DIGRIET TAL-PRESIDENT TA' L-EWWEL AWLA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
26 ta' Frar 2007 (*)
“ Intervent – Ammissjoni – Assoċjazzjoni rappreżentattiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-membri tagħha”
Fil-kawża T‑253/03,
Akzo Nobel Chemicals Ltd, stabbilita f'Surrey (ir-Renju Unit),
Akcros Chemicals Ltd, stabbilita f'Surrey,
irrappreżentati minn C. Swaak u M. Mollica, avukati,
rikorrenti,
sostnuti mill-
Conseil des barreaux européens (CCBE), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn J. Flynn, QC,
mill-
Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, stabbilit fl-Aja (l-Olanda), irrappreżentat minn O. Brouwer, avukat,
mill-
Association européenne des juristes d’entreprise (AEJE)/(ECLA), stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn M. Dolmans, K. Nordlander, avukati, u J. Temple Lang, solicitor,
u mill-
American Corporate Counsel Association (ACCA) – European Chapter, stabbilita f'Pariġi (Franza), irrappreżentata minn G. Berrisch, avukat, u D. Hull, solicitor,
intervenjenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn R. Wainwright u C. Ingen-Housz, u sussegwentement minn Wainwright u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għal intervent imressqa mill-International Bar Association biex issostni t-talbiet tar-rikorrenti f'din il-kawża, li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni C(2003)1533 finali, tat-8 ta' Mejju 2003, li tiċhad talba għall-applikazzjoni tas-segretezza professjonali li tipproteġi l-komunikazzjonijiet ma' l-avukati (legal professional privilege) fir-rigward ta' ċerti dokumenti maqbuda fil-kuntest ta' investigazzjoni ordnata skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204),
IL-PRESIDENT TA' L-EWWEL AWLA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
jagħti l-preżenti
Digriet
Fatti u proċedura
1 Fit-30 ta' Jannar 2003, abbażi ta' l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 85/4, li biha ordnat lil Akzo Nobel Chemicals Ltd u lil Akcros Chemicals Ltd (aktar 'il quddiem "ir-rikorrenti") u lis-sussidjarji rispettivi tagħhom biex jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni intiza biex tfittex il-provi ta' eventwali prattiċi antikompetittivi (aktar 'il quddiem "id-deċiżjoni tat-30 ta' Jannar 2003"). Fl-10 ta' Frar 2003, ukoll abbażi ta' l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 559/4 (aktar 'il quddiem "id-deċiżjoni ta' l-10 ta' Frar 2003"), li emendat id-deċiżjoni tat-30 ta' Jannar 2003.
2 Fit-12 u t-13 ta' Frar 2003, twettqu investigazzjonijiet fuq il-post, abbażi ta' l-imsemmija deċiżjonijiet, fil-fondi tar-rikorrenti li jinsabu f'Eccles, Manchester (ir-Renju Unit). Waqt din l-investigazzjoni, l-agenti tal-Kummissjoni ħadu kopji ta' numru sinjifikattiv ta' dokumenti. Matul dawn l-operazzjonijiet, ir-rappreżentanti tar-rikorrrenti indikaw lill-aġenti tal-Kummissjoni li ċerti dokumenti setgħu kienu koperti bis-segretezza professjonali li tipproteġi l-komunikazzjonijiet ma' l-avukati. Waqt l-eżami tad-dokumenti in kwistjoni, qamet kontroversja fir-rigward ta' ħames dokumenti, li ġew ittrattati b'żewġ modi differenti. Fil-fatt, l-aġenti tal-Kummissjoni ma waslux immedjatament għal konklużjoni definittiva fir-rigward tal-protezzjoni li kellhom eventwalment igawdu żewġ dokumenti. Huma għalhekk ħadu kopji tagħhom u qegħduhom f'envelop issiġillat, li ħadu magħhom wara li temmew l-investigazzjoni tagħhom. Fir-rigward tat-tliet dokumenti l-oħra in kwistjoni, l-aġent tal-Kummissjoni responsabbli mill-investigazzjoni kkunsidra li dawn ma kinux protetti mis-segretezza professjonali, u għaldaqstant ħa kopji tagħhom u annettihom mal-bqija tal-faxxiklu, mingħajr ma qegħdhom f'envelop issiġillat.
3 B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11 ta' April 2003, ir-rikorrenti ressqu rikors li essenzjalment għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta' l-10 ta' Frar 2003 u, safejn huwa meħtieġ, tad-deċiżjoni tat-30 ta' Jannar 2003, li jobbligaw lil dawn il-kumpanniji u lis-sussidjarji rispettivi tagħhom li jissottomettu ruħhom għall-investigazzjoni in kwistjoni (kawża T-125/03, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni).
4 Fit-8 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 1533 finali abbażi ta' l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 (aktar 'il quddiem "id-deċiżjoni tat-8 ta' Mejju 2003"), li ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità tad-dokumenti in kwistjoni.
5 B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-4 ta' Lulju 2003, ir-rikorrenti ressqu rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tat-8 ta' Mejju 2003, abbażi tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE.
6 Permezz ta' talbiet ippreżentati fit-30 ta' Lulju, fis-7 u fit-18 ta' Awwissu, u fil-25 ta' Novembru 2003, i;l , rispettivament, il-Conseil des barreaux européens (CCBE), l-Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten (il-"Kamra ta' l-Avukati Olandiża"), l-Association européenne des juristes d’entreprise (AEJE), u l-American Corporate Counsel Association (ACCA) – European Chapter, talbu biex jintervjenu biex isostnu t-talbiet tar-rikorrenti. B'digrieti tal-President tal-Ħames Awla ta' l-4 ta' Novembru 2003 u ta' l-10 ta' Marzu 2004, is-CCBE, il-Kamra ta' l-Avukati Olandiża, l-ECLA u l-ACCA ġew awtorizzati jintervjenu.
7 Permezz ta' talba ppreżentata fil-25 ta' Novembru 2003, is-Section on Business Law ta' l-International Bar Association talbet biex tintervjeni biex issostni t-talbiet tar-rikorrenti. B'digriet tat-28 ta' Mejju 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza caħdet din it-talba għal intervent.
8 Fl-20 ta' Frar 2006, l-International Bar Association (aktar 'il quddiem l-"IBA"), irrappreżentata mill-Avukat J. Buhart, ippreżentat talba għal intervent biex issostni t-talbiet tar-rikorrrenti.
9 Fit-talba għal intervent, l-IBA ssostni li hija għandha interess dirett u speċifiku f'din il-kawża u li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar it-talbiet għal intervent magħmula minn assoċjazzjonijiet. Fl-ewwel lok, l-IBA tosserva li hija assoċjazzjoni internazzjonali li għandha personalità ġuridika u li tirrappreżenta numru sinjifikattiv ta' operaturi attivi fis-settur ikkonċernat. Fil-fatt, hija tikkostitwixxi l-akbar assoċjazzjoni fid-dinja li tirrappreżenta l-professjoni legali. Fit-tieni lok, l-IBA ssostni li l-għanijiet tagħha jinkludu l-protezzjoni, id-difiża u r-rappreżentanza ta' l-interessi tal-membri tagħha – fosthom il-prinċipju tas-segretezza professjonali tal-komunikazzjonijiet ta' dawn ta' l-aħħar –, jekk hemm bżonn quddiem qorti, sabiex, b'mod partikolari, jiġi garantit li l-membri tagħha jkunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom liberament u mingħajr xkiel. Fit-tielet lok, l-IBA tosserva li din il-kawża tqajjem kwistjonijiet fundamentali dwar il-prinċipju tas-segretezza professjonali u tirrimarka li l-pożizzjoni li tista' tadotta l-Qorti tal-Prim'Istanza fuq l-imsemmija kwistjonijiet sejra, bla dubju, taffetwa l-membri tagħha fil-livelli kollha – membri individwali, kmamar ta' l-avukati u assoċjazzjonijiet ta' ġuristi li jaħdmu f'impriżi.
10 It-talba għal intervent ġiet innotifikata lill-partijiet, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.
11 B'att tal-11 ta' April 2006, ir-rikorrenti sostnew li l-IBA kienet ipprovat li hija kellha interess fl-eżitu ta' din il-kawża u talbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza biex tiddikjara t-talba tagħha għal intervent ammissibbli. B'att separat ippreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqu talba għal trattament kunfidenzjali fil-konfront ta' l-IBA.
12 B'att tas-27 ta' Marzu 2006, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza biex tiċħad it-talba għal intervent ta' l-IBA. B'mod partikolari hija ssostni li l-għan ta' l-IBA, kif definit fl-Artikolu 1 ta' l-Istatut tagħha, la jkopri l-protezzjoni ta' l-interessi tal-membri tagħha u lanqas ir-rappreżentanza tagħhom, billi l-għan ta' din l-assoċjazzjoni huwa sempliċement li "tgħin" lill-membri tagħha u li "tippromwovi" l-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-ġurisprudenza tagħti l-akbar importanza lill-fatt li l-għan ta' l-assoċjazzjoni ikun ifformulat b'mod ċar fl-istatut tagħha (digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Mejju 2004, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-253/03, Ġabra p. II-1603, punt 20, li jiċħad it-talba għal intervent tas-Section on Business Law of the International Bar Association). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti tal-Prim'Istanza tidher li tagħmel distinzjoni ċara bejn il-"promozzjoni" u r-"rappreżentanza u l-protezzjoni", min-naħa ta' assoċjazzjoni, ta' l-interessi tal-membri tagħha. Assoċjazzjoni li għandha bħala għan il-promozzjoni ta' l-interessi ġenerali u kollettivi ta' professjoni m'għandhiex interess biżżejjed biex tiġi awtorizzata tintervjeni (digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ġunju 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 28).
13 B'atti tal-5 u l-10 ta' April 2006, rispettivament, is-CCBE u l-Kamra ta' l-Avukati Olandiża esprimew is-sostenn tagħhom għat-talba għal intervent ta' l-IBA. L-intervenjenti l-oħra ma qajmux oġġezzjonijiet kontra din it-talba għal intervent.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza
14 Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-ewwel paragrafu ta' l-artikolu 53 ta' l-istess Statut, id-dritt għal intervent jappartjeni mhux biss lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet, imma wkoll lil kull persuna li turi li jkollha interess fl-eżitu tal-kawża.
15 Skond ġurisprudenza stabbilita, assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-membri tagħhom huma awtorizzati jintervjenu f'kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta' prinċipju li jistgħu jaffettwaw lil dawn ta' l-aħħar [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ġunju 1997, National Power u PowerGen, C-151/97 P(I) u C-157/97 P(I), Ġabra p. I-3491, punt 66, u tat-28 ta' Settembru 1998, Pharos vs Il-Kummissjoni, C-151/98 P, Ġabra p. I-5441, punt 6]. B'mod aktar partikolari, assoċjazzjoni tista' tiġi awtorizzata tintervjeni f'kawża jekk hija tirrappreżenta numru sinjifikattiv ta' operaturi attivi fis-settur ikkonċernat, jekk l-għanijiet tagħha jinkludu dak tal-protezzjoni ta' l-interessi tal-membri tagħha, jekk il-kawża tista' tqajjem kwistjonijiet ta' prinċipju li jaffetwaw il-funzjonament tas-settur ikkonċernat u, għaldaqstant, jekk l-interessi tal-membri tagħha jistgħu jiġu affetwati b'mod sinjifikattiv bis-sentenza li se tingħata (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Diċembru 1993, Kruidvat vs Il-Kummissjoni, T-87/92, Ġabra p. II-1375, punt 14, li tiċhad it-talba għal intervent ta' Yves Saint Laurent Parfums SA, u d-digriet Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, punt 18).
16 F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-IBA hija organizzazzjoni li tirrapreżenta numru sinjifikattiv ta' operaturi attivi fis-settur ikkonċernati minn din il-kawża. Fil-fatt, il-membri tagħha jinkludu aktar minn 20 000 ġurist individwali – li xi 3 000 minnhom huma ġuristi li jaħdmu f'impriżi –, kif ukoll 195 kamra ta' l-avukati u numru kbir ta' assoċjazzjonijiet ta' ġuristi li jaħdmu f'impriżi – inkluż l-Institut des juristes d’entreprise.
17 Fit-tieni lok, joħroġ mill-Istatut ta' l-IBA li l-għanijiet ta' din l-assoċjazzjoni jinkludu dak tal-protezzjoni ta' l-interessi tal-membri tagħha. Fil-fatt, skond l-Artikolu 1(2) u (3) ta' l-Istatut ta' l-IBA, din għandha bħala għan, b'mod partikolari, li tassisti lill-assoċjazzjonijiet ta' l-avukatura u l-Law societies u l-membri ġuristi tagħhom sabiex jiżviluppaw u jtejbu l-organizzazzjoni u l-istatus tal-professjoni, kif ukoll li tgħin lill-membri ġuristi tagħha fid-dinja kollha, fil-qasam ta' l-edukazzjoni ġuridika jew f'oqsma oħra, biex jiżviluppaw u jtejbu s-servizzi legali mogħtija lill-pubbliku. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din ir-referenza għall-fatt li l-għan ta' l-IBA huwa, b'mod partikolari, li "tgħin" lill-membri tagħha għandha tinftiehem fis-sens li wieħed mill-għanijiet ta' din l-assoċjazzjoni huwa l-protezzjoni ta' l-interessi tal-membri tagħha. Għalhekk, dak li jipprevedu d-diżpożizzjonijiet in kwistjoni ta' l-Istatut imur lil hinn mis-sempliċi promozzjoni ta' l-interessi ġenerali u kollettivi ta' professjoni, fis-sens tad-digriet Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitat aktar 'il fuq. Fil-fatt, l-Istatut ta' l-IBA jkopri kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw direttament l-interessi konkreti tal-membri tagħha, bħall-organizzazzjoni u l-istatus tal-professjoni ta' avukat u l-prestazzjoni ta' servizzi legali.
18 Finalment, fit-tielet lok, fid-dawl tal-fatt li l-kawża in kwistjoni tqajjem punti fundamentali dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza li se tingħata tista' taffetwa b'mod sinjifikattiv kemm il-funzjonament tas-settur ikkonċernat, kif ukoll l-interessi tal-membri ta' l-IBA.
19 MiMMill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-IBA ipprovat l-interess tagħha fl-eżitu tal-kawza u għalhekk għandha tiġi awtorizzata tintervjeni, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Billi t-talba għal intervent ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta' sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, skond l-Artikolu 116(6) ta' l-istess Regoli, l-intervent ta' l-IBA għandu jkun limitat għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet waqt il-proċedura orali. Minħabba f'hekk, meta jasal il-waqt, l-IBA tkun tista' tirċievi biss ir-Rapport għas-Seduta li se jitħejja fil-kawza preżenti. Għaldaqstant, mhemmx lok li tiġi deċiża t-talba għal trattament kunfidenzjali ppreżentata mir-rikorrenti fil-konfront ta' l-IBA.
Għal dawn il-motivi,
IL-PRESIDENT TA' L-EWWEL AWLA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
jordna li:
1) L-International Bar Association hija awtorizzata tintervjeni fil-kawża T-253/03 biex issostni t-talbiet tar-rikorrenti. Konformement mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-Reġistratur għandu jibgħatilha r-Rapport għas-Seduta fiż-żmien xieraq, għall-finijiet tas-sottomissjoni ta' l-eventwali osservazzjonijiet tagħha waqt il-proċedura orali.
2) L-ispejjeż huma riżervati.
Mogħti fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Frar 2007.
Reġistratur
Il-President
E. Coulon
J. D. Cooke
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy