KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
POIARES MADURO
ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2006 1(1)
Kawżi magħquda C-463/04 u C-464/04
Federconsumatori
Adiconsum
ADOC
Ercole Pietro Zucca
u
Associazione Azionariato Diffuso dell’AEM et
Filippo Cuccia
Giacomo Fragapane
Pietro Angelo Puggioni
Annamaria Sanchirico
Sandro Sartorio
vs
Comune di Milano
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (l-Italja))
1. F’żewġ kawżi ppreżentati kontra l-Comune di Milano (Muniċipalità ta’ Milan), it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lombardija) għamel numru ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 56 tal-KE. Id-domandi, li huma identiċi fiż-żewġ kawżi, jikkonċernaw is-sitwazzjoni fejn korp pubbliku, li għandu sehem minoritarju f’kumpannija privatizzata, iżomm, għal dak li jirrigwarda l-kontroll ta’ dik il-kumpannija, pożizzjoni privileġġjata fir-rigward ta’ l-azzjonisti l-oħrajn. Il-kumpannija in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija AEM, li fiha l-Comune di Milano, wara li biegħ parti mis-sehem maġġoritarju, żamm sehem ta’ 33,4 %. Dan, madankollu, żamm is-setgħa li jaħtar il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi. Skond ir-rikorrenti, dan jikser l-Artikolu 56 tal-KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha dwar ‘golden shares’.
I – Il-fatti, il-kuntest ġuridiku nazzjonali u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari
2. AEM ġiet imwaqqfha mill-Comune di Milano fl-1996. Din topera fis-settur tas-servizz pubbliku bħala distributur tal-gass u ta’ l-elettriku. Fl-1998, wara li saret offerta fis-suq ta’ l-ishma ta’ AEM, il-belt biegħet l-ewwel porzjon ta’ ishma, filwaqt li żammet sehem ta’ 51 % tal-kapital tal-kumpannija.
3. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 4/04 tas-17 ta’ Frar 2004, il-Comune di Milano iddeċieda li jnaqqas iktar mis-sehem tiegħu f’AEM għal 33,4 %. Madankollu, iddeċieda wkoll li dan it-tnaqqis ikun suġġett għall-kundizzjoni li qabel jiġi emendat l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija.
4. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 5/04 tat-8 ta’ Marzu 2004, il-Comune di Milano ikkonkluda li kien meħtieġ li jiġi emendat l-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ AEM, b’mod partikolari fil-rigward tal-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi fid-dawl tal-Liġi Nru 474/1994.
5. L-Artikolu 2 tat-test konsolidat tad-Digriet Liġi Nru 332 tal-31 ta’ Mejju 1994, li saret, wara li ġiet emendata, Liġi Nru 474 tat-30 ta’ Lulju 1994 (iktar 'il quddiem il-“Liġi Nru 474/1994”), jipprovdi, safejn huwa rilevanti:
“1. Il-President tal-Kunsill tal-Ministri għandu […] jistabbilixxi b’digriet il-kumpanniji kkontrollati direttament jew indirettament mill-Istat u li joperaw fis-setturi tad-difiża, it-trasport, it-telekomunikazzjonijiet, ir-riżorsi ta’ l-enerġija u setturi oħrajn tas-servizz pubbliku, li l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom għandu jipprovdu li, qabel l-adozzjoni ta’ xi miżura tirriżulta fit-telf tal-kontroll, għandha tiġi mdaħħla, b’riżoluzzjoni f’dan is-sens approvata f’laqgħa ġenerali straordinarja tal-kumpannija, dispożizzjoni li tagħti lill-ministru għall-ekonomija u l-finanzi wieħed jew aktar mis-setgħat speċjali li ġejjin, li għandhom jiġu eżerċitati b’konsultazzjoni mal-ministru għall-attivitajiet produttivi:
[…]
(d) il-ħatra ta’ direttur mingħajr drittijiet għall-vot.
[…]
3. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għandhom japplikaw ukoll għal kumpanniji kontrollati, direttament jew indirettament, minn korpi pubbliċi … li joperaw fis-setturi tat-trasport u servizzi pubbliċi oħrajn u magħżulin b’deċiżjoni tal-korp pubbliku li għandu ishma f’tali kumpanniji, li jkunu intitolati jeżerċitaw is-setgħat stipulati fil-paragrafu 1”.
6. L-Artikolu 4(1) jipprovdi, safejn huwa rilevanti:
“Kumpanniji [bħal AEM] … li għandhom statut ta’ assoċjazzjoni li jillimita d-drittijiet ta’ l-azzjonisti għandhom jinkorporaw fl-istatut tagħhom dispożizzjoni speċjali, li ma tkunx tista’ tiġi emendata sakemm kwalunkwe limitazzjoni bħal din tkun għadha fis-seħħ, fis-sens li d-diretturi jiġu maħtura abbażi ta’ sistema ta’ lista [...] Minimu ta’ wieħed minn ħamsa tad-diretturi li ma jiġux maħtura skond l-Artikolu 2(1)(d) għandhom jiġu maħtura minn listi ta’ minoranza, u f’każ li n-numru ikun frazzjoni ta’ inqas minn unità singola, tali numru għandu jiġi miżjud sa l-eqreb numru sћiћ”.
7. Waqt laqgħa ġenerali straordinarja li saret fid-29 ta’ April 2004, il-membri ta’ AEM adottaw riżoluzzjonijiet meħtieġa biex jemendaw l-istatut ta’ assoċjazzjoni. Konformi ma' l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 474/1994, l-istatut ta’ assoċjazzjoni l-ġdid kien jinkludi dispożizzjoni rigward l-elezzjoni tad-diretturi abbażi ta’ votazzjoni bil-lista. Essenzjalment, ċerti azzjonisti, inkluż il-Comune di Milano, jistgħu jipproponu listi ta’ kandidati. F’laqgħa ġenerali sussegwenti, l-azzjonisti kollha jistgħu sussegwentement jivvutaw favur lista. Il-lista li ġġib l-ikbar ammont ta’ voti tipprovdi sitta minn għaxra tal-membri tal-bord tad-diretturi, filwaqt li l-lista li ġġib it-tieni l-akbar ammont ta’ voti tipprovdi erbgħa minn għaxra tal-membri. Għalhekk, bi 33.4 % ta’ l-ishma, il-Comune di Milano, li huwa l-akbar azzjonista minoritarju jista’ dejjem ikun ċert li l-lista ta’ kandidati li jipproponi se tikseb ta’ l-inqas biżżejjed voti biex tipprovdi erbgħa minn għaxra tal-membri tal-bord tad-diretturi.
8. Barra minn hekk, l-istatut ta’ assoċjazzjoni l-ġdid ta lill-Comune di Milano id-dritt li jaħtar direttament sa kwart tal-membri tal-bord tad-diretturi, konformi ma' l-Artikolu 2449 tal-Kodiċi Ċivili Taljan.
9. It-titolu ta’ l-Artikolu 2449 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jiddikjara li dan jirrigwardja “kumpanniji li fihom l-Istat jew korpi pubbliċi jipparteċipaw bħala azzjonisti”. Dan jipprovdi:
“Jekk l-Istat jew korpi pubbliċi għandhom ishma f’kumpannija limitata bl-ishma, l-istatut ta’ assoċjazzjoni jista’ jikkonferixxi fuqhom is-setgħa li jaħtru wieħed jew iktar mid-diretturi jew awdituri jew membri tal-bord ta’ sorveljanza.
Id-diretturi u l-awdituri jew il-membri tal-bord ta’ sorveljanza maħtura skond il-paragrafu preċedenti jistgħu jitneħħew biss mill-korpi li permezz tagħhom kienu ġew maħtura.
Huma jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-persuni maħtura mill-kumpannija f’laqgħa ġenerali. Id-dispożizzjonijiet ta’ liġijiet speċjali għandhom jipprevalu”.
10. Il-qorti ta’ rinviju tirrileva li, bħala riżultat ta’ l-effett tad-dritt ta’ ħatra diretta ta’ sa kwart mill-membri tal-bord tad-diretturi flimkien mad-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjoni ta’ diretturi bil-votazzjoni abbażi ta’ listi, il-Comune di Milano jista’ jikkontrolla l-maġġoranza assoluta tal-ħatriet tal-bord tad-diretturi, minkejja li għandu sehem minoritarju. Il-bord tad-diretturi ta’ AEM jikkonsisti f’7, 8 jew 9 membri u, sakemm il-Comune di Milano jżomm is-sehem tiegħu ta’ 33.4 %, huwa intitolat li jaħtar: erbgħa membri f’bord ta’ sebgħa (wieħed permezz ta’ ħatra diretta); ħames membri f’bord ta’ tmienja (tnejn permezz ta’ ħatra diretta); jew ħames membri f’bord ta’ disgħa (tnejn permezz ta’ ħatra diretta). Barra dan, din l-influwenza fuq il-kontroll attwali tal-kumpannija hija effettivament permanenti. Permezz ta’ 33.4 % ta’ l-ishma, il-Comune di Milano, jista’, fil-prattika, juża l-veto kontra kull proposta li temenda id-dispożizzjonijiet ta’ l-istatut ta’ assoċjazzjoni li jirrigwardjaw il-proċedura tal-ħatra ta’ diretturi.
11. Federconsumatori et (iktar 'il quddiem “Federconsumatori”; Kawża C‑463/04) u l-Associazione Azionariato Diffuso dell’AEM (iktar 'il quddiem “ASAD‑AEM”; Kawża C‑464/04) ressqu rikors kontra l-Comune di Milano fejn qed jikkontestaw id-Deċiżjonijiet Nru 4/04 u Nru 5/04 tal-Comune di Milano quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia.
12. Fl-10 ta’ Ġunju 2004, peress li ħadet il-pożizzjoni li s-sistema tal-ħatra ta’ diretturi kienet tidher f’konflitt mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar golden shares, il-qorti ta’ rinviju ordnat bħala miżura temporanja li l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 5/04 tal-Comune di Milano tiġi sospiża. Fl-10 ta’ Awwissu 2004, il-Consiglio di Stato (Kunsill ta’ l-Istat), fl-appell, iddeċieda kontra din is-sospensjoni, għar-raġuni li l-kunċett ta’ ‘sehem’ użat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kien fundamentalment differenti mis-setgħat speċjali in kwistjoni, li kienu mogħtija permezz tal-liġi ċivili.
13. Il-qorti ta’ rinviju baqgħet fid-dubju dwar jekk l-applikazzjoni f’daqqa ta’ l-Artikolu 2449 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 474/1994 kinitx konformi ma' l-Artikolu 56 KE. B’Deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2004, din irrinvijat, fiż-żewġ kawżi, id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1. Jista’ l-Artikolu 2449 tal-Kodiċi Ċivili, kif applikat fiċ-ċirkustanzi li hemm kontestazzjoni dwarhom f’din il-kawża, jitqies li huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 56 KE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat-23 ta’ Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-58/99); ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Franza (C-503/99 u C 483/99), u tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit u Il-Kummissjoni vs Spanja (C-98/01 u C-463/00), meta jiġi invokat minn entità pubblika, li għalkemm tkun tilfet il-kontroll b’operazzjoni tal-liġi fuq kumpannija limitata bl-ishma, iżżomm sehem sostanzjali (33.4 %) bħala azzjonista li żżomm maġġoranza relattiva ta’ l-ishma, u b’hekk tkun akkwistat setgħa ta’ kontroll sproporzjonata?
2. Jista’ l-Artikolu 2449 tal-Kodiċi Ċivili, applikat flimkien ma’ l-Artikolu 4 tad-Digriet Liġi Nru 332 tal-31 ta’ Mejju 1994, li sar il-Liġi Nru 474 tat-30 ta’ Lulju 1994, jiġi meqjus li huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 56 KE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat-23 ta’ Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-58/99); ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Franza (C-503/99 u C-483/99), u tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit u Il-Kummissjoni vs Spanja (C-98/01 u C- 463/00), meta jiġi invokat minn entità pubblika li, għalkemm tilfet il-kontroll b’operazzjoni tal-liġi fuq kumpannija limitata bl-ishma, iżżomm sehem sostanzjali (33.4 %) bħala azzjonista li għandha maġġoranza relattiva ta’ l-ishma, u b’hekk takkwista setgħa ta’ kontroll sproporzjonata?
3. Jista’ l-Artikolu 2449 tal-Kodiċi Ċivili jitqies li huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 56 KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tat-23 ta’ Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-58/99); ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Franza (C-503/99 u C-483/99), u tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit u Il-Kummissjoni vs Spanja (C-98/01 u C-463/00), u dan billi, meta jiġi applikat għal każijiet speċifiċi, iwassal għal riżultat li jmur kontra dispożizzjoni oħra tal-liġi nazzjonali (jiġifieri l-Artikolu 2(1)(d) tad-Digriet Liġi Nru 332 tal-31 ta’ Mejju 1994, li sar il-Liġi Nru 474 tat-30 ta’ Lulju 1994) li hi nnifisha tikkonforma ma’ l-Artikolu 56 KE u konsegwentement tirrifletti, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li dwarhom jiġu eżerċitati setgħat speċjali u l-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti, il-prinċipji stabbiliti f’dan ir-rigward mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitati hawn fuq?”
14. Federconsumatori, ASAD‑AEM, il-Comune di Milano, il-Gvern Taljan, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-29 ta’ Ġunju 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja semgħet sottomissjonijiet orali mill-Federconsumatori, ASAD‑AEM, il-Comune di Milano, AEM u l-Kummissjoni.
II – Evalwazzjoni
15. Il-qorti ta’ rinviju qed titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali biex tiddetermina l-kompattibilità tagħhom ma' l-Artikolu 56 KE. Madankollu, fi proċeduri legali imressqa taħt l-Artikolu 234 KE, ma jispettax lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk regoli nazzjonali humiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għall-għoti ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tagħmel determinazzjoni bħal din(2). Jien għalhekk nissuġġerixxi li d-domandi tal-qorti nazzjonali jiġu riformulati. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi tweġiba utli lill-qorti ta’ rinviju jekk id-domanda kellha tiġi mfissra kif ġej:
“L-Artikolu 56 KE jipprekludi regoli nazzjonali li jagħtu s-setgħa lil korp pubbliku, li għandu sehem minoritajru (33.4 %) f’kumpannija privatizzata, li jżomm il-poter li jaħtar maġġoranza assoluta tal-membri tal-bord tad-diretturi?”
16. Il-Comune di Milano jieħu l-pożizzjoni li l-Artikolu 56 KE mhuwiex applikabbli, peress li s-sistema ta’ ħatra ta’ diretturi ta’ AEM tirriżulta minn dispożizzjonijiet fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija, li ġie adottat skond l-applikazzjoni normali tal-liġi privata tal-kumpanniji. Il-Comune di Milano jikkontendi li s-setgħat tal-ħatra la joħorġu minn miżura leġislattiva u lanqas minn xi eżerċizzju ieħor ta’ l-awtorità ta’ l-Istat. F’dan ir-rigward, il-Comune di Milano jenfasizza li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2449 tal-Kodiċi Ċivili Taljan mhijiex obbligatorja, iżda minflok tirriżulta minn deċiżjoni volontarja ta’ l-azzjonisti f’laqgħa ġenerali, fejn il-korp pubbliku in kwistjoni jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonista ordinarju. Għalhekk, l-introduzzjoni ta’ poteri speċjali fl-istatut ta’ assoċjazzjoni ma tikkostitwix eżerċizzju ta’ ius imperii.
17. Bl-istess mod, il-Gvern Taljan jargumenta li l-kunċett ta’ ‘golden shares’ jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn, fil-qafas tal-privatizzazzjoni ta’ kumpannija li qabel kienet proprjetà ta’ l-Istat, l-Istat jew korp pubbliku, permezz ta’ miżura leġislattiva jew att amministrattiv ekwivalenti, jikseb drittijiet speċjali li huma iktar b’saħħithom minn dawk li l-liġi normalment tagħti lill-azzjonisti. Skond il-Gvern Taljan, l-Artikolu 2449 tal-Kodiċi Ċivili Taljan huwa konsistenti mar-regoli ġenerali tal-ligi Taljana tal-kumpanniji. Taħt dawn ir-regoli, l-ħatra tal-maġġoranza tad-diretturi minn azzjonista minoritarju bl-ebda mod ma hija inaċċettabbli. Il-liġi Taljana tal-kumpanniji ma tirrikjedix, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, li d-dritt ta’ azzjonista li jaħtar diretturi jkun proporzjonali mad-daqs relattiv tas-sehem tiegħu.
18. Dawn l-argumenti jenfasizzaw essenzjalment tliet kwistjonijiet ewlenin. L-ewwel waħda hija jekk huwiex ta’ importanza li s-setgħat ta’ ħatra li dwarhom hemm kontestazzjoni huma, ta’ l-inqas parti minnhom, ibbażati fuq dispożizzjoni tal-liġi privata. It-tieni jekk l-Artikolu 56 KE japplikax ratione personae għal korpi pubbliċi meta ma jkunux qed jeżerċitaw l-awtorità pubblika tagħhom. It-tielet kwistjoni tinvolvi l-kwistjoni dwar liema drittijiet, meta jkunu miżmuma minn korp pubbliku fir-rwol ta’ azzjonista ta’ kumpannija, “x’aktarx jiskoraġġixxu investituri minn Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital ta’ [dik il-kumpannija]”(3). Jien ser niddiskuti kull kwistjoni waħda wara l-oħra.
19. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li s-setgħat tal-ħatra tal-Comune di Milano huma bbażati fuq dispożizzjoni tal-liġi privata ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 56 KE. F’dan ir-rigward ta’ minn wieħed jinnota li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-moviment liberu tal-kapital jiġix ristrett fejn l-Istat igawdi setgħat speċjali f’impriża, huwa irrilevanti kif dawk is-setgħat jiġu mogħtija jew liema forma legali jieħdu. Il-fatt li Stat Membru jaġixxi fi ħdan il-qafas tal-liġi domestika tal-kumpanniji tiegħu ma jfissirx li s-setgħat speċjali tiegħu ma jistgħux jikkostitwixxu restrizzjoni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 56 KE(4). F'każ kuntrarju, l-Istati Membri jkunu jistgħu faċilment jevitaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 56 KE, billi jużaw il-pożizzjoni tagħhom ta’ azzjonisti attwali sabiex jilħqu, fil-kuntest tal-liġijiet ċivili tagħhom, dak li setgħu jilħqu li kieku użaw is-setgħat regolatorji tagħhom.
20. Il-każ preżenti jeżemplifika dan. Il-proċess juri li l-Comune di Milano inizjalment kien ippropona li l-istatut ta’ assoċjazzjoni kellu jagħtih is-setgħa speċjali li jaħtar direttament kwart tal-membri tal-bord tad-diretturi, skond l-Artikolu 2(d) tal-Liġi Nru 474/1994. Oriġinarjament, din id-dispożizzjoni offriet bażi legali biex korpi pubbliċi jiġu mogħtija s-setgħa speċjali li jaħtru minimu ta’ direttur wieħed jew iktar. L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 474/1994, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, ġie diskuss fil-kawża C-58/99 Il-Kummissjoni vs L-Italja (5). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, meta adottat din id-dispożizzjoni, li l-Italja kisret l-Artikolu 56 KE. Sussegwentement, il-liġi ġiet emendata, b’mod partikolari fir-rigward tas-setgħat speċjali pprovduti bl-Artikolu 2. Madankollu, fid-Deċiżjoni 5/04 tagħha tat-8 ta’ Marzu 2004 il-Comune di Milano introduċa dik li, effettivament, hija l-istess setgħa ta’ ħatra, iżda abbażi ta’ l-Artikolu 2449 tal-Kodiċi Ċivili Taljan. Irrispettivament ta’ x’setgħu kienu l-motivi tal-Comune di Milano meta biddel l-għażla tal-bażi legali tiegħu, huwa ċar li ma jkunx diffiċli għall-Istati Membri li jevitaw ir-restrizzjonijiet imposti bl-Artikolu 56 KE jekk din id-dispożizzjoni tiġi meqjusa li ma tapplikax għal sitwazzjonijiet irregolati mil-liġi privata.
21. It-tieni kwistjoni hija dwar jekk l-Artikolu 56 KE japplikax ratione personae għal korp pubbliku, fejn l-azzjonijiet tiegħu, indipendentement mill-forma legali tagħhom, huma minn natura tagħhom privati u għalhekk ma jiġux imwettqa fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika ta’ l-Istat. Fi kliem ieħor u b’mod iktar ġenerali: l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital meta ma jkunux qed jeżerċitaw l-awtorità pubblika tagħhom?
22. Fil-fehma tiegħi, jeżisti dan l-obbligu. L-Istati Membri huma suġġetti għar-regoli dwar il-moviment liberu, li evidentement japplikaw għalihom, mhux fil-kapaċità tagħhom bħala awtorità pubblika imma fil-kapaċità tagħhom ta’ firmatarji tat-Trattat(6). B’riżultat ta’ dan, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu jimponu obbligazzjonijiet fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri, irrispettivament minn jekk dawn l-awtoritajiet jaġixxux fil-kapaċità tagħhom bħala awtorità pubblika jew bħala entità privata. Tabilħaqq, kull entità li permezz tagħha l-Istat jaġixxi fi ħdan l-iskop ratione personae tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu(7). Bħala prinċipju, għalhekk, korp pubbliku bħal Comune di Milano ma jistax jiddependi fuq l-argument li l-azzjonijiet tiegħu huma essenzjalment ta’ natura privata biex jevita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu.
23. Madankollu, id-domanda dwar jekk korp pubbliku huwiex fl-istess pożizzjoni u jaġixxi bl-istess mod bħal azzjonista privat hija ta’ rilevanza għad-delinjazzjoni ta’ l-iskop ratione materiae ta’ l-Artikolu 56 KE. Huwa fattur li jiddetermina liema drittijiet, meta jkunu miżmuma minn korp pubbliku fir-rwol ta’ azzjonista ta’ kumpannija, x’aktarx jiskoraġġixxu investimenti minn Stati Membri oħra.
24. Bħal fil-każ ta’ libertajiet oħra, l-għan tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital hu l-promozzjoni tal-ftuħ ta’ swieq nazzjonali permezz ta’ l-opportunità mogħtija lil investituri u impriżi, li qed ifittxu kapital, li jibbenefikaw b’mod sħiħ mis-suq intern tal-Komunità. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, l-Istati Membri huma meħtieġa li jieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti ta’ l-azzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ investituri stabbiliti fi Stati Membri oħra li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu tal-kapital. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 56 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità, imma anki diskriminazzjoni li, fir-rigward ta’ l-eżerċizzju ta’ attività transnazzjonali, timponi spejjeż addizzjonali jew tfixkel l-aċċess għas-suq nazzjonali għal investituri stabbiliti fi Stati Membri oħrajn jew għax għandu l-effett li jipproteġi l-pożizzjoni ta’ ċerti operaturi ekonomiċi diġà stabbiliti fis-suq jew għax jagħmel il-kummerċ fi ħdan il-Komunità iktar diffiċli mill-kummerċ intern(8). Kull miżura nazzjonali li tirriżulta fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet transnazzjonali inqas favorevoli minn sitwazzjonijiet purament nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu. Suġġett għal din ir-riżerva, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jirregolaw l-attività ekonomika fit-territorji tagħhom u li jipparteċipaw fis-suq nazzjonali(9).
25. Is-sempliċi fatt li korp pubbliku jkollu ishma f’kumpannija ma jnaqqasx mill-attrazzjoni ta’ investimenti f’dik il-kumpannija minn barra l-pajjiz, sakemm investituri fi Stati Membri oħra jistgħu jkunu ċerti li l-korp pubbliku kkonċernat, bil-ħsieb li jimmassimizza r-redditu fuq l-investiment tiegħu, ser jirrispetta r-regoli normali tat-tħaddim tas-suq. Madankollu, peress li korpi pubbliċi huma suġġetti għall-mekkaniżmi lokali jew nazzjonali ta’ responsabbiltà politika, naturalment ikunu mħajra li jaġġustaw l-imġieba tagħhom fid-dawl ta’ l-interessi ta’ dawk li huma rrappreżentati fi ħdan il-kuntest ta’ dawk il-mekkaniżmi. Għalhekk, fejn korp pubbliku għandu ishma li jagħtuh pożizzjoni privileġġjata fir-rigward ta’ azzjonisti oħrajn għal dawk li huma l-poteri tiegħu ta’ kontroll fil-kumpannija kkonċernata, hemm riskju reali li dawn il-poteri jiġu użati biex jingħata aċċess selettiv u potenzjalment diskriminatorju għas-suq nazzjonali. Fil-fehma tiegħi, dan jispjega l-ġurisprudenza li tikkonċerna l-‘golden shares’ u l-limiti imposti fuq l-Istat meta jaġixxi bħala parteċipant fis-suq.
26. Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza timponi fuq l-Istati Membri kundizzjoni dwar konsistenza. It-Trattat jintitola lill-Istati Membri li ċerti kumpanniji jibqgħu propjetà pubblika. Madankollu, ġaladarba Stat Membru jiddeċiedi li jiftaħ settur partikolari tas-suq, dan għandu jaġixxi b’mod li jkun konsistenti ma’ din id-deċiżjoni u li jirrispetta b’mod sħiħ il-prinċipji ta’ trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni li huma inerenti fir-regoli li jirregolaw is-suq intern tal-Komunità. Fi kliem ieħor, l-Istati mhumiex intitolati li jillimitaw b’mod selettiv l-aċċess għal operaturi fis-suq għal dan is-settur tas-suq. Fil-każ tal-privatizzazzjoni ta’ kumpanniji li qabel kienu propjetà ta’ l-Istat, din il-kundizzjoni hija partikolarment importanti. Jekk l-Istat kien intitolat li jżomm forom speċjali ta’ kontroll tas-suq fuq kumpanniji privatizzati, dan faċilment jista’ jfixkel l-applikazzjoni tar-regoli dwar moviment liberu billi jagħti biss aċċess selettiv u potenzjalment diskriminatorju lil partijiet sostanzjali tas-suq nazzjonali. Għalhekk forom ta’ kontroll bħal dawn x’aktarx li jiskoraġġixxu investimenti minn Stati Membri oħra.
27. Għalhekk meta Stat jipprivatizza kumpannija, ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital jeħtieġu li l-indipendenza ekonomika tal-kumpannija tiġi protetta, sakemm ma jkunx hemm il-bżonn li jiġu ssalvagwardjati interessi pubbliċi fundamentali rikonoxxuti mid-dritt Komunitarju. B’dan il-mod, kull kontroll ta’ l-Istat, ‘l barra mill-mekkaniżmi normali tas-suq, fir-rigward ta' kumpannija privatizzata għandhom ikunu marbutin mat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ interess ekonomiku ġenerali assoċjati ma’ dik il-kumpannija.
28. Il-Comune di Milano, l-AEM, u l-Gvern Taljan essenjalment huma tal-fehma li, taħt ir-regoli ġenerali tal-liġi Taljana tal-kumpanniji, azzjonisti privati jistgħu, bħala prinċipju, jakkwistaw l-istess drittijiet speċjali f’kumpannija bħal m’għandu il-Comune di Milano fl-AEM. Mandankollu, sabiex jiġi deċiż jekk il-kontroll ta’ l-Istat f’kumpannija jibqax fi ħdan il-mekkaniżmi normali tas-suq, mhux biżżejjed li jiġi ddeterminat sempliċement jekk azzjonisti privati jistgħux, teoretikament, jakkwistaw forom simili ta’ kontroll, mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-prattika ekonomika.
29. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kawża preżenti, għandu jiġi nnutat li, kif il-Ġvern Pollakk ġustament enfasizza, is-setgħat speċjali tal-Comune di Milano jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li, għal benefiċċju partikolari ta’ l-Istat jew korpi pubbliċi, jippermettu l-introduzzjoni ta’ setgħat speċjali fl-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ kumpannija privatizzata. Madankollu, il-kundizzjoni dwar konsistenza tiġi miksura fejn Stat Membru jadotta leġislazzjoni sabiex jippermetti lill-Istat jew l-organi tiegħu jokkupaw pożizzjoni privileġġjata, għal dak li huwa l-kontroll ta’ kumpannija privatizzata, fir-rigward ta’ l-azzjonisti l-oħra f’dik il-kumpannija.
30. Minn dan jirriżulta li, regoli tal-liġi nazzjonali, li minnhom l-Istat u l-korpi pubbliċi jistgħu jnisslu biss setgħat speċjali, jammontaw, bħala definizzjoni, għal restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 56 KE. Dan japplika mhux biss għall-miżuri leġiżlattivi li jagħtu setgħat speċjali direttament fuq l-Istat(10), imma anki għal regoli nazzjonali li, għal benefiċċju partikolari ta’ l-Istat, jippermettu li setgħat bħal dawn jiġu inkorporati fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija(11). L-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali ta’ dan it-tip tikkostitwixxi tluq mill-“operazzjoni normali tal-liġi tal-kumpanniji”(12), peress li dawn iqegħdu lill-Istat f’pożizzjoni privileġġjata fir-rigward ta’ azzjonisti oħra. F’ċirkustanzi bħal dawn, l-argument li azzjonisti privati jistgħu, fit-teorija, jakkwistaw privileġġi paragunabbli taħt ir-regoli ġenerali tal-liġi tal-kumpanniji, huwa irrilevanti(13).
31. Korp pubbliku li għandu sehem ta’ 33.4 % f’kumpannija privatizzata, imma li jżomm is-setgħa li jaħtar il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi, huwa evidentement f’pożizzjoni privileġġjata meta mqabbel ma’ l-azzjonisti l-oħra. Fil-fatt, kif il-qorti ta’ rinviju ġustament osservat, is-setgħat tiegħu huma iktar estensivi minn dawk mogħtija mid-Digriet Liġi li ġie meqjus li jikser l-Artikolu 56 KE fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja(14).
32. Minn dan jirriżulta li r-regoli nazzjonali li jippermettu korp pubbliku li jżomm is-setgħa li jaħtar il-maġġoranza assoluta tal-membri tal-bord tad-diretturi f’kumpannija li fiha dan il-korp pubbliku għandu sehem minoritarju ta’ 33.4 % jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 56 KE.
III – Konklużjoni
33. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, jiena nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi rrinvjati mit-Tribunale amministrativo per la Lombardia:
“L-Artikolu 56 KE jipprekludi regoli nazzjonali li jippermettu korp pubbliku, li għandu sehem ta’ 33,4% f’kumpannija privatizzata, li jżomm is-setgħa li jaħtar il-maġġoranza assoluta tal-membri tal-bord tad-diretturi”.
1 – Lingwa oriġinali: il-Portugiż.
2 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1986, Asjes et(209/84 sa 213/84, Ġabra p. 1425, punt 12), u tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, Ġabra p. I‑8389, punt 43).
3 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑98/01, Ġabra p. I‑4641, punt 47) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, Ġabra p. I‑4581, punt 61).
4 – Ara, f'dan is-sens, il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 48. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-282/04 u C-283/04, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), punt 23.
5 – Sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000 (C-58/99, Ġabra p. I‑3811).
6 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, punt 49), u tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, Ġabra p. I‑3313, punt 17).
7 – Ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1983, Apple & Pear Development Council (222/82, Ġabra p. 4083, punt 17). Meta entità privata tiġi inkarigata twettaq funzjoni pubblika, jista’ jiġi konkluż li l-Istat qed jaġixxi permezz ta’ dik l-entità u li, konsegwentement, din għandha tirrispetta r-regoli dwar il-moviment liberu: ara, bħala eżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1989, Association of Pharmaceutical Importers (266/87 u 267/87, Ġabra p. 1295, punti 13 sa 16); tal-11 ta’ Awwissu 1995, Dubois u General Cargo services (C‑16/94, p. I‑2421, punt 20); tal-5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte (C‑157/02, Ġabra p. I‑1477, punt 24); u l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża AGM‑COS.MET (C-470/03, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), punt 87.
8 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, u l-Konklużjoinijiet tiegħi fil-kawża Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour-Marinopoulos, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punti 40 u 41.
9 – Ara wkoll il-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cipolla et (C-94/04 u C-202/04, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), punt 58.
10 – Ara is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑367/98, Ġabra p. I‑4731); ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑483/99, Ġabra p. I‑4781) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑503/99, Ġabra p. I‑4809), kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
11 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
12 – Ibidem, punt 48.
13 – Ibidem.
14 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.
Full & Egal Universal Law Academy