SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
29 ta' Marzu 2007 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Liċenzji tas-sajd – Regolament (KE) Nru 3690/93 – Bastimenti Cleopatra u Ocean Quest – Trasferiment definittiv tagħhom lejn l-Arġentina"
Fil-kawża C-64/04,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-13 ta' Frar 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. van Rijn u B. Doherty, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn M. Bethell, bħala aġent,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, J. Malenovský (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta' Lulju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma rtirax il-liċenzji tas-sajd tal-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest, wara t-trasferiment definittiv tagħhom lejn l-Arġentina, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3690/93, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, li [j]istab[b]ilixxi sistema tal-Komunità li tistabbilixxi regoli għat-tagħrif minimu li għandu jkun inkluż fil-li[ċ]enzji tas-sajd (ĠU L 341, p. 93).
Il-kuntest ġuridiku
2 Il-Ftehim dwar ir-relazzjonijiet tas-settur tas-sajd tal-baħar bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' l-Arġentina ġie approvat f'isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3447/93, tat-28 ta' Settembru 1993 (ĠU L 318, p. 1, aktar 'il quddiem il-"ftehim dwar is-sajd"). Id-disa' premessa tal-ftehim dwar is-sajd tipprovdi li l-partijiet f'dan il-ftehim huma "[k]onvinti illi dan it-tip ġdid ta' ko[o]perazzjoni fis-settur tas-sajd tal-baħar ħa jipprovdi aċċess regolari għal opportunitajiet ġodda [ta' sajd], [ħa jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq] l-għan li jġedded u jibdel il-flotta Arġentina u [li j]irristruttura l-flotta tal-Komunità u [j]ippromovi l-esplojtazzjoni razzjonali tar-ri[ż]orsi għal żmien twil".
3 L-Artikolu 5(1) u (3) tal-ftehim dwar is-sajd jipprovdi li:
"1. Il-Partijiet għandhom joħolqu kondizzjonijiet adegwati għat-twaqqif ta’ impriżi fl-Arġentina permezz ta’ kapital li jigi min[n] wieħed jew aktar mill-Istati Membri tal-Komunità u l-kreazzjoni ta’ intrapriżi u impriżi konġunti fis-settur tas-sajd bejn is-sidien tal-bastimenti ta’ l-Arġentina u l-Komunità b[il-]għan li jesplojtaw flimkien u, fejn xieraq, jipproċessaw flimkien ir-riżorsi ta’ l-istrutturi tas-sajd ta’ l-Arġentina taħt il-kondizzjonijiet [i]mniżżlin f’Protokoll I u l-anness[i] I u II.
[…]
3. Bħala parti mil[l]-politika ta’ ristruturazzjoni tal-flotta, il-Komunità għandha tiffaċilita d-dħul tal-bastimenti tal-Komunità fl-impriżi stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti fl-Arġentina. B’dan il-għan, u bħala parti mill-politika għar-renovazzjoni teknika ta’ l-industrija tas-sajd, l-Arġentina għandha tiffaċilita t-trasferiment ta’ liċenzi tas-sajd kurrenti u l-ħruġ ta’ liċenzi ġodda xierqa taħt dan il-Ftehim."
4 L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92, ta' l-20 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi sistema Komunitarja tas-sajd u ta' l-akwakultura (ĠU L 389, p. 1), kien jipprovdi li:
"1. Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 43 tat-Trattat, għandu jwaqqaf, qabel il-31 ta’ Diċembru 1993, sistema Komunitarja li għandha tkun applikabbli mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1995 u li tistabbilixxi r-regoli dwar l-informazzjoni minima li għandu jkollhom il-liċenzji tas-sajd li jridu jinħarġu u jiġu amministrati mill-Istati Membri.
Mid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sistema Komunitarja, l-Istati Membri huma marbuta japplikaw is-sistemi nazzjonali tal-liċenzji tas-sajd. Salv għal dispożizzjonijiet kuntrarji, il-bastimenti kollha tas-sajd tal-Komunità huma marbuta li jkollhom liċenzja tas-sajd, li hija marbuta mal-bastiment.
Dawn l-arranġamenti huma applikabbli bla ħsara għal kull sistema partikolari li tista’ teżisti fuq livell Komunitarju jew għal dawk li jkunu neċessarji fil-kuntest ta' ftehim internazzjonali attwali u futuri.
2. Is-sistemi ta' liċenzji huma applikabbli għall-bastimenti kollha tas-sajd tal-Komunità li joperaw fiż-żona tas-sajd Komunitarja, fl-ilmijiet ta' pajjiżi terzi jew fil-baħar miftuħ. L-eżiġenzi Komunitarji dwar l-informazzjoni minima huma applikabbli wkoll għall-bastimenti ta' pajjiżi terzi li jistadu fiż-żona tas-sajd Komunitarja fil-każijiet previsti minn ftehim internazzjonali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 3760/92 kien jipprovdi li:
"Billi jieħu in kunsiderazjoni t-Titolu I, il-Kunsill għandu jiffissa, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 43 tat-Trattat, fuq bażi multiannwali u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1994, l-għanijiet u r-regoli dettaljati intiżi għar-ristrutturazzjoni tas-settur tas-sajd Komunitarju sabiex jintlaħaq ekwilibriju fuq bażi sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-esplojtazzjoni tagħhom. Din ir-ristrutturazzjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni, każ b’każ, l-eventwali konsegwenzi ekonomiċi u soċjali u l-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi reġjuni tas-sajd." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Skond it-tielet premessa tar-Regolament Nru 3690/93, "is-sistema tal-Komunità għandha tfassal regoli rigward l-informazzjoni minima li għandha tkun inkluża fil-liċenzji għas-sajd għal kull bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta' Stat Membru".
7 L-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi li:
1. Għand[h]a tiġi mwaqqfa sistema tal-Komunità għal-liċenzji tas-sajd [li tistabbilixxi r-]regoli dwar l-informazzjoni minima li għandha tkun inkluża fil-liċenzji tas-sajd li għaliha hemm riferenza fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92.
2. Kull bastiment tas-sajd tal-Komunità ikun meħtieġ li jkollu liċenzja tas-sajd għall-bastiment.
3. Il-liċenzja għandha tinżamm abbord il-bastiment.
4. Bastimenti tas-sajd ma jitħallewx jaqbdu, iżommu abbord, jittrasferixxu jew iniżżlu ħut, fejn liċenzja tas-sajd ma ġietx mogħtija jew fejn il-liċenzja tas-sajd ġiet irtirata jew sospiża."
8 L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3690/93 jipprovdi li:
"L-[Is]tat Membru fejn hu rreġistrat il-bastiment għandu joħroġ u jamministra liċenzji tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd li jxejru l-bandiera tiegħu, b’konsiderazzjoni lejn id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92."
9 L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 jaqra kif ġej:
"L-[Is]tat Membru fejn hu rreġistrat il-bastiment għandu jissospendi temporanjament jew definittivament il-liċenzji tas-sajd [ta' bastimenti] li huma soġġetti għall-immobiliżżazzjoni temporanja u għandu jirtira l-liċenzji tas-sajd ta' bastimenti li huma soġġetti għall-irtirar definittiv mill-attivitajiet tas-sajd."
10 Skond l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3699/93, tal-21 ta' Diċembru 1993, li jiddefinixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta' l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd u ta' l-akwakultura kif ukoll ta' l-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom (ĠU L 346, p. 1):
"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ta’ aġġustament ta’ l-isforzi tas-sajd sabiex jintlaħqu, minn ta' l-anqas, l-għanijiet tal-programmi multiannwi ta’ gwida previsti fl-Artikolu 5.
Meta jkun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex iwaqqfu definittivament jew jillimitaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti.
Il-miżuri ta' waqfien definittiv ta' l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti jistgħu jinkludu, b'mod partikolari:
– l-iskrappjar,
– it-trasferiment definittiv lejn pajjiż terz, sakemm dan it-trasferiment ma jkunx ta' natura tali li jista' jikser id-dritt internazzjonali jew jippreġudika l-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi marittimi,
– l-assenjazzjoni definittiva, fl-ilmijiet tal-Komunità, għal finijiet oħra minbarra s-sajd, tal-bastiment in kwistjoni.
[…]
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-bastimenti kkonċernati minn dawn il-miżuri jitħassru mir-reġistri tal-bastimenti tas-sajd u mir-reġistru Komunitarju ta’ tal-bastimenti tas-sajd. Huma għandhom jassiguraw ukoll li l-bastimenti mħassra jiġu esklużi definittivament mill-eżerċizzju tas-sajd fl-ilmijiet tal-Komunità." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 3699/93 jipprovdi li:
"L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri sabiex jippromwovu r-riorjentament ta' l-attivitajiet tas-sajd, billi jħeġġu l-ħolqien ta’ assoċjazzjonijiet temporanji ta' impriżi u/jew ta’ intrapriżi konġunti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
12 Ir-Regolament Nru 3699/93 ġie mħassar mill-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2468/98, tat-3 ta' Novembru 1998, li jiddefinixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta' l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd u ta' l-akwakultura kif ukoll ta' l-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom (ĠU L 312, p. 19), li l-Artikolu 8(1) u (2) u l-Artikolu 9(1) tiegħu huma fformulati f'termini identiċi għal dawk tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 3699/93.
Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża
13 Fil-kuntest tal-ftehim dwar is-sajd, il-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest, li jbaħħru taħt il-bandiera tar-Renju Unit u huma rreġistrati f'dan l-Istat Membru, ġew ittrasferiti lejn l-Arġentina. Dan it-trasferiment seħħ fil-kuntest tal-ħolqien ta' intrapriża konġunta bejn sidien ta' bastimenti Komunitarji u Arġentini. L-imsemmija bastimenti tħassru mir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit f'Novembru 1996 u f'Lulju 1997 rispettivament, u ġew irreġistrati fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd Arġentin.
14 Il-Kummissjoni kkonstatat li l-liċenzji tas-sajd marbuta mal-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest kienu ntużaw għal bastimenti oħra.
15 Permezz ta' ittra tad-19 ta' April 2001, il-Kummissjoni informat lir-Renju Unit li l-użu mill-ġdid tal-liċenzji tas-sajd kien imur kontra l-obbligu li dawn jiġu rtirati mill-bastimenti li kienu s-suġġett ta' miżura ta' rtirar definittiv impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bis-saħħa ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93. Barra minn hekk, din l-ittra intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-allegat nuqqas skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 226 KE.
16 Peress li ma rċevietx risposta, il-Kummissjoni, fis-16 ta' Jannar 2003, indirizzat opinjoni motivata lir-Renju Unit li fiha, minn naħa, tenniet l-argumenti żviluppati fl-ittra ta' intimazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu f'terminu ta' xahrejn minn meta jirċievi l-imsemmija opinjoni motivata.
17 Fir-risposta tiegħu ta' l-20 ta' Marzu 2003 għall-imsemmija opinjoni motivata, ir-Renju Unit sostna diversi argumenti. L-ewwel nett, huwa sostna li l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu tal-fehma li l-uniku obbligu tagħhom kien li jħassru l-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest mir-reġistru nazzjonali tal-bastimenti tas-sajd u mhux li jirtiraw il-liċenzji tas-sajd marbuta ma' dawn il-bastimenti. It-tieni nett, huwa sostna li kien biss wara l-konklużjoni mill-proprjetarji ta' l-imsemmija bastimenti ta' kuntratti vinkolanti bil-għan li dawn il-bastimenti jiġu ttrasferiti lil terzi persuni li l-Kummissjoni kkonfermat ir-rekwiżit li jiġu rtirati l-liċenzji tas-sajd. Fl-aħħar nett, huwa kkunsidra li l-attitudni ta' l-imsemmija awtoritajiet tista' tinftiehem u li kienu ġew stabbiliti proċeduri sabiex fil-futur ma jkunx aktar possibbli li jsir trasferiment simili ta' liċenzji tas-sajd.
18 Peress li ma kinitx sodisfatta b'dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
19 Skond il-Kummissjoni, l-Istat Membru fejn huwa rreġistrat il-bastiment għandu, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93, jirtira l-liċenzji tas-sajd tal-bastimenti li jkunu s-suġġett ta' miżura ta' rtirar definittiv.
20 Il-Kummissjoni ssostni li dan l-obbligu ta’ rtirar tal-liċenzji tas-sajd għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kapaċità ta' sajd meħlusa permezz ta' tali rtirar ma tistax terġa' tintuża sabiex jinħarġu liċenzji ġodda għal bastimenti oħra, peress li tali użu mill-ġdid imur kontra l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2468/98, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ta’ aġġustament ta’ l-isforzi tas-sajd sabiex jintlaħqu, minn ta' l-anqas, l-għanijiet tal-programmi multiannwi ta' gwida. Li kieku l-Komunità kellha tawtorizza tali użu mill-ġdid tal-liċenzji marbuta mal-bastimenti ttrasferiti definittivament lejn Stat terz, l-għan tat-tnaqqis tal-flotta tas-sajd ma jintlaħaqx. Is-sitwazzjoni ma tinbidilx minkejja li t-trasferiment definittiv ikun seħħ fil-kuntest tal-ħolqien ta' intrapriża konġunta.
21 Ir-Renju Unit jikkonstata li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2468/98 ma jikkonċernax il-liċenzji tas-sajd. Barra minn hekk, peress li dan ir-Regolament ġie adottat wara li seħħew il-fatti li wasslu għal din il-kawża, huwa ma jista' jkollu ebda effett fuq l-obbligi li kellu r-Renju Unit fid-data meta seħħew dawn il-fatti.
22 Ir-Renju Unit isostni, barra minn hekk, li l-obbligu li jiġu rtirati l-liċenzji tas-sajd, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93, ma jistax ikollu effett qabel ma l-Kummissjoni tagħti l-approvazzjoni tagħha għat-trasferiment tal-bastimenti kkonċernati lil intrapriża konġunta u qabel ma jiġi nnotifikat b'din id-deċiżjoni. Issa, f'dan il-każ, il-proprjetarji tal-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest biegħu l-liċenzji marbuta ma' dawn il-bastimenti qabel ma d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-pjan ta' trasferiment ta' dawn il-bastimenti lil intrapriża konġunta ġiet innotifikata lill-imsemmi Stat Membru. Peress li dawn il-proprjetarji ma kinux għadhom id-detenturi ta' l-imsemmija liċenzji, ir-Renju Unit ma kiser l-ebda obbligu impost fuqu mill-imsemmi Artikolu 5.
23 L-"iżball" veru u proprju li sar f'dan il-każ jinsab fil-fatt li l-proprjetarji tal-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest irċevew fondi kemm mill-bejgħ tal-liċenzji marbuta ma' dawn il-bastimenti u kemm mill-Komunità, meta tali bejgħ kien imissu kellu l-effett li jċaħħadhom mill-possibbiltà li jirċievu għajnuna marbuta mal-ħolqien ta' intrapriża konġunta. Madankollu, il-Kummissjoni, minkejja li hija kienet ġiet informata li l-liċenzji kienu għadhom fiċ-ċirkolazzjoni, xorta waħda ddeċidiet li tagħti l-għajnuniet Komunitarji lill-imsemmija proprjetarji, u b'hekk tathom il-benefiċċju ta' preżunzjoni ta' "bona fides", benefiċċju li, madankollu, ma ngħatax lir-Renju Unit.
24 Barra minn hekk, it-trasferiment ta' bastiment fil-kuntest tal-ftehim dwar is-sajd jammonta għal miżura ta' rtirar definittiv fis-sens ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93. Ir-Renju Unit għaldaqstant stabbilixxa proċedura li tinvolvi l-"iffriżar" tal-liċenzja ta' bastiment malli s-servizzi kompetenti jirċievu talba għall-ħolqien ta' intrapriża konġunta. Il-liċenzja tista' tirkupra l-effett sħiħ tagħha fl-eventwalità biss li tiġi rtirata t-talba għall-ħolqien ta' intrapriża konġunta jew meta t-trasferiment ta' bastiment lil tali intrapriża ma jirċevix l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, ir-Renju Unit isostni li huwa assigura li, fil-futur, ma jkunx hemm każijiet oħra fejn il-liċenzji jintużaw mill-ġdid.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
25 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, f'dan il-każ, huwa paċifiku li l-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest ġew irreġistrati fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd Arġentin u li, għaldaqstant, huma ġew ittrasferiti definittivament lejn l-Arġentina.
26 L-ilment invokat mill-Kummissjoni fit-talbiet tar-rikors tagħha, kif riprodotti fil-punt 1 ta' din is-sentenza, huwa intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma rtirax il-liċenzji tas-sajd marbuta ma' l-imsemmija bastimenti wara t-trasferiment definittiv tagħhom lejn l-Arġentina, ir-Renju Unit naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93.
27 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93, meta bastiment tas-sajd ikun is-suġġett ta' miżura ta' rtirar definittiv, il-liċenzja marbuta ma' dan il-bastiment għandha tiġi rtirata.
28 Għaldaqstant, qabel ma jiġi eżaminat il-mertu ta' l-ilment invokat mill-Kummissjoni, iqumu l-kwistjonijiet preliminari dwar, fl-ewwel lok, fhiex tikkonsisti eżattament miżura ta' rtirar definittiv ta' bastiment tas-sajd u, fit-tieni lok, jekk it-trasferiment definittiv ta' tali bastiment lejn l-Arġentina, fil-kuntest tal-ħolqien ta' intrapriża konġunta, jistax jitqies bħala miżura ta' rtirar definittiv fis-sens ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93.
Fuq il-miżuri ta' rtirar definittiv
29 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta' "miżura ta' rtirar definittiv", huwa paċifiku li la l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 u lanqas dan ir-Regolament fl-intier tiegħu ma jipprovdu indikazzjonijiet dwar id-definizzjoni ta' tali kunċett. Għall-kuntrarju, dan il-kunċett huwa ddefinit fir-Regolament Nru 3699/93 u, b'mod aktar preċiż, fl-Artikolu 8(2) tiegħu, dispożizzjoni li tipprovdi li l-miżuri ta' waqfien definittiv ta' l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, l-iskrappjar, it-trasferiment definittiv lejn Stat terz, sakemm dan it-trasferiment ma jkunx ta' natura tali li jista' jikser id-dritt internazzjonali jew jippreġudika l-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi marittimi, u l-assenjazzjoni definittiva, fl-ilmijiet tal-Komunità, għal finijiet oħra minbarra s-sajd.
30 Ir-Regolamenti Nru 3690/93 u Nru 3699/93 ivarjaw ħafna kemm fir-rigward tas-suġġett tagħhom u kemm fir-rigward ta' l-għan tagħhom. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 3690/93, kif jirriżulta b'mod aktar partikolari mit-tielet premessa tiegħu, jistabbilixxi r-regoli dwar l-informazzjoni minima li għandha tkun inkluża fil-liċenzji tas-sajd, filwaqt li r-Regolament Nru 3699/93 jiddefinixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta' l-għajnuniet strutturali Komunitarji fis-settur tas-sajd u ta' l-akwakultura.
31 Madankollu, minkejja li l-għan ta' dawn iż-żewġ regolamenti huwa differenti, m'hemm xejn li jwassal għall-konklużjoni li d-definizzjoni tal-kunċett ta' "miżura ta' waqfien definittiv" hija limitata esklużivament għar-Regolament Nru 3699/93 u li din id-definizzjoni ma tistax tintuża fil-kuntest ta' atti oħra ta' dritt sekondarju li jikkonċernaw il-qasam tal-politika tas-sajd.
32 Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 3699/93, li jiddefinixxi l-kunċett ta' miżura ta' waqfien definittiv, ġie adottat wara r-Regolament Nru 3690/93. Kif jirriżulta mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta' dan ir-Regolament Nru 3699/93, u b'mod partikolari mill-verżjonijiet Ġermaniża, Spanjola, Franċiża u Taljana, il-leġiżlatur Komunitarju għaldaqstant għażel, b'għarfien sħiħ, l-istess espressjoni bħal dik li kienet diġà tinsab fir-Regolament Nru 3690/93.
33 Għaldaqstant, m'hemm xejn li jżomm lid-definizzjoni ta' l-imsemmi kunċett, minkejja li din tirriżulta mir-Regolament Nru 3699/93, milli tintuża fil-kuntest ta' l-implementazzjoni ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93, dwar l-irtirar temporanju jew definittiv tal-liċenzji tas-sajd.
34 Fost id-diversi "miżuri ta' waqfien definittiv" ta' l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti elenkati fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 3699/93, wieħed isib, b'mod partikolari, it-"trasferiment definittiv lejn pajjiż terz". Issa, f'dan il-każ, huwa paċifiku li t-trasferiment tal-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest twettaq lejn "pajjiż terz", jiġifieri r-Repubblika ta' l-Arġentina.
35 Għaldaqstant, fit-tieni lok, tqum il-kwistjoni jekk it-trasferiment definittiv ta' tali bastimenti lejn l-Arġentina, fil-kuntest tal-ħolqien ta' intrapriża konġunta, jistax jitqies bħala miżura ta' rtirar definittiv fis-sens ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93.
36 Id-diċitura ta' l-imsemmi Artikolu 8(2) bl-ebda mod ma żżomm lill-kunċett ta' "miżura ta' waqfien definittiv" milli japplika għat-trasferiment definittiv ta' bastimenti abbażi ta' ftehim internazzjonali konkluż bejn il-Komunità u Stat terz. Għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel referenza espressa, fit-tieni inċiż tagħha, għall-osservanza tad-dritt internazzjonali u, għaldaqstant, tal-ftehim internazzjonali.
37 Min-naħa tiegħu, il-ftehim dwar is-sajd bl-ebda mod ma jipprekludi li trasferiment ta' bastimenti tas-sajd li jseħħ skond id-dispożizzjonijiet tiegħu jiġi kklassifikat bħala "miżura ta' waqfien definittiv" ta' l-attivitajiet tas-sajd fis-sens tad-dritt Komunitarju.
38 Minn dan isegwi li t-trasferiment definittiv ta' bastimenti tas-sajd lejn Stat terz, li jseħħ skond ftehim internazzjonali, jikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta' waqfien definittiv ta' l-attivitajiet tas-sajd previsti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 3699/93. Għaldaqstant, f'dan il-każ, it-trasferiment definittiv tal-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest lejn l-Arġentina għandu jitqies bħala "miżura ta' waqfien definittiv" ta' l-attivitajiet tas-sajd fis-sens tad-definizzjoni mogħtija lil tali miżura fid-dritt Komunitarju.
Fuq l-irtirar tal-liċenzji tas-sajd u fuq l-għoti ta' liċenzji tas-sajd ġodda
39 Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni jekk, f'dan il-każ, il-liċenzja tas-sajd tal-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest, li t-tnejn li huma ġew ittrasferiti definittivament lejn l-Arġentina, ġietx irtirata mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit.
40 Dan ta' l-aħħar isostni li d-drittijiet mogħtija mil-liċenzji tas-sajd lill-proprjetarji preċedenti tal-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest inbiegħu lil terzi persuni li użawhom għal bastimenti oħra. Minn dan isegwi li l-liċenzji marbuta ma' dawn il-bastimenti ġew tabilħaqq irtirati.
41 Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-liċenzji marbuta mal-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest ġew irtirati. Għall-kuntrarju, hija tikkonstata li l-kapaċità ta' sajd meħlusa permezz tat-trasferiment ta' dawn il-bastimenti ntużat mill-ġdid għal bastimenti oħra.
42 F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 jirriżulta li, fil-każ ta' trasferiment definittiv ta' bastimenti lejn Stat terz, l-Istat Membru mhux biss għandu jirtira l-liċenzji marbuta mal-bastimenti hekk ittrasferiti iżda għandu jastjeni milli juża l-kapaċità ta' sajd hekk meħlusa fir-reġistru nazzjonali sabiex joħroġ liċenzji ġodda. Fil-fatt, tali użu jmur kontra l-għanijiet ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2468/98, dispożizzjoni li tifforma parti minn politika Komunitarja ta' ristrutturazzjoni tal-flotta Komunitarja.
43 Għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-diċitura ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 ma tipprojbixxix, bħala tali, li l-kapaċità ta' sajd meħlusa permezz tat-trasferiment ta' bastimenti lejn Stat terz tintuża sabiex jinħarġu liċenzji ġodda peress li dan l-artikolu jimponi biss l-obbligu ta' l-Istat Membru fejn huwa rreġistrat il-bastiment li jirtira l-liċenzji tas-sajd marbuta mal-bastimenti li jkunu s-suġġett ta' miżura ta' rtirar definittiv. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-obbligu ta' rtirar tal-liċenzji tas-sajd ġie rrispettat mir-Renju Unit.
44 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93, li huwa l-unika dispożizzjoni msemmija fit-talbiet tal-Kummissjoni, bl-ebda mod ma jagħmel referenza għall-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3699/93, lanqas fil-verżjoni tiegħu emendata mir-Regolament Nru 2468/98. Fi kwalunkwe każ, dan l-artikolu ta' l-aħħar jistabbilixxi, b'mod partikolari, dak li jista' jiġi kopert mill-miżuri ta' waqfien definittiv ta' l-attivitajiet tas-sajd ta' bastimenti u jimponi li l-bastimenti mħassra mir-reġistru għandhom jiġu esklużi mill-eżerċizzju tas-sajd fl-ilmijiet tal-Komunità. Madankollu, mid-diċitura ta' din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-kapaċità ta' sajd meħlusa fir-reġistru nazzjonali tal-bastimenti tas-sajd permezz tat-trasferiment definittiv ta' bastimenti lejn Stati terzi ma tistax tintuża sabiex jinħarġu liċenzji tas-sajd ġodda.
45 Anki jekk jitqies li, abbażi ta' dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni kienet f'pożizzjoni li, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, tieħu azzjoni kontra r-Renju Unit fir-rigward tas-sistema tal-ħruġ ta' liċenzji tas-sajd ġodda, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa paċifiku li l-ksur ta' tali dispożizzjonijiet mhuwiex is-suġġett tan-nuqqas li bih ġie akkużat ir-Renju Unit (ara s-sentenzi ta' l-20 ta' Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-6/04, Ġabra p. I-9017, punti 58 sa 60; tal-15 ta' Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-255/04, Ġabra p. I-5251, punt 24, u tal-15 ta' Frar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-34/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53).
46 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors tagħha u bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93 mhuwiex fondat u, għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument invokat mir-Renju Unit fir-risposta tiegħu li, skondu, peress li t-trasferiment lejn l-Arġentina tal-bastimenti Cleopatra u Ocean Quest seħħ qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova dan it-trasferiment, l-obbligu ta' rtirar tal-liċenzji tas-sajd, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3690/93, ma kienx effettiv.
47 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
48 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju Unit.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy