiv u r-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata.
43 B’mod preliminari, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ rabta bejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u l-obbligu impost, id-dritt tar-rikorrenti li tamministra s-sistema tagħha u n-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu motivi mqajma fl-istadju tar-replika li huma, konsegwentement, inammissibbli. Bl-istess mod, hija tikkunsidra li l-argument imqajjem mir-rikorrenti dwar id-distribuzzjoni tal-ispejjeż jikkostitwixxi motiv ġdid imqajjem fis-seduta u għalhekk huwa inammissibbli.
44 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ raġunijiet ġodda matul il-kawża hija pprojbita sakemm dawn ir-raġunijiet ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. F’dan ir-rigward, argument li jikkostitwixxi elaborazzjoni ta’ argument diġà mressaq, b’mod dirett jew impliċitu, u li għandu rabta mill-qrib miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, T‑195/00, Ġabra p. II‑1677, punti 33 u 34, u tal-24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, T-151/01, Ġabra p. II-1607, punt 71).
45 Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi kkunsidrati ġodda jikkostitwixxu żvilupp tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti bi tweġiba għall-argumentazzjoni mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha fil-kuntest tar-raba’ motiv, dwar in-natura realizzabbli tal-obbligi, tal-ħames motiv, dwar il-proporzjonalità tal-obbligi, u tas-sitt motiv, dwar l-eżistenza ta’ kontradizzjonijiet bejn id-dispożittiv u r-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata.
46 Għalhekk, l-allegazzjoni mill-Kummissjoni tal-inammissibbiltà ta’ motivi ġodda għandha tiġi miċħuda.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 17
L-argumenti tal-partijiet
47 Ir-rikorrenti tqis li l-ftehim ta’ sħubija ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li jeżisti, b’mod espliċitu jew impliċitu, obbligu ta’ esklużività fuqha. Hija tikkunsidra li, minkejja li hija llimitat ruħha u ddeċidiet li tikkoopera ma’ msieħeb reġjonali wieħed għal żona ta’ ġbir, ma hemm xejn xi jżommha milli tafda lil impriżi oħra bil-ġbir u/jew bl-għażla ta’ imballaġġi f’kull żona kkuntrattata. Għalhekk, l-allegati effetti restrittivi tal-kompetizzjoni jirriżultaw mill-eżistenza ta’ kuntratt kommutattiv li permezz tiegħu konsumatur privat jew professjonali jkopri l-ħtiġijiet tiegħu u ma jaqgħux għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.
48 Ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll li d-deċiżjoni tagħha li tillimita lilha nnifisha ma għandhiex l-effett li tħalli biss imsieħeb wieħed għal żona ta’ ġbir li jkun jista’ jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fil-kuntest ta’ sistema ta’ ġbir alternattiva. Insostenn ta’ din il-kunsiderazzjoni, hija ssostni li, fil-prattika, l-għażla ta’ msieħba potenzjali tiżdied minħabba l-fatt li, mal-eliminazzjoni ta’ imballaġġi industrijali, il-produttur ta’ skart jista’ liberament jagħżel l-impriża tal-ġbir li għandha tittrasporta l-imballaġġi lejn iċ-ċentri inkarigati tas-sistema ARA. Dan ifisser li, fid-diversi reġjuni tal-ġbir, minbarra l-imsieħeb reġjonali tar-rikorrenti għall-ġbir domestiku, diversi impriżi oħra tal-ġbir huma attivi. Ir-rikorrenti żżid li, mal-eliminazzjoni tal-iskart domestiku, AGR u ARO organizzaw, f’kull żona tal-ġbir, sistemi ta’ ġbir li ħafna drabi kienu jagħmlu sejħa għal imsieħba reġjonali oħra. Għalhekk, ma hemmx “monopolji lokali tal-impriżi tal-ġbir”, u l-Kummissjoni kellha tagħti approvazzjoni negattiva għal dawn il-kuntratti taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 17.
49 Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
50 Skont ir-rikorrenti, il-ftehim ta’ sħubija ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li hemm, b’mod espliċitu jew impliċitu, obbligu ta’ esklużività fuqha. Dan l-argument għandu jiġi eżaminat b’mod preliminari.
51 Mill-eżami tal-ftehim ta’ sħubija jirriżulta li dawn ma għandhom ebda klawżola ta’ esklużività territorjali formali favur imsieħba tal-ġbir u/jew tal-għażla. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni ma tobbliga lir-rikorrenti tintrabat biss ma’ msieħeb wieħed tal-ġbir u/jew tal-għażla skont ir-reġjun. Għalhekk, huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li teżamina jekk il-Kummissjoni pprovatx biżżejjed, fiċ-ċirkustanzi partikolari tas-suq rilevanti, li dawn il-kuntratti konklużi għal perijodu partikolari, ma’ msieħeb wieħed tal-ġbir u/jew tal-għażla, joperaw fir-realtà bħala esklużività li tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Imbagħad, ikun meħtieġ ukoll li jiġi vverifikat, fejn applikabbli, jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni identifikata hijiex kbira biżżejjed sabiex tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Kummissjoni li jimplikaw evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll għal dik tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II‑4653, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Skont l-eżami ta’ dawn il-ftehim mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tipprevedi li tintrabat biss ma’ msieħeb wieħed tal-ġbir u/jew tal-għażla ta’ reġjun tal-ġbir għal perijodu ta’ minn tliet snin sa ħames snin (ara l-premessi 95, 111 u 220 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan huwa spjegat, skont ir-rikorrenti, mill-fatt li l-ħtiġijiet tagħha marbuta mas-servizzi inkwistjoni huma suffiċjentement koperti minn imsieħeb wieħed.
53 Fil-fatt, mill-ftehim ta’ sħubija toħroġ ir-rieda tar-rikorrenti li jgħaddu l-provvista ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ imballaġġi domestiċi lil imsieħeb wieħed ta’ reġjun tal-ġbir għal perijodu ta’ minn tliet snin sa ħames snin. Ebda element fl-imsemmi ftehim ma jippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti tista’ tinjora, matul dan il-perijodu, il-limitazzjoni li hija imponiet fuqha u titlob lil impriżi oħra tal-ġbir u tal-għażla sabiex jipprovdulha simultanjament l-imsemmija servizzi fir-reġjun tal-ġbir inkwistjoni, pereżempju, sabiex tiffaċċja żieda fil-kwantitajiet ta’ imballaġġi taħt liċenzja.
54 Barra minn hekk, elementi oħra tal-ftehim ta’ sħubija jippermettu li jiġi stabbilit li l-parteċipazzjoni ta’ msieħeb supplimentari fit-territorju kkonċernat huwa eskluż. Għalhekk, il-bdil fil-ħlas tal-imsieħba reġjonali huwa previst meta jkun hemm bdil fis-sistema ta’ ġbir jew fit-tariffa kwantitattiva, iżda l-każ tad-dħul ta’ msieħeb ġdid tal-ġbir ma huwiex previst. Bl-istess mod, l-offerti standard li għandhom jiġu ppreżentati mill-impriżi li jkunu jridu jiksbu l-kuntratt għandhom dejjem jilħqu r-reġjun kollu tal-ġbir ikkonċernat.
55 Mill-premess jirriżulta li, matul iż-żmien tal-ftehim ta’ sħubija, l-impriżi esklużi ma jistgħux jagħmlu offerti lir-rikorrenti (ara l-premessi 221 sa 223, 228 u 236 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, anki mingħajr klawżola formali f’dan is-sens, il-ftehim ta’ sħubija għandhom l-istess effetti tal-inklużjoni ta’ klawżola ta’ esklużività territorjali favur kull imsieħeb tal-ġbir u/jew tal-għażla. Għaldaqstant, l-argument imqajjem mir-rikorrenti dwar l-ineżistenza ta’ obbligu ta’ esklużività huwa infondat.
56 Fir-rigward tal-analiżi tal-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni tal-ftehim ta’ sħubija, għandu jiġi speċifikat li, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali ma tistax tillimita ruħha għall-effetti tal-esklużività kkunsidrati iżolament u tirreferi biss għar-restrizzjonijiet imposti mill-ftehim ta’ sħubija fid-diversi reġjuni tal-ġbir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82). Fil-fatt, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-ftehim ta’ sħubija tar-rikorrenti jaqgħux taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, għandu, skont il-ġurisprudenza, jiġi eżaminat jekk il-ftehim kollu simili konkluż fis-suq rilevanti u elementi oħra tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu l-ftehim inkwistjoni jindikawx li huma għandhom l-effett kumulattiv li jagħlqu l-aċċess ta’ dan is-suq għal kompetituri ġodda. Jekk minn dan l-eżami jirriżulta li dan ma huwiex il-każ, il-ftehim individwali li jikkostitwixxu s-serje ta’ ftehim ma jistgħux joħolqu theddida għall-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Min-naħa l-oħra, jekk l-eżami jindika li l-aċċess għas-suq huwa diffiċli, ikun meħtieġ li jiġi mbagħad analizzat sa fejn il-ftehim inkwistjoni jikkontribwixxu għall-effett kumulattiv prodott, fid-dawl tal-fatt li huma preklużi biss il-kuntratti li jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għal qsim eventwali tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, Ġabra p. I‑935, punti 23 u 24, u s-sentenza Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).
57 Il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata li, fil-qasam tal-imballaġġi domestiċi, is-sistema ARA hija l-unika sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru li tkopri t-territorju nazzjonali Awstrijak kollu u t-tipi kollha ta’ materjal, bl-eċċezzjoni tal-kartun kompożit għax-xorb. Kif jirriżulta mill-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, din hija l-ikbar sistema li titlob servizzi ta’ eliminazzjoni tal-iskart.
58 Peress li l-ftehim ta’ sħubija huma konklużi mill-ikbar entità li titlob servizzi ta’ eliminazzjoni ta’ skart, jiġifieri r-rikorrenti, il-konsegwenza prattika tal-istabbiliment ta’ dan il-qafas ta’ ftehim hija l-għeluq tal-aċċess għas-suq għall-impriżi tal-ġbir u tal-għażla esklużi u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, min-naħa tal-provvista, fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi matul il-perijodu tal-ftehim, jiġifieri bejn tliet snin u ħames snin.
59 Peress li l-qafas ta’ ftehim ta’ sħubija stabbilit mir-rikorrenti jkopri t-territorju Awstrijak, din ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma tistax tkun limitata għal reġjun tal-ġbir. Dan għandu effetti fuq dan it-territorju kollu u, għalhekk, fis-suq kollu tal-ġbir u tal-għażla ġeografikament rilevanti (ara l-premessa 226 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, l-impriżi esklużi għandhom diffikultajiet kemm sabiex iduru mal-qafas ta’ ftehim u jidħlu fis-suq Awstrijak tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi kif ukoll sabiex jibqgħu f’dan is-suq.
60 Din is-sitwazzjoni hija aggravata bl-eżistenza ta’ ostakli supplimentari għall-aċċess għas-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi. Fil-fatt, raġunijiet marbuta mal-amministrazzjoni tat-territorju u l-loġistika neċessarja għall-immaniġġar tal-iskart jipprekludu l-installazzjoni ta’ infrastrutturi oħra tal-ġbir ta’ skart domestiku (ara l-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan huwa kkonfermat mill-osservazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet Awstrijaki (ara l-premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla mill-bidu tal-attività tagħhom, il-kompetituri eventwali tas-sistema ARA ma jistgħux jikkonkludu ftehim ma’ impriżi oħra tal-ġbir għall-installazzjoni ta’ infrastrutturi tal-ġbir supplimentari viċin reċipjenti eżistenti u huma għalhekk preklużi milli jassoċjaw ruħhom mal-imsieħba tal-ġbir tar-rikorrenti. Pereżempju, is-sistema kompetitriċi Öko-Box teħtieġ li tuża parzjalment l-infrastrutturi tal-ġbir tar-rikorrenti sabiex tkabbar l-attività tagħha ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ kartun kompożit għax-xorb (ara l-premessi 177 u 227 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan ma huwiex ikkontestat minnha.
61 Fir-rigward tal-infrastrutturi tal-għażla, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-aċċess għas-suq huwa ostakolat mill-fatt li l-istabbilliment ta’ installazzjonijiet ġodda tal-għażla jirrikjedi investimenti kbar, li jikkostitwixxi ostaklu li ma huwiex insinjifikattiv għad-dħul fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi (ara l-premessa 318 tad-deċiżjoni kkontestata).
62 Dawn iċ-ċirkustanzi kollha wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi, fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata, li “huwa improbabbli li, matul il-perijodu ta’ validità tal-ftehim ta’ sħubija reġjonali, l-impriżi tal-ġbir u tal-għażla esklużi ġew offerti, fis-suq inkwistjoni, fid-diversi territorji kuntrattwali, opportunitajiet kummerċjali ġodda ta’ importanza sostanzjali, jiġifieri konsiderevoli”. Skont il-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-impriżi tal-għażla.
63 Mill-premess jirriżulta li l-limitazzjoni li r-rikorrenti timponi fuqha ma għandhiex biss l-effett li tillimita l-libertà ta’ azzjoni tagħha stess. Fil-fatt, hija tirrestrinġi, min-naħa tal-provvista, l-aċċess għas-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi għall-impriżi tal-ġbir u tal-għażla esklużi, inkwantu hija tillimita l-possibbiltajiet ta’ dawn l-impriżi li jaġixxu f’dan is-suq. Għalhekk, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti ssostni, dawn l-effetti jmorru lil hinn minn dawk ta’ kuntratt kommutattiv li permezz tiegħu konsumatur privat jew professjonali jkopri l-ħtiġijiet tiegħu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-qafas ta’ ftehim ta’ sħubija għalaq is-suq rilevanti għall-imsemmija impriżi u ħoloq għalhekk restrizzjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, il-qafas ta’ ftehim ta’ sħubija nnotifikati lill-Kummissjoni ma jistax jikseb approvazzjoni negattiva taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 17.
64 Ladarba l-eżistenza ta’ restrizzjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni ġiet ikkonstatata, il-Kummissjoni aċċettat, fil-premessi 275, 276 u 316 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim ta’ sħubija kienu ġġustifikati mill-perspettiva tal-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ għażla minħabba raġunijiet ta’ amminstrazzjoni u ta’ effiċjenza, minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata provvista affidabbli ta’ servizzi ta’ ġbir, kif ukoll minħabba n-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-organizzazzjoni u kien meħtieġ li jsiru investimenti sabiex il-ftehim ta’ ġbir u ta’ għażla jiġi implementat. Skont il-Kummissjoni, dan l-obbligu ta’ esklużività huwa għalhekk restrizzjoni indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan tal-organizzazzjoni razzjonali tal-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq Awstrijak, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE (ara l-premessi 268 sa 287 u 316 tad-deċiżjoni kkontestata).
65 Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li din ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi tista’ twassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni fuq dak upstream, jiġifieri s-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi, kemm-il darba r-rikorrenti jirnexxilha timponi fuq l-imsieħba tagħha esklużività de facto fil-provvista tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla (ara l-premessi 230, 234 u 286 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, din l-esklużività tippermettilha timblokka l-aċċess għall-infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla eżistenti għall-kompetituri potenzjali tagħha. F’sitwazzjoni bħal din, dawn ma għandhomx il-possibbiltà reali u konkreta li jevitaw il-qafas ta’ kuntratti stabbilit mir-rikorrenti, peress li, fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi, ma hemmx impriża tal-ġbir u tal-għażla oħra li tista’ toffrilhom dawn is-servizzi, taħt kundizzjonijiet kompetittivi, mill-bidu tal-attività tagħhom. Għalhekk, l-impenn tar-rikorrenti li tintrabat biss ma’ msieħeb wieħed tal-ġbir u/jew tal-għażla għal reġjun tal-ġbir jista’ jwassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi, li hija riflessa immedjatament f’limitazzjoni tad-domanda tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi (ara l-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata).
66 Għalhekk, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti tafferma, il-problema ma tinsabx fil-fatt li l-ftehim ta’ sħubija jagħtu lok għal “monopolji lokali tal-impriżi tal-ġbir” li jmorru kontra l-Artikolu 81(1) KE, iżda fil-fatt li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi tippermetti, fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq, l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi, b’mod li tillimita d-domanda tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi.
67 Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessi 231, 234 u 236 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma pprekludietx l-użu konġunt ta’ infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li ċerti fakultajiet li r-rikorrenti assumiet, taħt l-impenn Nru 3, jistgħu jintużaw sabiex irendu iktar diffiċli l-aċċess għas-suq tal-kompetituri potenzjali tagħha. Sabiex dan ir-riskju jiġi nnewtralizzat, il-Kummissjoni ddeċidiet timponi fuq ir-rikorrenti ż-żewġ obbligi previsti fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17 (ara l-premessi 287, 288 u 318 tad-deċiżjoni kkontestata).
68 Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-possibbiltà li r-rikorrenti tkun tista’ tinqeda mill-eżistenza ta’ msieħeb wieħed għal reġjun tal-ġbir u mill-fakultajiet li hija assumiet fl-impenn Nru 3 sabiex telimina l-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi tiġġustifika l-impożizzjoni tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-obbligi, intiżi essenzjalment sabiex iżommu lir-rikorrenti milli timpedixxi l-użu konġunt ta’ infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla, kif ukoll milli tassumi, fil-każijiet ta’ użu konġunt, il-parti mill-imballaġġi miġbura li ma jaqgħux taħtha, jippermettu li jiġi evitat li r-rikorrenti tipprekludi l-aċċess tas-sistemi kompetitriċi għall-infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla diġà eżistenti u li hija għalhekk tkun tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi u, għalhekk, tillimita d-domanda tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi.
69 Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni billi ssostni li l-għażla ta’ msieħba potenzjali hija estiża, peress li, fir-rigward tal-eliminazzjoni ta’ imballaġġi industrijali, il-produtturi ta’ skart jagħżlu liberament l-imsieħba reġjonali tagħhom u li, fir-rigward tal-eliminazzjoni ta’ skart domestiku, AGR u ARO organizzaw, f’kull wieħed mir-reġjuni tal-ġbir, sistemi ta’ ġbir li ħafna drabi kienu jagħmlu sejħa għal imsieħba reġjonali oħra.
70 Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-suq tal-ġbir ta’ imballaġġi industrijali, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess u b’mod kuntrarju għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, hemm ftehim ta’ sħubija uniku għall-ġbir ta’ imballaġġi industrijali u domestiċi li permezz tiegħu msieħeb wieħed tar-rikorrenti jiżgura s-servizzi ta’ ġbir taż-żewġ tipi ta’ imballaġġi. Skont dan il-ftehim, dawn iż-żewġ tipi ta’ imballaġġi jistgħu wkoll jinġabru simultanjament. Il-fatt li msieħeb wieħed għandu jiżgura l-ġbir taż-żewġ tipi ta’ imballaġġ jeskludi għalhekk kull possibbiltà li l-impriżi speċjalizzati biss fil-ġbir ta’ wieħed minn dawn l-imballaġġi jsiru msieħba tal-ġbir. Madankollu, skont ir-rikorrenti, dan il-fatt ma jżommhomx milli jidħlu fis-suq, peress li dawn jistgħu joffru servizzi ta’ trasport jew ta’ ġbir ta’ imballaġġi industrijali għall-produtturi tal-imsemmi skart fit-termini indikati fil-punt 75 iktar ’l isfel.
71 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li s-swieq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi u industrijali għandhom differenzi tant kbar li l-provvisti ta’ impriżi tal-ġbir u tal-għażla speċjalizzati f’wieħed minn dawn iż-żewġ swieq ma humiex interkambjabbli u l-imsemmija impriżi ma jistgħux jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq l-ieħor. Kif il-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr prova kuntrarja min-naħa tar-rikorrenti, is-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla għandhom jiġu organizzati b’mod differenti, fid-dawl tad-diversi ħtiġijiet speċifiċi għall-ġbir u għall-għażla (ara l-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata).
72 Fil-fatt, fir-rigward tal-għażla, l-impriżi l-kbar jipproduċu l-ikbar kwantitajiet ta’ imballaġġi, li jitħallew fuq il-postijiet ta’ produzzjoni wara li jintgħażlu skont it-tip ta’ materjal. Minħabba f’hekk, ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita infrastruttura tal-għażla għall-imballaġġi industrijali, bħal dik prevista għall-imballaġġi domestiċi u, barra minn hekk, il-ftehim ta’ sħubija jippermetti lill-imsieħeb tal-ġbir li jippenalizza lill-fornituri ta’ imballaġġi li jkollhom imballaġġi mħallta.
73 Bl-istess mod, fir-rigward tal-ġbir, kif jirriżulta mill-ftehim ta’ sħubija, il-ġbir ta’ imballaġġi industrijali għandu ċerti karatteristiċi partikolari meta mqabbel ma’ dak ta’ imballaġġi domestiċi. Għalhekk, fil-każ ta’ imballaġġi industrijali, l-imsieħeb tal-ġbir jaġixxi bħala amministratur taċ-ċentru reġjonali inkarigati. L-attività prinċipali tiegħu hija dik li jirċievi l-materjal ikkonsenjat mill-produtturi l-kbar ta’ skart industrijali, li jaġixxu bħala fornituri ta’ skart, u li jirreġistra ċ-ċertifikati dwar il-piż tal-materjal ikkonsenjat skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, sabiex jiġi vverifikat jekk il-kwantitajiet minimi ntlaħqux (ara wkoll il-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-produtturi tal-iskart għandhom għalhekk l-obbligu li jibagħtu l-materjal magħżul fiċ-ċentru inkarigat. B’mod sekondarju, fil-każ ta’ reġjuni industrijalizzati ħafna, l-imsieħeb tal-ġbir joffri wkoll servizz ta’ ġbir li jippermetti li l-imballaġġi taħt liċenzja jinġabru fuq il-postijiet ta’ produzzjoni, li jista’, kif indikat mir-rikorrenti, jiġi rrifjutat mill-produtturi tal-iskart. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ imballaġġi domestiċi, mill-ftehim ta’ sħubija jirriżulta li l-provvista ta’ ġbir tinkludi l-iżvojtar sistematiku ta’ reċipjenti tal-ġbir u l-ġbir ta’ boroż tal-ġbir, ipprovduti mill-imsieħeb tal-ġbir, skont skeda speċifika tal-jiem ta’ ġbir redatta minnu, kif ukoll it-trasport tal-iskart miġbur mid-djar lejn l-installazzjoni tal-għażla, filwaqt li l-imsieħeb tal-ġbir huwa responsabbli fil-konfront ta’ ARA għall-kwalità tal-imballaġġi miġbura.
74 Konsegwentement hemm differenzi kbar bejn is-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ imballaġġi domestiċi u industrijali. Għalhekk, kif ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx sostitwibbiltà funzjonali bejn is-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ imballaġġi domestiċi u dawk ta’ imballaġġi industrijali (ara l-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata).
75 Ċertament, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-impriżi tal-ġbir esklużi jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fis-suq tal-ġbir u tal-għażla tal-imballaġġi industrijali lill-produtturi ta’ skart li huma meħtieġa jittrasportaw l-iskart tagħhom saċ-ċentru inkarigat jew ukoll joffrulhom servizzi ta’ ġbir b’mod li jikkompetu ma’ dawk offruti mill-imsieħeb tal-ġbir fir-reġjuni industrijalizzati ħafna. Madankollu, fid-dawl tan-nuqqas ta’ sostitwibbiltà funzjonali bejn il-ġbir ta’ imballaġġi domestiċi u industrijali, għandu jiġi kkunsidrat li l-impriżi speċjalizzati fis-settur domestiku ma humiex, fil-prinċipju, f’pożizzjoni li jipprovdu servizzi ta’ ġbir ta’ imballaġġi industrijali. Għalhekk, il-fatt li l-produtturi ta’ skart industrijali jistgħu jagħżlu liberament l-imsieħeb tagħhom ma jista’ jkollu ebda rwol fil-każ ineżami.
76 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eliminazzjoni ta’ karti qodma domestiċi, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti, li “ARO tixtri biss kwantitajiet determinati għas-sistemi ta’ ġbir muniċipali ta’ karti qodma”, li kienu jeżistu qabel l-istabbiliment tas-sistema ARA. Skont il-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni hija identika fir-rigward tal-eliminazzjoni tal-ħġieġ użat.
77 Mill-premess jirriżulta li ma huwiex mistenni li l-impriżi tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi esklużi, minn naħa, jistgħu faċilment jaċċedu għas-suq tal-ġbir u tal-għażla tal-imballaġġi industrijali u, min-naħa l-oħra, jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom, fis-suq tal-ġbir tal-karti qodma jew f’dak tal-ġbir tal-ħġieġ użat, peress li dawn is-swieq jiffunzjonaw fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ sistemi ta’ ġbir muniċipali u huma għalhekk magħluqa għad-dħul ta’ kompetituri li jista’ jkun hemm. Konsegwentement, b’mod kuntrarju għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ dawn is-swieq ma hijiex rilevanti għall-finijiet tat-tkabbir tad-domanda tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ imballaġġi domestiċi u sabiex jiġi żgurat li l-impriżi f’kompetizzjoni mal-imsieħba reġjonali tar-rikorrenti jinżammu.
78 Dawn il-konklużjonijiet ma humiex ikkonfutati mill-argument tar-rikorrenti invokat fis-seduta, li restrizzjoni tal-kompetizzjoni tista’ titqiegħed f’dubju jekk ftehim ikun jidher neċessarju għad-dħul ta’ impriża f’żona fejn hija ma kinitx taġixxi [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 (Germany) vs Il-Kummissjoni, T‑328/03, Ġabra p. II‑1231, punt 68].
79 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ ineżami, b’mod kuntrarju għall-kawża li wasslet għas-sentenza O2 (Germany) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma ġiex stabbilit li l-qafas ta’ ftehim ta’ sħubija stabbilit mir-rikorrenti kien jippermetti d-dħul fis-suq ta’ impriża kompetitriċi. Għall-kuntrarju, kif ġie rrilevat fil-punt 65 iktar ’il fuq, l-effett kumulattiv tal-imsemmi qafas seta’ jagħlaq lill-kompetituri tas-sistema ARA l-aċċess għas-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni tal-imballaġġi domestiċi. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.
80 Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, minn naħa, li kien hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-ġbir u tal-għażla tal-imballaġġi ħfief u li din ir-restrizzjoni setgħet tibbenefika minn eżenzjoni individwali fid-dawl tal-effetti pożittivi tagħha fuq l-organizzazzjoni tal-ġbir u tal-għażla tal-imballaġġi domestiċi u, min-naħa l-oħra, li din ir-restrizzjoni seta’ jkollha effetti fuq is-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni tal-imballaġġi domestiċi u, għalhekk, fuq id-domanda tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-imballaġġi domestiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li, sabiex tevita li r-rikorrenti tkun tista’ telimina l-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni tal-imballaġġi domestiċi, kien meħtieġ li mal-eżenzjoni jiżdiedu żewġ obbligi ċċitati fil-punt 27 iktar ’il fuq. Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-konformità tal-ftehim ta’ sħubija mal-kundizzjonijiet tar-Regolament Nru 2790/1999
L-argumenti tal-partijiet
81 Ir-rikorrenti tqis li, anki li kieku l-ftehim ta’ sħubija jinvolvu obbligu ta’ esklużività fuqha, dan ikun eżentat mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2790/1999, li barra minn hekk ma tippermettix li jiġu imposti obbligi fuq il-benefiċjarji tal-eżenzjoni. Fil-fatt, skont id-definizzjoni tas-suq rilevanti stabbilita mill-Kummissjoni fil-premessa 155 u dawk sussegwenti tad-deċiżjoni kkontestata, ebda msieħeb reġjonali tar-rikorrenti fl-Awstrija ma għandu sehem ikbar minn 30 % fis-suq tal-ġbir u/jew tal-għażla tal-imballaġġi ħfief. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li r-Regolament Nru 2790/1999 jagħti eżenzjoni lis-sistemi ta’ distribuzzjoni li jirriżervaw territorji esklużivi għal ċerti distributuri u tikkunsidra għalhekk li dan ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward tal-qafas ta’ kuntratti ta’ sħubija, li fih l-awtorità kontraenti tirriżerva għall-imsieħba tagħha territorji esklużivi.
82 Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll id-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq ġeografiku rilevanti billi targumenta li r-reġjuni tal-ġbir ma jikkorrispondu għal ebda żona ta’ attività ekonomika, peress li dawn ġew iddefiniti minnha meta saru s-sejħiet tagħha għal offerti. Bl-istess mod, hija tikkunsidra li l-kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tas-sehem mis-suq ta’ fornitur hija s-sitwazzjoni eżistenti qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ sħubija, u mhux dik ta’ wara l-konklużjoni tagħhom.
83 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li hija ma rreferietx għar-Regolament Nru 2790/1999 qabel il-preżentata tar-rikors minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ippubblikat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
84 Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
85 B’mod preliminari, għandu jsir eżami tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fis-sens li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tinvoka qabel l-argumenti bbażati fuq ir-Regolament Nru 2790/1999.
86 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, b’ittra tat-28 ta’ Awwissu 2001, ARA u ARGEV talbu approvazzjoni negattiva għall-ftehim innotifikati jew, jekk ikun il-każ, deċiżjoni ta’ eżenzjoni, skont l-Artikolu 81(3) KE. Din it-talba tressqet skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3385/94, tal-21 ta’ Diċembru 1994, dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tal-applikazzjonijiet u n-notifiki li hemm maħsuba fir-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 75), kif ukoll tal-formularju A/B anness miegħu, mingħajr ma saret ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni.
87 Fit-tieni lok, skont il-paragrafu 139 tal-Avviż tad-19 ta’ Ottubru 2002 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-ftehim innotifikati fuq il-bażi tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jew li tagħti lill-partijiet eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) KE u l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE, b’żieda, possibbilment, ta’ restrizzjonijiet.
88 Fit-tielet lok, fl-1 ta’ April 2003, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti ittra li fiha hija indikat li kienet tipprevedi l-possibbiltà li tadotta deċiżjoni pożittiva skont l-Artikolu 81 KE u, b’mod konformi mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17, li żżid ma’ din id-deċiżjoni ċerti obbligi dwar l-użu konġunt tal-installazzjonijiet tal-ġbir. Fil-parti intitolata “Motivazzjoni”, il-Kummissjoni esponiet b’mod dettaljat ir-raġunijiet li minħabba fihom kien possibbli li tingħata eżenzjoni individwali favur il-ftehim ta’ sħubija, kif ukoll dawk li minħabba fihom hija tikkunsidra li ċerti ftehim tas-sistema ARA seta’ jkollhom effett ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni li jiġġustifika l-impożizzjoni tal-imsemmija obbligi. Fl-aħħar nett, din l-ittra informat lir-rikorrenti bil-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet fi żmien xahar dekorribbli minn meta tirċievi l-istess ittra. Fit-tieni ittra, tas-6 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bit-tibdil fl-obbligi previsti sabiex tingħata tweġiba għad-domandi tagħha kif ukoll għal dawk tal-awtoritajiet Awstrijaki.
89 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkontestat li r-rikorrenti setgħet, matul il-proċedura amministrattiva, tkun taf bl-effetti ta’ eliminazzjoni possibbli tal-kompetizzjoni tal-ftehim innotifikat kif ukoll tal-obbligi li l-Kummissjoni kienet tipprevedi li timponi fuqha fl-ambitu ta’ eżenzjoni individwali. Madankollu, kif jirriżulta mill-ittri tas-16 ta’ Mejju u tal-25 ta’ Ġunju 2003, mibgħuta mir-rikorrenti lill-Kummissjoni bi tweġiba għal dawk tal-1 ta’ April u tas-6 ta’ Ġunju 2003, hija ma talbitx espressament l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2790/1999 lanqas ma qajmet xi oġġezzjoni dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni fil-każ ineżami tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jew id-definizzjoni tas-suq rilevanti f’dan ir-rigward. Kif irrilevat mill-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza tispjega l-fatt li l-argumenti bbażati fuq ir-Regolament Nru 2790/1999 ma ġewx imwieġba fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, in-nuqqas ta’ kull riferiment għal dawn l-argumenti fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jikkonfuta l-legalità tagħha.
90 Fi kwalunkwe każ, anki jekk stess ir-rikorrenti, meta talbet il-benefiċċju ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE, kienet qiegħda impliċitament titlob l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2790/1999, il-motiv ibbażat essenzjalment fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma jistax irendi illegali d-deċiżjoni kkontestata.
91 Fil-fatt, il-ftehim ta’ sħubija huma kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi li jorbtu lir-rikorrenti b’mod esklużiv għal kull reġjun tal-ġbir ma’ msieħeb tal-ġbir u/jew tal-għażla, filwaqt li kull wieħed minnhom jopera f’livell differenti tal-ispettru tal-eliminazzjoni tal-imballaġġi domestiċi. B’dawn il-kuntratti, il-partijiet jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom għandhom isiru l-ġbir u l-għażla tal-imballaġġi domestiċi li jaqgħu f’idejn ir-rikorrenti f’kull reġjun tal-ġbir. Dawn huma, għalhekk, ftehim ta’ subappalt bejn impriżi li ma humiex kompetituri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2790/1999.
92 Kif jirriżulta mill-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrenti, is-suq ġeografiku rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE huwa, fil-każijiet tas-suq tas-sistemi u tas-swieq tal-ġbir u tal-għażla, it-territorju Awstrijak kollu, peress li l-kundizzjonijiet oġġettivi tad-domanda u tal-provvista fis-suq huma sostanzjalment differenti minn dawk prevalenti f’reġjuni oħra tas-suq intern. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka fil-qasam tal-eliminazzjoni tal-imballaġġi ċċitati fil-punt 5 iktar ’il fuq tiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom l-imsemmija attività għandha tiżvolġi fl-intier tat-territorju Awstrijak, u dawn il-kundizzjonijiet jikkostitwixxu għalhekk kundizzjonijiet partikolari meta mqabbla ma’ dawk ta’ territorji oħra fi ħdan is-suq intern. Barra minn hekk, huwa fl-intier ta’ dan it-territorju li r-rikorrenti tistabbilixxi l-qafas ta’ ftehim ta’ sħubija tagħha, li, minħabba l-effett kumulattiv tal-kuntratti li jirrigwardaw kull reġjun tal-ġbir, jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni kemm fis-suq tas-sistemi tal-eliminazzjoni tal-imballaġġi domestiċi kif ukoll fis-suq tal-ġbir u tal-għażla tal-imsemmija imballaġġi.
93 Min-naħa l-oħra, it-territorju rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk, fil-każ ineżami, il-limitu ta’ 30 % previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2790/1999 inqabiżx huwa r-reġjun tal-ġbir, bħala territorju li fih l-imsieħba tal-ġbir u/jew tal-għażla jintrabtu mar-rikorrenti u bħala post fejn huma jipprovdu s-servizzi tagħhom. Fil-fatt, ir-rikorrenti tagħmel is-sejħiet tagħha għal offerti għal kull wieħed minn dawn ir-reġjuni u l-imsieħba joffru s-servizzi tagħhom billi jorganizzaw infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla f’kull wieħed minn dawn ir-reġjuni. Barra minn hekk, il-punt 7 tas-sejħa għal offerti standard jindika l-eżistenza ta’ aspetti speċifiċi skont ir-reġjun tal-ġbir, li huma deskritti f’dokument intitolat “Select Regional, Teil L”. Bl-istess mod, ir-rapport tal-attività tar-rikorrenti dwar is-sena 2002 jindika b’mod iktar speċifiku li d-distretti u l-kunsilli lokali huma miġbura fi ħdan reġjuni tal-ġbir li għal kull wieħed minnhom ir-rikorrenti żviluppat kunċett ta’ ġbir adattat u għalkollox speċifiku.
94 Mill-premess jirriżulta li kull reġjun tal-ġbir għandu kundizzjonijiet omoġenji ta’ provvista ta’ servizzi u jista’ jiddistingwi ruħu mir-reġjuni viċini minħabba l-aspetti partikolari tiegħu u kundizzjonijiet ta’ provvista ta’ servizzi, b’mod konformi mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 90 tal-Avviż tal-Kummissjoni 2000/C 291/01 – Linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet vertikali (ĠU 2000, C 291, p. 1), sabiex jiġi ddeterminat is-suq ġeografiku rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu previst mir-Regolament Nru 2790/1999.
95 Il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq ġeografiku rilevanti sabiex jiġu eżaminati l-effetti antikompetittivi tal-ftehim innotifikati huwa t-territorju Awstrijak kollu ma jaffettwax lil din il-konklużjoni. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix is-sejba, f’dan it-territorju, ta’ swieq ġeografiċi iktar limitati mill-perspettiva tal-fornituri tas-servizzi tal-ġbir u tal-għażla, li fihom il-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi huma omoġenji u differenti minn dawk tar-reġjuni viċini. Għalhekk, kif ġie indikat fil-punt 93 iktar ’il fuq, huma r-reġjuni tal-ġbir li jikkostitwixxu s-swieq rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk ir-rikorrenti tistax tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali prevista fir-Regolament Nru 2790/1999.
96 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-element deċiżiv għad-determinazzjoni tas-sehem mis-suq ta’ fornitur huwa s-sitwazzjoni eżistenti qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ sħubija, u mhux dik ta’ wara l-konklużjoni tagħhom, għandu jiġi mfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 2790/1999, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3, “is-sehem tas-suq għandu jkun ikkalkulat abbażi ta’ data relatata mas-sena tal-kalendarju ta’ qabel”. Għandu jiġi enfasizzat ukoll, kif il-Kummissjoni rrilevat, li, fil-każ ta’ swieq ġodda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument li fih inħoloq is-suq. Huwa biss minn dan il-mument li jista’ jiġi stabbilit sa liema livell il-fornitur għandu saħħa fis-suq, billi jiġi kkalkolat is-sehem mis-suq li jikkorrispondi għalih, b’mod konformi mal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 2790/1999.
97 Fil-każ ineżami, dan ifisser li, sabiex jiġi kkalkolat is-sehem mis-suq ta’ kull wieħed mill-imsieħba tal-ġbir u/jew tal-għażla, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni wara l-konklużjoni tal-ftehim tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi, u mhux, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti ssostni, is-sitwazzjoni preċedenti.
98 Bħala fornituri ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla li magħhom ir-rikorrenti hija marbuta esklużivament, l-imsieħba tal-ġbir u tal-għażla jaqbżu sostanzjalment il-limitu ta’ 30 % tas-sehem mis-suq stabbilit mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2790/1999. Minn naħa, skont il-premessa 225 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, fil-qasam tal-imballaġġi domestiċi ħfief, hija biss Öko-Box li stabbilixxiet sistema kompetitriċi għal tip ta’ imballaġġi domestiċi, jiġifieri l-kartun kompożit għax-xorb. Min-naħa l-oħra, kif ir-rikorrenti rrikonoxxiet fl-atti tagħha, Öko-Box żviluppat sistema li tuża infrastrutturi tal-ġbir biss għal parti mill-imballaġġi, billi ssejjaħ f’dan il-każ lill-imsieħba tal-ġbir tar-rikorrenti. Għalhekk, is-sehem mis-suq tal-imsieħba reġjonali tal-ġbir u/jew tal-għażla jista’ faċilment jilħaq il-100 % u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2790/1999 ma jippermettix għalhekk li tingħata lill-ftehim innotifikati eżenzjoni ġenerali libera minn kull obbligu.
99 Fid-dawl tal-premess, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata tat-teorija tal-“faċilitajiet essenzjali”
L-argumenti tal-partijiet
100 Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni tat importanza deċiżiva lil aċċess liberu u mingħajr ostakli ta’ sistemi oħra tal-ġbir għall-infrastrutturi tagħha tal-ġbir bil-għan li tintensifika l-kompetizzjoni u ssostni li l-Artikolu 2 u, partikolarment, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu tentattiv ta’ impożizzjoni ta’ obbligu fuq is-sistema ARA mingħajr l-osservanza tar-rekwiżiti tat-teorija tal-“faċilitajiet essenzjali”.
101 Insostenn ta’ dan il-motiv, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li, fil-prinċipju, il-ftehim tagħha ta’ sħubija ma jipprekludux użu konġunt tar-reċipjenti u li, mill-imsemmija kuntratti, ma tirriżulta għalhekk ebda esklużività favur tagħha fir-rigward tar-reċipjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx restrizzjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni u l-obbligi imposti mill-Kummissjoni ma jistgħux ikunu bbażati fuq l-Artikolu 81(3) KE u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17.
102 Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, fir-realtà, id-deċiżjoni kkontestata timponi fuqha obbligu ta’ “ċessjoni” tal-kapaċitajiet tagħha lil kompetituri, u dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali obbligu jista’ jkun leġittimu biss jekk l-installazzjonijiet tal-ġbir organizzati mir-rikorrenti jkunu installazzjonijiet essenzjali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, Ġabra p. I‑7791). Issa, fil-każ ineżami, dan ma huwiex il-każ peress li, mill-perspettiva teknika, huwa possibbli li l-istrutturi eżistenti tal-ġbir tar-rikorrenti jiġu rdoppjati billi jkun permess li jiġu stabbiliti sistemi ta’ ġbir kompetitriċi fil-postijiet fejn din tiġġestixxi sistema ta’ depożitu u viċeversa.
103 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
104 Skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, ġie kkunsidrat abbużiv il-fatt li impriża li jkollha pożizzjoni dominanti f’suq partikolari tirrifjuta milli tforni impriża, li magħha hija tkun qed tikkompeti f’suq viċin, il-materja prima jew is-servizzi indispensabbli għall-eżerċizzju tagħha, sa fejn l-aġir inkwistjoni jkun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni min-naħa ta’ din l-impriża (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Bronner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, u tad-29 ta’ April 2004, IMS Health, C‑418/01, Ġabra p. I‑5039, punti 40 sa 45). F’dawn il-każijiet, peress li kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur, b’mod partikolari dak ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni tista’, taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, tiżgura l-effettività tad-deċiżjoni tagħha billi timponi ċerti obbligi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743, punti 90 u 91).
105 Skont il-ftehim ta’ sħubija, l-imsieħba tal-ġbir u tal-għażla huma obbligati jistabbilixxu l-infrastrutturi meħtieġa għall-implementazzjoni tal-obbligi kuntrattwali tagħhom (ara l-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata). L-imsemmija infrastrutturi huma proprjetà tal-imsieħba tal-ġbir u tal-għażla, u mhux tar-rikorrenti, li sempliċement tinnegozja l-istabbiliment tagħhom mal-awtoritajiet territorjali. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li hija ma għandha ebda dritt ta’ proprjetà jew ta’ kontroll fuq dawn l-installazzjonijiet li jippermettilha li tirrifjuta b’mod abbużiv il-provvista ta’ servizzi tal-ġbir lill-kompetituri tagħha bil-għan li teskludihom mis-suq tal-eliminazzjoni tal-imballaġġi.
106 Madankollu, taħt il-ftehim ta’ sħubija u permezz ta’ fakultajiet ta’ organizzazzjoni li hija tat lilha nfisha fl-impenn Nru 3, ir-rikorrenti hija f’pożizzjoni li tikkontrolla, b’mod konġunt mal-imsieħba tagħha, l-aċċess għall-infrastrutturi stabbiliti f’kull reġjun tal-ġbir. B’dan il-mod, ir-rikorrenti hija f’pożizzjoni li timblokka l-aċċess tal-kompetituri tagħha għall-infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla proprjetà tal-imsieħba tagħha.
107 Fil-fatt, kif il-Kummissjoni enfasizzat fil-premessa 234 tad-deċiżjoni kkontestata, il-problema fil-każ ineżami hija dik li permezz tal-fakultajiet ta’ organizzazzjoni li r-rikorrenti tat lilha nfisha fl-impenn Nru 3, din tista’ timpedixxi l-użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla. Billi tieħu vantaġġ minn dawn il-fakultajiet ta’ organizzazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tista’, b’mod partikolari, timpedixxi lill-imsieħba tal-ġbir li jkunu jridu jiftħu l-infrastrutturi tagħhom għall-kompetituri tas-sistema ARA u trendi għalhekk iktar diffiċli d-dħul tagħhom fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni tal-imballaġġi domestiċi. Dan l-aġir għandu r-riskju li joħloq restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq u li jillimita għalhekk d-domanda tas-servizzi tal-ġbir u tal-għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla tal-imballaġġi domestiċi.
108 Kif ġie indikat fil-punt 67 iktar ’il fuq, sabiex jitneħħa dan ir-riskju l-Kummissjoni qieset neċessarju li mal-eżenzjoni individwali jiżdiedu l-obbligi previsti fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod konformi mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17.
109 Għalhekk, fil-każ ineżami, ma huwiex il-każ ta’ rifjut unilaterali min-naħa tar-rikorrenti li tipprovdi lill-impriżi kompetituri servizz neċessarju għat-tkabbir ta’ suq viċin, li huwa kuntrarju għall-Artikolu 82 KE u li jiġġustifika għalhekk l-applikazzjoni tat-teorija tal-“faċilitajiet essenzjali”. Dan huwa każ fejn il-pożizzjoni li r-rikorrenti tirriżerva għaliha nfisha permezz ta’ ftehim ta’ sħubija mal-impriżi tal-ġbir u tal-għażla tista’ twassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi tal-eliminazzjoni tal-imballaġġi domestiċi, billi tillimita għalhekk id-domanda tas-servizzi tal-ġbir u tal-għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla tal-imballaġġi domestiċi. Konsegwentement, kienet korretta l-Kummissjoni meta ma applikatx fil-każ ineżami t-teorija tal-“faċilitajiet essenzjali” u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta magħha.
110 Mill-premess jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni ma pprovatx tapplika, fil-każ ineżami, it-teorija tal-“faċilitajiet essenzjali” u, min-naħa l-oħra, li t-teorija tal-“faċilitajiet essenzjali” kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta magħha ma humiex applikabbli fil-każ ineżami għall-finijiet tal-eżami tal-legalità tal-obbligi li jakkompanjaw l-eżenzjoni individwali mogħtija mill-Kummissjoni lir-rikorrenti. Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura mhux realizzabbli tal-obbligi previsti mid-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
111 Ir-rikorrenti ssostni li l-obbligi imposti bid-deċiżjoni kkontestata jinjoraw l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li dawn ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma jirrapreżentawx l-iżgħar piż possibbli.
112 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-aspetti partikolari tas-sistema ARA, peress li, b’mod differenti mis-sistema tal-eliminazzjoni tal-iskart eżistenti fil-Ġermanja, il-ġbir, l-għażla u l-irkupru jsiru fil-parti l-kbira tagħhom minn diversi impriżi u dawn l-imsieħba ma jistgħux jipprovdu provi a posteriori li jistabbilixxu l-volum ta’ imballaġġi miġbur, magħżul u rkuprat iżda huma marbuta li jieħdu lura l-imballaġġi miġbura fiżikament b’mod kontinwu fiċ-ċentri inkarigati tar-rikorrenti. Konsegwentement, l-obbligu impost fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu l-għan uniku li jimpedixxi lir-rikorrenti milli titlob kwota mill-prodotti miġbura ikbar minn dik li tikkorrispondi għaliha. Għalhekk, dan l-obbligu jimplika li r-rikorrenti tkun informata bis-sehem mis-suq tas-sistema ARA fil-mument tal-konsenja tal-imballaġġi miġbura, u dan ma huwiex possibbli għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hija dik li s-sistemi tal-ġbir esterjuri, jiġifieri dawk li ma għandhomx interess f’użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir, ma humiex marbuta jinformaw lir-rikorrenti bil-volumi tagħhom taħt liċenzja, u dan irendi impossibbli l-kalkolu tal-kwota tar-rikorrenti fil-kuntest tat-total tal-volumi tal-imballaġġi domestiċi. It-tieni raġuni hija dik li l-informazzjoni marbuta mal-ishma fis-suq hija disponibbli biss a posteriori, wara d-dikjarazzjonijiet perijodiċi tal-volumi taħt liċenzja magħmula mill-produtturi u l-importaturi. Għalhekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li sabiex tkun tista’ taqsam il-prodotti miġbura bejn id-diversi utenti tas-sistema, għandhom jintużaw metodi ta’ tqassim li jkunu magħrufa minn qabel, sa mill-mument tal-provvista ta’ volum ta’ imballaġġ partikolari.
113 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti żżid li ma hemm ebda rabta bejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u l-obbligu impost fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata u tenfasizza li fit-28 ta’ Awwissu 2003 hija bagħtet lill-Kummissjoni proposta bil-għan li tiddetermina metodu ieħor ta’ tqassim, li jipprevedi li d-diversi sistemi ta’ ġbir jirriżervaw kull sena, minn qabel, kapaċità determinata ta’ teħid lura għall-impriża tal-ġbir fid-dawl tal-volumi taħt liċenzja mistennija. Madankollu, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan il-mudell.
114 Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
115 Qabelxejn, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tinvoka l-prinċipju ta’ proporzjonalità kemm insostenn tar-raba’ motiv tagħha, dwar in-natura realizzabbli tal-obbligi previsti fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll bħala motiv awtonomu (il-ħames motiv). Għalhekk, għandu jsir eżami fil-kuntest tal-ħames motiv tal-proporzjonalità tal-obbligi, u b’mod partikolari ta’ dik tal-obbligu previst fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata, u eżami fil-kuntest tal-motiv preżenti tan-natura realizzabbli tal-obbligu inkwistjoni.
116 Sabiex tingħata tweġiba għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti, fl-ewwel lok, u kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ineżami, il-volumi taħt liċenzja tas-sistemi esterjuri ma għadhom ebda rwol fil-kalkolu tal-kwota tar-rikorrenti mit-total tal-volumi tal-imballaġġi domestiċi. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-problema tat-tqassim tal-imballaġġi miġbura tirriżulta biss fil-każ ta’ użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir. F’dan il-każ, billi r-rikorrenti ma tistax tippretendi li tapproprja ruħha mill-imballaġġi miġbura kollha, għandha tiġi kkalkolata l-parti mill-imballaġġi li tikkorrispondi għal kull waħda mis-sistemi tal-ġbir li jużaw l-imsemmija infrastrutturi sabiex l-imballaġġi miġbura jinqasmu bejniethom. Konsegwentement, l-argument imqajjem mir-rikorrenti dwar id-disponibbiltà tal-informazzjoni marbuta mal-volumi taħt liċenzja tas-sistemi esterjuri hija nieqsa minn kull bażi.
117 Fit-tieni lok, minkejja s-sottomissjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom ma huwiex possibbli li tikkalkola l-kwota tagħha mit-total tal-volumi tal-imballaġġi domestiċi fil-mument tal-konsenja tal-imballaġġi miġbura fiċ-ċentri inkarigati, billi t-tqassim tal-imballaġġi miġbura jeżiġi metodu ta’ tqassim stabbilit minn qabel u validu għal perijodu ta’ sena. B’mod kuntrarju, mill-ftehim ta’ eżenzjoni u ta’ liċenzja li jorbot lir-rikorrenti mal-produtturi tal-iskart jirriżulta li, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ ħlas annwali dovut mir-rikorrenti, il-produtturi tal-iskart għandhom jiddikjaraw il-kwantitajiet eżatti tal-imballaġġi mqiegħda fis-suq kull xahar jew kull tliet xhur, l-iktar tard, fl-għaxar jum tat-tieni xahar wara t-tmiem tal-perijodu li huwa s-suġġett tal-kalkolu, skont jekk dan huwiex produttur kbir jew żgħir. Dan ifisser li l-volumi ta’ imballaġġi koperti mill-kuntratti ta’ liċenzja u ta’ eżenzjoni jistgħu jiġu kkalkolati mir-rikorrenti fuq il-bażi ta’ dawn il-kuntratti u tal-informazzjoni li hija tirċievi b’mod perijodiku.
118 Ċertament, l-informazzjoni definittiva dwar is-sena kalendarja li għaddiet hija disponibbli biss fl-ewwel għaxart ijiem tat-tieni xahar wara t-tmiem tal-aħħar xahar jew tal-aħħar tliet xhur tal-imsemmija sena. Madankollu, dan ma jfissirx, kif ir-rikorrenti tallega, li t-tqassim tal-imballaġġi jista’ jsir biss ħmistax-il xahar wara l-bidu tas-sena kummerċjali, b’mod li t-“tqassim kontinwu” tal-imballaġġi miġbura jkun prekluż. It-tqassim tal-imballaġġi miġbura jista’ jsir b’mod proporzjonali għall-ġbir fuq il-bażi tal-volumi reali ta’ imballaġġi taħt liċenzja mqiegħda fis-suq fix-xhur preċedenti. Ir-riżultat ta’ dan it-tqassim jiġi kkoreġut fl-aħħar tas-sena billi jsir kumpens fuq il-bażi tal-volumi reali definittivi kkomunikati mill-produtturi tal-iskart. Kif il-Kummissjoni indikat, it-tqassim jista’ wkoll ikun ibbażat sistematikament fuq il-kwantitajiet skontati li jistgħu biss jiġu adattati f’ċerti mumenti speċifiċi. Kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, din l-aħħar possibbiltà ġiet proposta mir-rikorrenti u aċċettata mill-Kummissjoni fil-proċeduri għal miżuri provviżorji li saru quddiem il-Qorti Ġenerali.
119 Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mis-seduta, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet provviżorjament eżegwita b’mod sodisfaċenti mill-partijiet.
120 Mill-premess jirriżulta li t-tqassim kontinwu tal-imballaġġi miġbura ma jikkostitwixxix ostaklu għan-natura realizzabbli tal-obbligu previst fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti tallega, ma jimponix għalhekk l-użu ta’ metodu ta’ tqassim stabbilit minn qabel u validu għal perijodu ta’ sena.
121 L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jikkonfutaw din il-konklużjoni.
122 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument li ma hemm ebda rabta bejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u l-obbligu impost, hemm lok li dan jiġi kkunsidrat li huwa nieqes minn kull bażi. Mill-premessi 290 u 293 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hemm rabta ċara bejn, minn naħa, l-obbligu impost u, min-naħa l-oħra, ir-riskju li s-suq vertikali upstream jingħalaq għall-kompetituri tar-rikorrenti kif ukoll li jkun hemm tnaqqis fid-domanda ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla tal-imballaġġi domestiċi. Dan ir-riskju jirriżulta mill-ftehim ta’ eżenzjoni individwali għall-ftehim li permezz tagħhom ir-rikorrenti tintrabat biss ma’ msieħeb wieħed għal reġjun tal-ġbir u tagħti lilha nfisha fakultajiet li jistgħu jimpedixxu l-użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir u tal-għażla. Għalhekk, l-għan ta’ dan l-obbligu huwa dak li jiġi evitat li r-rikorrenti tkun tista’ tikseb dikjarazzjonijiet jew provi marbuta mal-kwantitajiet ta’ imballaġġi li jikkorrispondu għas-sistemi kompetituri li jaqsmu magħha l-infrastrutturi tal-ġbir u jieħdu kwantitajiet li jikkorrispondu għal dawn is-sistemi, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtorità Awstrijaka ta’ sorveljanza. Tali aġir min-naħa tar-rikorrenti jipprekludi s-sistemi kompetituri milli josservaw ir-rati tagħhom ta’ teħid lura u trendi iktar diffiċli l-possibbiltà li dawn jibqgħu fis-suq. It-tneħħija tagħhom mis-suq twassal għal tnaqqis fid-domanda ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla tal-imballaġġi domestiċi. Għalhekk, b’mod kuntrarju għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti u fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 17, kienet korretta l-Kummissjoni meta imponiet l-obbligu inkwistjoni sabiex jiġi evitat li l-eżenzjoni individwali mogħtija lir-rikorrenti tkun tista’ tagħti lok għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi u, għalhekk, tnaqqis fid-domanda ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ imballaġġi domestiċi.
123 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kkopjat parti kbira mit-test tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni dwar is-sistema ta’ eliminazzjoni tal-iskart, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi tas-sistema ARA, din għandha wkoll tiġi kkunsidrata li hija nieqsa minn kull bażi. Fil-fatt, l-eżami taż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni juri li l-paragrafi tagħhom ma jikkoinċidux ma’ xulxin. Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għal dak li r-rikorrenti ssostni, l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata juri li d-dikjarazzjonijiet jew il-provi li għalihom jirreferi l-obbligu impost fl-Artikolu 3(b) tal-imsemmija deċiżjoni ma jservux sabiex jissostitwixxu l-konsenja fiżika tal-imballaġġi miġbura, iżda sabiex jindikaw is-sehem tar-rikorrenti mill-imballaġġi miġbura. Skont l-Artikolu 11(8) tad-Digriet, u l-obbligu Nru 2 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni bil-għan li tiġi stabbilita u użata sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru, dawn id-dikjarazzjonijiet iservu sabiex juru quddiem l-awtorità Awstrijaka ta’ sorveljanza li r-rikorrenti tissodisfa r-rati tal-ġbir tagħha. Skont il-premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn jistgħu jintużaw ukoll sabiex inaqqsu r-remunerazzjoni tal-imsieħba fil-każijiet ta’ użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir.
124 Minn dan kollu premess jirriżulta li l-metodi ta’ tqassim proposti mill-Kummissjoni huma bbażati fuq informazzjoni li hija faċilment aċċessibbli għar-rikorrenti fil-mument tat-tqassim tal-imballaġġi miġbura, bħalma hija l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet skontati jew il-volumi taħt liċenzja li jirrigwardaw ix-xhur preċedenti, u li, għalhekk, dawn il-metodi jieħdu inkunsiderazzjoni aspetti partikolari tas-sistema ARA bl-istess mod bħall-metodu propost mir-rikorrenti. L-unika differenza tinsab fil-fatt li, fil-metodi proposti mill-Kummissjoni, il-kwantitajiet skontati jew il-volumi taħt liċenzja li jirrigwardaw ix-xhur preċedenti jistgħu jiġu kkoreġuti a posteriori, pereżempju fuq il-bażi tal-kwantitajiet reali u definittivi ta’ imballaġġi taħt liċenzja mqiegħda fis-suq u nnotifikati mill-produtturi tal-iskart. Kif ġie rrilevat fil-punt 118 iktar ’il fuq, din il-korrezzjoni a posteriori ma hijiex inkompatibbli ma’ tqassim kontinwu tal-imballaġġi miġbura bejn is-sistemi ta’ ġbir li jużaw flimkien l-infrastrutturi tal-ġbir. Għalhekk, b’mod kuntrarju għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-obbligu ma huwiex irrealizzabbli.
125 Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
L-argumenti tal-partijiet
126 Ir-rikorrenti ssostni li l-obbligu previst fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata huwa sproporzjonat minħabba li dan jimponi fuqha obbligi li jistgħu jipprekluduha milli tosserva r-rati preskritti u għalhekk jheddu l-eżistenza tagħha. Fil-fatt, l-imsemmi obbligu jnaqqas l-aċċess tar-rikorrenti għall-kapaċitajiet ta’ ġbir li hija għandha. Huwa għal din ir-raġuni li r-rikorrenti assumiet id-dritt li tamministra s-sistema tagħha, filwaqt li pprekludiet kuntrattwalment lill-impriżi tal-ġbir milli jaġixxu fuq l-awtorità tagħhom stess. L-isproporzjon huwa partikolarment ċar f’żewġ każijiet, dak tal-ksib ta’ volumi supplimentari taħt liċenzja minn sistema oħra ta’ ġbir u dak tal-istabbiliment mis-sistemi ta’ ġbir l-oħra ta’ installazzjonijiet tal-ġbir li jappartjenu lilhom, kompletament jew parzjalment.
127 Fl-ewwel każ, ir-rikorrenti tqis li d-dħul fis-suq ta’ sistema ta’ ġbir oħra jnaqqas is-sehem tas-sistema ARA mill-volumi kollha tal-imballaġġi domestiċi u, għalhekk, is-sehem tagħha mis-suq. Fil-fatt, il-kompetituri ma jillimitawx ruħhom għall-ksib tal-klijenti mis-sistema ARA, iżda jintroduċu wkoll fis-suq volumi ta’ imballaġġi supplimentari taħt liċenzja li, fil-fatt, ma jinġabrux lura la mill-produtturi u lanqas mid-distributuri, u li hija tindika bħala “volumi ta’ imballaġġi ta’ impriżi parassiti”. F’din is-sitwazzjoni, is-sehem mill-prodotti miġbura mill-imsieħba reġjonali li jista’ jiġi pretiż mir-rikorrenti huwa limitat, u dan ma jippermettilhiex li tosserva r-rati preskritti, b’tali mod li l-Bundesministerium für Umwelt, Jugend und Familie (Ministeru tal-Ambjent, taż-Żgħażagħ u tal-Familja Awstrijak) jista’ jirtiralha d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tagħha. Għalhekk, l-obbligu impost mill-Kummissjoni jnaqqas l-aċċess tar-rikorrenti għall-kapaċitajiet tal-ġbir.
128 Barra minn hekk, hija tikkunsidra li s-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni, li tadatta l-volumi ta’ reċipjenti sabiex tkun tista’ tiffaċċja volumi ta’ ġbir ikbar, ma hijiex suffiċjenti. Għalhekk, ir-rikorrenti tista’ tkun taf biss a posteriori li l-kapaċitajiet ta’ ġbir ma humiex suffiċjenti u l-miżuri korrettivi ma jkunux jistgħu jiġu adottati b’mod effettiv qabel sentejn. Għal din ir-raġuni hija tqis li, sabiex ikun jista’ jkun hemm użu konġunt tar-reċipjenti, is-sistemi ta’ ġbir kompetituri għandhom jistabbilixxu kull sena, minn qabel, il-volumi ta’ reċipjenti neċessarji kif ukoll l-volumi ta’ ġbir korrispondenti.
129 Ir-rikorrenti tippreċiża li d-dispożizzjoni tal-kapaċitajiet ta’ ġbir u l-aċċess għall-kwantitajiet miġbura jikkostitwixxu l-istess problema u li, jekk l-obbligu inkwistjoni jobbligaha ċċedi volumi ta’ ġbir lil kompetituri, il-previżjonijiet kollha tal-kapaċitajiet tagħha jisfaw fix-xejn.
130 Fir-rigward tat-tieni każ, ir-rikorrenti tirrileva li s-sistemi kompetituri huma qabelxejn fornituri speċjalizzati f’ċerti tipi speċifiċi ta’ imballaġġi, li huma f’pożizzjoni li jistabbilixxu installazzjonijiet tal-ġbir oħra billi jsejħu, fuq bażi komplementari, installazzjonijiet użati minnha. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ tas-sistemi Öko-Box u Bonus. Skont ir-rikorrenti, dan l-aġir tas-sistemi kompetituri hija għalkollox prevedibbli, peress li l-użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir ma joħloqx kompetizzjoni reali tal-prezzijiet, li tista’ tinħoloq biss mal-istabbiliment ta’ infrastrutturi tal-ġbir tagħhom. Għalhekk hija tqis li, anki fil-każ ta’ użu konġunt parzjali biss tal-infrastrutturi tal-ġbir, hija marbuta, skont l-obbligu impost, tirrinunzja għat-teħid tal-volumi miġbura fi proporzjon ikbar għal dak li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tas-sistema kompetitriċi, u dan huwa manifestament irraġonevoli.
131 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta mill-fatt li l-Kummissjoni ma tat ebda soluzzjoni għall-problema tal-użu konġunt parzjali tal-infrastrutturi tal-ġbir u li hija lanqas ma eżaminat il-proposta ta’ tranżazzjoni mressqa.
132 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-obbligu li jidher fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata jġegħilha torganizza mill-ġdid il-ġbir tal-imballaġġi, u dan iwassal għal żieda fl-ispejjeż tal-ġbir u, konsegwentement, telf fl-effiċjenza tas-sistema ARA. Għalhekk, hija tqis li dawn l-ispejjeż għandhoma jiġu riflessi fuq dawk li jibbenefikaw mill-użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir, jiġifieri s-sistemi kompetituri u l-imsieħba tal-ġbir. Bl-istess mod, hija tikkunsidra li l-ispejjeż tal-funzjonament tas-sistema (jew spejjeż tas-sistema) għandhoma ukoll jiġu riflessi fuq is-sistemi kompetituri.
133 Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
134 Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, sakemm, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, tintgħażel l-inqas waħda restrittiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C‑210/00, Ġabra p. I‑6453, punt 59; tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja u l-Finlandja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑184/02 u C‑223/02, Ġabra p. I‑7789, punt 57, u tas-7 ta’ Lulju 2009, S P C M et, C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 41).
135 Fil-każ ineżami, l-għan imfittex mill-Kummissjoni permezz tal-impożizzjoni tal-obbligu li jidher fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata huwa dak li tevita l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi li tista’ tirriżulta fil-każ li tingħata eżenzjoni individwali għall-ftehim ta’ ġbir u ta’ għażla nnotifikati mir-rikorrenti u li tnaqqas id-domanda tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi. Fil-fatt, mill-premessi 290 u 292 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-każijiet ta’ użu konġunt tal-infrastrutturi tal-għażla, ir-rikorrenti tista’ tipprova tapproprja ruħha mill-imballaġġi miġbura kollha u timpedixxi għalhekk is-sistemi kompetituri milli josservaw ir-rati tagħhom ta’ teħid lura. Kif ġie rrilevat fil-punt 122 iktar ’il fuq, il-projbizzjoni tar-rikorrenti li titlob dikjarazzjonijiet jew provi dwar il-kwantitajiet ta’ imballaġġi li jikkorrispondu għas-sehem miżmum mill-kompetituri tagħha mit-total tal-imballaġġi domestiċi tippermetti li jiġi evitat li din tapproprja ruħha mill-imballaġġi miġbura kollha, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtorità Awstrijaka ta’ sorveljanza, li lilha hija għandha turi permezz ta’ provi li hija laħqet ir-rati tagħha ta’ teħid lura. Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-punt 123 iktar ’il fuq, din il-projbizzjoni hija kompatibbli mal-aspetti partikolari tas-sistema ARA.
136 Sabiex jiġi evitat li r-rikorrenti tipprova tapproprja ruħha mill-imballaġġi miġbura kollha, għandu jiġi stabbilit tqassim ta’ dawn l-imballaġġi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproponiet metodi ta’ tqassim ibbażati fuq ishma eżatti li jikkorrispondu għall-kwantitajiet taħt liċenzja ta’ kull sistema, u dan jinnewtralizza r-riskju ta’ monopolizzazzjoni ta’ imballaġġi miġbura min-naħa tar-rikorrenti. Fil-fatt, dawn il-metodi ta’ tqassim jimpedixxu lir-rikorrenti milli tipprova ddgħajjef il-pożizzjoni tas-sistemi kompetituri billi żżid b’mod artifiċjali l-kwantitajiet innotifikati lill-imsieħba tal-ġbir. Għalhekk, dawn il-metodi jidhru li huma sodisfaċenti fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri li tiġi evitata kull eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi u, għalhekk, li jiġi evitat it-tnaqqis fid-domanda tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla fis-suq tal-ġbir u tal-għażla ta’ imballaġġi domestiċi.
137 Għalhekk, ma jirriżultax li l-obbligu li jidher fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex xieraq fid-dawl tal-għan imfittex mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 sa 64).
138 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti dwar il-ksib ta’ volumi supplimentari taħt liċenzja minn sistema ta’ ġbir oħra u l-użu parzjali tal-installazzjonijiet tal-ġbir stabbiliti minnha.
139 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument dwar il-ksib ta’ volumi supplimentari taħt liċenzja minn sistema oħra ta’ ġbir, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 11(7) tad-Digriet, fil-verżjoni rilevanti f’din il-kawża, jistabbilixxi li l-perċentwali għandhom jiġu ddefiniti b’mod li jinġabar tal-inqas 50 % tal-kwantità ta’ kull materjal ta’ imballaġġ li għalih il-parteċipazzjoni f’sistema hija prevista. Min-naħa l-oħra, taħt l-obbligu Nru 1 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni intiż sabiex tiġi stabbilita u użata sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru, ir-rati minimi ta’ ġbir u ta’ rkupru għar-rikorrenti huma kkalkolati “f’rabta mal-kwantitajiet ta’ imballaġġi li, matul sena kalendarja, ikunu s-suġġett ta’ kuntratt, b’mod konformi mal-Artikolu 11(7) tad-[Digriet]”. Għalhekk, id-dħul ta’ “imballaġġi parassiti”, jiġifieri imballaġġi li, sal-lum, ma kienu jittieħdu minn ebda sistema ta’ eliminazzjoni, ma għandu ebda effett fuq ir-rati ta’ ġbir tar-rikorrenti, li jibqgħu jiġu kkalkolati bil-mod indikat iktar ’il fuq. Barra minn hekk, huwa ċertament minnu li l-fatt li l-imballaġġi parassiti jistgħu jsiru imballaġġi taħt liċenzja ta’ sistemi kompetituri tar-rikorrenti għandu r-riżultat li dawn l-imballaġġi ma jkunux għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tilħaq ir-rata tagħha ta’ ġbir. Madankollu, fid-dawl tal-istruttura tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, f’sitwazzjoni ta’ użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir, sabiex tinġabar il-kwantità ta’ imballaġġi neċessarja sabiex tintlaħaq ir-rata ta’ ġbir tagħhom, is-sistemi ma għandhomx jistrieħu fuq l-imballaġġi parassiti, iżda għandhom ikabbru l-kapaċitajiet ta’ ġbir tagħhom, pereżempju billi jżidu l-frekwenza tal-ġbir tar-reċipjenti.
140 Is-sottomissjoni li r-rikorrenti tista’ tkun taf biss a posteriori li l-kapaċitajiet ta’ ġbir previsti ma humiex suffiċjenti ma tistax tikkonfuta din il-konklużjoni. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 118 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tista’ tqis minn qabel il-volum ta’ imballaġġi taħt liċenzja u tista’, minn din iċ-ċifra, tistabbilixxi l-ħtiġijiet tagħha ta’ ġbir u tiddeċiedi jekk għandhiex iżżid il-kapaċitajiet ta’ ġbir. Bl-istess mod, hija tista’ tikkoreġi l-kapaċitajiet ta’ ġbir previsti fid-dawl tal-volumi ta’ imballaġġi effettivament imqiegħda fis-suq u nnotifikati b’mod kontinwu mil-liċenzjati.
141 Fl-aħħar nett, b’mod kuntrarju għas-sottomissjonijiet tar-rikorrenti, l-użu konġunt tal-infrastrutturi ta’ ġbir ma jikkostitwixxix ċessjoni reali tal-kapaċitajiet ta’ ġbir favur kompetituri ġodda, li tkun ta’ ħsara għaliha. Fir-realtà, l-użu konġunt ma jnaqqasx il-kapaċitajiet tagħha ta’ ġbir, peress li l-kapaċitajiet ta’ ġbir huma skont il-volum ta’ imballaġġi taħt liċenzja li kull sistema ta’ ġbir tinnotifika lill-imsieħba tal-ġbir u għalhekk jieħdu inkunsiderazzjoni ż-żieda fil-volum ta’ imballaġġi taħt liċenzja f’kull territorju ta’ ġbir. Għalhekk, kif diġà ġie indikat fil-punt 139 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti għandha, sabiex tiżgura l-osservanza tar-rati ta’ ġbir, tadatta l-ġbir għall-ħtiġijiet ġodda, pereżempju billi titlob lill-imsieħba jżidu l-kapaċità tar-reċipjenti jew billi żżid il-frekwenza tal-ġbir.
142 Konsegwentement, l-argument dwar il-ksib ta’ volumi supplimentari taħt liċenzja minn sistema ta’ ġbir kompetitriċi għandu jiġi miċħud.
143 Fit-tieni lok, l-argument dwar l-użu parzjali tal-infrastrutturi ta’ ġbir stabbiliti mir-rikorrenti minn sistemi li għandhom l-infrastrutturi tagħhom ta’ ġbir ma jistax jikkonfuta l-proporzjonalità tal-obbligu inkwistjoni. Kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, l-obbligu impost fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata ma jagħtix id-dritt lis-sistemi kompetituri li jitolbu użu parzjali tal-infrastrutturi ta’ ġbir li japproprjaw ruħhom minn kwantità ta’ imballaġġi ekwivalenti għall-volum totali ta’ imballaġġi taħt liċenzja mqiegħda fis-suq li jappartjenu lilhom. Għall-kuntrarju, is-sistemi kompetituri għandhom jinnotifikaw minn qabel is-sehem mill-volum ta’ imballaġġi taħt liċenzja li jappartjenu lilhom li minħabba fihom huma jridu jirrikorru għal użu konġunt u huwa biss dan is-sehem li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għat-tqassim tal-imballaġġi miġbura. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li din il-possibbiltà ġiet proposta mir-rikorrenti u aċċettata mill-Kummissjoni matul il-proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali.
144 Fir-rigward tas-sottomissjoni tar-rikorrenti li l-użu konġunt tal-infrastrutturi ta’ ġbir, totali jew parzjali, ma joħloqx kompetizzjoni reali tal-prezzijiet, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tippermetti lir-rikorrenti tnaqqas ir-remunerazzjoni prevista fil-ftehim ta’ sħubija. Għalhekk, il-kompetituri tagħha jsostnu kemm l-ispejjeż li jirrigwardaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom tar-reċipjenti u tal-boroż tal-ġbir kif ukoll dawk li jirrigwardaw il-ġbir mid-djar u mill-utenti li jkollhom volum ta’ imballaġġi simili u t-trasport ta’ imballaġġi taħt liċenzja li jaqgħu taħthom. Ċertament, dan il-fatt iqegħedhom, mill-perspettiva ta’ ċerti spejjeż, fl-istess sitwazzjoni tar-rikorrenti. Madankollu, fid-dawl tad-differenzi possibbli fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tas-sistema, l-irkupru u l-kummerċjalizzazzjoni bi profitt tal-materjal, kif ukoll il-politika kummerċjali tad-diversi impriżi, kompetizzjoni fir-rigward tal-prezz ma tistax tiġi eskluża.
145 Fir-rigward tal-ħtieġa tal-obbligu inkwistjoni, mill-premessi 290 u 293 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, mingħajr dan l-obbligu, ir-rikorrenti tkun f’pożizzjoni li tipprova tikkontrolla t-tqassim tal-imballaġġi miġbura, billi tapproprja ruħha minn sehem mill-imballaġġi li fir-realtà ma jaqax taħtha. Anki jekk ir-rikorrenti pproponiet metodu ieħor ta’ tqassim ibbażat fuq kapaċità ta’ teħid lura ddeterminata, stabbilita kull sena u minn qabel, fid-dawl tal-volumi taħt liċenzja mistennija, hija ma rnexxilhiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ miżuri oħra li jrendu dan l-obbligu inutli. Fil-fatt, fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ saħħa tar-rikorrenti fis-suq, il-metodu ta’ tqassim propost minnha ma jżommhiex milli tibdel il-kwantitajiet mitluba kull sena, billi żżid b’mod artifiċjali l-kwantitajiet taħt liċenzja mistennija sabiex iddgħajjef il-pożizzjoni tas-sistemi kompetituri u tnaqqas għalhekk is-sehem tar-reċipjenti disponibbli għall-kompetituri. Kif il-Kummissjoni indikat fl-atti tagħha, mingħajr ma r-rikorrenti rnexxilha tikkontesta dan l-argument, is-sistemi kompetituri jipprovaw min-naħa tagħhom iwieġbu billi jżidu l-kwantitajiet mitluba, u dan jagħti lok għal tellieqa għall-ishma bejn is-sistemi kompetituri, partikolarment fir-reġjuni li huma l-iktar ekonomikament attraenti, fejn ir-rikorrenti tinsab f’pożizzjoni tajba ħafna minħabba l-pożizzjoni ta’ saħħa tagħha fis-suq. Min-naħa l-oħra, it-tqassim previst fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq metodi xierqa, oġġettivi u verifikabbli, li jipproteġu l-interessi tal-kompetituri ġodda, filwaqt li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq tiġi rrispettata.
146 Konsegwentement, ma hemmx miżura oħra li tippermetti li jiġi evitat li l-kompetizzjoni fis-suq vertikali upstream tiġi eliminata b’mod daqshekk effiċjenti. Għalhekk, l-obbligu li jidher fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punt 139].
147 Minn dan kollu premess jirriżulta li l-obbligu inkwistjoni ma jiksrix il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li dan jikkostitwixxi miżura li tista’ tilħaq l-għan tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li tevita r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi ta’ eliminazzjoni ta’ imballaġġi domestiċi u t-tnaqqis konsekuttiv tad-domanda ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ għażla ta’ imballaġġi domestiċi, u li dan l-obbligu ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
148 L-argument ibbażat fuq it-telf tal-effiċjenza tas-sistema ARA, minħabba l-fatt li, fil-każijiet ta’ użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir, ir-rikorrenti ma hijiex awtorizzata tgħaddi ċerti spejjeż lis-sistemi kompetituri u lill-imsieħba tal-ġbir, ma jistax jikkonfuta din il-konklużjoni. Minn naħa, fir-rigward tal-ispejjeż tas-sistema, skont il-premessi 139 u 304 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn jirriżultaw mill-istabbiliment tas-sistema ARA u jirriflettu l-aspetti partikolari ta’ din is-sistema. Fil-każ ta’ użu konġunt, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-kompetituri li jibbenefikaw minn użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir jibbenefikaw ukoll mit-totalità tas-sistema ARA sabiex ikabbru l-attività tagħhom tal-eliminazzjoni tal-iskart. B’mod kuntrarju, jista’ jkun previst li, fuq il-bażi ta’ użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir biss, il-kompetituri jistabbilixxu t-teknoloġija tagħhom tal-eliminazzjoni tal-iskart. Għalhekk, il-fatt li r-rikorrenti għandha ssostni dawn l-ispejjeż ma jwassal għal ebda telf ta’ effiċjenza għas-sistema ARA u għalhekk ma huwiex iġġustifikat li dawn jiġu attribwiti lil terzi. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi sa liema livell l-użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir jibdlu l-ispejjeż għal kull kilo ta’ imballaġġi miġbura. Għaldaqstant, ma jistax jiġi stabbilit il-proporzjon li fih hija tista’ tnaqqas l-effiċjenza tas-sistema ARA jekk ir-rikorrenti ma tkunx awtorizzata tgħaddihom lil terzi.
149 Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq kontradizzjonijiet li hemm bejn id-dispożittiv u r-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
150 Ir-rikorrenti ssostni li hemm kontradizzjoni bejn il-premessi 301 u 313 tad-deċiżjoni kkontestata u d-dispożittiv tagħha, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(b). Dan l-artikolu ma jipprevedix il-possibbiltà li l-obbligu ma jiġix applikat fil-każ fejn is-sistemi kompetituri ma jitolbux l-użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir u ma jagħti ebda indikazzjoni fir-rigward tal-mument li fih l-obbligu għandu jiġi applikat. Skont ir-rikorrenti, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi kkoreġut b’mod li t-test tiegħu juri r-rabta li hemm bejn l-impożizzjoni tal-obbligu, l-użu konġunt tal-installazzjonijiet tal-ġbir u l-mument li minnu l-obbligu huwa applikabbli. Ir-rikorrenti tikkonkludi billi ssostni li d-deċiżjoni kkontestata la hija suffiċjentement preċiża u lanqas ma hija rilevanti.
151 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
152 Għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li r-rikorrenti “tista’ titlob li tiġi pprovduta mill-impriżi tal-ġbir b’attestazzjoni fir-rigward biss tal-kwantitajiet ta’ imballaġġi li jikkorrispondu għas-sehem miżmum mis-sistema ARA mill-imballaġġi domestiċi kollha ċeduti lil sistemi għal ċerti kategoriji ta’ materjal”, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, skont il-ġurisprudenza, id-dispożittiv ta’ deċiżjoni għandha tinqara’ fid-dawl tar-raġunijiet li jsostnuh, jiġifieri fil-każ ineżami, il-premessi 301 u 313 tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 211). Issa, mill-premessa 301 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, “[m]eta sistema kompetitriċi ma titlobx l-użu konġunt, iżda tinstalla l-infrastruttura tal-ġbir tagħha, l-obbligi ma humiex applikabbli” u mill-premessa 313 jirriżulta li “[j]kun hemm tnaqqis fil-ħlas biss jekk sistema kompetitriċi titlob l-użu konġunt f’reġjun tal-ġbir partikolari u biss mid-data tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tas-sistema”.
153 Bl-istess mod, minkejja li l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata jindika li “[d]an l-obbligu għandu japplika għall-impriżi tal-ġbir kollha li magħhom ARGEV iffirmat ftehim ta’ sħubija”, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 152 iktar ’il fuq, din il-parti tal-artikolu għandha wkoll tinqara’ fid-dawl tal-premessa 292 tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-premessa tispeċifika, minn naħa, li l-obbligu jikkonċerna l-impriżi kollha li kkonkludew ftehim ta’ sħubija mar-rikorrenti indipendentement mill-fatt li dawn jippermettu użu konġunt tal-infrastrutturi, bil-għan li dawn jiġu inkoraġġiti jikkonkludu ftehim ma’ sistemi kompetituri, u min-naħa l-oħra, li l-obbligu previst fl-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata japplika biss fil-każijiet fejn sistema kompetitriċi titlob li tibbenefika minn użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir b’mod konformi mal-obbligu previst fl-Artikolu 3(a) tal-imsemmija deċiżjoni.
154 Konsegwentement, b’mod kuntrarju għas-sottomissjonijiet tar-rikorrenti, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, moqri fid-dawl tar-raġunijiet tiegħu, jindika b’mod ċar u preċiż li, minn naħa, l-obbligu inkwistjoni huwa impost biss fil-każ fejn sistema kompetitriċi titlob l-użu konġunt tal-infrastrutturi tal-ġbir u, min-naħa l-oħra, id-data rilevanti għall-applikazzjoni tal-obbligu hija dik tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tas-sistema. Għalhekk, hemm lok li dan il-motiv u r-rikors fl-intier tiegħu jiġu miċħuda.
Fuq l-ispejjeż
155 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet u peress li l-Kummissjoni, EVA u l-BAA talbu sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess u kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, EVA u l-BAA, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Altstoff Recycling Austria AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, EVA Erfassen und Verwerten von Altstoffen GmbH u l-Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.
Pelikánová
Jürimäe
Soldevila Fragoso
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Proċedura u talbiet tal-partijiet
Id-dritt
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 17
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-konformitŕ tal-ftehim ta’ sħubija mal-kundizzjonijiet tar-Regolament Nru 2790/1999
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata tat-teorija tal-“faċilitajiet essenzjali”
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura mhux realizzabbli tal-obbligi previsti mid-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq kontradizzjonijiet li hemm bejn id-dispożittiv u r-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq l-ispejjeż
*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy