SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
15 ta’ Frar 2007*(1)
"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Liċenzji tas-sajd – Regolament (KE) Nru 3690/93 – Bastimenti Wiron III u Wiron IV – Trasferiment definittiv tagħhom fl-Arġentina"
Fil-kawża C-34/04,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-29 ta’ Jannar 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. van Rijn u C. Diderich, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, A.Tizzano, A. Borg Barthet, J. Malenovský (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li, billi ma rtirax il-liċenzji tas-sajd tal-bastimenti Wiron III u Wiron IV wara t-trasferiment definittiv fl-Arġentina, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3690/93 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 li [j]istabilixxi sistema tal-Komunità li tistabbilixxi regoli għat-tagħrif minimu li għandu jkun inkluż fil-li[ċ]enzji tas-sajd (ĠU L 341, p. 93).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Il-ftehim dwar ir-relazzjonijiet fil-qasam tas-sajd mill-baħar bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Arġentina ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3447/93 tat-28 ta’ Settembru 1993 (ĠU L 318, p. 1, iktar ‘il quddiem il-"ftehim dwar is-sajd"). Id-disa’ premessa tal-ftehim dwar is-sajd tgħid li l-partijiet għalih huma:
"[k]onvinti illi dan it-tip ġdid ta’ koperazzjoni fis-settur tas-sajd tal-baħar ħa jipprovdi aċċess regolari għal opportunitajiet ġodda, tkompli u tikber l-għan li jġedded u jibdel il-flotta Arġentina u tirristruttura l-flotta tal-Komunità u tippromovi l-esplojtazzjoni razzjonali tar-riżorsi għal żmien twil".
3 L-Artikolu 5(1) u (3) tal-ftehim dwar is-sajd jgħidu:
"1. Il-Partijiet għandhom joħolqu kondizzjonijiet adegwati għat-twaqqif ta’ impriżi fl-Arġentina permezz ta’ kapital li jigi min[n] wieħed jew aktar mill-Istati Membri tal-Komunità u l-kreazzjoni ta’ intrapriżi u impriżi konġunti fis-settur tas-sajd bejn is-sidien tal-bastimenti ta’ l-Arġentina u l-Komunità b[il-]għan li j[isfruttaw] flimkien u, fejn xieraq, jipproċessaw flimkien ir-riżorsi ta’ l-istrutturi tas-sajd ta’ l-Arġentina taħt il-kondizzjonijiet [i]mniżżlin f’Protokoll I u l-anness I u II.
[…]
3. Bħala parti mil[l]-politika ta’ ristruturazzjoni tal-flotta, il-Komunità għandha tiffaċilita d-dħul tal-bastimenti tal-Komunità fl-impriżi stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti fl-Arġentina. B’dan il-għan, u bħala parti mill-politika għar-renovazzjoni teknika ta’ l-industrija tas-sajd, l-Arġentina għandha tiffaċilita t-trasferiment ta’ liċenzi tas-sajd kurrenti u l-ħruġ ta’ liċenzi ġodda xierqa taħt dan il-Ftehim."
4 L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi sistema Komunitarja tas-sajd u ta’ l-akwakultura (ĠU L 389, p. 1), jgħid:
"1. Il-Kunsill, b’deliberazzjoni taħt il-proċedura prevista fl-Artikolu 43 tat-Trattat, għandu jwaqqaf, qabel il-31 ta’ Diċembru 1993, sistema Komunitarja li għandha tkun applikabbli mhux wara l-1 ta’ Jannar 1995 u li jistabbilixxi r-regoli dwar l-informazzjoni minima li għandhom ikollhom il-liċenzji tas-sajd li jridu jiġu maħruġa u amministrati mill-Istati Membri.
Sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sistema Komunitarja, l-Istati Membri huma marbuta japplikaw is-sistemi nazzjonali tal-liċenzji tas-sajd. Salv għal dispożizzjonijiet kuntrarji, il-bastimenti kollha tas-sajd tal-Komunità huma marbuta li jkollhom liċenzja tas-sajd, li tirreferi għall-bastiment.
Dawn l-arranġamenti huma applikabbli bla ħsara għas-sistema kollha partikolari li tista’ teżisti fuq livell Komunitarju jew minn dawk li jkunu neċessarji fil-kuntest tal-ftehimiet internazzjonali attwali u futuri.
2. Is-sistemi tal-liċenzji huma applikabbli għall-bastimenti kollha tas-sajd tal-Komunità li joperaw fiż-żona tas-sajd Komunitarja, fl-ilmijiet tal-pajjiżi terzi jew fil-baħar miftuh. L-eżiġenzi komunitarji dwar l-informazzjoni minima huma wkoll applikabbli għall-bastimenti tal-pajjiżi terzi li jistadu fiż-żona tas-sajd Komunitarju fil-każijiet previsti mill-ftehim internazzjonali." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 3760/92 jgħid:
"Billi jieħu in kunsiderazjoni t-titolu I, il-Kunsill għandu jiffissa, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 43 tat-trattat, fuq bażi multiannwali u għal ewwel darba mhux wara l-1 ta’ Jannar 1994, l-għanijiet u l-metodi intiżi għar-riforma tas-settur tas-sajd Komunitarju sabiex jintlaqħaq b’mod permanenti, ekwilibriju bejn ir-riżorsi u l-isfruttament tagħhom. Din ir-riforma għandha tieħu in kunsiderazzjoni, każ b’każ, il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali eventwali u ta’ l-partikolaritajiet tar-reġjuni differenti tas-sajd."
6 Skond it-tielet premessa tar-Regolament Nru 3690/93, "Is-sistema tal-Komunità għandha tfassal regoli rigward l-informazzjoni minima li għandha tkun inkluża fil-liċenzji għas-sajd għal kull bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru."
7 L-Artikolu 1 ta’ l-imsemmi regolament jgħid:
"1. Għandha tiġi mwaqqfa sistema tal-Komunità għal-liċenzji tas-sajd li regoli dwar l-informazzjoni minima li għandha tkun inkluża fil-liċenzji tas-sajd li għaliha hemm riferenza fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92.
2. Kull bastiment tas-sajd tal-Komunità ikun meħtieġ li jkollu liċenzja tas-sajd għall-bastiment.
3. Il-liċenzja għandha tinżamm abbord il-bastiment.
4. Bastimenti tas-sajd ma jitħallewx jaqbdu, iżommu abbord, jittrasferixxu jew iniżżlu ħut, fejn liċenzja tas-sajd ma ġietx mogħija jew fejn il-liċenzja tas-sajd ġiet irtirata jew sospiża."
8 L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3690/93 jgħid:
"L-Istat Membru fejn hu rreġistrat il-bastiment għandu joħroġ u jamministra liċenzji tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd li j[tajru] l-bandiera tiegħu, b’konsiderazzjoni lejn id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92."
9 L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 jgħid hekk:
"L-Istat Membru fejn hu rreġistrat il-bastiment għandu jissospendi temporanjament jew b’mod definittiv il-liċenzji tas-sajd li huma soġġetti għall-immobiliżżazzjoni temporanja u għandu jirtira l-liċenzji tas-sajd ta’ bastimenti li huma soġġetti għall-irtirar definittiv mill-attivitajiet tas-sajd."
10 Skond l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3699/93, tal-21 ta’ Diċembru 1993, li jiddefinixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ l-għajnuna Komunitarja bi skop strutturali fis-settur tas-sajd u ta’ l-akwakultura kif ukoll ta’ l-ipproċessar u tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tagħhom (ĠU L 346, p. 1):
"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ta’ aġġustament ta’ l-isforzi tas-sajd sabiex jintlaħqu għall-inqas l-għanijiet minimi tal-programmi ta’ orjentament multiannwali previsti fl-Artikolu 5.
Fejn ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ta’ rtirar definittiv jew ta’ limitazzjoni ta’ l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti.
2. Il-miżuri ta’ rtirar definittiv ta’ l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti jistgħu jinkludu b’mod partikolari:
– Id-demolizzjoni,
– it-trasferiment definittiv lejn pajjiż terz, sakemm dan it-trasferiment ma jiksirx id-dritt internazzjonali jew jaffettwa l-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi marini,
– l-assenjazzjoni definittiva, fl-ilmijiet tal-Komunità, għal finijiet oħra barra s-sajd, tal-bastiment in kwistjoni.
[…]
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-bastimenti kkonċernati minn dawn il-miżuri jitħassru mir-reġistri tal-bastimenti tas-sajd u mir-reġistru Komunitarju ta’ immatrikulazzjoni tal-bastimenti tas-sajd. Huma għandhom jassiguraw ukoll li l-bastimenti mħassra jiġu esklużi definittivament mill-eżerċizzju tas-sajd fl-ilmijiet tal-Komunità." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 3699/93 jgħid:
"L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri sabiex jippromwovu r-riorientament ta’ l-attivitajiet tas-sajd, billi jħeġġu l-holqien ta’ assoċjazzjonijiet temporanji ta’ impriżi u/jew ta’ kumpanniji konġunti."
12 Ir-Regolament Nru 3699/93 ġie rrevokat bl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2468/98, tat-3 ta’ Novembru 1998, li jiddefinixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ l-għajnuna Komunitarja bi skop strutturali fis-settur tas-sajd u ta’ l-akwakultura kif ukoll għall-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tagħhom (ĠU L 312, p. 19), li fihom l-Artikoli 8(1) u (2) kif ukoll (9) paragrafu 1, huma fformulati bi kliem identiċi għal dawk tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 3699/93.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
13 L-Artikolu 4 tar-Regolament jikkonċerna l-liċenzji tas-sajd, tas-27 ta’ Diċembru 1984 (Nederlandse Staatscourant 1984, Nru 253, iktar ‘il quddiem ir-"regolament nazzjonali fuq il-liċenzji tas-sajd"), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża, jgħid:
"1. Mill-1 ta’ Jannar 1995, huwa pprojbit għal bastiment tas-sajd, mingħajr liċenzja tas-sajd, li jkollu abbord, li jittrasborda jew li jniżżel l-ispeċi ta’ ħut indikati fl-anness.
[…]
4. Il-liċenzja tas-sajd prevista fil-paragrafu 1 għandha tinżamm abbord tal-bastiment tas-sajd; hija tiiskadi malli s-sajd ma jitwettaqx iktar bil-bastiment tas-sajd in kwistjoni."
Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża
14 Fil-kuntest tal-ftehim dwar is-sajd, il-bastimenti Wiron III u Wiron IV, li jtajru l-bandiera Olandiża u li huma rreġistrati fl-Olanda, ġew ittrasferiti fl-Arġentina fix-xahar ta’ Lulju tas-sena 1996. Dan it-trasferiment seħħ fl-okkażjoni tat-twaqqif ta’ impriża konġunta, li tgħaqqad sidien Komunitarji u Arġentini tal-bastimenti, li lilhom il-Komunità tat għajnuna. Il-bastimenti tneħħew mir-reġistru Olandiż ta’ immatrikulazzjoni tal-bastimenti tas-sajd (iktar ‘il quddiem ir-"reġistru Olandiż") u ġew irreġistrati fir-reġistru Arġentin.
15 Il-Kummissjoni kkonstatat li l-liċenzji tas-sajd li jirreferu għall-bastimenti Wiron III u Wiron IV kienu ġew użati għal bastimenti oħra.
16 Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ April 2001, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ l-Olanda li l-użu mill-ġdid tal-liċenzji tas-sajd kien imur kontra l-obbligu li tirrevokahom għall-bastimenti li kienu s-suġġett ta’ miżura ta’ rtirar definittiv li taqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93. Barra minn hekk, din l-ittra intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nuqqas allegat skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 226 KE.
17 Fir-risposta tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2001 għall-imsemmija ittra, ir-Renju ta’ l-Olanda kkontesta din l-analiżi u qies li huwa kien osserva l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju.
18 Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti użati f’din ir-risposta, fis-16 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju ta’ l-Olanda, li fiha, minn naħa, hija reġgħet sostniet l-argumenti żviluppati fl-ittra tagħha ta’ intimazzjoni u, min-naħa l-oħra, stiednet li dan l-Istat Membru sabiex jindika, f’terminu ta’ xaharejn minn meta jirċievi l-opinjoni motivata, il-miżuri li huwa kien qed jipproponi li jieħu sabiex itemm in-nuqqas ikkontestat.
19 Fir-risposta tiegħu tas-27 ta’ Marzu 2003 għall-imsemmija opinjoni motivata, ir-Renju ta’ l-Olanda sostna li huwa kien issodisfa totalment l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u li, fit-trasferiment tal-bastimenti Wiron III u Wiron IV fl-Arġentina, ma kienx marbut li jirrevoka l-liċenzji tas-sajd li jirreferu għalihom.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
21 Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93, li jgħid li l-Istat Membru tal-bandiera għandu jirrevoka l-liċenzji tas-sajd tal-bastimenti li huma s-suġġett ta’ miżura ta’ rtirar definittiv.
22 Il-Kummissjoni ssostni li dan l-obbligu ta’ rtirar tal-liċenzji tas-sajd għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kapaċità tas-sajd meħlusa minn revoka bħal din ma tistax terġa tintuża sabiex jinħarġu liċenzji ġodda għall-bastimenti oħra, peress li użu mill-ġdid bħal dan imur kontra l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 3699/93, li jgħid lil l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu l-miżuri ta’ aġġustament ta’ l-isforzi tas-sajd sabiex jintlaħqu għall-inqas l-għanijiet tal-programmi ta’ orjentament multiannwali. Jekk il-Komunità tawtorizza użu mill-ġdid bħal dan tal-liċenzji għall-bastimenti ttrasferiti permanentement lejn Stat terz, l-għan tat-tnaqqis tal-flotta tas-sajd ma jintlaħaqx.
23 Ma jistax ikun mod ieħor anke jekk it-trasferiment definittiv iseħħ fil-kuntest tat-twaqqif ta’ impriża konġunta. Dan it-trasferiment, espressament previst fit-tielet inċiż, punt 1.2, a) ta’ l-Anness III tar-Regolament Nru 3699/93, fil-fatt jammonta għal waħda mill-possibiltajiet ta’ trasferiment tal-bastimenti lejn Stat terz.
24 Min-naħa l-oħra, skond il-Kummissjoni, it-trasferiment definittiv fl-Arġentina taż-żewġ bastimenti in kwistjoni, fil-kuntest tat-twaqqif ta’ impriża konġunta, tammonta għal miżura li għaliha huma applikabbli r-regoli tal-politika strutturali Komunitarja. Id-distinzjoni magħmula mir-Renju ta’ l-Olanda bejn it-trasferiment definittiv lejn stat terz skond ir-Regolament Nru 3699/93 u dak li jseħħ fil-kuntest tal-ftehim dwar is-sajd huwa b’hekk bla bażi. Fil-fatt, dan l-approċċ imur kontra r-Regolament Nru 3699/93 ta’ l-imsemmi ftehim dwar is-sajd u għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 1996, li kkonċediet għajnuna finanzjarja tal-Komunità lis-sidien ikkonċernati (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 1996"), kif ukoll għat-tip ta’ trasferiment in kwistjoni. L-analiżi tal-Kummissjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (sentenza tat-3 ta’ April 2003, Vieira et vs Il-Kummissjoni, T‑44/01, T‑119/01 u T‑126/01, Ġabra p. II‑1209).
25 L-implementazzjoni tal-programmi ta’ orjentament multiannwali għall-flotot tas-sajd jieħdu bosta forom. L-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 3699/93 jippruvaw it-tnejn iwettqu din l-implementazzjoni permezz ta’ trasferiment definittiv tal-bastimenti tas-sajd lejn Stat terz (Artikolu 8) jew permezz tat-twaqqif ta’ impriża konġunta (Artikolu 9) u b’hekk, skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 5 ta’ l-istess Regolament, għat-twettiq ta’ numru ta’ għanijiet li jippermettu li jiġu orjentati l-isforzi tas-sajd. Madankollu, skond it-tielet inċiż tal-punt 1.2, a) ta’ l-Anness III tar-Regolament Nru 3699/93, l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lil impriżi konġunti prevista fl-Artikolu 9 ta’ l-imsemmi regolament hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-azzjoni jkollha magħha trasferiment definittiv tal-bastiment lejn Stat terz ikkonċernat. Jirriżulta li l-miżura prevista fl-imsemmi Artikolu 9 hija inseparabbli minn miżura konkomitanti, jiġifieri t-trasferiment definittiv ta’ bastiment lejn Stat terz, sabiex jitnaqqsu l-attivitajiet tas-sajd.
26 Ir-Renju ta’ l-Olanda jsostni li l-Kummissjoni qed jagħti interpretazzjoni wiesgħa’ ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93. Fil-fatt, dan l-Artikolu ma jippreċiżax il-kundizzjonijiet li bihom ikun possibbli li jinħarġu l-liċenzji tas-sajd ġodda.
27 Minnbarra dan, iż-żewġ bastimenti in kwistjoni kienu tneħħew mir-reġistri Komunitarji u Olandiżi wara t-trasferiment tagħhom fl-Arġentina fil-kuntest tal-ftehim dwar is-sajd. Skond l-Artikolu 4(4) tar-regolament nazzjonali dwar il-liċenzji tas-sajd, il-liċenzji ta’ dawn il-bastimenti kienu jkunu nulli awtomatikament, u mhux wara t-tneħħija tagħhom, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Artikolu 5.
28 Minbarra dan, ir-Regolament Nru 3690/93 mhuwiex applikabbli għat-trasferiment tal-bastimenti in kwistjoni fir-rikors preżenti. Fil-fatt, dan it-trasferiment jitwettaq fil-kuntest tal-ftehim dwar is-sajd u mhux għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni tal-program ta’ orjentament multiannwali previst fit-titolu II tar-Regolament Nru 3699/93. L-għajnuna finanzjarja mogħtija matul it-trasferiment tagħhom jiġi ffinanzjata mhux minn strument finanzjarju ta’ orjentament tas-sajd, iżda kollha kemm hi mill-Komunità. Iż-żewġ sistemi jvarjaw ukoll mill-perspettiva tal-proċedura implementata. Fil-kuntest tal-ftehim dwar is-sajd, l-approvazzjoni tal-proġetti ta’ twaqqif ta’ impriża konġunta u ż-żamma tagħhom kienu jiddependu minn kummissjoni konġunta, filwaqt li, fir-rigward ta’ l-imsemmi regolament, din il-proċedura taqa’ fuq il-Kummissjoni u fuq l-Istati Membri. Fl-aħħar nett, il-motivi tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 1996 jirreferu biss għall-Artikolu 7(1) tal-ftehim dwar is-sajd kif ukoll għar-Regolament Nru 3447/93.
29 Fi kwalunkwe każ, anki jekk ir-Regolament Nru 3690/93 kellu jitqies li huwa applikabbli għat-trasferiment fl-Arġentina tal-bastimenti Wiron III u Wiron IV, dan ikun trasferiment skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 3699/93, li seħħ fil-kuntest tat-twaqqif ta’ impriża konġunta, u mhux skond l-Artikolu 8 ta’ dan l-istess regolament, dispożizzjoni li tipprevedi trasferiment definittiv. B’hekk ma tkunx teżisti projbizzjoni li tiġi użata l-kapaċità tas-sajd meħlusa fir-reġistru Olandiż sabiex jinħarġu liċenzji lil bastimenti oħra. Fil-fatt, dawn iż-żewġ Artikoli jipprovdu żewġ azzjonijiet separati u huma bbażati fuq żewġ sistemi ta’ għajnuna differenti. L-Artikolu 8 jirrigwarda l-"aġġustament ta’ l-isforzi tas-sajd", filwaqt li l-Artikolu 9 jipprovdi għar-"riorjentament ta’ l-attivitajiet tas-sajd". It-trasferiment ta’ bastiment, li seħħ fil-kuntest ta’ dan l-aħħar imsemmi artikolu, jista’ mingħajr dubju jseħħ fl-istess waqt ma’ aġġustament ta’ l-isforzi tas-sajd, iżda konkomittanza bħal din ma tkunx neċessarja.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
30 Preliminarjament, jeħtieġ li jingħad li, f’dan il-każ, huwa stabbilit li l-bastimenti Wiron III u Wiron IV kienu mniżżla fir-reġistru ta’ immatrikulazzjoni Arġentin u li, konsegwentement, huma ġew ittrasferiti permanentement fl-Arġentina.
31 L-ilment invokat mill-Kummissjoni fit-talbiet tar-rikors tagħha, kif imsemmija fil-punt 1 tas-sentenza preżenti, huwa intiż li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma rtirax il-liċenzji tas-sajd relatati ma’ l-imsemmija bastimenti wara t-trasferiment definittiv ta’ dawn l-aħħar fl-Arġentina, ir-Renju ta’ l-Olanda naqas mill-obbligi li jaqgħu fuqu skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93.
32 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar, skond id-dispozizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93, li meta bastiment tas-sajd ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ rtirar definittiv, il-liċenzja li tirreferi għal dan il-bastiment tiġi rtirata.
33 Għaldaqstant, qabel ma jiġi eżaminat il-mertu ta’ l-ilment invokat mill-Kummissjoni, tqajmu kwistjonijiet preliminari dwar, fl-ewwel lok, fiex tikkonsisti eżattament miżura ta’ rtirar definittiv ta’ bastiment tas-sajd u, fit-tieni lok, jekk it-trasferiment definittiv ta’ bastiment bħal dan fl-Arġentina, fil-kuntest tat-twaqqif ta’ impriża konġunta, tistax tiġi mqabbla ma’ miżura ta’ rtirar definittiv skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93.
Fuq il-miżuri ta’ rtirar definittiv
34 Għal dak li jirrigwarda l-kunċett tal-"miżura ta’ rtirar definittiv", huwa stabbilit li la l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 u lanqas huwa kollu kemm hu ma jagħti informazzjoni fuq id-definizzjoni ta’ kunċett bħal dan. Min-naħa l-oħra, dan huwa ddefinit fir-Regolament Nru 3699/93 u, aktar preċiżament, fl-Artikolu 8(2) tiegħu, dispożizzjoni li tgħid li l-miżuri ta’ rtirar definittiv ta’ l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti jistgħu b’mod partikolari jinkludu d-demolizzjoni, it-trasferiment definittiv lejn Stat terz, sa fejn dan it-trasferiment ma jkunx jista’ jmur kontra d-dritt internazzjonali kif ukoll il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi marini, u l-assenjazzjoni definittiva, fl-ilmijiet tal-Komunità, għal finijiet oħra barra s-sajd.
35 Ir-Regolamenti Nri 3690/93 u 3699/93 ivarjaw ħafna kemm fil-għan tagħhom kif ukoll fil-finalità tagħhom. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 3690/93, kif jirriżulta aktar speċifikament mit-tielet premessa tiegħu, jistabbilixxi r-regoli għat-tagħrif minimu li għandu jiġi inkluż fil-liċenzji tas-sajd, filwaqt li r-Regolament Nru 3699/93 jiddefinixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet għal għajnuna Komunitarja bi skop strutturali fis-settur tas-sajd u ta’ l-akwakultura.
36 Madankollu, anki jekk l-għanijiet finali ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma differenti, xejn ma jwassal li jiġi konkluż li d-definizzjoni tal-kunċett tal-"miżura ta’ rtirar definittiv" hija limitat esklużivament għar-Regolament Nru 3699/93 u li din id-definizzjoni ma tistax tintuża fil-kuntest ta’ strumenti oħra tad-dritt derivat relattiv għall-qasam tal-politika tas-sajd.
37 Ir-Regolament Nru 3699/93, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ miżura ta’ rtirar definittiv barra minn hekk ġie adottat wara r-Regolament Nru 3690/93. B'hekk, kif jirriżulta mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta' r-Regolament Nru 3699/93, u b’mod partikolari mill-verżjoni Spanjola, Franċiża u Taljana, il-leġiżlatur komunitarju b'hekk, b'għarfien sħiħ tal-kawża għażel l-istess espressjoni bħal dik li diġà tidher fir-Regolament Nru 3690/93.
38 Konsegwentement, xejn ma jżomm li d-definizzjoni ta’ l-imsemmi kunċett, anki meta din tirriżulta mir-Regolament Nru 3699/93, tkun jista’ jintuża fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 dwar rtirar temporanju jew definittiv tal-liċenzji tas-sajd.
39 Fost il-"miżuri ta’ rtirar definittiv" differenti ta’ l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti elenkati fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 3699/93, jidher b’mod partikolari t-"trasferiment definittiv lejn pajjiż terz". Issa, f’dan il-każ partikolari, it-trasferiment tal-bastimenti tas-sajd Wiron III u Wiron IV sar lejn "pajjiż terz", jiġifieri, ir-Repubblika Arġentina.
40 Ir-Renju ta’ l-Olanda jsostni madankollu li t-trasferiment ta’ l-imsemmija bastimenti fl-Arġentina seħħ fil-kuntest tal-ftehim dwar is-sajd. Dan ifisser li dan it-trasferiment ma jistax jiġi mqabbel ma’ miżura ta’ rtirar definittiv ta’ l-attivitajiet tas-sajd skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 3699/93. Dan l-argument irid madankollu jiġi miċħud.
41 Il-kliem ta’ l-imsemmi Artikolu 8(2) bl-ebda mod ma jipprojbixxi li l-kunċett ta’ "miżura ta’ rtirar definittiv" jista’ jiġi applikat għat-trasferiment definittiv tal-bastimenti fuq il-bażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn il-Komunità u Stat terz. Kuntrarjament, l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel speċifikament riferiment, fit-tieni inċiż tiegħu, għar-rispett tad-dritt internazzjonali u, konsegwentement, tal-ftehim internazzjonali.
42 Il-ftehim dwar is-sajd, f'dan ir-rigward, bl-ebda mod ma jipprojbixxi li trasferiment tal-bastimenti tas-sajd li seħħ skond id-dispożizzjonijiet tiegħu jiġi kklassifikat bħala "miżura ta’ rtirar definittiv" ta’ l-attivitajiet tas-sajd skond id-dritt Komunitarju.
43 Jirriżulta li t-trasferiment definittiv tal-bastimenti tas-sajd lejn Stat terz, li seħħ skond ftehim internazzjonali, jammonta għal wieħed mill-miżuri ta’ rtirar definittiv ta’ l-attivitajiet tas-sajd kif ipprovdut fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 3699/93. Konsegwentement, f’dan il-każ, it-trasferiment definittiv tal-bastimenti Wiron III u Wiron IV fl-Arġentina jrid jitqies li huwa "miżura ta’ rtirar definittiv" ta’ l-attivitajiet tas-sajd skond id-definizzjoni mogħtija għal miżura bħal din mid-dritt Komunitarju.
44 F’dan ir-rigward, il-fatt li trasferiment bħal dan seħħ fil-kuntest tat-twaqqif ta’ impriża konġunta hija nieqsa minn rilevanza. Dik iċ-ċirkustanza, prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 3699/93, hija mingħajr rilevanza għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 3690/93.
Fuq l-irtirar tal-liċenzji tas-sajd
45 Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-liċenzja tas-sajd tal-bastimenti Wiron III u Wiron IV, li t-tnejn ġew ittrasferiti definittivament fl-Arġentina, ġietx irtirata mill-awtoritajiet kompetenti Olandiżi.
46 Ir-Renju ta’ l-Olanda jsostni li, wara t-trasferiment tagħhom fil-kuntest tal-ftehim dwar is-sajd, l-imsemmija bastimenti tneħħew mir-reġistru tal-bastimenti Komunitarju u Olandiż u li, skond l-Artikolu 4(4) tar-regolament nazzjonali dwar il-liċenzji tas-sajd, l-imsemmija liċenzji saru awtomatikament nulli, li huwa ekwivalenti għall-irtirar tagħhom.
47 Il-Kummissjoni ma tikkontestax li n-nullità tal-liċenzji tas-sajd relatati mal-bastimenti Wiron III u Wiron IV, li seħħet fuq il-bażi ta’ l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali, tista’ tiġi kkwalifikata bħala rtirar. Madankollu, hija tikkonstata li l-kapaċità tas-sajd meħlus permezz tat-trasferiment ta’ dawn il-bastimenti kien riutilizzabbli għal bastimenti oħra.
48 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-imsemmi argument ta’ difiża huwa element ġdid peress li, fil-fażi prekontenzjuża, ir-Renju ta’ l-Olanda ma invokax l-Artikolu 4(4) tar-regolament nazzjonali dwar il-liċenzji tas-sajd u lanqas l-irtirar ta’ l-uffiċċju tal-liċenzji relatati ma’ l-imsemmija bastimenti minħabba n-nullità tagħhom. Għall-kuntrarju, dak l-Istat Membru kien esprima opinjoni oħra meta sostna li ma kienx neċessarju li jirtira l-liċenzji tas-sajd fil-każ tat-trasferiment definittiv tal-bastimenti lejn Stat terz.
49 Fir-rigward ta’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-imsemmi argument tad-difiża, huwa suffiċjenti li jingħad li għan bħal dan li ma jirċevix imur kontra l-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża tammonta għal garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat KE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-Istat Membru in kwistjoni, iżda wkoll sabiex tiġi assigurata li l-proċedura kontenzjuża eventwali jkollha bħala suġġett kawża definita ċarament (ara d-digriet tal-11 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑266/94, Ġabra p. I‑1975, punt 17). B’hekk, peress li l-għan ġie ddefinit, l-Istat Membru għandu d-dritt li jinvoka l-argumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jassigura d-difiża tiegħu. Minbarra dan, l-ebda regola tal-proċedura ma tobbliga lill-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta, sa mill-istadju ta’ proċedura prekontenzjuża, l-argumenti kollha tad-difiża tagħha fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑414/97, Ġabra p. I-5585, punt 19).
Fuq l-attribuzzjoni tal-liċenzji ġodda tas-sajd
50 Jeħtieġ li jingħad li l-Kummissjoni ssostni li jirrizulta mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 li, fil-każ ta’ trasferiment definittiv tal-bastimenti lejn Stat terz, l-Istat Membru m’għandux biss jirtira l-liċenzji relatati mal-bastimenti b’hekk ittrasferuti, iżda jrid jastjeni milli juża l-kapaċità tas-sajd b’hekk meħlusa fir-reġistru nazzjonali ta’ immatrikulazzjoni sabiex jinħarġu liċenzji ġodda. Fil-fatt, użu bħal dan imur kontra l-għanijiet ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3699/93, dispożizzjoni li taqa’ fil-kuntest tal-politika Komunitarja ta’ riforma tal-flotta Komunitarja. Dan l-argument għandu madankollu jiġi miċħud.
51 Fil-fatt, jeħtieġ li jingħad li l-kliem ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 ma jipprojbixxix, fih innifsu, l-użu tal-kapaċità tas-sajd meħlusa permezz tat-trasferiment tal-bastimenti lejn Stat terz sabiex toħroġ liċenzji ġodda, dan l-Artikolu jipprovdi biss l-obbligu għall-Istat Membru tal-bandiera li jirtira l-liċenzji tas-sajd relatati mal-bastimenti li huma s-suġġett ta’ miżura ta’ rtirar definittiv. Madankollu, jirriżulta minn dak li ntqal iktar ‘il fuq li l-obbligu ta’ rtirar tal-liċenzji tas-sajd ġie osservat mir-Renju ta’ l-Olanda.
52 Fir-rigward ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3699/93, huwa suffiċjenti li jiġi kkostatat li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93, li huwa l-unika dispożizzjoni msemmija fit-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma tagħmel riferiment għalih. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 8 jipprovdi b’mod partikolari li dawn jistgħu jinkludu l-mizuri ta’ rtirar definittiv ta’ l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti u jimponu li l-bastimenti mħassra jiġu esklużi mill-eżerċizzju tas-sajd fl-ilmijiet tal-Komunità. Madankollu, ma jirriżultax mit-test ta’ din id-dispożizzjoni li l-kapaċità tas-sajd meħlusa fir-reġistru nazzjonali tal-bastimenti tas-sajd permezz ta’ trasferiment definittiv tal-bastimenti lejn l-Istati terzi tista’ tintuża sabiex jinħarġu liċenzji ġodda tas-sajd.
53 Anki jekk wieħed jaċċetta li, fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, li taġixxi kontra r-Renju ta’ l-Olanda abbażi tas-sistema ta’ l-għoti tal-liċenzji ġodda tas-sajd, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa stabbilit li l-ksur ta’ dispożizzjonijiet bħal dawn mhux is-suġġett tan-nuqqas ikkontestat (ara s-senenzi ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-6/04, Ġabra p. I-9017, punti 58 u 60; tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-255/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).
54 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq li l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 mhuwiex fondat.
55 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċhud ir-rikors ippreżentat kontra l-Kummissjoni.
Fuq l-ispejjeż
56 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju ta’ l-Olanda.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.
Firem
1* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy