KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2007 1(1)
Kawża C-260/04
Il-Kummissjoni
vs
L-Italja
“Ksur tat-Trattat – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku – Tiġdid ta’ 329 konċessjoni fir-rigward ta’ mħatri fuq tiġrijiet taż-żwiemel mingħajr sejħa għal offerti – Rekwiżiti ta’ pubbliċità u trasparenza”
1. Fl-1999, l-awtoritajiet Taljani ġeddew 329 liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel mingħajr ma organizzaw proċedura ta’ sejħa għal offerti qabel. Il-Kummissjoni tixtieq tikseb dikjarazzjoni li l-Italja, għalhekk, kisret ir-rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ pubbliċità li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-Italja tikkontesta dan l-allegat ksur u hija sostnuta mid-Danimarka u minn Spanja, għalkemm kemm l-Italja u kemm l-intervenjenti kollha jressqu argumenti differenti sabiex jikkontestaw ir-rikors tal-Kummissjoni.
Id-dritt Komunitarju
2. L-Artikolu 43 KE jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
3. L-Artikolu 49 KE jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-Komunità fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.
4. Skond l-Artikolu 45 u 46 KE (moqrija, safejn huwa kkonċernat l-Artikolu 49, flimkien ma’ l-Artikolu 55 KE), dawn il-projbizzjonijiet ma japplikawx għal attivitajiet li fi Stat Membru jaqgħu, anke inċidentalment, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, u ma jippreġudikawx l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għal trattament speċjali ta’ ċittadini barranin għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.
5. Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-iskop tagħhom u li japplikaw irrispettivament min-nazzjonalità. (2)
6. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża, l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku kien irregolat fuq livell Komunitarju mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50. (3) Fir-rigward ta’ kuntratti li jaqbżu ċertu valur, huma stipulati obbligi speċifiċi, fosthom, b’mod partikolari, l-obbligu li l-proċedura tiġi rreklamata fuq livell Komunitarju ħlief f’ċerti ċirkustanzi ddefiniti b’mod strett. Madankollu, it-tmien premessa fil-preambolu tad-Direttiva tipprovdi li din id-direttiva tkopri l-provvista ta’ servizzi safejn il-provvista hija bbażata fuq kuntratti u li l-provvista ta’ servizzi fuq bażijiet oħra mhijiex koperta. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet li l-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku jiġu nklużi fil-portata tad-Direttiva iżda l-Kunsill iddeċieda li jeskludihom minħabba, b’mod partikolari, differenzi bejn is-sistemi ta’ l-Istati Membri. (4)
7. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja li l-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku huma esklużi mill-portata tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku, l-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu dawn il-konċessjonijiet għandhom jikkonformaw mar-regoli fundamentali tat-Trattat KE, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità. (5) L-Artikoli 43 u 49 KE huma applikabbli speċifikament għal konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku, (6) u l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-persuni li jagħmlu offerta huwa applikabbli anki fin-nuqqas ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità. (7) Dawn il-prinċipji jimponu obbligu ta’ trasparenza fuq l-awtorità pubblika li għandha tassigura livell suffiċjenti ta’ reklamar b’tali mod li l-konċessjoni ta’ servizz tkun miftuħa għal kompetizzjoni u b’tali mod li l-imparzjalità tal-proċeduri ta’ akkwist tkun tista’ tiġi kkontrollata. (8)
8. Fl-2000, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni interpretattiva dwar konċessjonijiet taħt id-dritt Komunitarju, (9) fejn tistabbilixxi l-impatt, fil-fehma tagħha, tad-dritt Komunitarju fuq l-għoti ta’ konċessjonijiet. (10)
Il-fatti
9. Fl-Italja, sa l-1996, l-organizzazzjoni ta’ l-imħatri fuq it-tlielaq taż-żwiemel kienet ir-responsabbiltà ta’ UNIRE, l-organizzazzjoni nazzjonali għat-titjib fit-tkabbir taż-żwiemel, li tat numru ta’ konċessjonijiet għal dan il-għan. Minn dik is-sena, (11) l-organizzazzjoni ta’ l-imħatri bdiet taqa’ taħt il-Ministeri tal-Finanzi u ta’ l-Agrikoltura. Skond Digriet Presidenzjali ta’ l-1998, (12) dawn il-Ministeri għandhom jagħtu konċessjonijiet abbażi ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti organizzati b’konformità mad-dritt Komunitarju. Bħala miżura tranżitorja, dawk il-konċessjonijiet li ngħataw taħt is-sistema preċedenti (li ma kinitx tinvolvi sejħa għal offerti pubblika) ġew estiżi sa l-aħħar ta’ l-1998 jew, jekk il-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti ma setgħux jiġu organizzati qabel dik id-data, sa l-aħħar ta’ l-1998.
10. Fl-1999 ġie deċiż, permezz ta’ Digriet Ministerjali, (13) li n-numru ta’ ċentri fejn isiru l-imħatri jiżdied minn 329 għal 1,000. Ħarġet sejħa għal offerti u ngħataw, 671 konċessjoni ġodda. It-329 konċessjoni eżistenti ġew sempliċement imġedda għal sitt snin b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000. (14) Sussegwentament, ġiet ippromulgata liġi li kienet tipprovdi li t-329 konċessjoni kellhom jerġgħu jingħataw skond id-Digriet Presidenzjali ta’ l-1998 iżda kellhom jibqgħu validi sakemm dan isir. (15)
Il-proċedura
11. Fl-24 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni bagħtet ittra formali lir-Repubblika Taljana skond l-Artikolu 226 KE dwar numru ta’ kwistjonijiet marbuta ma’ l-organizzazzjoni ta’ mħatri, inkluż it-tiġdid tat-329 konċessjoni in kwistjoni. Hija kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi marbuta mat-tiġdid huma inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ trasparenza u pubbliċità li jirriżultaw mill-Artikolu 43 u 49 KE.
12. Fir-risposta tagħhom l-awtoritajiet Taljani rreferew għall-adozzjoni tal-liġi msemmija aktar ’il fuq. (16)
13. Peress li kkunsidrat li, fil-prattika, din il-liġi ma ġietx implementata, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Italja fit-18 ta’ Ottubru 2002 fejn stednitha tikkonforma ruħha magħha f’terminu ta’ xahrejn.
14. Fl-10 ta’ Diċembru 2002 l-awtoritajiet Taljani invokaw il-ħtieġa li jiġi vverifikat l-istatus finanzjarju tad-detenturi tal-konċessjonijiet li kienu għadhom fis-seħħ sakemm jiġu organizzati l-proċeduri tas-sejħiet għal offerti.
15. Fis-17 ta’ Ġunju 2004, peress li ma rċeviet l-ebda informazzjoni dwar il-konklużjoni tal-proċess ta’ verifika u l-ftuħ tal-proċeduri ġodda tas-sejħiet għal offerti, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fejn qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja :
– tiddikjara li, peress li l-Ministeru tal-Finanzi ġedded 329 liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel mingħajr ma organizza proċedura ta’ sejħiet għal offerti qabel, ir-Repubblika Taljana kisret il-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza u l-obbligu li jsir reklamar li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment fl-Artikolu 43 et seq u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Artikolu 49 et seq, u
– tordna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż.
16. L-Italja qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
17. Id-Danimarka u Spanja, li ġie ammess l-intervent tagħhom in sostenn ta’ l-Italja, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bħala intervenjenti. Ġie ammess ukoll l-intervent tal-Finlandja u ta’ l-Olanda iżda l-Finlandja sussegwentament irtirat mill-proċeduri u l-Olanda ma ppreżentat l-ebda osservazzjoni.
18. Ma saritx talba għal seduta u fil-fatt ma nżammitx waħda.
Evalwazzjoni
19. L-argument tal-Kummissjoni jista’ jitqassar kif ġej. Konċessjonijiet fir-rigward ta’ mħatri tat-tip in kwistjoni huma konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku għall-finijiet tad-dritt Komunitarju . Bħala tali, huma ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 iżda huma suġġetti għar-rekwiżiti ġenerali ta’ non diskriminazzjoni, trasparenza u pubbliċità li jirriżultaw mill-Artikoli 43 u 49 KE. Is-sempliċi tiġdid ta’ 329 konċessjoni eżistenti mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti mhuwiex kompatibbli ma’ dawn ir-rekwiżiti. Ir-raġunijiet elenkati fl-Artikoli 45 u 46 KE biss jistgħu jiġġustifikaw deroga u l-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet m’hija preżenti f’dan il-każ. Fir-rigward ta’ dawn it-329 konċessjoni, l-awtoritajiet Taljani ma kkonformawx il-prattika tagħhom mad-dritt Komunitarju fit-terminu ta’ xahrejn stipulat fl-opinjoni motivata mibgħuta fit-18 ta’ Ottubru 2002, u lanqas saħansitra sa meta ġie ppreżentat ir-rikors madwar 18-il xahar wara.
20. Fid-dawl tal-fatti kif deskritti fil-punti 9 u 10 aktar ’il fuq, li ma jidhirx li huma kkontestati, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 7, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni prima facie stabbiliet il-każ tagħha għad-dikjarazzjoni li qiegħda titlob.
21. Fid-difiża tagħha, l-Italja tistrieħ fuq numru ta’ miżuri adottati fl-2003 u r-rekwiżiti ta’ interess pubbliku li fuqhom huma bbażati dawn il-miżuri.
22. Spanja tressaq kunsiderazzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-awtorizzazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mħatri li, skondha, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni.
23. Id-Danimarka tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Telaustria fir-rigward ta’ xi tfisser il-ħtieġa ta’ trasparenza f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża preżenti.
24. Fid-dawl tad-differenzi bejn it-tliet gruppi ta’ argumenti mressqa mit-tliet Stati Membri, jiena sejra nikkunsidrahom b’mod separat.
L-Italja
25. L-Italja ssostni li l-miżuri li ħadet huma leġittimi. Hija tirreferi, b’mod partikolari, għad-Digriet Leġiżlattiv ta’ l-2003 u għal deċiżjoni adottata taħt dan id-digriet. (17) Id-Digriet Leġiżlattiv ipprovda għal verifika ta’ l-istatus finanzjarju tad-detenturi kollha ta’ konċessjoni minħabba li kienu qamu xi diffikultajiet fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jħallsu t-taxxi imposti fuqhom, taxxi li rriżultaw li huma għoljin wisq. Miżuri oħra kellhom l-għan li jtaffu dawn id-diffikultajiet b’metodi diversi u d-deċiżjoni żammet fis-seħħ il-konċessjonijiet eżistenti sakemm jintlaħaq dan il-għan iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. Dawn il-miżuri kienu kollha ġġustifikati mill-ħtieġa li jkunu assigurati kontinwità, stabbilità finanzjarja u redditu adegwat fuq l-investiment magħmul mid-detenturi tal-konċessjonijiet, sabiex jiġi evitat li jiġu eżerċitati attivitajiet ta’ mħatri klandestini, sakemm il-konċessjonijiet eżistenti jkunu jistgħu jingħataw mill-ġdid abbażi ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti.
26. Il-Kummissjoni tirrileva li l-miżuri adottati fl-2003 ma jista’ jkollhom l-ebda impatt fuq il-ksur. Il-kwistjoni ta’ jekk Stat Membru naqasx milli jissodisfa l-obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni prevalenti fl-Istat Membru meta jintemm it-terminu preskritt fl-opinjoni motivata. (18)
27. Jiena naqbel.
28. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll jekk ir-raġunijiet mogħtija għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ l-2003 setgħux jiġġustifikaw is-sitwazzjoni fl-2002 u tikkonkludi li ma setgħux.
29. Jiena ma nistax nappoġġa d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ġustifikazzjonijiet stabbiliti b’mod espress fl-Artikoli 45 jew 46 KE biss jistgħu jiġu kkunsidrati, bl-esklużjoni ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li tali raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. (19)
30. Madankollu, kif il-Kummissjoni ġustament tirrileva, sabiex jibbenefikaw minn ġustifikazzjoni – jew abbażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattat jew abbażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku – il-miżuri in kwistjoni għandhom ikunu adegwati sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq u m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. (20)
31. Barra minn hekk, kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika jew amministrattiva ma jistgħux jiġġustifikaw restrizzjoni tal-libertajiet stabbiliti fit-Trattat. (21)
32. L-ebda wieħed mill-għanijiet sostnuti mill-Italja ma jidher li jaqa’ taħt il-kategoriji previsti fl-Artikoli 45 jew 46 KE. Fir-rigward ta’ raġunijiet (mhux ekonomiċi) imperattivi oħra, hija biss ir-raġuni li jiġu evitati l-imħatri klandestini li tista’ titqies, ta’ l-inqas fil-prinċipju, bħala raġuni ta’ interess pubbliku.
33. Madankollu, skond il-fatti ta’ din il-kawża, li mhumiex ikkontestati, fl-1999 kien ġie deċiż li n-numru ta’ konċessjonijiet fir-rigward ta’ mħatri fl-Italja jiżdied minn 329 għal 1,000. Dan il-għan intlaħaq billi ngħataw 671 konċessjoni ġodda wara proċedura ta’ sejħa għal offerti u billi t-329 konċessjoni qodma ġew sempliċement imġedda. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa diffiċli li jiġi mmaġinat – u d-difiża ta’ l-Italja ma tispjegax – kif it-tiġdid jew iż-żamma fis-seħħ tat-329 konċessjoni qodma mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti setgħu jservu sabiex jiġu evitati l-imħatri klandestini, jew kif in-nuqqas ta’ trasparenza seta’ jkun meħtieġ għal dan il-għan.
34. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Italja ma ressqet l-ebda argument li jista’ jwaqqa’ l-każ tal-Kummissjoni.
Spanja
35. Spanja ssostni li r-rikors tal-Kummissjoni mhuwiex fondat peress li ma jieħux in kunsiderazzjoni numru ta’ kunsiderazzjonijiet essenzjali. L-ewwel nett, kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, (22) fatturi morali, reliġjużi u kulturali, u l-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas-soċjetà marbuta mal-logħob u ma’ l-imħatri, jistgħu jimplikaw marġni ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali fir-regolazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur u ta’ l-ordni pubbliku. It-tieni nett, huwa meħtieġ perijodu tranżitorju meta sistema ta’ konċessjoni tkun ser tiġi mibdula b’sistema oħra u dan jista’ jiġġustifika li ċerti aspetti tas-sistema preċedenti jiġu estiżi. Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ aspetti, l-awtoritajiet Taljani juru intenzjoni ċara li jikkonformaw ruħhom kompletament mar-rekwiżiti Komunitarji. It-tielet nett, huma involuti interessi soċjali kumplessi, b’mod partikolari l-użu tad-dħul mill-imħatri bħala l-uniku sors għall-finanzjament tat-titjib fit-tkabbir taż-żwiemel. Ir-raba’ nett, fil-preżent, fis-settur Taljan ta’ l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel hemm diffikultajiet finanzjarji serji li jmorru lura għal qabel il-miżuri ta’ l-2003 iċċitati mill-Italja fid-difiża tagħha.
36. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma tidher li tista’ tiġġustifika s-sitwazzjoni li l-Kummissjoni qiegħda tilmenta dwarha, jiġifieri t-tiġdid u s-sussegwenti żamma fis-seħħ, mingħajr trasparenza jew pubbliċità, ta’ 329 konċessjonijiet qodma flimkien ma’ l-għoti ta’ 671 konċessjoni ġodda permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.
37. Huwa veru li n-natura partikolari ta’ l-imħatri u tal-logħob ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda mhux fis-sens li tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertajiet iggarantiti mit-Trattat li ma jissodisfawx rekwiżiti imperattivi fl-interess ġenerali, li mhumiex adegwati sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom jew li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. (23) Kunsiderazzjonijiet soċjali u finanzjarji tat-tip imsemmija minn Spanja fit-tielet u fir-raba’ kunsiderazzjonijiet tagħha, jew diffikultajiet prattiċi involuti fil-bidla minn sistema għal oħra, ma jikkostitwixxux tali rekwiżiti. Barra minn hekk, l-intenzjoni ddikjarata ta’ l-awtoritajiet Taljani mhijiex rilevanti għal evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali meta jintemm it-terminu preskritt fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni.
Id-Danimarka
38. Id-Danimarka tqajjem numru ta’ kwistjonijiet relatati li essenzjalment jikkonċernaw il-portata ta’ l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet pubbliċi li mhumiex suġġetti għad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku. B’mod partikolari, hija targumenta li proċedura ta’ sejħa għal offerti mhijiex neċessarjament obbligatorja u li l-użu tat-terminu “reklamar” fil-verżjoni Ingliża tas-sentenza Telaustria jissuġġerixxi, b’mod żbaljat, rekwiżit aktar oneruż mill-ekwivalenti ta’ “pubbliċità” f’verżjonijiet lingwistiċi oħra. Hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika jekk ir-rekwiżit jimplikax li l-awtorità li tagħti l-kuntratt hija meħtieġa tfittex kuntratturi jew detenturi eventwali ta’ konċessjonijiet b’mod miftuħ, jew li d-dokumenti tas-sejħa għal offerti jkunu disponibbli għal kull min qiegħed jaħseb li jissottometti offerta jew sempliċement li l-awtorità li tagħti l-kuntratt għandha tagħmel pubbliku l-fatt li hija għandha l-intenzjoni li tagħti kuntratt jew konċessjoni.
39. Is-sottomissjonijiet tad-Danimarka f’dan ir-rigward huma simili ħafna għal dawk li għamlet f’kawża oħra li bħalissa tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja. (24) Id-domandi mqajma minnha huma importanti u jiena naqbel li tista’ tkun meħtieġa kjarifika tal-liġi. (25) Madankollu, il-kjarifika ġenerali li qiegħda titlob id-Danimarka tidher li hija intiża prinċipalment sabiex twieġeb ċerti domandi ta’ interess ġenerali għall-Istati Membri u mhux sabiex jiġi ddeterminat l-eżitu ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.
40. F’din il-kawża, huwa paċifiku li t-329 konċessjoni in kwistjoni ġew sempliċement u awtomatikament imġedda. Anki jekk jista’ jiġi argumentat li l-awtoritajiet Taljani, sa ċertu punt, għamlu pubbliku l-fatt li l-proċedura kienet ser tinżamm, huwa pjuttost ċar li l-livell ta’ pubbliċità fir-rigward ta’ dawn il-konċessjonijiet (b’differenza mis-671 konċessjoni ġodda mogħtija permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti) ma kienx, fil-fehma tiegħi, “suffiċjenti sabiex il-konċessjoni ta’ servizz tkun miftuħa għal kompetizzjoni u sabiex l-imparzjalità tal-proċeduri ta’ akkwist tkun tista’ tiġi kkontrollata”. (26)
41. Għaldaqstant, ma nikkunsidrax li l-osservazzjonijiet tad-Danimarka jista’ jkollhom impatt fuq l-eżitu ta’ din il-kawża.
Kummenti finali
42. Jiena tal-fehma għalhekk li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-fatti paċifiċi ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni stabbiliet b’mod suffiċjenti l-ksur li fir-rigward tiegħu hija tixtieq tikseb dikjarazzjoni, u li l-ebda waħda mill-osservazzjonijiet ta’ l-Istati Membri ma twaqqa’ b’mod adegwat l-argumenti tal-Kummissjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi.
43. Fl-istess ħin irrid nagħmilha ċara li mhux qiegħda nesprimi xi opinjoni dwar ċirkustanzi oħra li fihom it-tiġdid ta’ konċessjonijiet fir-rigward ta’ mħatri fuq tiġrijiet taż-żwiemel mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti jista’ jkun iġġustifikat permezz ta’ ħtiġijiet ta’ interess pubbliku. Lanqas ma jidhirli li huwa meħtieġ li nispeċifika t-tip jew il-livell preċiżi ta’ pubbliċità meħtieġa meta tinżamm proċedura ta’ sejħa għal offerti. Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, f’din il-kawża, 671 konċessjoni ngħataw permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li, fil-fehma tal-Kummissjoni, kienet konformi mad-dritt Komunitarju , filwaqt li 329 konċessjoni ġew, fl-istess ħin, imġedda mingħajr l-anqas ħjiel ta’ trasparenza jew pubbliċità li setgħu jipprovdu lill-partijiet interessati b’aċċess għall-proċedura ta’ l-għoti tal-konċessjonijiet.
L-ispejjeż
44. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba fit-talbiet tal-parti li tirbaħ u, skond l-Artikolu 69(4), l-Istati Membri li jagħmlu intervent fil-proċeduri għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni talbet li l-Italja tbati l-ispejjeż.
Konklużjoni
45. Għaldaqstant, l-opinjoni tiegħi hija li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha
– tiddikjara li, peress li l-Ministeru tal-Finanzi ġedded 329 liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel mingħajr ma organizza proċedura ta’ sejħiet għal offerti qabel, ir-Repubblika Taljana kisret il-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza u l-obbligu li jsir reklamar li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment fl-Artikolu 43 et seq u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Artikolu 49 et seq, u
– tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż, minbarra dawk ta’ l-Istati Membri intervenjenti, li għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 15), u tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32).
3 – Id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU 1992 L 209, p. 1); imħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq ko[o]rdinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU 2004 L 134, p. 114). Fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni, l-għoti ta’ kuntratti kien irregolat mid-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU 1993 L 199, p. 84); imħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU 2004 L 134, p. 1).
4 – Ara wkoll il-punti 46 et seq tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C-324/98, Ġabra p. I-10745).
5 – Ara s-sentenza Telaustria, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 60; is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C-231/03, Ġabra p. I-7287, punt 16); tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C-458/03, Ġabra p. I-8612, punt 46), u tas-6 ta’ April 2006, ANAV (C-410/04, Ġabra p. I-3303, punt 18).
6 – Ara s-sentenzi Parking Brixen, punt 47, u ANAV, punt 19.
7 – Ara s-sentenzi Parking Brixen, punt 48, u ANAV, punt 20.
8 – Ara s-sentenzi Telaustria, punti 61 u 62; Parking Brixen, punt 49, u ANAV, punt 21.
9 – GU 2000 C 121, p. 2.
10 – Komunikazzjoni interpretattiva aktar reċenti dwar il-liġi Komunitarja applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti li ma jkunux jew li ma jkunux kompletament suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku (ĠU 2006 C 179, p. 2) ma tkoprix, b’mod espress, konċessjonijiet għalkemm l-indikazzjonijiet mogħtija jistgħu jitqiesu bħala ta’ natura suffiċjentement ġenerali sabiex jagħmlu dan.
11 – Taħt il-Liġi Nru 662/1996 (GURI, 28 ta’ Diċembru 1996, Nru 303).
12 – Digriet Presidenzjali Nru 169/1998 (GURI, 1 ta’ Ġunju 1998, Nru 125).
13 – Digriet Ministerjali tas-7 ta’ April 1999, GURI, 14 ta’ April 1999, Nru 86.
14 – Direttiva Ministerjali tad-9 ta’ Diċembru 1999, u Deċiżjoni Ministerjali tal-21 ta’ Diċembru 1999 (GURI, 23 ta’ Diċembru 1999, Nru 300).
15 – Digriet Leġiżlattiv Nru 452/2001 (GURI, 29 ta’ Diċembru 2001, Nru 301), li wara li ġie emendat sar il-Liġi Nru 16/2002 (GURI, 27 ta’ Frar 2002, Nru 49).
16 – Ara l-punt 10 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna15.
17 – Digriet Leġiżlattiv 147/2003 ta’ l-24 ta’ Ġunju 2003 (GURI, 25 ta’ Ġunju 2003, Nru 145), li sar il-Liġi 200/2003; Deċiżjoni 107/2003 ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003 ta’ UNIRE (li inizjalment tat it-329 konċessjoni in kwistjoni).
18 – Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-299/01, Ġabra p. I-5899, punt 11). Ara, aktar reċentement, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-183/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17).
19 – Ara, bħala eżempju, fil-kuntest partikolari ta’ mħatri, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C-243/01, Ġabra p. I-13031, punti 59 u 60; u tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).
20 – Ara s-sentenza Gambelli, punt 65, u s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-150/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46).
21 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 22), jew tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-463/00, Ġabra p. I-4581, punt 35).
22 – Fis-sentenza Gambelli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 63, u fil-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata: is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C-275/92, Ġabra p. I-1039); tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C-124/97, Ġabra p. I-6067), u tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C-124/97, Ġabra p. I-7289).
23 – Sentenza Gambelli, punti 65 u 67.
24 – Kawża C-195/04; ara b’mod partikolari l-punt 79 et seq tal-Konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-18 ta’ Jannar 2007.
25 – Ara wkoll l-artiklu ta’ Adrian Brown, “Seeing through transparency: the requirement to advertise public contracts and concessions under the EC Treaty”, (Public Procurement Law Review 2007, p. 1). Jista’ jiġi rrilevat ukoll li, fil-preżent, il-komunikazzjoni interpretattiva ta’ l-2006 tal-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10) hija s-suġġett ta’ rikors għal annullament imressaq mill-Ġermanja quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-258/06, proċeduri li fir-rigward tagħhom diversi Stati Membri u l-Parlament Ewropew applikaw sabiex jagħmlu intervent.
26 – Ara l-punt 7 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 aktar ’il fuq.
Full & Egal Universal Law Academy