SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
30 ta' Marzu 2006 (*)
"Direttiva 69/335 – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Sistema nazzjonali li tipprevedi impożizzjoni, meta jkun hemm amalgamazzjoni msejħa "bl-invers", ta' dazju proporzjonali ta' reġistrazzjoni ta' 1 % miġbur fuq il-valur ta' tali operazzjoni – Kwalifikazzjoni bħala dazju kapitali – Żieda tal-kapital tal-kumpannija – Żieda fl-assi tal-kumpannija – Żieda fil-valur ta' l-ishma tal-kumpannija – Servizzi mogħtija minn soċju – Deċiżjoni ta' amalgamazzjoni meħuda mis-soċji tas-soċju"
Fil-kawża C-46/04
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte Suprema di Cassazione (l-Italja), permezz ta' Deċiżjoni tat-6 ta' Novembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Frar 2004, fil-proċedura
Aro Tubi Trafilerie SpA
vs
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues, u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-procedura bil-miktub
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għall-Aro Tubi Trafilerie SpA, minn. G. Bianco, avvocato,
– għall-Gvern Taljan, minn M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Bellis, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u M. Velardo, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Mejju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari essenzjalment tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 4, 7 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta' Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 249, p. 25), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 73/80/KEE tad-9 ta' April 1973, li tistabbilixxi rati komuni tad-dazji kapitali (ĠU L 103, p.15), u mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE ta' l-10 ta’ Ġunju 1985 li temenda d-Direttiva 69/335/KEE rigward taxxi indiretti fuq il-ġbir ta’ kapital (ĠU L 156, p. 23, iktar 'il quddiem "id-Direttiva 69/335").
2 Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Aro Tubi Trafilerie SpA (iktar 'il quddiem "Aro Trubi", bħala "kumpannija li takkwista") u l-Ministero dell'Economia e delle Finanze dwar dazji ta' reġistrazzjoni imposti fir-rigward ta' amalgamazzjoni doppja li permezz tagħha Aro Tubi akkwistat żewġ kumpanniji, jiġifieri, minn naħa, il-kumpannija sussidjarja tagħha, Aro Tubi Estrusi e Profilati SpA (iktar 'il quddiem "Aro Tubi Estrusi", bħala "kumpannija li ser tiġi akkwistata") u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija prinċipali tagħha, Fratelli Gaggini SpA (iktar il-quddiem "Fratelli Gaggini", bħala "kumpannija li ser tiġi akkwistata").
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni komunitarja
3 Kif jirriżulta mill-ewwel u t-tieni premessa tad-Direttiva 69/335 din tfittex li tippromwovi l-moviment ħieles tal-kapital, ħelsien fundamentali ikkunsidrat essenzjali għall-ħolqien ta' suq intern. Għal din ir-raġuni, hija tfittex li tneħħi l-ostakoli fiskali fil-qasam tal-ġbir tal-kapital, fosthom, b'mod partikolari, il-kontribuzzjonijiet ta' kapital lill-kumpanniji.
4 Għalhekk, l-Artikoli 1 sa' 9 tad-Direttiva 69/335 jipprovdu għall-impożizzjoni ta' dazju armonizzat fuq il-kontribuzzjonijiet ta' kapital lil kumpanniji (iktar 'il quddiem "dazju kapitali").
5 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/335 jistabbilixxi l-lista ta' operazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jew għandhom, skond il-każ, jissuġġettaw għad-dazju kapitali (iktar 'il quddiem il-"kontribuzzjonijiet ta' kapital lil kumpanniji").
6 B'hekk l-Artikolu 4(1)(c) ta' din id-Direttiva jiddisponi li l-Istati Membri għandhom jissuġġettaw għal dazju kapitali ż-"żieda fil-kapital ta' kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta' assi ta' kull tip".
7 Skond il-paragrafu 2(b) ta' l-Artikolu 4 ta' din l-istess Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw għal dazju kapitali "żieda fl-assi ta' kumpannija kapitali permezz tal-provvista ta' servizzi minn [soċju] li ma tinvolvix żieda fil-kapital tal-kumpannija, imma li tirriżulta f'varjazzjoni fid-drittijiet fil-kumpannija jew li tista' żżid il-valur ta' l-ishma tal-kumpannija".
8 L-Artikolu 7 tad-Direttiva 69/335 jistabbilixxi r-rata ta' dazju kapitali.
9 F'dak li jirrigwarda l-amalgamazzjonijiet, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 fl-ewwel verżjoni tiegħu kien jipprovdi li f'ċerti ċirkustanzi jkun hemm rata mnaqqsa:
"Sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu addottati mill-Kunsill skond il-paragrafu 2:
[…]
b) din ir-rata għandha tiġi mnaqqsa b' 50 % jew aktar meta kumpannija kapitali waħda jew aktar jittrasferixxu l-assi u r-responsabbiltajiet kollha, jew parti waħda jew iktar tan-negozju tagħhom lil kumpannija kapitali waħda jew iktar li huma fil-proċess li jiġu ffurmati jew li diġà jeżistu.
Dan it-tnaqqis għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li:
– il-konsiderazzjoni għall-kontribuzzjonijiet għandha tikkonsisti esklussivament mill-allokazzjoni ta' ishma, […],
– il-kumpanniji li jiehdu parti fl-operazzjoni jkollhom iċ-ċentru effettiv tagħhom ta' amministrazzjoni jew l-uffiċċju reġistrat tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru;
[…]".
10 Ir-rata hekk stabbilita ġiet emendata darbtejn.
11 L-ewwel nett, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 73/80 kien jipprovdi li "r-rata ridotta prevista fl-Artikolu 7(1)(b) […] tad-Direttiva Ġ69/335] tiġi stabbilita minn 0 % sa' 0.5 % sa' mill-1 ta' Jannar 1976". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
12 Wara dan, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/303, li kien applikabbli fl-1 ta' Jannar 1986, kien jipprovdi li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 jiġi ssostitwit bit-test li ġej:
"L-Istati Membri għandhom jeżentaw mid-dazju kapitali transazzjonijiet, barra dawk li għalihom saret referenza fl-Artikolu 9, li huma sal-1 ta' Lulju 1984, eżenti jew intaxxati b'kull rata ta' 0,50 % jew inqas.
L-eżenzjoni għandha tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li kienu applikabbli, f'dik id-data, għall-għoti ta' l-eżenzjoni jew, skond kif inhu l-każ, għal imposizzjoni ta' rata ta' 0,50 % jew inqas.
[…]"
13 Għaldaqstant, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, issa, wara l-imsemmija emendi, jipprovdi li jkun hemm eżenzjoni minn dazju kapitali jekk jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li i) il-kontribuzzjoni ta' l-assi kollha ta' kumpannija kapitali, jew ta' fergħa jew iktar mill-attivitajiet tagħha, lil kumpannija kapitali waħda jew iktar li diġà jeżistu jew li għad iridu jiġu mwaqqfa; ii) il-ħlas ikun jikkonsisti esklużivament f'ishma, u iii) il-kumpanniji li jieħdu parti fl-operazzjoni jkollhom iċ-ċentru effettiv tagħhom ta' amministrazzjoni jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru. Għaldaqstant, għal dawn l-amalgamazzjonijiet, ir-rata ta' dazji kapitali ġiet, matul is-snin, imnaqqsa għal-żero.
14 Barra minn dan, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335, moqri fid-dawl ta' l-aħħar premessa tagħha, jipprovdi għat-tneħħija ta' taxxi li għandhom l-istess karatteristiċi tad-dazju kapitali (iktar 'il quddiem "it-taxxi li jixbhu d-dazju kapitali").
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
15 Skond l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 131/1986, tas-26 ta' April 1986 (supplement ordinarju tal-GURI Nru 99 tat-30 ta' April 1986), fil-verżjoni tiegħu li kienet applikabbli meta seħħu l-fatti, "id-dazju ta' reġistrazzjoni japplika […] għal atti suġġetti għar-reġistrazzjoni obbligatorja u għal dawk ir-reġistrazzjonijiet ippreżentati volontarjament".
16 Skond l-Artikolu 2(a) tad-Digriet Nru 131/1986, l-atti indikati fl-iskala annessa, jekk dawn ġew ikkostitwiti bil-miktub fuq it-territorju ta' l-Istat, huma suġġetti għar-reġistrazzjoni, skond l-Artikoli li ġejjin,
17 F'dan ir-rigward, l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 4(b) ta' l-ewwel parti ta' l-imsemmija skala jipprovdi li l-amalgamazzjonijiet bejn kumpanniji huma suġġetti għal dazju proporzjonali ta' reġistrazzjoni ta' 1%.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
18 Aro Tubi hija kumpannija Taljana b'responsabbiltà limitata li kellha l-ishma kollha tagħha miżmuma minn Fratelli Gaggini, kumpannija Taljana oħra b'responsabbiltà limitata. Aro Tubi, min-naħa tagħha, kellha l-ishma kollha ta' kumpannija Taljana oħra b'responsabbiltà limitata, Aro Tubi Estrusi.
19 Permezz ta' att tad-19 ta' Diċembru 1995, Aro Tubi akkwistat, permezz ta' amalgamazzjoni, il-kumpannija sussidjarja tagħha, Aro Tubi Estrusi ( amalgamazzjoni msejħa "improprja").
20 Permezz ta' dan l-istess att, Aro Tubi akkwistat ukoll il-kumpannija prinċipali tagħha, Fratelli Gaggini (amalgamazzjoni msejħa "bl-invers". B'hekk Aro Tubi akkwistat l-assi tal-kumpannija Fratelli Gaggini, li kienu jinkludu, b'mod partikolari, proprjetà immobbli, privattivi u trade marks. Bħala kunsiderazzjoni ta' dan, l-azzjonisti ta' Fratelli Gaggini rċevew l-ishma kollha ta' Aro Tubi.
21 Għal dawn iż-żewġ amalgamazzjonijiet, Aro Tubi kellha tħallas, fit-2 ta' Jannar 1996, dazji ta' reġistrazzjoni li jammontaw għal 1% ta' l-assi taż-żewġ kumpanniji li akkwistat, Aro Tubi Estrusi u Fratelli Gaggini, jiġifieri total ta' LIT 54,761,000.
22 B'rikors tad-29 ta' Lulju 1996, Aro Tubi talbet lill-Ufficio Atti Pubblici di Milano jirrifondi d-dazji ta' reġistrazzjoni mħallsa. Wara li l-awtoritajiet fiskali taċitament ċaħdu r-rikors tagħha, Aro Tubi ressqet rikors li permezz tiegħu kkontestat il-fondatezza ta' din it-taxxa. Dan ir-rikors ġie l-ewwel milqugħ mill-Commissione Tributaria Provinciale di Milano, iżda wara ġie miċħud mill-Commissione Tributaria Regionale della Lombardia wara appell mill-Amministrazione Finanziaria dello Stato. Aro Tubi għalhekk ressqet appell quddiem il-Corte suprema di cassazione kontra din id-deċiżjoni ta' l-appell.
23 Peress li kellha dubji fuq il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tas-sistema Taljana li kienet timponi dazju ta' reġistrazzjoni meta jkun hemm amalgamazzjoni msejħa "bl-invers", jiġifieri amalgamazzjoni permezz ta' akkwist meta l-ishma kollha tal-kumpannija li takkwista jkunu miżmuma mill-kumpannija akkwistata, il-Corte Suprema di Cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċedura fil-kawża li kellha quddiema u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-direttiva 69/335 tipprekludix tali sistema.
Fuq id-domanda preliminari
24 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti ta' rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-Direttiva 69/335 tipprekludix l-impożizzjoni, meta jkun hemm amalgamazzjoni msejħa "bl-invers", jiġifieri amalgamazzjoni permezz ta' akkwist meta l-ishma kollha tal-kumpannija li takkwista jkunu miżmuma mill-kumpannija akkwistata, ta' dazju proporzjonali ta' reġistrazzjoni ta' 1 % fuq il-valur ta' tali operazzjoni.
25 F'dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, preliminarjament, jekk id-dazju ta' reġistrazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandux il-karatteristiċi ta' "dazju kapitali" fis-sens ta' l-artikoli 1 sa' 9 tad-Direttiva 69/335, jew jekk għandux jiġi meqjus bħala "taxxa li tixbah id-dazju kapitali" fis-sens ta' l-Artikolu 10 ta' l-imsemmija Direttiva.
26 F'dan ir-rigward, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkwalifika impożizzjoni, taxxa, dazju jew ġbir fid-dawl tad-dritt Komunitarju skond il-karatteristiċi oġġettivi tat-taxxa, indipendentement mill-kwalifika li din ingħatat mid-dritt nazzjonali (ara s-sentenza tat-13 ta' Frar 1996, Bautiaa u Société française maritime, C-197/94 u C-252/94, Ġabra p. I-505, punt 39).
27 F'dak li jirrigwarda, f'dan il-każ, dazju proporzjonali ta' 1 % miġbur fuq il-valur tal-kontribuzzjonijiet ta' kapital lil kumpannija, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li joħloq dan id-dazju jinsab fil-kontribuzzjoni ta' kapital stess u mhux f'xi operazzjoni jew formalità preliminari, għalhekk, għall-finijiet tad-Direttiva 69/335, tali dazju għandu, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala "dazju kapitali" u mhux bħala "taxxa li tixbah id-dazju kapitali" (ara f'dan is-sens is-sentenza Bautiaa u Société française maritime, iċċitata iktar il-fuq, punt 40).
28 Għalhekk jidher li l-legalità tad-dazju in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta' l-Artikoli 1 sa' 9 tad-Direttiva 69/335.
29 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-operazzjonijiet li huma suġġetti jew li jistgħu jiġu suġġetti mill-Istati Membri għad-dazju kapitali huma ddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/335 (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Marzu 1993, Viessmann, C-280/91, Ġabra p. I-971, punt 12; Bautiaa u Société française maritime, iċċitata iktar il-fuq, punti 31 u 32, kif ukoll tas-27 ta' Ottubru 1998, Agas, C-152/97, Ġabra p. I-6553, punti 19 u 20).
30 L-operazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi amalgamazzjoni b'akkwist. Amalgamazzjoni bħal din tista', bħala prinċipju, tiġi analizzata kemm fid-dawl ta' l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 69/335 u kemm f'dak ta' l-Artikolu 4(2)(b) ta' din ta' l-aħħar.
31 Għalhekk, l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 69/335 jipprovdi għall-impożizzjoni ta' dazju kapitali skond iż-żieda fil-kapital tal-kumpannija kapitali permezz tal-kontribuzzjoni ta' assi ta' kull tip.
32 L-Artikolu 4(2)(b) ta' din l-istess Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jissuġġetaw għad-dazju kapitali ż-żieda fl-assi ta' kumpannija kapitali permezz ta' provvista ta' servizzi minn soċju li ma jżidx il-kapital tal-kumpannija, iżda li jista' jżid il-valur ta' l-ishma.
33 Issa, fil-paragun bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li "ż-żieda fil-kapital ta' kumpannija" skond l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 69/335 timplika żieda formali fil-kapital ta' kumpannija kemm permezz tal-ħruġ ta' ishma ġodda, kemm permezz taż-żieda fil-valur nominali ta' l-ishma li diġà jeżistu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta' Lulju 1982, Felicitas Rickmers-Linie, 270/81, Ġabra p. 2771, punt 15, u tat-12 ta' Jannar 2006, Senior Engineering Investments, C-494/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).
34 Min-naħa l-oħra, u safejn l-"assi ta' kumpannija" huma ddefiniti bħala l-assi kollha li s-soċji kkontribwew flimkien ma' kull żieda fil-valur li dawn jista' jkollhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta' Marzu 1990, Siegen, C-38-88, Ġabra p. I-1447, punt 12), iż-"żieda fl-assi ta' kumpannija" skond l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 69/335 tinkludi, bħala prinċipju, kull tip ta' żieda fil-patrimonju [assi netti] ta' kumpannija kapitali (sentenza Senior Engineering Investments, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat bħala "żieda fl-assi ta' kumpannija" skond din id-dispożizzjoni, per eżempju, it-trasferiment ta' profitti (ara s-sentenza tat-13 ta' Ottubru 1992, Weber Haus, C-49/91, Ġabra p. I-5207, punt 10), self mingħajr interessi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Settembru 2002, Norddeutsche Gesellschaft zur Beratung und Durchführung von Entsorgungsaufgaben bei Kernkraftwerken, C-392/00, Ġabra p. I-7397, punt 18), assunzjoni ta' telf (ara s-sentenza Siegen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13), u r-rinunzja għal kreditu (ara s-sentenza tal-5 ta' Frar 1991, Deltakabel, C-15/89, Ġabra p. I-241, punt 12).
35 Fil-kawża prinċipali, mhuwiex ikkontestat li l-amalgamazzjoni in kwistjoni ma tatx lok għal "żieda fl-assi tal-kumpannija" li takkwista (Aro Tubi). Din l-amalgamazzjoni għalhekk ma tistax taqa' taħt l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 69/335.
36 Din, madankollu, taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(2)(b) ta' l-imsemmija Direttiva.
37 Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-att ta' amalgamazzjoni jirriżulta li l-kumpannija li ser tiġi akkwistata (Fratelli Gaggini), minn naħa, ma kinitx midjuna u, min-naħa l-oħra, kellha, mhux biss ishma fil-kumpannija li takkwista (Aro Tubi), iżda wkoll elementi oħra ta' l-attiv, bħal, b'mod partikolari, proprjetà immobbli, privattivi u trade marks. Meta seħħet din l-amalgamazzjoni, dawn l-assi għaddew lill-kumpannija li takkwista (Aro Tubi). Għalhekk din l-amalgamazzjoni irriżultat fiż-"żieda ta' l-assi" tal-kumpannija li takkwista.
38 It-tieni nett, f'dak li jirrigwarda din iż-żieda ta' l-assi tal-kumpannija, l-amalgamazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali "setgħet iżżid il-valur ta' l-ishma" tal-kumpannija li takkwista (Aro Tubi). Wara din l-amalgamazzjoni l-ishma ta din ta' l-aħħar, de facto, żdiedu fil-valur.
39 It-tielet nett, l-amalgamazzjoni in kwistjoni tippreżenta ruħha bħala "provvista ta' servizz minn [soċju]" fis-sens ta' l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 69/335.
40 Minn dan isegwi li l-amalgamazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi kontribuzzjoni fil-kapital tal-kumpannija kif prevista mill-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 69/335 li tista', bħala prinċipju, tiġi suġġetta għad-dazju kapitali.
41 Madankollu, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 teżenta mid-dazju kapitali ċerti operazzjonijiet li, fl-1 ta' Lulju 1984, kienu intaxxati bir-rata ta' 0.5 % jew inqas.
42 Issa, mill-verżjonijiet preċedenti ta' din id-dispożizzjoni (deskritti fil-punti 9 u 11 ta' din is-sentenza) jirriżulta li, f'din l-aħħar data, jiġifieri l-1 ta' Lulju 1984, l-amalgamazzjonijiet kienu intaxxati bir-rata ta' minn 0 sa' 0.5 % jekk kienu jissodisfaw tliet kundizzjonijiet, jiġifieri i) il-kontribuzzjoni ta' l-assi kollha ta' kumpannija kapitali, jew ta' fergħa jew iktar mill-attivitajiet tagħha, lil kumpannija kapitali waħda jew iktar li diġa' jeżistu jew li għad iridu jiġu mwaqqfa; ii) il-ħlas ikun jikkonsisti esklużivament f'ishma, u iii) il-kumpanniji li jieħdu parti fl-operazzjoni jkollhom iċ-ċentru effettiv tagħhom ta' amministrazzjoni jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru.
43 F'dak li jirrigwarda l-amalgamazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-kumpannija kapitali Fratelli Gaggini tat il-patrimonju kollu tagħha lil kumpannija kapitali oħra li kienet diġà teżisti, Aro Tubi.
44 It-tieni nett, il-ħlas għal din il-kontribuzzjoni kien esklużivament l-għoti ta' ishma fil-kumpannija li takkwista (Aro Tubi). Fil-fatt, l-ishma tagħha li Aro Tubi kienet akkwistat bis-saħħa tal-patrimonju ta' Fratelli Gaggini, wara reġgħu għaddew lis-soċji ta' Fratelli Gaggini.
45 It-tielet nett, iż-żewġ kumpanniji kkonċernati, Aro Tubi u Fratelli Gaggini, it-tnejn li huma għandhom is-sede tagħhom fl-Italja.
46 Konsegwentement, l-amalgamazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa' taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335. Din hija għalhekk eżentata u ma jista' jiġi impost fuqha ebda dazju kapitali.
47 Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-Direttiva 69/335 ma tippermettix l-impożizzjoni, meta jkun hemm amalgamazzjoni msejħa "bl-invers", jiġifieri amalgamazzjoni permezz ta' akkwist meta l-ishma kollha tal-kumpannija li takkwista jkunu miżmuma mill-kumpannija akkwistata, ta' dazju proporzjonali ta' reġistrazzjoni ta' 1 % fuq il-valur ta' tali operazzjoni.
Fuq l-ispejjeż
48 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi
F'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta' Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 73/80/KEE tad-9 ta' April 1973, li tistabbilixxi rati komuni tad-dazji kapitali, u mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE ta' l-10 ta’ Ġunju 1985, ma tippermettix l-impożizzjoni, meta jkun hemm amalgamazzjoni "bl-invers", jiġifieri amalgamazzjoni permezz ta' akkwist meta l-ishma kollha tal-kumpannija li takkwista jkunu miżmuma mill-kumpannija akkwistata, ta' dazju proporzjonali ta' reġistrazzjoni ta' 1 % fuq il-valur ta' tali operazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy