SENTENZA TAL-QORTI (l-Ewwel Awla)
15 ta' Diċembru 2005 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 76/160/KEE – Kwalità ta' l-ilma għall-għawm – Nomina taż-żoni għall-għawm – Direttiva 79/923/KEE – Kwalità ta' l-ilmijiet tal-molluski – Stabbiliment ta' programm ta' tnaqqis tat-tniġġis"
Fil-kawża C-26/04,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fis-27 ta' Jannar 2004,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero Jordana, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' Awla, K. Schiemann, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ippreżentati fis-seduata tas-7 ta' Lulju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, minn naħa, billi hija ma nnominatx uffiċjalment bħala żoni ta' l-għawn ix-xtajtiet ta' "Vilela/A Videira", ta' "Niño do Corvo" u ta' "Canabal", li jinsabu fil-muniċipalità ta Moaña, fil-provinċja ta' Pontevedra, tal-Komunità awtonoma ta' Galizja, u min-naħa l-oħra, billi naqset milli tadotta l-programm ta' tnaqqis ta' tniġġis tar-Ría de Vigo, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond rispettivament l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE tat-8 ta' Diċembru 1975 dwar il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm (ĠU 1976, L 31, p. 1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/923/KEE tat-30 ta' Ottubru 1979 dwar il-kwalità meħtieġa għall-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski (ĠU L 281, p. 47).
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 76/160 jiddefinixxi l-ilma għall-għawm bħala:
"kull ilma ħelu ġieri jew mhux jew partijiet minnu u ilma baħar, li fihom:
– l-għawm huwa awtorizzat b'mod espliċitu mill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru,
jew
– l-għawm mhux ipprojbit u huwa normalment prattikat minn numru kbir ta' għawwiema".
3 Skond it-termini ta' l-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għaż-żoni kollha ta' l-għawm jew għal kull waħda miż-żona ta' l-għawm, il-valuri applikabbli għall-ilma għall-għawm għall-parametri stabbiliti fl-Anness ta' l-istess Direttiva.
4 L-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva jipprovdi:
"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, fi żmien 10 snin min-notifikazzjoni ta' din id-Direttiva, il-kwalità ta' ilma għall-għawm tikkonforma mal-valuri ta' limitu stabbiliti skond l-Artikolu 3."
5 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 79/293 jippreċiża:
"Din id-Direttiva tikkonċerna l-kwalità ta' l-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski u tapplika għal dawk l-ilmijiet ta' mal-kosta u salmastri indikati mill-Istati Membri bħala li għandhom bżonn protezzjoni jew titjib sabiex isostnu l-ħajja u t-tkabbir tal-molluski (bivalve u gasteropod molluscs) u għaldaqstant sabiex jikkontribwixxu għall-kwalità għolja tal-prodotti tal-molluski li jittieklu direttament mill-bniedem."
6 Skond it-termini ta' l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva:
"Għall-bidu, fi żmien sentejn wara n-notifika ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jindikaw l-ilma tal-molluski."
7 L-Artikolu 5 ta' l-istess Direttiva jipprovdi:
"L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi sabiex inaqqsu t-tniġġis u sabiex jassiguraw li l-ilmijiet nominati huma konformi, fi żmien sitt snin wara n-nominazzjoni skond l-Artikolu 4, kemm mal-valuri stabbiliti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3 u mal-kummenti li jinsabu f'kolonni G u I ta' l-Anness."
8 L-Anness tad-Direttiva 79/293 jindika, il-parametru 10 intitolat "Faecal coliforms/100 ml" valur ta' referenza ta' "≤ 300 fil-laħam tal-molluski u fil-likwidu intervalvulari". Dan il-valur jidher fil-kolonna "G" ta' dan l-Anness, li tagħtih, bħala prinċipju, valur indikattiv u mhux mandatorju għall-Istati Membri, skond l-Artikolu 3(2) ta' din id-Direttiva.
9 Madankollu, in-nota f'qiegħ ta' paġna Nru 1 relatata mal-parametru 10 tipprovdi: "Madankollu, sakemm l-adozzjoni ta' Direttiva dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi tal-prodotti tal-molluski għadha pendenti, huwa essenzjali li dan il-valur ikun osservat fl-ilmijiet fejn jgħix il-frott tal-baħar li jittiekel direttament mill-bniedem".
10 Peress illi l-Artikolu 395 ta' l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1985, L 302, p. 23) ma jipprevedix, favur ir-Renju ta' Spanja, deroga għal dak li jikkonċerna d-Direttivi 76/160 u 79/923, il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm Spanjol għandu jkun konkormi mal-valuri ta' limitu mandatorji stabbiliti mid-Direttiva 76/160 b'effett mill-1 ta' Jannar 1986 u l-programmi msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 79/923 għandhom jiġu stabbiliti mhux aktar tard mit-30 ta' Ottubru 1987.
Il-proċedura prekontenzjuża
11 Billi kkunsidrat li r-Renju ta' Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond id-Direttivi 76/160 u 79/923, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kontra dan l-Istat Membru prevista fl-Artikolu 226KE, filwaqt li fil-25 ta' Jannar 2001 bagħtitlu ittra ta' intimazzjoni.
12 Wara li ċaħdet l-argumenti mressqa mill-Gvern Spanjol bħala risposta għal din l-ittra ta' intimazzjoni, il-Kummissjoni stiednet ir-Renju ta' Spanja, permezz ta' opinjoni motivata ta' l-1 ta' Lulju 2002, jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni f'terminu ta' xaħrejn minn meta jirċevieha.
13 Peress illi r-Renju ta' Spanja ma rrispondiex għal din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ewwel ilment, dwar ksur tad-Direttiva 76/160
14 Kif il-Kummissjoni tippreċiża fir-replika tagħha, in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu li hija takkuża lir-Renju ta' Spanja bih permezz ta' dan l-ewwel ilment huwa milli naqas li jindika bħala żoni ta' l-għawm tlett xtajtiet tal-kosta Galizjana, u mhux li naqas milli jirrispetta l-valuri ta' limitu mandatorji stabbiliti mid-Direttiva 76/160.
15 Madankollu, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 76/160 ma jimponix b'mod espliċitu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinnominaw uffiċjalment xtajtiet jew postijiet oħra bħala żoni ta' l-għawm.
16 Kuntrarjament, l-Artikolu 1(2)(a) ta' din id-Direttiva jiddefinixxi l-ilma għall-għawm bħala dak li fih l-għawm, huwa awtorizzat b'mod espliċitu mill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru, jew mhuwiex projbit u huwa normalment ipprattikat minn numru kbir ta' għawwiema. Jirriżulta mit-tieni parti ta' din id-definizzjoni li l-Istati Membri jkunu jistgħu jittolleraw l-għawm f'ċerti ilmijiet mingħajr ma jkun neċessarju li jindikawhom bħala żoni għall-għawm.
17 Kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 14 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-nuqqas ta' obbligu fid-Direttiva 76/160 li jiġu nnominati uffiċjalment l-ilmijiet in kwistjoni huwa enfasizzat mill-fatt li Direttivi oħra dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent u tas-saħħa pubblika fihom dispożizzjonijiet li jimponu b'mod espliċitu fuq l-Istati Membri li jinnominaw uffiċjalment jew li jidentifikaw ċertu żoni jew ilmijiet qabel data determinata.
18 Jirriżulta li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 76/160 ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipproċedu għan-nomina uffiċjali taż-żoni għall-għawm, bħal ma tallega l-Kummissjoni.
19 Konsegwentement, l-ewwel ilment huwa infondat u għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni ilment, dwar ksur ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 79/923.
20 Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-ilmijiet ta' Ría de Vigo kienu ġew innominati mir-Renju ta' Spanja bħala ilmijiet tal-molluski skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/923.
21 Fir-risposta tad-difiża tiegħu, ir-Renju ta' Spanja jsostni, prinċipalment, li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, kif definit fl-Artikolu 1 tagħha, huwa limitat għall-ilmijiet fejn jgħixu l-molluski li "jittieklu direttament mill-bniedem". Id-Direttiva kellha għan waħda: it-titjib tal-kwalità ta' l-ilmijiet iddestinati għall-koltivazzjoni tal-molluski li jittieklu direttament mill-bniedem. Skond ir-Renju ta' Spanja, ebda żona tar-Ría de Vigo m'hija żona ta' produzzjoni ta' molluski ddestinati għall-konsum dirett mill-bniedem. Fil-fatt, fir-Ría de Vigo ma kienux prodotti ħlief molluski li jgħaddu minn trattament ta' purifikazzjoni jew li jerġgħu jiġu kkoltivati qabel il-konsum. Konsegwentement, in-nuqqas ta' rispett tal-valur ta' referenza previst mid-Direttiva 79/923 ma jikkostitwixxix ksur ta' l-Artikolu 5 tiegħu.
22 Dan l-argument ma setax jiġi aċċettat. Fil-fatt, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 79/923 jipprevedi li din tapplika għall-ilmijiet ta' mal-kosta u salmastri indikati mill-Istati Membri bħala li għandhom bżonn protezzjoni jew titjib sabiex isostnu l-ħajja u t-tkabbir tal-molluski "u għaldaqstant sabiex jikkontribwixxu għall-kwalità għolja tal-prodotti tal-molluski li jittieklu direttament mill-bniedem". Il-frażi "għaldaqstant sabiex jikkontribwixxu għall-kwalità għolja tal-prodotti tal-molluski li jittieklu direttament mill-bniedem" ma tillimitax, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għal dan il-għan, imma tindika pjuttost li din ta' l-aħħar tfittex simultanjament għan ieħor li jista' jintlaħaq permezz ta' l-istess mezzi, l-użu ta' l-avverbju "għaldaqstant" kien sinifikanti f'dan ir-rigward. Jirriżulta minn din il-kelma li din id-Direttiva tapplika għall-ilmijiet kollha tal-molluski, kemm jekk il-molluski li jgħixu fihom huma ddestinati għall-konsum dirett mill-bniedem kif ukoll jekk huma għall-konsum wara trattament.
23 Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tan-nota f'qiegħ ta' paġna Nru 1 relatata mal-parametru 10 li jidher fl-Anness II tad-Direttiva 79/923. Din-nota tippreċiża li l-valur ta' gwida għall-coliforms għandu jiġi kkunsidrat, matul ċertu żmien, bħala valur mandatorju "fl-ilmijiet fejn jgħix il-frott tal-baħar li jittiekel direttament mill-bniedem". Minn dan jirriżulta li l-valur stabbilit għandu natura ta' gwida għal dak li jikkonċerna l-ilmijiet fejn jgħix il-frott tal-baħar, li ma jittiekilx direttament mill-bniedem, li jindika li din id-Direttiva tapplika għal dawn l-ilmijiet.
24 Din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi ma' l-iskop tad-Direttiva 79/923 kif tirriżulta mill-preambolu tagħha. Fil-fatt, jirriżulta, partikolarment, mill-ewwel, it-tielet, is-seba' u d-disa' premessa ta' din id-Direttiva li din tħares lejn protezzjoni tal-kwalità ta' l-ilmijiet tal-molluski in ġenerali, kemm jekk il-molluski li jgħixu fihom huma ddestinati għall-konsum dirett mill-bniedem u kif ukoll jekk le.
25 Minn dan isegwi li, skond l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva tapplika għall-ilmijiet tar-Ría de Vigo.
26 Ir-Renju ta' Spanja jsostni, sussidjarjament, li huwa ħejja programm globali ta' tnaqqis ta' tniġġis fir-Ría de Vigo u li programm ta' miżuri ta' tnaqqis gradwali tat-tniġġis ġie stabbilit. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Spanjoli kienu agixxew konformement ma' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 79/923.
27 Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-eżistenza ta' dawn il-programmi, imma tosserva li dawn huma programmi ġenerali ta' trattament ta' ilmijiet użati, li ma jissodisfawx il-kriterji ta' programm ta' tnaqqis tat-tniġġis speċifiku għall-ilmijiet tal-molluski skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 79/923.
28 Jirriżulta mis-sentenza tat-12 ta' Diċembru 1996, il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-298/95, Ġabra p. I-6747, punt 24), li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 79/923 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu programmi speċifiċi intiżi sabiex inaqqsu t-tniġġiż ta' l-ilmijiet tal-molluski.
29 Peress illi l-programmi ta' tnaqqis tat-tniġġis imsemmija mir-Renju ta' Spanja fir-risposta tad-difiża tiegħu ma kienux programmi speċifiċi intiżi għat-tnaqqis tat-tniġġiż ta' l-ilmijiet tal-molluski, l-allegat nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.
30 Għaldaqstant, it-tieni lment magħmul mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsdrat bħala fondat.
31 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqas milli jadotta programm ta' tnaqqis tat-tniġġis ta' l-ilmijiet tal-molluski tar-Ría de Vigo, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 79/923.
Fuq l-ispejjeż
32 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(3) ta' dawn ir-Regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress illi l-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja tilfu parzjalment, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:
1) Billi naqas mili jadotta programm ta' tnaqqis tat-tniġġis ta' l-ilmijiet tal-molluski tar-Ría de Vigo, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/923/KEE tat-30 ta' Ottubru 1979 dwar il-kwalità meħtieġa għall-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski.
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Renju ta' Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy