SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
5 ta' Ottubru 2006 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KEE) Nru 4253/88 u Artikolu 10 KE – Fondi Strutturali – Koordinazzjoni bejn l-interventi tal-Fondi Strutturali u dawk ta’ l-EIB – Tnaqqis sistematiku ta’ l-ammonti mħallsa bħala għajnuniet ta’ l-EAGGF, sezzjoni “Gwida” – Tariffi imposti mill-Ifadap matul il-perijodu ta’ programmazzjoni 1994-1999”
Fil-kawża C-84/04,
li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-20 ta' Frar 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn A. M. Alves Vieira, wara minn G. Braun, bħala aġenti, assistiti minn N. Castro Marques u F. Costa Leite, advogados, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, bħala aġent, assistit minn C. Botelho Moniz u E. Maia Cadete, advogados,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, G. Arestis (Relatur) u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta' Frar 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ppermettiet lill-Instituto de Financiamento e Apoio ao Desenvolvimento da Agricultura e Pescas (l-Istitut għall-finanzjament u l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ l-agrikoltura u tas-sajd, iktar ‘il quddiem l-“Ifadap”) li tistabbilixxi, u filwaqt li taċċetta li żżomm fis-seħħ, proċedura ta’ għoti ta’ għajnuniet finanzjarji tal-Fondi Strutturali Komunitarji li jinkludu formalitajiet sostanzjali li jimplikaw il-ħlas ta’ tariffi li la huma volontarji u lanqas fakultattivi u li ma jikkostitwixxux ir-remunerazzjoni ta’ servizzi mogħtija, imma li jservu sabiex jiffinanzjaw missjonijiet li huma obbligu ta’ l-Istat Portugiż, b’mod partikolari b’applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 għal dak li jikkonċerna l-koordinazzjoni bejn l-interventi tal-Fondi Stutturali differenti, minn naħa, u bejnhom u bejn dawk tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħra, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta’ l-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 4253/88”), kif ukoll ta’ l-Artikolu 10 KE.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 ta' l-24 ta' Ġunju 1988 dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom kif ukoll il-koordinament ta' l-interventi tagħhom u dawk tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħra (ĠU L 185, p. 9), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 5, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2052/88"), kien jipprovdi:
“L-azzjoni Komunitarja hija kkunsidrata bħala li tikkumplimenta azzjonijiet nazzjonali korrispondenti jew kontribuzzjoni għalihom. Hija tistabbilixxi ruħha bħala konċentrazzjoni fil-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet u l-entitajiet kompetenti – li jinkludu, fil-kuntest tal-modalitajiet offerti mir-regoli institutzzjonali lu l-prattiċi eżistenzi proprji għal kull Stat Membru, is-sieħba ekonomiċi u soċjali – maħtura mill-Istat Membru fil-livell nazzjonali, reġjonali, locali jew ieħor, il-partijiet kollha kienu sieħba li jsegwu għan komuni. Din il-konċentrazzjoni hija iktar ‘il quddiem imsejħa “sħab”. Is-sħab tirrigarda l-preparazzjoni, il-finanzjalment, kif ukoll l-evalwazzjoni ex ante, il-segwiment u l-evalwazzjoni ex post ta’ l-azzjonijiet.
Is-sħubija titmexxa b’konformità sħiħa mal-poteri istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta’ kull sieħeb.”
3 Taħt it-titolu “Ħlas”, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88 kien miktub kif ġej:
“Il-ħlasijiet għandhom isiru lill-benefiċjarji finali mingħajr ebda deduzzjoni jew tnaqqis li jista’ jnaqqas l-ammont ta’ l-għajnuna finanzjarja li għaliha huma għandhom dritt.”
4 Taħt it-titolu “Kontroll finanzjarju”, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 23(1), ta’ dan l-istess Regolament kien jipprovdi:
“Sabiex jiġi ggarantit is-suċċess ta’ l-azzjonijiet immexxija minn promoturi pubbliċi jew privati, l-Istati Membri ser jieħdu, matul l-implementazzjoni ta’ l-azzjonijiet, il-miżuri neċessarji sabiex:
– jivverifikaw regolarment li l-azzjonijiet ffinanzjati mill-Komunità kienu tmexxew korrettement,
– jipprevjenu u jsegwu l-irregolaritajiet,
[...]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Skond l-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 414/93 (Diário da República I, serje A, Nru 298, tat-23 ta’ Diċembru 1993), l-Ifadap hija istituzzjoni ta’ dritt pubbliku, b’personalità ġuridika, awtonomija amministrattiva, finanzjarja kif ukoll bil-patrimonju tagħha stess.
6 L-Artikolu 3(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 414/93 jipprovdi:
“L-Ifadap hija suġġetta għal regoli ta’ dritt privat fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha ma’ terzi, kemm il-darba ma tingħatax prerogattivi ta’ awtorità.”
7 Skond l-Artikolu 5(2) ta’ l-imsemmi Digriet Leġiżlattiv, l-Ifadap għandha bħala missjoni li:
“a) tikkollabora għall-istudju u d-definizzjoni tal-miżuri ta’ politika finanzjarja fis-setturi ta’ l-agrikoltura u tas-sajd kif ukoll tal-miżuri ta’ sostenn għall-impriżi ta’ dawn is-setturi;
b) tassigura l-funzjonament tas-sistemi ta’ sostenn u ta’ għajnuniet Komunitajri u nazzjonali għas-setturi ta’ l-agrikolutura u tas-sajd, billi tipparteċipa għall-bidu u għall-eżekuzzjoni tal-programmi u tal-leġiżlazzjoni adottati u taġixxi ta’ interlokutur nazzjonali uniku tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (EAGGF), sezzjoni “Gwida” u minn strumenti finanzjarji Komunitajri ta’ gwida oħra ta’ l-agrikoltura u tas-sajd, jiġifieri fil-livell tat-talbiet ta’ għoti bil-quddiem, ta’ ħlas lura, ta’ regolarizzazzjonijiet u ta’ għeluq tal-kontijiet;
[...]
d) teffettwa l-ħlas ta’ l-għajnuniet, nazzjonali u Komunitarji, iddestinati sabiex jiffinanzjaw programmi u proġetti jew sabiex tissussidja l-interessi tas-self magħmul għal dan il-għan mill-benefiċjarji rispettivi;
e) tassigura l-monitoraġġ, il-verifika u l-kontroll ta’ programmi u ta’ proġetti sostnuti minn għajnunijiet nazzjonali jew Komunitarji;
[...]”
8 Permezz ta’ deċiżjoni konġunta tat-28 ta’ Mejju 1996 (Diário da República II, Nru 136, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1996), il-Ministru tal-Finanzi kif ukoll dak ta’ l-Agrikoltura, ta’ l-Iżvilupp Rurali u tas-Sajd, iddeċidew kif ġej:
“1. Li jawtorizzaw lil Ifadap timponi tariffa ta’ mhux iktar minn 0.9% fuq l-ammonti tal-proġetti attwali.
2. Meta l-intervent ta’ l-Ifdap ma jinkludix attività ta’ analiżi u ta’ deċiżjoni, ir-rata imsemmija iktar ‘il fuq ma tistax taqbeż 0.45%.
[...]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
9 L-Ifadap inħolqot sabiex tamministra l-proċessi ta’ kreditu ddestinati għall-għajnuna għas-setturi ta’ l-agrikoltura, tas-silvikultura, tal-biedja u tas-sajd fil-Portugal. Peress li l-Istat Portugiż kien attribwixxilha, permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 414/93, sensiela ta’ missjonijiet ta’ servizz pubbliku, fosthom dik li tassigura l-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ sostenn u ta’ l-għajnuniet Komunitajri u nazzjonali għas-setturi ta’ l-agrikolutura u tas-sajd, l-Ifdap saret l-uniku interlokutur nazzjonali ta’ l-EAGGF, sezzjoni “Gwida”, u ta’ strumenti finanzjarji Komunitarji oħra ta’ sostenn għall-imsemmija setturi. Fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju ta’ dawn il-missjonijiet, l-azzjonijiet ta’ l-imsemmija Istitut huma imputabbli għall-Istat Portugiż.
10 Matul kontroll fil-post fl-1993, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonstataw li l-Ifadap imponiet fuq il-benefiċjarji finali ta’ l-għajnuniet finanzjarji mogħtija mill-EAGGF, sezzjoni “Gwida” (iktar ‘il quddiem il-“benefiċjarji”), tariffi korrispondenti għal perċentwali ta’ dawn l-għajnuniet. Dawn it-tariffi, imposti f’ras il-għajn, kienu jirrappreżentaw 1.5% ta’ l-ammont totali tal-proġett iffinanzjat. Il-kuntratt dwar l-għajnuniet propost lill-benefiċjarji kien jipprovdi espressament l-obbligu għal dawn ta’ l-aħħar li jħallsu dawn it-tariffi lil Ifadap. Peress li qiesu li dawn it-tariffi ma kinux kompatibbli mad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Portugiżi jtemmu din il-prattika ta’ rkupru dirett kif ukoll iħallsu lura lill-benefiċjarji t-tariffi indebitament imposti.
11 F’ittra ta’ l-20 ta’ Jannar 1999, l-imsemmija awtoritajiet irrikonoxxew in-non konformità tal-prattika segwita matul il-perijodu li jmur bejn it-3 ta’ Awwissu 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994 u kkommettew ruħhom li jħallsu lura l-ammonti imposti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward ta’ l-imsemmi perijodu, in-nuqqas ikkontestat kien intemm.
12 Peress illi rrinunzjaw għal sistema ta’ ġbir dirett tat-tariffi fuq l-ammonti dovuti lill-benefiċjarji, l-awtoritajiet Porguiżi biddluha, sa mix-xahar ta’ Jannar 1995, u b’mod partikolari wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta tat-28 ta’ Mejju 1996, b’sistema ta’ ħlas totali ta’ l-ammonti mogħtija lill-benefiċjarji flimkien ma’ proċedura ta’ għoti ta’ l-għajnuniet li jinkludi l-ħlas ta’ tariffa meqjusa bħala kontribuzzjoni ta’ għoti ta’ servizzi pprovduti mill-Ifadap lil dawn ta’ l-aħħar, li kienu jikkonsistu prinċipalment f’konsulenzi mogħtija qabel il-preżentazzjoni tat-talbiet ta’ għajnuna u fis-segwitu ta’ wara tagħhom. Skond l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni mingħand l-imsemmija awtoritajiet matul is-sena 1999 kif ukoll matul missjoni ta’ kontroll li saret fil-post mid-dipartimenti tagħha f’Marzu 2000, din is-sistema ta’ remunerazzjoni kienet taħdem fil-kundizzjonijiet segwenti: fil-mument li jirċievi kuntratt li jipprovdi sussidju, il-benefiċjarju jiġi mistieden jibgħat lil Ifadap formola ta’ awtorizzazzjoni ta’ tnaqqis mill-kont tiegħu ta’ ammont korrispondenti tat-tariffa li għandu jħallas, bl-indikazzjoni “awtorizzazzjoni korrispondenti għas-servizz ipprovdut mill-Ifadap fil-qasam tal-kuntratt imsemmi iktar ‘il fuq” (jiġifieri l-għoti tas-sussidju in kwistjoni). In-natura fakultattiva u volontarja ta’ dan il-ħlas jiġi spjegat verbalment matul il-kuntatti mal-benefiċjarji.
13 Fuq din l-informazzjoni, fil-25 ta’ Lulju 2001 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża. F’din l-ittra, il-Kummissjoni tqis li l-proċedura applikata mill-awtoritajiet Portugiżi sa mill-1 ta’ Jannar 1995, li tinkludi formalitajiet importanti li jimplikaw il-ħlas ta’ tariffi li la huma volontarji jew fakultattivi u li ma jikkostitwixxux remunerazzjonijiet ta’ servizzi pprovduti lill-benefiċjarji, baqgħet iżżomm, fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ tariffa li tixbah dik miġbura preċedentement għal dik id-data. L-ammonti meħuda b’dan il-mod, fuq il-bażi ta’ perċentwali tal-valur ta’ l-investiment, jikkostitwixxu tnaqqis obbligatorju reali, ikkalkulat fuq il-bażi ta’ perċentwali ta’ l-ammont ta’ l-għajnuniet finanzjarji allokati mill-Fondi Komunitarji u li jikkorrispondu, fir-realtà, għal tariffi amministrattivi ddestinati li jiffinanzjaw l-ispejjeż ikkawżati mix-xogħlijiet ta’ ġestjoni li huma obbligu ta’ l-Ifadap in kwantu awtorità inkarigata mill-ħlas ta’ l-imsemmi għajnunjiet. Issa, skond il-Kummissjoni, il-ġbir ta’ tali tariffa amministrattiva jmur kontra d-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 4253/88, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/99 tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1), kif ukoll l-Artikolu 10 KE.
14 Fl-ittri tagħha tal-5 ta’ Novembru 2001 u tat-13 ta’ Ġunju 2002 indirizzati lill-Kummissjoni bħala risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika Portugiża sostniet li, għal dak li jikkonċerna l-perijodu 1995-1999, il-ħlas lil Ifadap mill-benefiċjarji ta’ tariffa massima minn 0.45% sa 0.9%, ikkalkulata fuq il-bażi ta’ l-ammont ta’ l-investiment issussidjat, ma jmurx kontra d-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-perijodu wara l-1999, li jikkorrispondi għat-tielet kuntest Komunitarju ta’ sostenn irregolat mir-Regolament Nru 1260/99, l-imsemmi Stat Membru jsostni li huwa kien irrinunzja għall-prinċipju ta’ rkupru ta’ tariffa favur l-imsemmi Istitut in kwantu korrispettiv ta’ l-għoti ta’ servizzi pprovduti minnu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li, għall-perijodu wara l-1999, huwa kien temm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
15 Peress li r-risposta għall-imsemmija ittra ta' intimazzjoni ma ssodisfatx il-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-perijodu 1995-1999, fit-13 ta’ Novembru 2002 din ta' l-aħħar bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Portugiża li fiha tenniet, sostanzjalment, l-ilment invokat fl-ittra ta’ intimazzjoni u stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.
16 Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Repubblika Portugiża għal din l-opinjoni motivata tas-17 ta’ Jannar 2003, li fiha hija żammet il-pożizzjoni preċedentement adottata minn dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors li huwa intiż li jikkonstata l-ksur, sa mill-1 ta’ Jannar 1995, tar-Regolament Nru 4253/88 u ta’ l-Artikolu 10 KE, għal dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ programmazzjoni 1994-1999, li jikkorrispondi għat-tieni kuntest Komunitarju ta’ sostenn.
It-talbiet tal-partjiet
17 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tikkonstata li, meta ppermettiet lil Ifadap tistabbilixxi, u filwaqt li aċċettat li żżomm fis-seħħ, proċedura ta’ għoti ta’ l-għajnuniet finanzjarji tal-Fondi Strutturali Komunitarji li jinkludu formalitajiet sostanzjali li jimplikaw il-ħlas ta’ tariffi li la huma volontarji u lanqas fakultattivi u li ma jikkostitwixxux ir-remunerazzjoni ta’ servizzi mogħtija, imma li jservu sabiex jiffinanzjaw missjonijiet li huma obbligu ta’ l-Istat Portugiż, b’mod partikolari skond id-dritt Komunitarjui, ir-Repubblika Portugiża naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond ir-Regolament Nru 4253/88 u l-Artikolu 10 KE;
– tordna r-Repubblika Portugiża tbati l-ispejjeż.
18 Ir-Repubblika Portugiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat u tordna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
19 Skond il-Kummissjoni, jirriżulta impliċitament mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88 li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi klawżola msejħa “ħlas totali”. Fil-fatt, hija timponi b’mod ċar fuq l-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li jħares li l-benefiċjarji jirċievu l-ammonti kollha ta’ l-għajnuna finanzjarja li għaliha huma għandhom dritt, għaliex dan ta’ l-aħħar għandu jastjeni ruħu milli japplika kwalunkwe deduzzjoni jew tnaqqis fuq dawn l-ammonti. L-operazzjonijiet imsemmija bit-termini “tnaqqis” u “riduzzjoni” għandhom jinqraw b’mod wiesgħa, b’mod partikolari fid-dawl ta’ l-effetti li huma għandhom għall-benefiċjarji.
20 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-għan ta’ din it-tip ta’ dispożizzjoni huwa li tipprevjeni li l-Istati Membri jużaw parti mill-fondi Komunitarji ddestinati li jimplementaw il-politiċi Komunitarji differenti sabiex jiffinanzjaw l-ispejjeż amministrattivi maħluqa minn tali implementazzjoni. Għal dak li jikkonċerna l-politiċi strutturali, dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip isibu l-ġustifikazzjoni tagħhom fir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jassigura ruħu li l-għajnuniet Komunitarji jiġu użati tajjeb sabiex jintlaħqu l-għanijiet iffissati mit-Trattat KE għall-politika tagħhom.
21 Fir-rigward ta’ l-argument tar-Repubblika Portugiża li s-somom imħallsa mill-benefiċjarji jikkostitwixxu ħlas għas-servizzi mogħtija mill-Ifadap, li huma kienu aċċettaw volontarjament fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ dritt privat, peress li din l-istituzzjoni hija attiva f’dan il-qasam mingħajr ma hija mogħtija prerogattivi ta’ awtorità, skond l-Artikolu 3(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 414/93, il-Kummissjoni tirrispondi li din is-sistema ta’ ħlas ipprattikata mill-Ifadap ma tippermettix li wieħed jiddistingwi l-obbligi li hija għandha twettaq inkwantu awtorità ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ dawk li jaqgħu taħt in-natura tagħha ta’ entità li tipprovdi servizzi.
22 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippreċiża li, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ sħab previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88 jikkostitwixxi forma partikolari tal-prinċipju ġenerali tal-kooperazzjoni leali msemmija fl-Artikolu 10 KE. Minn dan jirriżulta li l-ewwel minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha tiġi interpretata u applikata fid-dawl ta’ dan il-prinċipju ġenerali, ħaġa li tfisser li l-Istati Membri huma marbuta li jħarsu li l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi Regolament jiġu korrettament irrispettati u, konsegwentement, li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt Komunitarju.
23 Skond ir-Repubblika Portugiża, għandu jiġi kkunsidrat li, barra mill-eżerċizzju tal-missjoni pubblika tagħha ta’ interlokutur nazzjonali uniku ta’ l-EAGGF, sezzjoni “gwida”, l-Ifadap tipprovdi lill-kandidati u lill-benefiċjarji tal-programmi ffinanzjati minn dawn il-Fondi sensiela ta’ servizzi ta’ konsulenza ta’ natura ekonomika li jmorru lil hinn sewwa mit-twettiq strett ta’ l-imsemmija missjoni. Dawn is-servizzi, li jistgħu jittieħdu minn aġenti ekonomiċi oħra, ma jitħawdux ma’ dawk li l-Ifadap għandha tipprovdi skond il-missjoni pubblika tagħha fis-sens ta’ l-Artikoli 5 tad-digriet leġiżlattiv Nru 414/93 u 23 tar-Regolament Nru 4253/88, u lanqas ma jidentifikaw ruħhom ma’ tali servizzi. Barra minn hekk l-imsemmi Stat Membru jindika li l-provvista ta’ dawn is-servizzi għandha bħala skop li tiggarantixxi li l-benefiċjarji realment ikollhom aċċess għall-programmi ta’ l-EAGGF, sezzjoni “Gwida”.
24 Sussidjarjament, l-imsemmi Stat Membru jenfasizza li l-ġbir tad-drittijiet favur l-Ifadap ma jimplikax li tnaqqis jew riduzzjoni ssir fuq il-Fondi Komunitarji minn din ta’ l-aħħar. Fil-fatt, minn naħa, fil-każ fejn il-programmi ta’ l-EAGGF, sezzjoni “Gwida”, huma ffinanzjati, b’mod ġenerali, għal 75 u 85% minn Fondi Komunitajri, u, għal aktar minn 15 sa 25% minn fondi ta’ l-Istat Portugiż, l-imsemmija tariffi, li jilħqu massimu ta’ 0.9% ta’ l-ammont tal-proġett iffinanzjat, ma jolqtu qatt l-għajnuniet Komunitarji. Min-naħa l-oħra, mhemmx ksur tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88 minħabba li l-benefiċjarju jirċievi l-kreditu Komunitarji kollu li huwa għandu dritt għalih.
25 Sussidjarjament ukoll, ir-Repubblika Portugiża tqis li s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Kellinghusen u Ketelsen (C-36/97 u C-37/97, Ġabra p. I-6337) kif ukoll dik tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C-247/98, Ġabra p. I-1), mhijiex applikabbli għat-tariffi imposti mill-Ifadap. Fil-fatt, jeżistu bosta differenzi ġuridiċi u fattwali bejn din il-kawża u l-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi.
26 Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Stat Membru jsostni pjuttost l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tinsab fis-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1978, Bussone (31/78, Ġabra p. 2429) tal-15 ta’ Settembru 1982, Denkavit Futtermittel (233/81, Ġabra p. 2933), u tas-26 ta’ Ottubru 1983, Samvirkende danske Landboforeninger (297/82, Ġabra p. 3299), mogħtija fil-qasam ta’ l-EAGGF, sezzjoni “Gwida”. Huwa jsostni f’dan ir-rigward li, anki fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ l-organizzazzjonijiet komuni tal-kuntratti, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-azzjonijiet ta’ kontroll imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiġġustifikaw il-ġbir ta’ ħlas pekunarju ma’ l-impriżi kkonċernati.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
27 Primarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li, kif ukoll jirriżulta mill-inkaratament ta’ din il-kawża li, matul il-perijodu ta’ programmazzjoni 1994-1999, ir-Repubblika Portugiża awtorizzat lill-Ifadap li timponi fuq il-benefiċjarji, tariffi li jikkorrispondu għal perċentwali ta’ l-ammont totali tal-proġett iffinanzjat u b’hekk inaqqas proporzjonalment l-ammonti rċevuti mill-benefiċjarji skond l-għajnuniet mogħtija mill-EAGGF, sezzjoni “Gwida”.
28 Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tar-rikors tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk tali ġbir huwiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju.
29 Għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88, “[i]l-ħlasijiet għandhom isiru lill-benefiċjarji finali mingħajr ebda deduzzjoni jew tnaqqis li jista’ jnaqqas l-ammont ta’ l-għajnuna finanzjarja li għaliha huma għandhom dritt”.
30 Jirriżulta mingħajr ekwivoku mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li din ma tawtorizza ebda intaxxar fuq is-sussidji allokati lill-benefiċjarji.
31 Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjonijiet fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-EAGGF, sezzjoni “Gwida” li jeżiġi, fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88, il-ħlas totali ta’ l-għajnuniet. Fil-fatt, hija b’mod partikolari kellha l-okkażjoni li tinterpreta l-Artikoli 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1765/92 tat-30 ta’ Jannar 1992 li jistabbilixxi sistema ta’ sostenn għall-produtturi ta’ ċerta raba li jinħarat (ĠU L 181, p. 12) u 30a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-29 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga (ĠU L 148, p. 24), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2066/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 (ĠU L 215, p. 49, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 805/68”).
32 Minkejja l-eżistenza ta’ ċerti differenzi bejn is-sezzjonijiet “Garanzija” u “Gwida” ta’ l-EAGGF, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dispożizzjonijiet tar-regolamenti ta’ l-EAGGF, sezzjoni “Gwida” li jeżiġu l-ħlas totali ta’ l-għajnuniet jistgħu, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dan il-każ jiġu trasposti għall-każ preżenti sa fejn l-ispeċifiċitajiet rispettivi ta’ dawn iż-żewġ sezzjonijiet jikkostitwixxu aspett sekondarju fir-rigard tal-karatteristika komuni tagħhom, jiġifieri l-finanzjament tagħhom mill-baġit Komunitarju, li jippermettilhom li jagħtu għajnuniet finanzjarji taħt il-forma ta’ sussidji għall-azzjonijet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ kompetenza rispettiva tagħhom. Minn tali għajununiet, li għandhom l-istess sors finanzjarju, huma suġġetti għall-istess regoli ta’ ħlas, bħal dik li teżiġi li l-ammont irċevut mill-benefiċjarju jikkorrispondi għal dak li kien ġie attribwit lejh.
33 Għaldaqstant, fil-qasam ta’ l-EAGGF, sezzjoni “Garanzija”, fir-rigward ta’ l-Artikoli 15(3) tar-Regolament Nru 1765/92 u 30a tar-Regolament Nru 805/68, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu li l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu deduzzjoni fuq il-ħlasijiet effettwati jew li huma jeżiġu l-ħlas ta’ spejjeż amministrattivi relatati mat-talbiet li għandhom bħala effett li jnaqqsu l-ammont ta’ l-għajnuniet (sentenza Kellinghusen u Ketelsen, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 21).
34 Madankollu, f’dan il-każ ir-Repubblika Portugiża allegat li t-tariffi miġbura mill-Ifadap ma kellhomx bħala skop li jkopru l-ispejjeż amministrattivi sostnuti minn dan l-Istitut, imma jikkostitwixxu l-ħlas ta’ għoti ta’ servizzi pprovduti minn din ta’ l-aħħar lill-benefiċjarji, li jikkonsisti prinċipalment f’konsulenza wiesgħa qabel il-preżentazzjoni tat-talbiet ta’għajnuniet u f’segwitu ta’ warajhom.
35 Tali argument ma jistax jiġi milqugħ. Il-projbizzjoni tat-tnaqqis ma tistax tiġi intepretata b'mod purament formali bħala li tapplika biss għat-tnaqqis realment effettwat meta jsiru l-ħlasijiet. Għaldaqstant, il-projbizzjoni ta' kull deduzzjoni għandha tiġi estiża għall-imposti kollha li għandhom relazzjoni diretta u intrinsika mas-somom imħallsa (ara, b’analoġija, fuq l-EAGGF, sezzjoni “Garanzija”, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2004, l-Iżvezja vs Il-Kummissjoni, C-312/02, Ġabra p. I-9247, punt 22).
36 Issa, ir-Repubblika Portugiża tammetti li t-tariffi imposti, li kienu ddestinati li jħallsu s-servizzi mogħtija mill-Ifadap, kienu dovuti minħabba l-introduzzjoni ta’ talbiet ta’ għajnuniet u li kienu jikkorrispondu għal perċentwali ta’ l-ammont tal-proġett iffinanzjat fil-kuntest ta’ l-għajuna mogħtija mill-EAGGF, sezzjoni “Gwida”.
37 Ir-Repubblika Portugiża ma tistax issostni li t-tariffi in kwistjoni, minn naħa, kienu jikkostitwixxu l-ħlas għall-għoti ta’ servizzi pprovduti mill-Ifadap u, min-naħa l-oħra, li kienu mħallsa volontarjamemt mill-benefiċjarji. Fil-fatt, jekk wieħed jikkunsidra l-imsemmija tariffi bħala ħlas, l-ammont tagħhom għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tas-servizz ipprovdut u mhux bħala terminu ta’ perċentwali ta’ l-ammont tal-proġett iffinanzjat. Bl-istess mod, jekk wieħed jaċċetta n-natura volontarja tat-tariffi, l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti lill-benefiċjarji kollha jkun sostnuti biss minn dawk li jħallsu dawn it-tariffi, li jkun f’kuntradizzjoni mal-funzjoni remunerattiva tagħhom.
38 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li kien hemm relazzjoni diretta bejn it-talbiet ta’ għajnuniet imressqa mill-benefiċjarji u l-ġbir tat-tariffi u, min-naħa l-oħra, li dawn kellhom bħala effett li jnaqqsu l-ammont ta’ l-għajnuniet effettivament irċevuti minn dawn il-benefiċjarji.
39 Minn dan isegwi li ġbir ta’ tariffi bħal dawk stabbiliti mid-deċiżjoni konġunta tat-28 ta’ Mejju 1996 huwa inkompatibbli mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88 u, għaldaqstant, peress li hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Portugiża kisret it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jitqies li huwa fondat f’dan ir-rigward.
40 Barra minn hekk, mhemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ l-obbligi ġenerali li jinsabu fid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 KE li huwa distint min-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu, preċedentement ikkonstatati, għall-obbligi Komunitarji aktar speċifiċi li r-Repubblika Portugiża kienet marbuta li twettaqhom skond ir-Regolament Nru 4253/88.
41 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat fir-rigward ta’ dan il-punt.
42 Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, meta ppermettiet lill-Ifadap li tistabbilixxi, u li taċċetta li żżomm fis-seħħ, proċedura ta’ għoti ta’ għajnuniet finanzjarji tal-Fondi Strutturali Komunitarji li jinkludu formalitajiet sostanzjali li jimplikaw il-ħlas ta’ tariffi li la huma volontarji u lanqas fakultattivi u li ma jikkostitwixxux ir-remunerazzjoni ta’ servizzi dovuti, imma li jservu sabiex jiffinanzjaw missjonijiet li huma obbligu ta’ l-Istat Portugiż, b’mod partikolari skond id-dritt Komunitarju, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond ir-Regolament Nru 4253/88.
Fuq l-ispejjeż
43 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi
1) Meta ppermettiet lill-Instituto de Financiamento e Apoio ao Desenvolvimento da Agricultura e Pescas (l-Istitut għall-finanzjament u l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ l-agrikoltura u tas-sajd) tistabbilixxi, u li taċċetta li żżomm fis-seħħ, proċedura ta’ għoti ta’ għajnuniet finanzjarji tal-Fondi Strutturali Komunitarji li jinkludu formalitajiet sostanzjali li jimplikaw il-ħlas ta’ tariffi li la huma volontarji u lanqas fakultattivi u li ma jikkostitwixxux ir-remunerazzjoni ta’ servizzi dovuti, imma li jservu sabiex jiffinanzjaw missjonijiet li huma obbligu ta’ l-Istat Portugiż, b’mod partikolari skond id-dritt Komunitarju, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88 tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 għal dak li jikkonċerna l-koordinazzjoni bejn l-interventi tal-Fondi Strutturali differenti, minn naha, u bejniethom u bejn dawk tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħra, min-naħa l-oħra, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta’ l-20 ta’
2) Ir-Repubblika Portugiża għandha tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.
Full & Egal Universal Law Academy