KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fit-18 ta’ Jannar 2007 1(1)
Kawża C-195/04
Il-Kummissjoni
vs
Il-Finlandja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Kuntratti pubbliċi għall-provvista ta’ apparat għall-catering – Artikolu 28 KE – Miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitativi – Prinċipju ta’ non diskriminazzjoni – Obbligu ta’ trasparenza”
1. Din il-kawża tqajjem, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni dwar il-portata ta’ l-obbligu ta’ trasparenza imposta fuq awtorità kontraenti li tagħti kuntratt li l-valur tiegħu jaqa’ taħt il-parametru tad-direttiva tal-Komunità fuq kuntratti ta’ provvista in kwistjoni. Minkejja kuntratt li l-valur tiegħu huwa taħt il-parametru kkonċernat jista’ xorta waħda jkun rilevanti f’termini ekonomiċi, għal raġunijiet ta’ konvenjenza, f’din l-Opinjoni, sejjer nirreferi għat-tali tip ta’ kuntratt bħala “kuntratt ta’ valur żgħir”.
2. Il-Kummissjoni titlob konstatazzjoni taħt l-Artikolu 226 KE li tgħid li l-‘Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE peress li [l-awtorità responsabbli fil-Finlandja għat-tmexxija tal-bini tal-gvern] billi meta akkwistat apparat professjonali tal-kċina kisret ir-regoli fundamentali tat-Trattat KE u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni li jimplika obbligu ta’ trasparenza’.
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3. Id-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE(2) li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista tipprovdi r-rekwiżiti għall-għoti tat-tali kuntratti.
4. Il-preambolu kkonċernat jipprovdi li:
‘[10] … il-kuntratti ta’ provvista ta’ anqas minn [EUR 214 326 (3)] jistgħu jiġu eżentati mill-kompetizzjoni kif hemm ipprovdut f’din id-Direttiva u jkun xieraq li wieħed jaħseb għall-eżenzjoni tagħhom mill-miżuri ta’ koordinazzjoni;
[14] … biex jiġi assigurat l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, huwa meħtieġ li l-avviżi tal-kuntratti miktuba mill-awtoritajiet kontraenti ta’ l-Istati Membri jiġu rreklamati f’kull parti tal-Komunità; … l-informazzjoni li jkun hemm f’dawn l-avviżi trid tippermetti lill-fornituri stabbiliti fil-Komunità li jiddeterminaw jekk il-kuntratti proposti jinteressawhomx jew le; … għal dan il-għan, ikun xieraq li tingħatalhom informazzjoni addattata dwar l-oġġetti li għandhom jiġu fornuti u l-kundizzjonijiet marbuta mal-forniment tagħhom; … b’mod partikolari, fi proċeduri ristretti, ir-reklamar huwa maħsub biex jippermetti lill-fornituri ta’ l-Istati Membri li jesprimu l-interess tagħhom f’kuntratti, billi jfittxu mill-awtoritajiet kontraenti, stediniet biex jitfgħu offerti skond il-kundizzjonijiet meħtieġa’.
5. Skond l-Artikolu 1(a), kuntratti pubbliċi ta’ provvista jinkludu kuntratti għax-xiri ta’ prodotti bejn fornitur u awtorità kontraenti. Awtoritajiet kontraenti huma ddefiniti fl-Artikolu 1(b) bħala l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi amministrati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet magħmula minn waħda jew aktar awtoritajiet bħal dawn jew korpi amministrati mil-liġi pubblika.
6. Skond l-Artikolu 5(1)(a)(i), id-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva (Artikoli 6 sa 27) – li jinkludu r-regoli komuni ta’ reklamar taħt l-Artikoli 9 sa 14 – huma applikabbli biss fil-konfronti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 1(b) ‘fejn il-valur nett stmat ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) mhuwiex inqas minn [EUR 214 326 (4)]’. Għaldaqstant, il-kuntratti ta’ valur żgħir ma jaqgħux taħt ir-regoli komuni ta’ reklamar; u l-Istati Membri m’għandhomx l-obbligu li japplikaw ir-regoli fid-direttiva għal dawk il-kuntratti, anki jekk jistgħu ċertament jagħmlu dan taħt il-liġi nazzjonali.
7. Kuntratti li jaqgħu taħt il-portata tad-direttivi fuq kuntratti ta’ provvista jridu jingħataw permezz ta’ proċedura miftuħa, ristretta jew innegozjata. Taħt il-proċedura ristretta jiġi rreklamat avviż ta’ kuntratt li jsejjaħ lill-impriżi sabiex jesprimu interess sabiex jagħmlu offerti għall-kuntratt u l-awtorità kontraenti sussegwentement issejjaħ għal offerti minn numru limitat ta’ impriżi. Taħt il-proċedura nnegozjata l-awtorità kontraenti tista’ tagħżel impriżi li magħhom tinnegozja kuntratt mingħajr jiġi rreklamat il-kuntratt u mingħajr ma ssir kompetizzjoni. (5)
8. Skond l-Artikolu 6(3)(a), l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta’ provvista tagħhom bil-proċedura negozjata mingħajr ma’ l-avviż għall-offerti jiġi ppubblikat minn qabel ‘fin-nuqqas ta’ offerti jew ta’ dawk li jippreżentaw l-offerti addattati b’reazzjoni għal proċedura miftuħa jew ristretta sakemm it-termini oriġinali tal-kuntratt ma jiġux immodifikati sostanzjalment u jekk ir-rapport ikun ikkomunikat lill-Kummissjoni’.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
9. Il-Kummissjoni u l-Finlandja jistrieħu fuq deskrizzjonijiet parzjalment differenti tal-fatti li taw lok għal din il-kawża, li ġew ikkontestati b’mod vivaċi tul il-proċedimenti. Għaldaqstant sejjer nistabbilixxi l-fatti li wasslu għall-kawża xi ftit bid-dettal, li fihom ser jiġu rrimarkati u evalwati l-punti fejn m’hemmx qbil.
L-ewwel parti: Marzu 1998
10. F’Marzu 1998, taħt proċedura ristretta, l-awtorità kontraenti (6) ppubblikat fil-Ġurnali Uffiċjali kemm tal-Komunità kif ukoll tal-Finlandja (7) avviż li kien isejjaħ għal espressjoni ta’ interess f’kuntratt ta’ xogħolijiet pubbliċi għal xogħol ta’ tiġdid ta’ u alterazzjoni għall-bini ta’ l-amministrazzjoni reġjonali ta’ Turku. Il-Finlandja tirreferi għall-dan bħala l-‘ewwel parti’. (8)
11. Il-kuntratt kien subdiviż f’partijiet. Dawn kienu jinkludu, inter alia, l-installazzjoni ta’ apparat għall-catering. Skond l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE (9) ġie speċifikat li setgħu jsiru offerti għal waħda, iżjed jew kollha mill-partijiet. Partijiet individwali kienu jvarjaw bejn FIM miljun u 22 miljun (approssimativament bejn EUR 168000 u EUR 3.7 miljun) u l-valur assolut tal-partijiet kien jaqbeż il-parametru li bih hija applikabbli d-Direttiva tax-Xogħolijiet.(10) Ix-xogħolijiet kellhom isiru f’żewġ partijiet.
12. Il-kċina li fiha kellu jiġi installat l-apparat hija parti mir-ristorant li jinsab fil-bini ta’ l-amministrazzjoni reġjonali ta’ Turku.
13. Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk fl-ewwel stadju waslux offerti għall-provvista ta’ apparat għall-catering.
14. F’risposta għal domanda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta, il-Finlandja qalet li offerta waħda biss għall-provvista ta’ apparat għall-catering kienet waslet fl-ewwel stadju, mingħand Kopal Markkinointi Oy (‘Kopal’). Il-Finlandja ma kinitx kapaċi tipprovdi aktar dettalji dwar dik l-offerta. Hija qalet li, peress li ma kinitx irċeviet iżjed offerti, ma kienx hemm mezz li offerti jiġu kkumparati. Għaldaqstant l-offerta ta’ Kopal ġiet miċħuda.
15. Il-Kummissjoni qalet li, safejn kienet taf, Kopal ma kinitx bgħatet offerta fl-1998.
16. Ma ġiet ippreżentata l-ebda prova ulterjuri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’kull każ, il-partijiet jaqblu li l-ebda offerta ma ġiet aċċettata f’dan il-punt għal-provvista ta’ apparat għall-catering.
It-tieni stadju: kmieni fis-sena 2000
17. Kmieni fis-sena 2000 (11) l-awtorità kontraenti kitbet direttament lil erba’ impriżi, fejn sejħitilhom jagħmlu offerti għall-provvista u l-installazzjoni ta’ apparat għall-catering. Abbażi ta’ ittra tad-9 ta’ April 2001 (12) jista’ jiġi dedott li dawk l-erba’ impriżi kienu Deita Oy (‘Dieta’), Electrolux Professional Oy (‘Electrolux’), Kopal, u l-fornitur eventwali Hackman –Metos Oy (‘Kackman-Metos’). B’hekk kienet l-awtorità kontraenti li kkuntattjat lil Hackman-Metos għall-ewwel darba. Il-Finlandja tallega li dawn l-impriżi kienu jinkludu rappreżentant fil-Finlandja ta’ fornitur ta’ apparat għall-catering li jinsab fi Stat Membru ieħor (preżumibbilment Electrolux). Il-Kummissjoni ma kkontestatx dik l-istqarrija.
18. F’dan ir-rigward, ir-ristorant li fih l-apparat għall-catering kellu jiġi installat kien inkera mill-awtorità kontraenti lil Amica Ravintolat (‘Amica’ jew il-‘kerrejja’). L-awtorità kontraenti ftehmet ma’ Amica li l-kumpannija kienet se tixtri l-apparat għall-catering f’isem l-awtorità kontraenti. L-awtorità kontraenti ftehmet li tħallas 1050000 FIM (madwar EUR 177000) għax-xiri ta’ l-apparat għall-catering. Dan l-ammont huwa inqas mill-parametru li kien applikabbli mid-Direttiva 93/36. (13)
It-tielet stadju: aktar tard fl-2000
19. Fi Frar ta’ l-2000 l-awtorità kontraenti ħarġet avviż li kien jinforma lil dawk indirizzati li l-offerti li kienet irċeviet kienu ġew miċħuda minħabba l-prezz elevat tagħhom. Xi wħud mill-indirizzati kienu madankollu ġew imsejħa sabiex jagħmlu kuntatt mal-kerrejja, li d-dettalji tiegħu kienu ngħataw, b’offerti ġodda. Il-Finlandja tirreferi għal din is-sejħa u dak li seħħ wara, bħala t-‘tielet stadju’.
20. Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk dan l-avviż ġiex indirizzat lill-impriżi kollha li kienu għamlu offerta fl-2000 sabiex jipprovdu apparat għall-catering.
21. Il-Finlandja ssostni li l-avviż kien intbagħat lill-erbat impriżi kollha. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tallega li mhux l-impriżi kollha li preċedentement għamlu offerta ġew infurmati fuq iċ-ċaħda ta’ offerti kollha u li sussegwentement ġew mistiedna jagħmlu l-offerti tagħhom fit-‘tielet stadju’. Skond il-Kummissjoni, mill-inqas impriża waħda, Rakentajamestarit Oy (‘Rakentajamestarit’), li preċedentement offriet li tipprovdi l-apparat għall-catering ma ġietx infurmata dwar iċ-ċaħda ta’ l-offerti u ma ġietx imsejħa biex tressaq l-offerti tagħha fit-tielet stadju. Hija tirreferi għal offerta (annessa mar-risposta) li ġiet ippreżentata minn Rakentajamestarit.
22. Il-Finlandja ġustament toġġezzjona li billi ppreżentat il-prova ta’ l-offerta ta’ Rakentajamestarit biss fir-replika tagħha mingħajr spjegazzjoni, il-Kummissjoni ma segwietx l-Artikolu 42(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jgħid li fir-replika jew fil-kontroreplika, il-parti li qed tippreżenta provi ulterjuri għandha tagħti r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard. (14) Il-Finlandja ssostni wkoll li l-offerta ta’ Rakentajamestarit kienet tirreferi għax-xogħolijiet prinċipali (li kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ l-għamaratal-kċina), mhux il-provvista ta’ apparat għall-catering.
23. Għaldaqstant inqis li l-prova ta’ l-offerta ta’ Rakentajamestarit hija inammissibbli; u li, f’kull każ, jidher ukoll li hija irrilevanti. (15)
24. Il-kerrejja kkonkludiet il-kuntratt ma’ Hackman-Metos. (16) Il-partijiet ma kinux f’pożizzjoni li jinfurmaw lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dak li ġara. Fis-seduta l-Kummissjoni indikat li kienu ddekorrew sentejn bejn l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali u x-xiri ta’ l-apparat għall-catering. Għaldaqstant nassumi li l-kuntratt ġie probabbilment konkluż fl-ewwel parti ta’ l-2000. (17)
25. B’ittra tad-9 ta’ April 2001, l-awtorità kontraenti pprovdiet formola lil dawk indirizzati bl-avviż li nħareġ fi Frar 2000 sabiex ikunu jistgħu jappellaw mid-deċiżjoni li l-offerti li saru fit-tieni stadju jiġu miċħuda.
26. Nieqfu għaldaqstant sabiex nagħmlu rikapitulazzjoni: fl-ewwel stadju, taħt proċedura ristretta, avviż ta’ kuntratt ġie ppubblikat fil-Ġurnali Uffiċjali ta’ l-UE u tal-Finlandja fejn inħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet għal offerti għal kuntratt li fir-rigward tagħhom l-installazzjoni ta’ apparat għall-catering kienet tinsab f’sezzjoni separata. Jidher li waħda mill-impriżi, Kopal, x’aktarx offriet il-provvista ta’ apparat għall-catering fl-ewwel stadju (jiġifieri, fl-iżvolġiment tal-proċedura ristretta) iżda f’kull każ l-offerta tagħha ġiet miċħuda. Fit-tieni stadju, l-awtorità kontraenti kkuntattjat lil Kopal u lil tliet fornituri potenzjali oħra – Dieta, Electrolux u Hackman-Metos – u sejħitilhom sabiex jagħmlu offerta, iżda sussegwentement ċaħdet l-erba’ offerti fuq il-bażi li dawn kienu għoljin wisq. Fit-tielet stadju, l-awtorità kontraenti tat lill-kerrejja l-ġdida, Amica, is-setgħa li tinnegozja bħala l-aġent tagħha ma’ dawk l-erbat impriżi (Kopal, Dieta, Electrolux u Hackman-Metos) li kienu għażlu li jikkuntattjawha, peress li ġew ssejħu biex jagħmlu hekk mill-awtorità kontraenti. Amica kkonkludiet il-kuntratt għall-apparat għall-catering ma’ Hackman-Metos.
27. Ilment li kien jikkonċerna l-għotja kkontestata ġie rreġistrat mal-Kummissjoni, li bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Finlandja fit-18 ta’ Lulju 2002. Il-Kummissjoni qieset li l-awtorità kontraenti ma kinitx żgurat li l-kuntratt jingħata bi grad suffiċjenti ta’ reklamar u li l-Finlandja kienet għaldaqstant qed tikser l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE (sic). Il-Kummissjoni żiedet illi, skond l-informazzjoni li hija kienet irċeviet, Amica (fil-kwalità ta’ aġent ta’ l-awtorità kontraenti) kienet ikkonkludiet il-kuntratt ma’ impriża li magħha kellha konnessjonijiet viċini kif ukoll impjegati, iżda l-Kummissjoni ma tidhirx li kompliet b’din l-allegazzjoni lil hinn mill-proċedura ta’ qabel il-kontenzjuż.
28. Il-Finlandja rrispondiet b’ittra tat-3 ta’ Settembru 2002. Hija aċċettat li l-proċeduri ta’ kuntratti ta’ provvista kienu suġġetti għar-rekwiżiti ta’ reklamar u ta’ trasparenza, iżda ċaħdet li kienet kisret l-Artikolu 28 KE jew xi regola oħra tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
29. Billi ma kinitx soddisfatta bir-risposta tal-Finlandja, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Finlandja fid-19 ta’ Diċembru 2002. Hija straħet espliċitament fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Telaustria u Telefonadress (‘Telaustria’) (18) u reġgħet qalet li, fil-fehma tagħha, l-awtorità kontraenti kienet naqset milli tiggarantixxi livell suffiċjenti ta’ reklamar (19) għall-kuntratt ta’ akkwist.
30. Billi ma kinitx soddisfatta bir-risposta tal-Finlandja tat-12 ta’ Frar 2003 (li kienet sempliċement reġgħet stqarret il-pożizzjoni tagħha), il-Kummissjoni ressqet din il-kawża kontra nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. (20)
31. Wara li nbdew dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni, il-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Diċembru 2003 li hija kellha l-intenzjoni li ssaħħaħ l-obbligu ta’ trasparenza fil-Finlandja. (21)
32. Id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Olanda għamlu sottomissjonijiet bħala partijiet intervenjenti. Fis-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2006 il-Kummissjoni, il-Finalndja, il-Ġermanja u l-Olanda ppreżentaw sottomissjonijiet orali.
Ammissibbiltà
L-oġġezzjoni tal-Finlandja dwar inammissibbiltà
33. Il-Finlandja ssostni li r-rikors huwa inammissibbli. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett tar-rikors huwa ddefinit permess tal-proċedura prekontenzjuża u r-rikors ma jistax ikun ibbażat fuq ilmenti li ma tqajmux fil-proċedura prekontenzjuża. Il-Finlandja ssostni li l-Kummissjoni wessgħet is-suġġett tar-rikors lil hinn mill-portata deskritta fl-opinjoni motivata f’żewġ ċirkustanzi.
34. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni għall-ewwel darba fir-rikors li l-awtorità kontraenti jmissha ħarġet ‘sejħa għal offerti’. L-opinjoni motivata ssemmi biss l-obbligu li l-kuntratt jiġi żgurat ammont suffiċjenti ta’ reklamar. (22)
35. It-tieni nett, ir-rikors jgħid li s-sejħa inizjali għal offerti ma kellhiex suċċess u l-kuntratt għal apparat għall-catering ma ġiex sussegwentement irreklamat f’forma ta’ sejħa għal offerti. Fl-opinjoni motivata, madankollu, il-ksur ġie attribwit għal fatt li l-kerrejja, fil-pożizzjoni tagħha bħala aġent ta’ akkwist f’isem l-awtorità kontraenti, ikkonkludiet il-kuntratt.
36. Il-Kummissjoni tirrispondi li s-suġġett tar-rikors huwa ppreċiżat fil-faċċatta u fil-paragrafu 23 tar-rikors (il-konstatazzjoni mitluba). Kemm hemmhekk, kif ukoll fl-opinjoni motivata, l-allegazzjoni essenzjali hija li l-Finlandja kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE minħabba li l-awtorità kontraenti kisret ir-regoli fondamentali tat-Trattat fl-akkwist ta’ apparat għall-catering.
Evalwazzjoni
37. Minkejja l-metodu mhux konvinċenti li bih hija mfassla d-dikjarazzjoni meħtieġa, li niddistkuti iktar ’il quddiem, ma naħsibx li l-ilment tal-Finlandja dwar inammissibbiltà huwa fondat. L-opinjoni motivata tikkonkludi billi tallega li billi akkwistat apparat għall-catering, l-awtorità kontraenti kisret ir-regoli fondamentali tat-Trattat, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni, li jimplika l-obbligu ta’ trasparenza; għaldaqstant (kif jintqal) il-Finlandja kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE. Ir-rikors jitlob dikjarazzjoni li l-Finlandja kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 238 KE minħabba li, billi akkwistat apparat għall-catering, l-awtorità kontraenti kisret ir-regoli fondamentali tat-Trattat u, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni li jimplika obbligu ta’ trasparenza. Ma nistax nara kif tista’ ssir distinzjoni fil-mod li bih il-Kummissjoni tagħmel l-argumenti tagħha f’dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet.
38. Huwa fatt li l-Kummissjoni argumentat espressivament għall-ewwel darba fir-rikors tagħha li suppost inħarġet ‘sejħa għal offerti’; u li s-sejħa inizjali għal offerti ma kellhiex suċċess u sussegwentement il-kuntratt għall-apparat għall-catering ma ġiex irreklamat f’forma ta’ sejħa għal offerti. (23) Madankollu, rikors mhuwiex inammissibbli meta din sempliċement tespandi fuq allegazzjoni magħmula fl-opinjoni motivata u ma tifformulax allegazzjonijiet ġodda. (24) Jidhirli li ż-żewġ argumenti ddettaljati li jinsabu fir-rikors jespandu sempliċement fuq l-allegazzjoni mressqa fl-opinjoni motivata li l-kuntratt ikkonċernat ma kienx suffiċjentement irreklamat (25) u li l-obbligu ta’ trasparenza kien għaldaqstant inkiser. Dawn ma jbiddlux is-suġġett ta’ l-ilment tal-Kummissjoni.
39. Il-Finlandja tistrieh fuq Il-Kummissjoni vs L-Olanda (26) u Il-Kummissjoni vs L-Italja. (27) Fl-ewwel każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala inammissibbli parti mir-rikors tal-Kummissjoni, li kien jikkonċerna t-tniġġis ta’ l-ilma, li kienet tvarja fil-portata ġeografika minn dik identifikata mil-Kummissjoni fil-proċedura prekontenzjuża. (28) Fit-tieni każ, ir-rikors tal-Kummissjoni kien inammissibbli safejn kienet tibbaża fuq (a) leġiżlazzjoni nazzjonali li għaliha kien żbaljatament sar riferenza fil-proċedura prekontenzjuża u (b) leġiżlazzjoni nazzjonali differenti minn dik li għaliha saret riferenza fil-proċedura prekontenzjuża. (29) Il-portata ġeografika u l-bażi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kjarament imorru fil-qalb tas-suġġett tat-tali rikors. Id-dettal preċiż ta’ l-argumenti mressqa fir-rikors in sostenn ta’ l-oġġezzjoni prinċipali tal-Kummissjoni ma jmurx. Għaldaqstant dawn il-kawżi jistgħu jiġu distinti.
40. Għaldaqstant l-oġġezzjoni tal-Finlandja ma tistax tiġi aċċettata.
Id-dikjarazzjoni meħtieġa
41. Madankollu għandi dubji serji dwar l-ammissibbiltà u l-merti tar-rikors tal-Kummissjoni fuq raġunijiet oħrajn.
42. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Kummissjoni għandha tindika, fit-talbiet tar-rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE, l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tieħu deċiżjoni u dawn it-talbiet għandhom jiġu fformulati b’mod non ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew inkella tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment. (30)
43. Il-Kummissjoni ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li l-‘Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 28 KE, peress li [l-awtorità kontraenti responsabbli fil-Finlandja għat-tmexxija tal-bini tal-Gvern] fl-akkwist ta’ apparat għall-catering kisret ir-regoli fondamentali tat-Trattat KE u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni li jimplika l-obbligu ta’ trasparenza’.
44. Dawn il-kliem mhumiex preċiżi.
45. L-ewwel nett, mhuwiex ċar minn kif inhu fformulat it-test jekk il-Kummissjoni hijiex qed titlob dikjarazzjoni li (1) l-Artikolu 28 KE, (ii) il-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni li din tinkludi, (iii) regoli fondamentali oħra tat-Trattat, jew (probabbilment) (iv) taħlita ta’ dan kollu ġie miksur.
46. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tgħidx b’mod espliċitu għaliex l-Artikolu 28 KE huwa meħtieġ għar-rikors tagħha.
47. L-Artikolu 28 KE jgħid li restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Il-projbizzjoni tkopri l-leġiżlazzjoni nazzjonali kollu. (31)
48. Madankollu, ir-rikors tal-Kummissjoni ma jidentifikax bi preċiżjoni liema att jikkostitwixxi miżura, att jew proċedura li allegatament kisret l-Artikolu 28 KE. Il-Kummissjoni sempliċement tilmenta, b’mod ġenerali, fuq l-imġieba ta’ l-awtorità kontraenti ‘fl-akkwist’ ta’ apparat għall-catering.
49. Għaldaqstant inqis li t-talbiet tar-rikors ma jindikawx l-imenti speċifiċi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba li tiddeċiedi u r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
50. Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqsamx din l-opinjoni, sejjer nirreferi għall-mertu tal-kawża.
Fuq il-mertu
Punti preliminari
51. Il-Kummissjoni naqset milli tispjega kif, billi ma rreklamatx il-kuntratt ikkontestat jew billi ma bdietx proċedura ġdida għall-għoti ta’ kuntratt, li t-tnejn li huma jinvolvu obbligi li mhumiex passivi, l-awtorità kontraenti kisret l-obbligu passiv li jinsab fl-Artikolu 28 KE.
52. Irrid nagħmilha ċara li ma niċħadx li l-Artikolu 28 KE jista’ jikkomporta obbligu ta’ trasparenza. Il-punt tiegħi huwa li, jekk dan huwa l-każ, il-Kummissjoni naqset milli tispjega li dan huwa l-każ. Fl-opinjoni tiegħi r-rikors huwa għaldaqstant infondat peress li tonqos milli tispeċifika b’mod ċar kif l-allegat ksur ta’ l-obbligu ta’ trasparenza jikser l-Artikolu 28 KE.
53. Għal darb’oħra, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ l-opinjoni tiegħi, sejjer neżamina l-ilment tal-Kummissjoni fid-dettal.
54. Huwa stabbilit li l-kuntratt ikkontestat kien kuntratt ta’ valur żgħir u għaldaqstant ma jidħolx fil-portata tad-Direttiva 93/36.
55. Hija barra minn hekk ġurisprudenza stabbilita li, minkejja li ċerti kuntratti huma esklużi mill-portata tad-direttivi Komunitarji fil-qasam ta’ kuntratti ta’ provvista, l-awtoritajiet kontraenti li jikkonkludu t-tali kuntratti huma madankollu marbutin li jirrispettaw ir-regoli fondamentali tat-Trattat. (32) B’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti huma marbutin bil-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità, li min-naħa tiegħu jimplika obbligu ta’ trasparenza biex l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jissoddisfaw rwieħhom li mxew skond il-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni. (33)
56. Il-konsegwenza tar-rikors imressaq mill-Kummissjoni għaldaqstant jiddependi fuq jekk il-miżuri adottati mill-awtorità kontraenti għall-akkwist ta’ l-apparat għall-catering kinux suffiċjenti biex jikkonformaw ma’ l-obbligu ta’ trasparenza kif stabbilit mill-ġurisprudenza. Ir-risposta għal dan tiddependi fuq ir-risposti ta’ żewġ domandi ulterjuri.
57. L-avviż ta’ kuntratt li ġie ppubblikat mill-awtorità kontraenti f’Marzu 1998 taħt il-proċedura ristretta skond id-Direttiva tax-Xogħolijiet kien jirreklama sostanzjalment l-istess kuntratt ta’ provvista li finalment ingħata kmieni fl-2000 u għaldaqstant żgura l-livell ta’ trasparenza meħtieġa?
58. Alternativament, jekk m’għamlitx dan, l-awtorità kontraenti kienet ikkonformat ma’ l-obbligu ta’ trasparenza fl-2000 (fi stadji tnejn u tlieta) meta darbtejn ħarġet sejħiet għal offerti diretti lil erba’ offerenti potenzjali?
59. Fil-kunsiderazzjoni ta’ dawn id-domandi, nispeċifika li l-miżuri li ttieħdu fl-1998 (l-ewwel stadju) u fl-2000 (it-tieni u t-tielet stadji) jirrapreżentaw gradi differenti ta’ reklamar. M’hemmx dubju li l-obbligu ta’ trasparenza huwa soddisfatt bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE għal kuntratt li għandu jingħata taħt proċedura ristretta (irrispettivament mill-fatt li l-pubblikazzjoni inizzjali saret skond il-ħtiġijiet tad-Direttiva tax-Xogħolijiet u mhux mid-Direttiva 93/36). Huwa madankollu iżjed dibattibbli jekk l-obbligu ta’ trasparenza jipix ukoll soddisfatt b’li jsir kuntatt ma’ erba’ impriżi direttament.
L-avviż ta’ kuntratt ta’ l-1998 kien ikopri l-kuntratt ta’ provvista mogħti kmieni fl-2000 u għaldaqstant jissoddisfa l-obbligu ta’ trasparenza?
60. Il-Finlandja ssostni li kien hemm ‘proċedura waħda ta’ għotjien ta’ kuntratt’ għall-bżonnijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-konformità ma’ l-Artikolu 28 KE. Il-kuntratt għall-provvista ta’ apparat għall-catering ġie rreklamat għall-ewwel darba bħala parti indipendenti fost il-kuntratt sħiħ ta’ xogħolijiet pubbliċi għall-uffiċċji ta’ Turku. Dak il-kuntratt ġie rreklamat lill fornituri kollha fl-avviż ta’ kuntratt ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE fl-1998. It-tliet stadji jirrappreżentaw tliet partijiet ta’ l-istess proċedura.
61. Il-Finlandja tikkunsidra li, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ valur żgħir, l-obbligu ta’ trasparenza ma jirrikjedix neċessarjament forma partikolari ta’ pubblikazzjoni jew il-ħruġ ta’ sejħa formali għal offerti. L-applikazzjoni ta’ l-obbligu ta’ trasparenza tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi u hija primarjament irregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Finlandja hija sostnuta f’dan l-argument mid-Danimarka, mill-Ġermanja u mill-Olanda.
62. Il-Kummissjoni tipprova tagħmel distinzjoni proċedurali bejn kull waħda mit-tliet stadji identifikati ’il fuq. L-awtorità kontraenti naqset milli tippubblika avviż ġdid għal offerti (34) qabel ma xtrat l-apparat għall-catering. Dak l-ilment jirreferi għat-tieni u t-tielet stadji. B’hekk, skond il-Kummissjoni, kien hemm grad insuffiċjenti ta’ reklamar fl-akkwist ta’ l-apparat għall-catering u l-awtorità kontraenti għaldaqstant naqset milli tikkonforma ruħha ma’ l-obbligu ta’ trasparenza.
63. Ma naqbilx mal-Finalndja li, formalment, it-tliet stadji kienu jikkostitwixxu proċedura waħda ta’ għoti ta’ kuntratt. L-ewwel stadju kien jikkonsisti f’proċedura ristretta li ma kellhiex suċċess fir-rigward tal-parti li tikkonċerna l-provvista ta’ apparat għall-catering. Taħt it-tieni stadju, l-awtorità kontraenti kkuntattjat erba’ impriżi direttament, fejn ta’ l-inqas tlieta minnhom ma kienu ppreżentaw l-ebda offerta taħt il-proċedura ristretta. B’hekk it-tieni stadju ta’ lok għal proċedura nnegozjata separata. Wara l-offerti li waslu taħt dik il-proċedura ġew miċħuda, proċedura nnegozjata oħra nbdiet fit-tielet stadju.
64. B’danakollu, jenħtieġ li jiġi eżaminat jekk, mill-fatti, it-tieni u t-tielet stadji jistgħux jitqiesu bħala konsegwenza diretta ta’ l-ewwel stadju li ma kellux suċċess b’mod li r-rekwiżiti ta’ trasparenza fir-rigward tat-tieni u tat-tielet stadji kienu diġà soddisfatti bl-avviż ta’ kuntratt ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE fl-1998.
65. Sabiex tiġi mwieġba dik id-domanda, irid jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk l-avviż ta’ l-1998 ippubblikat taħt il-proċedura ristretta għandhiex proprjament tinqara’ bħala li ssejjaħ applikazzjonijiet għal offerti għall-provvista ta’ apparat għall-catering bħala parti separata u, fit-tieni lok, jekk it-termini tal-kuntratt ta’ provvista rreklamati taħt il-proċedura ristretta kinux sostanzjalment l-istess bħal dawk tal-kuntratt ikkonċernat fit-tieni u fit-tielet stadji.
66. L-ewwel nett, il-kuntratt ta’ xogħolijiet pubbliċi rreklamat fil-Ġurnal Uffiċjali fl-1998 huwa intitolat ‘Xogħolijiet ta’ bini (bini mill-ġdid, estensjonijiet, bdil u xogħol ta’ tiswija)’ (traduzzjoni tiegħi). Id-deskrizzjoni ddettaljata tax-xogħol (35) tgħid: ‘Bini muniċipali, rinnovazzjoni estensiva u xogħol ta’ modifikazzjoni, bini, xogħol ta’ ilma u ta’ ventilazzjoni, xogħol fuq monitoraġġ, tkessieh, apparat ta’ sigurtà u ta’ l-elettriku u l-installazzjoni ta’ apparat għall-catering’ (traduzzjoni tiegħi). L-avviż ta’ kuntratt iċċara wkoll (36) li kandidati setgħu japplikaw għal offerta għal waħda, iktar minn waħda jew il-partijiet kollha u sejħu offerenti potenzjali sabiex jikkuntattjaw l-awtorità kontraenti (37) (bil-Finlandiż) għal informazzjoni supplementari fuq aspetti tekniċi u amministrattivi tal-kuntratt. (38)
67. Il-Kummissjoni ma targumentax li l-avviż ta’ kuntratt ma kienx suffiċjentement ċar. Jidher li tgħaraf li l-avviż ta’ kuntratt kien fil-fatt isejjaħ għal applikazzjonijiet għal offerti ta’ apparat għall-catering. (39) Ir-raġunament tagħha jidher li qed jillimita ruħu għall-argument li dak li ġara fl-2000 ma jistax jitqies li huwa sempliċement il-kontinwazzjoni ta’ dak li ġara fl-1998.
68. Fl-opinjoni tiegħi l-avviż ta’ kuntratt ta’ l-1998, minkejja li mhuwiex eżempju ta’ kjarezza, jista prima facie jiġi interpretat bħala li jsejjaħ għal turija ta’ interess fl-offerta għall-installazzjoni ta’ apparat għall-catering; u l-Kummissjoni ma kkontestatx dan. Għaldaqstant naqbel mal-Finlandja li l-oferenti prospettivi li jaqraw l-avviż ta’ kuntratt ippubblikat f’Marzu 1998 fil-Ġurnal Uffiċjali ma kinux jifhmu li setgħu jfittxu iżjed informazzjoni, u japplikaw sabiex jagħmlu l-offerti għall-provvista ta’ apparat għall-catering bħala parti indipendenti. (40)
69. It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li t-termini kuntrattwali nbidlu fl-istadji differenti. Hija tispeċifika li l-avviż ta’ kuntratt ippubblikat fl-1998 ma jsemmix il-ftehim ta’ kiri ma’ Amica u s-sehem tagħha fl-għoti tal-kuntratt. (41) Fis-seduta l-Kummissjoni, li straħet fuq ittra (annessa mar-risposta tagħha) mill-awtorità kontraenti lill-Ministeru tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija tal-Finlandja, irreferiet ukoll għall-modifikazzjoni fil-pjanta tar-ristorant, bidla fl-ammont tal-kuntratt u bidla għall-iffinanzjar tax-xiri (li issa għandha tinqasam bejn l-awtorità kontraenti u Amica).
70. Il-Finlandja twieġeb li l-klawżoli essenzjali tal-kuntratt ma ġewx mibdula fil-proċedura. L-awtorità kontraenti kienet responsabbli ta’ l-għotja tul il-proċedura kollha. L-uniċi bidliet kienu li taħt it-tielet stadju Amica kkonkludiet il-kuntratt fil-kapaċità tagħha bħala aġent u li l-awtorità kontraenti ffissat minn qabel is-somma li hija kienet se tħallas għax-xirja.
71. Ma naħsibx li l-Kummissjoni rnexxielha tipprova li t-termini tal-kuntratt inbidlu siffiċjentement tul it-tliet stadji deskritti sabiex ikissru l-konessjoni ta’ kontinwità bejn dawk l-istadji. Minkejja li fit-tielet stadju l-awtorità kontraenti użat lil Amica in kwantu aġent biex twettaq ix-xiri u qasmet l-ispejjeż magħha, is-sejħiet għal offerti fit-tielet stadju ħarġu f’isimha u mhux f’isem Amica. Barra minn hekk is-somma li l-awtorità kontraenti stipulat bħala l-kontribuzzjoni tagħha lejn ix-xiri tinsab fil-marġini tal-valuri speċifikati għal-partijiet separati ppubblikati taħt il-kuntratt tax-xogħolijiet fl-1998. L-anqas ma ninterpreta s-sejħiet għal offerti maħruġa fit-tielet stadju bħala li jsostnu l-kontestazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehim ta’ kiri bejn l-awtorità kontraenti u Amica jbiddlu t-termini tal-kuntratt. Dawn sempliċment jiċċaraw ir-rwol ta’Amica bħala aġent ta’ l-akkwist.
72. Kontra l-Artikolu 42(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex l-ittra mill-awtorità kontraenti lill-Ministeru tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija tal-Finlandja ġiet ippreżentata bħala prova biss bħala anness għar-risposta tagħha. Għaldaqstant dik l-ittra tikkostitwixxi prova ġdida ppreżentata barra miż-żmien skond id-definizzjoni ta’ l-Artikolu 42(1) tar-Regoli tal-Proċedura u ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni. (42) Il-Kummissjoni ma ressqitx provi ulterjuri li jistabbilixxu li kien hemm bdil sostanzjali fin-natura jew fil-kwantità ta’ apparat għall-catering li għandu jiġi pprovdut kif irreklamat fit-tielet stadji differenti.
73. Għal dawn ir-raġunijiet, nemmen li sostanzjalment l-istess kuntratt għall-provvista ta’ apparat għall-catering ġie rreklamat fl-1998 taħt proċedura ristretta bħal dak li ngħata fl-2000 taħt il-proċedura nnegozjata.
74. Jekk dan huwa l-każ, u l-proċedura ristretta falliet minħabba li ma waslitx offerta aċċettabbli, id-domanda li jmiss hija jekk l-awtorità kontraenti kisritx l-obbligu ta’ trasparenza billi sussegwentement għamlet użu mill-proċedura nnegozzjata biex tixtri l-apparat għall-catering, mingħajr reklamar ulterjuri.
75. Skond l-Artikolu 6(3)(a) tad-Direttiva 93/36, awtorità kontraenti tista tagħti l-kuntratti ta’ provvista li tidħol fil-portata tad-direttiva bil-proċedura nnegozjata mingħajr ma l-avviż għal-offerti jiġi ppubblikat minn qabel meta l-ebda offerta rilevanti ma tkun waslet taħt il-proċedura ristretta bil-kundizzjoni li t-termini tal-kuntratt ma jiġux immodifikati sostanzjalment kif ukoll li rapport jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni.
76. Reċentement ġie ppreċiżat (43) li fejn deroga mid-direttivi fuq kuntratti ta’ provvista hija espressament aċċettata, proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni preċedenti ta’ sejħa għal offerti hija ġustifikata u jista ma jkunx hemm ħtieġa ta’ reklamar. Il-prinċipji li jirriżultaw mit-Trattat ma jistgħux jimponu ħtieġa ta’reklamar li trid tiġi soddisfatta anki meta d-direttiva jipprovdu espressament għal deroga. Jekk jagħmlu hekk, id-deroga tkun mingħajr importanza.
77. Fil-fehma tiegħi l-istess raġunament japplika għal kuntratt li ma jaqax fil-portata tad-Direttiva 93/36 minħabba l-valur żgħir tiegħu. (44) L-Artikolu 6(3)(a) espressament jipprovdi għall-użu ta’ proċedura nnegozjata fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-direttiva. Jirriżulta minn dan li l-proċedura tista tiġi wkoll użata fir-rigward ta’ kuntratt ta’ livell żgħir.
78. Għaldaqstant nikkonkludi li meta, wara li ssir proċedura ristretta bil-pubblikazzjoni ta’ avviż li jfalli minħabba n-nuqqas ta’ offerti rilevanti, l-awtorità kontraenti tagħmel użu minn proċedura nnegozjata mingħajr ma tirreklama l-kuntratt ta’ provvista, u fejn it-termini tal-kuntratt taħt iż-żewġ proċeduri huma sostanzjalment l-istess, l-awtorità kontraenti ma tiksirx l-obbligu ta’ trasparenza tad-dritt Komunitarju.
Is-sejħiet għal offerti ta’ l-2000 kienu fihom infushom suffiċjenti biex ikunu konformi ma’ l-obbligu ta’ trasparenza?
79. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li, kontra l-opinjoni tiegħi, it-tieni u t-tielet stadji ma kinux relatati ma’ l-ewwel stadju u ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma koperti mill-avviż ta’ kuntratt ta’ l-1998, jenħtieġ li nikkunsidra jekk is-sejħiet għal offerti maħruġa direttament lill-erba’ impriżi fl-2000 kinux konformu ma’ l-obbligu ta’ trasparenza.
80. Is-sustanza ta’ l-allegazzjoni tal-Kummissjoni hija li l-kuntratt ikkontestat imissu ngħata skond il-kundizzjoni stabbilita f’Telaustria (45) biex tiżgura konformità ma’ l-obbligu ta’ trasparenza. Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-obbligu ta’ trasparenza impost mill-awtorità kontraenti ‘tikkonsisti fil-garanzija, għal kull offerenti potenzjali, ta’ grad ta’ pubbliċità adegwata li tippermetti ftuħ tas-[suq ikkonċernat] għall-kompetizzjoni kif ukoll [għall]-kontroll ta’ l-imparzjalità tal-proċeduri ta’ l-għoti.’
81. Il-Finlandja, il-Ġermanja u l-Olanda jsostnu li, filwaqt li awtorità kontraenti li tagħti kuntratt li joħroġ ’il barra mill-portata tad-direttivi għandha tirrispetta l-obbligu ta’ trasparenza, tibqa l-kunsiderazzjoni dwar x’jikkostitwixxi reklamar ‘suffiċjenti’ fil-kuntest proċedura partikolari ta’ għoti biex dan l-obbligu jiġi soddisfatt. (46) Fi prinċipju, hija l-awtorità kontraenti li trid tevalwa jekk il-pjanijiet iddettaljati tas-sejħa għal offerti humhiex approprjati għall-kuntratt in kwistjoni, suġġetta għar-reviżjoni mill-qrati kompetenti. (47)
82. Kif irrimarkaw id-Danimarka u l-Olanda, l-użu tal-kelma ‘reklamar’ fil-verżjoni Ingliża tas-sentenza hija problematika. Minn naħa, reklamar jimplika obbligu ta’ pubblikazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-kliem użati f’verżjonijiet lingwistiċi oħra (‘Öffentlichkeit’ fil-lingwa uffiċjali tal-kawża, il-Ġermaniż; ‘publicité bil-Franċiż; ‘publicità’ bit-Taljan; ‘publicidad’ bl-Ispanjol) iżjed jixbħu l-kelma ‘publicity’ bl-Ingliż. Fil-fehma tiegħi, ‘pubbliċità’ ma timplikax neċessarjament l-obbligu tal-pubblikazzjoni. Timplika madankollu obbligu ikbar mis-sempliċi kkuntattjar ta’ offerent potenzjali u l-għoti ta’ kuntratt lil dik l-impriża. Fl-Opinjoni tiegħu f’Telaustria, (48) l-Avukat Ġenerali Fennelly innota li l-Kummissjoni kienet sostniet f’dak il-każ li l-obbligu ta’ trasparenza ma kinitx tenħtieġ il-pubblikazzjoni, u kien jaqsam l-opinjoni tal-Kummissjoni. (49)
83. Jidhirli li, meta kuntratt jinsab barra mil-portata tad-direttivi, il-grad approprjat ta’ pubbliċità għandu jiġi ddeterminat b’riferenza għas-suq potenzjali għat-tali kuntratt. L-awtorità kontraenti għandha tiżgura grad ta’ pubbliċità li huwa biżżejjed biex jiftaħ dak is-suq għal kompetizzjoni u jippermetti r-reviżjoni ta’ l-imparzjalità tal-proċedura ta’ akkwist. (50) Għaldaqstant, irid ikun hemm fi prinċipju ċertu grad ta’ pubbliċità tal-kuntratt ta’ akkwist. Fin-nuqqas tat-tali pubbliċità, huwa diffiċli li tiġi kkunsidrata l-eżistenza ta’ trattament ugwali jew ta’ trasparenza.
84. Ir-rekwiżiti ta’ pubbliċità għat-tali kuntratti jiġu stabbiliti bid-dritt Komunitarju, jew bil-leġiżlazzjoni nazzjonali?
85. Jidhirli li hemm differenza funadamentali bejn is-suq potenzjali għal kuntratt li għandu l-valur tiegħu ’il fuq mill-parametru iżda li, għal raġuni kwalunkwe, huwa eskluż mill-portata tad-direttiva kkonċernata; u s-suq potenzjali għal kuntratt ta’ valur żgħir. L-ewwel wieħed jista madankolu jkun ta’ importanza ekonomika sinjifikanti. Wieħed jista’ jara mill-bidu għaliex l-obbligu ta’ non diskriminazzjoni, li jinkludi l-obbligu ta’ trasparenza, għandu jwassal għal rekwiżit taħt id-dritt Komunitarju li jiġi żgurat reklamar trans-nazzjonali għat-tali kuntratt. It-tieni b’definizzjoni jaqa’ taħt il-parametru li minnu hija applikabbli d-direttiva kkonċernata. Dak il-parametru jimmarka l-mument li fih il-leġiżlatur deliberatament jagħżel li ma japplikax rekwiżiti ddettaljati ta’ pubbliċità. Jidhirli li, billi jagħmel dan, huwa impliċitament iddefinixxa wkoll liema kuntratti pubbliċi jixirqilhom, minħabba l-importanza ekonomika tagħhom, li jkunu suġġetti għar-rekwiżiti ddettaljati ta’ pubbliċità imposti mid-dritt Komunitarju. (51) Inqis li l-leġiżlazzjoni Komunitarja titlob li, fi prinċipju, irid ikun hemm ċertu grad ta’ pubbliċità għat-tali kuntratt, iżda tħalli lil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tiddetermina fid-dettal xi trid tkun it-tali pubbliċità.
86. Dan il-ħsieb huwa kkonfermat mid-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Coname(52) li ċirkustanzi partikolari, bħall-fatt li l-interessi ekonomiċi kkonċernati kienu pjuttost żgħar, jistgħu jfissru li impriża li tinsab fi Stat Membru differenti ma jkollux interess kunsiderevoli fil-kuntratt in kwistjoni. Fit-tali każijiet, l-effetti fuq il-libertajiet fundamentali għandhom jiġu kkunsidrati bħala inċerti u indiretti biex ikunu jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li dawn ġew miksura minħabba trattament differenti li jirriżulta min-nuqqas ta’ trasparenza. (53) Iċ-‘ċirkustanzi speċjali’ deskritti hawn fuq jirrappreżentaw l-eċċezzjoni għar-regola ġenerali li jrid ikun hemm ċertu reklamar. Madankollu, ma ninterpretax dik l-istqarrija bħala li tittransponi l-ammont kollu tar-rekwiżiti ta’ pubbliċità tad-direttivi fuq kuntratti ta’ provvista għal kuntest (kuntratti ta’ valur żgħir) li minnu l-leġiżlatur Komunitarju eskludihom deliberatament.
87. Konsegwentement, ma naċċettax l-argument tal-Kummissjoni li, bħala parti mid-dritt Komunitarju, awtoritajiet kontraenti huma mitluba li japplikaw rekwiżiti ddettaljati tad-dritt Komunitarju għall-ippubbliċizzar ta’ kuntratti ta’ valur żgħir. Żewġ argumenti prinċipali jsostnu t-tali konklużjoni.
88. L-ewwel nett, il-prinċipju tas-sussidjarjetà li jinsab fl-Artikolu 5 KE jiddetta li d-dritt Komunitarju għandu biss jinterferixxi fid-dritt nazzjonali safejn dan huwa ġġustifikat wara valutazzjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi. (54) L-impożizzjoni ta’ obbligu ddettaljat taħt id-dritt Komunitarju biex jiġu ppubbliċizzati kuntratti ta’ valur żgħir fil-Komunità jfisser nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ parti mill-intenzjoni tal-leġiżlatur wara d-Direttiva 93/36. Il-parametri fid-diversi direttivi fuq kuntratti ta’ provvista jimmarkaw il-linja bejn dak li l-Istati Membri ftehmu li għandu jiġi armonizzat f’livell Komunitarju u dak li jibqa mill-kompetenza ta’ l-Istati Membri. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-iffissar ta’ rekwiżiti ddettaljati ta’ reklamar fuq livell Komunitarju għall-kuntratti ta’ valur żgħir huwa inkompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
89. It-tieni nett, l-impożizzjoni taħt id-dritt Komunitarju ta’ obbligu ddettaljat ta’ ppubbliċizzar f’dak li jikkonċerna s-suq potenzjali – obbligu li d-dettalji attwali tiegħu madankollu ma jinstabux f’kull test leġiżlattiv ippromulgat fuq livell Komunitarju – joħloq inċertezza legali sinjifikanti għal awtoritajiet kontraenti u offerenti potenzjali li jridu jikkonkludu kuntratti ta’ valur żgħir. Meta, fejn u f’liema forma t-tali kuntratti għandhom jiġu ppubbliċizzati ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza; u, kif indikajt, dawk l-affarijiet mhumiex koperti minn leġiżlazzjoni sekondarja.
90. L-inċertezza legali li tinħoloq bl-impożizzjoni tat-tali obbligu hija illustrata mill-istess dubji tal-Kummissjoni. F’risposta għad-domandi diretti tal-Kummissjoni hija setgħet tissuġġerixxi biss fi kliem vag liema tip ta’ pubbliċità kienet meħtieġa biex jiġi soddisfatt l-obbligu ta’ trasparenza f’dan il-każ. Il-Kummissjoni reċentement argumentat, fil-kuntest ta’ l-għoti ta’ kuntratti għal servizzi ta’ emerġenza ta’ l-ambulanza li ma kinux koperti mid-direttivi fuq kuntratti ta’ provvista, li sejħa għal offerti nazzjonali jew internazzjonali ma kinitx meħtieġa biex tinkiseb pubbliċità ‘suffiċjenti’ – korrispondenza indirizzata li impriżi partikolari kienet biżżejjed. (55) Din id-dikjarazzjoni tikkuntradixxi b’mod dirett il-pożizzjoni li l-Kummissjoni adottat f’din il-kawża.
91. Ftit wara s-seduta f’din il-kawża, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li spjegat b’dettall kunsiderevoli l-opinjonijiet tagħha fuq meta, fejn u f’liema forma kuntratti li mhumiex suġġett għad-direttivi ta’ kuntratti ta’ provvista għandhom jiġu ‘rreklamati’. (56) Waqt li kienet qed targumenta dan il-każ, il-Kummissjoni ma spjegatx kif ksur ta’ l-obbligi tat-Trattat li hija tallega li kien hemm kontra l-Finlandja jirrigwarda r-rekwiżiti li hija tipproponi f’dik il-komunikazzjoni. Barra minn hekk, l-introduzzjoni tal-komunikazzjoni nnifisha tgħid li l-komunikazzjoni ma toħloqx regoli ġodda u li, f’kull każ, l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja hija ultimament kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. (57)
92. Ma nqisx li l-konklużjoni li wasalt għaliha tikkuntradixxi l-ġurisprudenza ta’ Telaustria, li fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti jiżguraw grad ta’ ‘reklamar’ li huwa suffiċjenti biżżejjed biex kuntratt li jinsab barra mill-portata tad-direttivi fuq kuntratti ta’ provvista jkun miftuh għall-kompetizzjoni tul il-Komunità u biex l-imparzjalità tal-proċedura ta’ akkwist tiġi riveduta. (58) F’ispezzjoni iżjed viċina, huwa ċar li dawk il-każijiet kienu jikkonċernaw konċessjonijiet tas-servizz pubbliku li huma esklużi, irrispettivament mill-valur ekonomiku tagħhom, mill-portata ta’ direttivi fuq is-servizz pubbliku. Il-valuri tal-konċessjonijiet ikkonċernati f’dawk il-każijiet kienu fuq l-istess livell tal-kuntratti koperti mir-rekwiżiti ta’ reklamar speċifikati fid-direttivi fuq kuntratti ta’ provvista. (59)
93. Għaldaqstant m’hemm l-ebda kontradizzjoni bejn il-fatt lil-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għotja tat-tali kuntratti għandha tkun suġġetta għal grad ta’ ‘reklamar’ li jista suffiċjentement jiżgura li dawn jinfetħu għall-kompetizzjoni fil-Komunità kollha u l-metodu li nissuġġerixxi għandu jittieħed fir-rigward ta’ kuntratti ta’ valur żgħir. L-interess minn offerenti fil-Komunità kollha li jistgħu jiġġeneraw kuntratti ta’ valur għoli jistgħu raġonevolment jiġu kkunsidrati bħala li huma ekwivalenti għall-interess li jippruvaw iħarsu d-direttivi fuq kuntratti ta’ provvista fir-rigward tal-kuntratti li jaqgħu taħt il-portata tagħhom. (60) Huwa għaldaqstant raġonevoli li obbligu mit-Trattat jista’ jiġi applikat fir-rigward tat-tali kuntratti ta’ konċessjoni u jista’ jingħad li l-pubbliċità għat-tali kuntratti għandha tiġi eżaminata b’riferenza għad-dritt Komunitarju.
94. Tista’ ssir oġġezzjoni li, ekonomikament, kuntratt li l-valur tiegħu jaqa’ marġinalment taħt il-parametru fid-direttiva kkonċernata fuq kuntratti ta’ provvista jista’ jkollha biżżejjed valur biex tkun ta’ interess għal impriżi li jinsabu fi Stati Membri ġirien. 98. F’dan il-każ, il-valur tal-kuntratt mogħti (madwar EUR 177 000) kien ta’ xi EUR 47 000 iżjed żgħir mill-parametru li minnu kienet applikabbli d-Direttiva 93/36. (61) Kien għaldaqstant kunsiderevolment iżjed żgħir mill-valur ta’ kuntratti li l-leġiżlatur qies li huma ta’ interess għal fornituri li jinsabu fil-Komunità. (62) Il-qliegħ potenzjali għal fornitur li jinsab, per eżempju fi Spanja jekk jirbaħ kuntratt li jiswa EUR 177 000, jidhirli li jonqos b’mod sinjifikanti minħabba spejjeż ta’ trasport u spejjeż oħrajn possibbli, bħall-immodifikar ta’ l-apparati u l-provvista ta’ struzzjonijiet operattivi għal nies li jitkellmu bil-Finlandiż. (63) Madankollu jista’ jkun mod ieħor għal fornitur potenzjali li jinsab fl-Iżvezja jew (per eżempju) fid-Danimarka. Madankollu, il-Kummissjoni ma ssuġġerietx li differenzi fil-prezz bejn apparat għall-catering fi Stati Membri differenti huma evidenti ħafna. Inqas ġie ppreżentat minnha bħala prova f’dan ir-rigward. Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li jkun diffiċli, bil-materjal ippreżentat quddiemha, biex tkun kapaċi tgħid b’kunfidenza li jkun tajjeb għall-awtorità kontraenti u lil fornituri interessati potenzjali fi Stati Membri oħra (ġirien) li timponi rekwiżit, li jiġi mid-dritt Komunitarju, biex il-kuntratt jiġi rreklamat f’ċerti Stati Membri oħra.
95. B’mod iktar in ġenerali, l-awtoritajiet kontraenti huma meħtieġa mill-obbligu ta’ trasparenza li jeżaminaw l-interess fis-suq fi Stati Membri ġirien individwali u li jiddeterminaw, permezz ta’ din il-valutazzjoni, f’liema Stati u f’liema forma l-kuntratt imissu ġie ppubbliċizzat? (64) Fi kliem ieħor: jista’ jkun hemm raġunijiet li jobbligaw l-opinjoni li l-awtorità kontraenti għandha tagħmel valutazzjoni ddettaljata tas-suq, u konsegwentement, f’xi okkażżjonijiet jiżguraw grad ogħla ta’ pubbliċità minn dak meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali?
96. Ma naħsibx li l-obbligu ta’ trasparenza fid-dritt Komunitarju għandhu jinftiehem bħala li jimponi t-tali rekwiżit għal kuntratti li huma taħt il-parametru. Awtoritajiet kontraenti jkunu meħtieġa, għal kull kuntratt ta’ valur żgħir ta’ importanza ‘potenzjali’ (li madankollu għad irid jiġi ddefinit) li jivvalutaw l-interess fis-suq f’selezzjoni li mhijiex speċifikata (u mhux speċifikabbli) ta’ Stati Membri bir-riskju li tiġi ppenalizzata (65) jekk ma jagħmlux dan korrettement. It-tali sitwazzjoni hija l-antiteżi ta’ ċertezza legali. Jidhirli li dan ir-rekwiżit huwa, barra minn hekk, tali li jeffettwa awtoritajiet kontraenti żgħar (bħal awtoritajiet lokali), li għandhom it-tendenza li joffru kuntratti ta’ valur żgħir iżjed frekwentement minn awtoritajiet kontraenti kbar. Jekk għandi raġun, inkun qed nimponi fuqhom żvantaġġ sproporzjonat u mhux realistiku.
97. Fil-fehma tiegħi, il-vantaġġ li tiġi evitata l-inċertezza legali li jirriżulta mill-metodu li jien issuġġerejt huwa ikbar mill-vantaġġ marġinali għall-integrazzjoni ta’ swieq ta’ kuntratti ta’ provvista li rekwiżiti ddettaljati tad-dritt Komunitarju għall-pubbliċità ta’ kuntratti ta’ valur żgħir jista’ probabbilment iġib.
98. Għaldaqstant inqis li dak li jikkostitwixxi grad suffiċjenti ta’ pubbliċità għal kuntratti ta’ valur żgħir hija responsabbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. (66) Jekk, wara evalwazzjoni, il-Kummissjoni tqis li regoli nazzjonali applikabbli għal kuntratti ta’ provvista fi Stat Membru partikolari ma jipprovdux trasparenza suffiċjenti u għaldaqstant ikunu ta’ ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, mingħajr dubju hija tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru in kwistjoni. B’dak il-mod, ir-riżorsi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu probabbilment jiġu applikati iżjed effettivament milli billi jiġi eżaminat il-ksur allegatament kommess fl-għoti ta’ kuntratti individwali ta’ valur żgħir.
99. Għaldaqstant nikkonkludi li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
Spejjeż
100. Fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Finlandja talbet l-ispejjeż. Minkejja li l-mod li bih imxiet il-Finlandja fid-difiża tal-proċedimenti ma kienx għal kollox informattiv, ma nara l-ebda raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tkun applikabbli l-prattika tas-soltu. Għaldaqstant skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-Kummissjoni bħala l-parti li tilfet għandha tiġi ordnata sabiex tbati l-ispejjeż. L-Istati Membri intervenjenti għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura.
Konklużjoni
101. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
– tiddikjara r-rikors inammissibbli;
– alternattivament, tiċħad ir-rikors;
– tordna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Finlandja;
– tordna lill-Istati Membri intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom stess.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Ta’ l-14 ta’ Ġunju (ĠU 1993 L 199, p. 1), kif emendata b’mod partikolari mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU 1997 L 328, p. 1). Wara ż-żmien materjali, saru emendi oħrajn mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE tat-13 ta’ Settembru 2001 (ĠU 2001 L 285, p. 1). B’effett mill-31 ta’ Jannar 2006, id-Direttiva 93/36 ġiet irtirata u ssostitwita bid-Direttiva tal-Parlamet Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħolijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU 2004 L 134, p. 114).
3 – Ara l-valuri tal-parametri stabbiliti skond id-Direttiva 93/36 fil-ĠU 1999 C 379, p. 20, li ġiet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000. L-ebda parti ma nfurmat il-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-data preċiża li fiha ġie konkluż il-kuntratt ikkontestat. Għal raġunijiet li nistabbilixxi iżjed ’il quddiem fil-punt 25, nassumi li dan seħħ fl-ewwel parti ta’ l-2000. F’dak iż-żmien il-parametru li minnu kienet tapplika d-Direttiva 93/36 kienet suġġetta għal bidliet darbtejn fis-sena. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2002, dak il-parametru ġie miżjud għal EUR 249681 (ara l-valuri tal-parametri stabbiliti skond id-Direttiva 93/36 fil-ĠU 2001 C 332, p. 21).
4 – Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 3 ’il fuq.
5 – Skond tip ieħor ta’ proċedura nnegozjata, l-awtorità kontraenti tirreklama l-kuntratt u ssejjaħ għal offerti minn numru limitat ta’ impriżi iżda tista wkoll sa ċertu punt tinnegozja t-termini tal-kuntratt.
6 – Valtion kiinteistölaitos huwa l-isem preċedenti ta’ l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tal-bini tal-Gvern fil-Finlandja. Ġie msemmi Senaatti-kiinteistöt fl-2001.
7 – Supplement għall-Ġurnal Uffiċjali S 48 ta’ l-10 ta’ Marzu 1998 u l-Ġurnal Uffiċjali tal-Finlandja, serie fuq l-akkwist pubbliku, Nru 11, tat-12 ta’ Marzu 1998.
8 – Fl-użu tan-nomenklatura Finalandiża għat-tliet partijiet, qiegħed nuża dawn il-kliem għal raġunijiet ta’ identifikazzjoni, Il-kwistjoni ta’jekk it-tliet partijiet jiffurmawx parti mill-istess proċedura, jew għandhomx jiġi kkunsidrati bħala proċeduri separati, hija diskussa aktar ’il quddiem fil-punti 62 sa 65.
9 – Ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħolijiet pubbliċi (ĠU 1993 L 199, p. 54), (‘id-Direttiva tax-xogħolijiet’). Id-Direttiva tax-xogħolijiet (u mhux id-Direttiva 93/36) kienet jirregola l-avviż ta’ kuntratt (u l-proċedura sussegwenti) għax-xogħolijiet ta’ tiġdid u tibdil li kienu jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-partijiet.
10 – Ara l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 93/37. Il-valur tal-parametri stabbiliti skond id-Direttiva tax-Xogħolijiet fil-ĠU 1998 C 22, p. 2 (li kienet tapplika fil-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1998 sa l-31 ta’ Diċembru 1999) kienet ta’ SDR 5 000 000, ekwivalenti għal FIM 29 908 547. L-avviż ta’ kuntratt kien jindika li l-valur totali stmat tal-kuntratt kien ta’ FIM 38 000 000.
11 – Il-Kummissjoni tgħid li dawn is-sejħiet għal offerti kienu nħarġu fl-2000, iżda la l-Kummissjoni u lanqas il-Finlandja ma kienu identifikaw id-data preċiża. Peress li l-offerti li rriżultaw kienu ġew miċħuda fi Frar 2000, jidher li s-sejħiet kienu nħarġu f’Jannar jew fi Frar 2000.
12 – Ara l-punt 25 iktar ’il quddiem.
13 – Ara l-punti 4 u 6 ’il fuq.
14 – Ara l-Kawża C-308/87 Grifoni vs KEEA [1994] ECR I-341, punt 7.
15 – It-test ta’ l-offerta fil-fatt jispeċifika li din kienet saret fil-kuntest tat-tieni parti ta’xogħolijiet ta’ tiġdid u tibdil li għalihom sar riferiment fl-avviż ta’ kuntratt ippubblikat f’Marzu 1998. Jidher li Rakentajamestarit kienet ukoll offriet li tipprovdi ċerta għamara tal-kċina (dispensi u oġġetti ta’ dan it-tip); iżda l-Finlandja ppreċiżat li Rakentajamestarit ma kinitx produttriċi jew fornitriċi ta’ apparat għall-catering (fis-sens ta’ apparat tal-kċina) u li ma kienet qatt offriet li tipprovdi t-tali apparat.
16 – Din l-informazzjoni ħarġet biss fis-seduta.
17 – Peress li t-tielet stadju beda fi Frar 2000, il-kuntratt ġie ovvjament konkluż wara dak il-punt. Filwaqt li d-data li fiha l-kuntratt ġie konkluż huwa meħtieġ biex jiġi determinat jekk il-parametru li minnu d-Direttiva saret applikabbli kienx ta’ EUR 214326 jew EUR 249681 (ara n-nota f’qieħ il-paġna 3 ’il fuq), evidentement il-valur tal-kuntratt (madwar EUR 177000) huwa l-isfel miż-żewġ parametri.
18 – Kawża C-324/98 [2000] ECR I -10745.
19 – Ara l-punt 62 tas-sentenza.
20 – Il-Finlandja tinnota li l-għotja ġiet ikkontestata fuq livell nazzjonali mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Finlandja u l-Ministeru tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija iżda ma ġietx ikkontestata quddiem it-tribunal nazzjonali tagħha għall-protezzjoni tal-konsumatur.
21 – F’Ottubru ta’ l-2004, grupp ta’ ħidma kien se jippreżenta proposta ta’ liġi għall-introduzzjoni ta’ obbligu li jiġu rreklamati f’bażi ta’ data elettronika kuntratti li l-valur tagħhom jeċċedi l-parametri nazzjonali preskritti.
22 – Għaldaqstant il-verżjoni Ingliża ta’ l-Opinjoni Motivata. It-traduzzjoni Franċiża tgħid ‘un degré de publicité adéquat’. Ara l-punt 82 iktar ’il quddiem għal analiżi tad-differenza fit-tifsira.
23 – Preżumibbilment, il-punt speċifiku tal-Kummissjoni huwa li, wara l-falliment tal-proċedura ristretta, proċedura ġdida għall-akkwist – li setgħet kienet proċedura nnegozjata – suppost ġiet organizzata.
24 – Kawża C-340/02 Il-Kummissjoni vs Franza [2004] ECR I-9845, punt 29.
25 – Ara punt 34 ’il fuq.
26 – Kawża C-152/98 [2001] ECR I-3463, punt 23.
27 – Kawża C-439/99 [2002] ECR I-305, punt 11.
28 – Punti 24 u 25.
29 – Ara punti 13 u 14.
30 – Kawża C-255/04 Il-Kummissjoni vs Franza [2006] ECR I-0000, punt 24.
31 – Ara, per eżempju, Kawża C-366/04 Schwarz [2005] ECR I-10139, punt 28.
32 – Ara Kawżi C-59/00 Vestergaard [2001] ECR I-9505, punt 20, u C-264/03 Il-Kummissjoni vs Franza [2005] ECR I-8831, punt 32.
33 – Telaustria ċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 17, punt 60 u 61. Ir-rilevanza ta’ dik il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata fit-tieni premessa tal-preambolu tad-Direttiva 2004/18, iċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 2, li tgħid li ‘[l]-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f'isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa suġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa l-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju ta’ trasparenza.’
34 – Nemmen li l-veru lment huwa li l-awtorità kontraenti naqset milli tibda proċedura ta’ akkwist ġdida: ara n-nota f’qiegħ il-paġna 2 ’il fuq.
35 – Punt 3. b) fil-verżjoni oriġinali Finlandiża ta’ l-avviż ta’ kuntratt. Minkejja li ma jbiddilx il-fatt li l-awtorità kontraenti stess ħadet il-miżuri neċessarji biex tfittex l-interess fil-Komunità għall-installazzjoni ta’ apparat għall-catering, għandu jiġi nnotat li verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ l-avviż ta’ kuntratt (li fil fatt huma taqsira tal-verżjoni oriġinali) naqsu milli jsemmu dik il-parti partikolari.
36 – Punt 3.c).
37 – Punt 6.b).
38 – Punt 13.
39 – Par 21 ta’ l-applikazzjoni.
40 – Biex issostni din l-opinjoni, il-Finlandja tispeċifika li fornitur potezjali (Kopal) jidher li qara l-avviż b’dak il-mod u applika għall-offerta speċifikament għall-apparat għall-catering.
41 – Kronoloġikament, ma tantx seta’ jagħmel dan.
42 – Ara Grifoni vs KEEA, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, ’il fuq, punt 7.
43 – Mill-Avukat Ġenerali Jacobs fl-Opinjoni tiegħu fil-Kawża C-525/03 Il-Kummissjoni vs L-Italja [2005] ECR I-9405, fil-punt 47. Il-Qorti tal-Ġustizzja m’eżaminatx dan il-punt peress li kienet iddeċidiet li r-rikors kien inammissibbli. Ara wkoll l-Opinjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-Kawża C-532/03 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, mogħtija fl-14 ta’ Settembru 2006, punt 111.
44 – L-Avukat Ġenerali Jacobs baqa’ jesprimi l-istess ħsieb fil-punt 48 ta’ l-Opinjoni tiegħu f’Il-Kummissjoni vs L-Italja.
45 – Iċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 17, punt 62.
46 – Għal aktar informazzjoni ara punt 75 ta’ l-Opinjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-Kawża C-507/03 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, mogħtija fl-14 ta’ Settembru 2006, u punti 75 sa 77 ta’ l-Opinjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża C-174/03 Impresa Portuale di Cagliari, mogħtija fil-21 ta’ April 2005.
47 – Kawża C-458/03 Parking Brixen [2005] ECR I-8612, punt 50.
48 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ’il fuq.
49 – Ara l-punti 42 u 43 ta’ l-Opinjoni.
50 – Dan huwa l-metodu ssuġġerit mill-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-Kawża C-507/03, iċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 43, fil-punt 80.
51 – Similarment, l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl osservat fl-Opinjoni tagħha fil-Kawża C-507/03, fil-punt 62, li l-leġiżlatura Komunitarja konsapevolment għażlet li tistipula obbligi limitati ta’ trasparenza għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi li mhumiex prijorità – obbligi li mhumiex daqstant estensivi bħal dawk imposti b’mod iżjed ġenerali mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU 1992 L 209, p. 1).
52 – Kawża C0-231/03 [2005] ECR I-7287.
53 – Punti 18 sa 20.
54 – Ara Braun, P., ‘A Matter of Principle(s) – the Treatment of Contracts Falling Outside the Scope of the European Public Procurement Directives’ (2000) 9 Public Procurement Law Review (1), p. 47.
55 – Ara l-punt 29 ta’ l-Opinjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-Kawża C-532/03, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.
56 – Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli għal għotjiet ta’ kuntratti li mhumiex, jew mhumiex kompletament suġġett għall provvedimenti tad-Direttivi fuq l-Akkwist Pubbliku (ĠU 2006 C 179, p. 2): ara b’mod partikolari sezzjoni 2.1. Il-varjazzjonijiet lingwistiċi identifikati fil-punt 82 ’il fuq jibqgħu hemm. B’hekk, per eżempju, il-verżjoni Ingliża tal-Komunikazzjoni tuża ‘advertising’ (reklamar). Il-verżjoni Ġermaniża tvarja bejn ‘Benkannmachung’ u ‘Öffentlichkeit’. Il-verżjoni Franċiża, Taljana u Spanjola kollha kemm huma jużaw varjanti għal pubbliċità (‘publicité’, ‘pubblicità’ u ‘publicidad’ rispettivament). L-illustrazzjonijiet kollha mogħtija huma, madankollu, tipi ta’ pubblikazzjoni. Il-komunikazzjoni tagħti x’tifhem li l-awtoritajiet kontraenti huma responsabbli biex jiddeċiedu l-iżjed mezz approprjat għar-reklamar iżda l-għażla tagħhom għandha tiġi ggwidata minn valutazzjoni tar-rilevanza tal-kuntratt għas-suq intern. Ikbar ma jkun l-interess potenzjali fi Stati Membri oħra, iżjed għandu jkun ir-reklamar. Il-komunikazzjoni mbagħad telenka numru ta’ mezzi tal-pubblikazzjoni li jistgħu, f’ċirkustanzi partikolari, jitqiesu bħala ‘adegwati’, bħall-internet, inkluż is-sit internet ta’ l-awtorità kontraenti u l-portal internet, il-Ġurnali Uffiċjali ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri, ġurnali nazzjonali li jispeċjalizzaw f’avviżi ta’ akkwist pubbliku, gazzetti nazzjonali jew reġjonali, publikazzjonijiet speċjalizzati, mezzi lokali ta’ pubblikazzjoni bħall-gazzetti, ġurnali muniċipali u postijiet fejn jitwaħħlu l-avviżi. Ma narax kif il-komunikazzjoni titratta l-problema ta’ ċertezza legali li nidentifika ’il fuq.
57 – Fil-kawża C-146/91 KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni [1994] ECR I-4199, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura mhux obbligatorja ta’ interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni ta’ miżura tad-dritt Komunitarju.
58 – Il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet ukoll dak ir-rekwiżit f’relazzjoni mal-bżonn li jiġu rreklamati l-kriterji biex jintgħażlu l-kandidati li jiġu msejħa jagħmlu offerta taħt proċedura ristretta għal kuntratt li jaqa’ fil-portata tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9) fejn dik id-direttiva ma għandha l-ebda provvediment speċifiku fuq ir-rekwiżiti tat-tali reklamar (ara, Kawża C-470/999 Universale-Bau [2002] ECR I-11617, punti 87, 92 u 93 u l-analiżi li ssegwi).
59 – F’Telaustria, il-valur ta’ l-ispazju ta’ reklamar relatati mad-direttorji li kienu s-suġġett tal-konċessjoni kien ta’ 35 miljun ecu, skond is-sottomissjonijiet ta’ Telaustria. F’Parking Brixen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, il-valur tal-konċessjoni ma jidhirx mir-rapport fl-ECR. Madankollu, il-fatt li l-fornitur li ngħata l-konċessjoni kien iħallas spiża annwali ta’ EUR 151 700 li kien irrappurtat bħala spejjeż ta’ parkeġġ (ara l-punt 26 tas-sentenza) jissuġġerixxi li d-dħul minn dawk l-ispejjeż jidher li kien sostanzjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li kien possibbli li impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra setgħu kienu interessati fil-kuntratt (punt 55). Għaldaqstant, it-trasparenza ta’ l-għtoja ġiet eżaminata kif inhu meħtieġ mir-rekwiżit stabbilit f’Telaustria biex jiġi żgurat grad suffiċjenti ta’ ‘reklamar’ (ara punt 49 u l-analiżi segwenti). F’ANAV (Kawża C-410/04 [2006] ECR I-3303) il-konċessjoni ta’ servizz kienet għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fil-muniċipalità ta’ Bari li għalihom il-fornitur kien tħallas, għall-inqas parzjalment, b’bejgħ ta’ biljetti lil utenti ta’ trasport. Għal darb’oħra, il-valur eżatt tal-konċessjoni mhuwiex mogħti fir-rapport fl-ECR. Madankollu, peress li l-unika u esklussiva attività ta’ l-impriża li rebħet il-konċessjoni kienet qed tipprovdi s-servizz ta’ trasport pubbliku urban lokali fil-belt ta’ Bari (sottomissjonijiet tal-Comune di Bari, punt 5) jidher probabbli ħafna li l-valur tal-konċessjoni eċċeda l-parametrtu speċifikat għal-kuntratti għal non konċessjoni fid-direttiva kkonċernata.
60 – Ara, per eżempju, il-premessa 14 tad-Direttiva 93/36, iċċitata fil-punt 4 ’il fuq.
61 – Ara punt 6 ’il fuq.
62 – Kif jidher jekk jinqara l-Artikolu 5(1)(a) flimkien mal-premessa 14. F’kull każ, it-tfassil ta’ parametru numeriku għall-applikazzjoni ta’ regola neċessarjament jimplika li (iktar ’il quddiem) ikun hemm każijiet individwali li jaqgħu kemmxejn taħt il-parametru u li, konsegwentement, mhumiex koperti mir-regola in kwistjoni.
63 – Nagħraf illi l-awtorità kontraenti stiednet lil rappreżentant ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor biex jagħmel offerta fl-2000. Madankollu, m’hemm xejn li jissuġġerixxi li r-rappreżentant inniffsu ma kienx stabbilit fil-Finlandja. Jekk dan kien il-każ, il-fornitur u r-rappreżentant tiegħu kienu f’pożizzjoni differenti mill-fornituri ta’ l-apparat għall-catering fil-Komunità li ma kellhomx rappreżentanti fil-Finlandja.
64 – Din hija l-pożizzjoni espressament adottata mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha: ara punti 1.3 u 2.1.2.
65 – Il-Kummissjoni toffri assigurazzjoni fil-komunikazzjoni tagħha (fil-punt 1.3) li ‘[m]eta ssir konxja tal-ksur potenzjali … hija teżamina r-rilevanza tas-Suq Intern tal-kuntratt in kwistjoni … Il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu … jinfetħu biss fil-każijiet fejn dan jidher approprjat minħabba l-gravità tal-ksur u l-impatt tiegħu fis-Suq Intern’. Jekk titwarrab il-kwistjoni dwar jekk dawn il-proċedimenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu oġġettivament jissoddisfawx dan l-eżami, huwa ċar li kompetitur diżappuntat perfettament jista’ jibda l-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali għal domanda preliminari taħt l-Artikolu 234 KE.
66 – Għandu jiġi kkunsidrat li l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-punt 62 ta’ l-Opinjoni tiegħu fil-Kawża C-412/04 Il-Kummissjoni vs L-Italja, mogħtija fit-8 ta’ Novembru 2006, b’mod simili kellu l-opinjoni li t-tfassil ta’ regoli preċiża li jirrigwardaw l-iżvelar ta’ offerti biex jiġi soddisfatt l-obbligu ta’ trasparenza hija responsabbiltà ta’ kull Stat Membru, taħt ċertu limiti.
Full & Egal Universal Law Academy