SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
tat-23 ta' Frar 2006 (*)
"Kompetenzi tal-Kummissjoni – Proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implementazzjoni – Implementazzjoni tal-programm Forest Focus"
Fil-kawża C-122/04
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fil-5 ta' Marzu 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C.-F. Durand u M. van Beek, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn K. Bradley u M. Gómez-Leal, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn I. Díez Parra u M. Balta, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuti
sostnuti minn
Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
partijiet intervenjenti
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Ġunju 2005,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Settembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2152/2003 tas-17 ta' Novembru 2003, li jirrigwarda monitoraġġ ta' foresti u interazzjonijiet ambjentali tal-Komunità (Forest Focus) (ĠU L 324, p. 1, iktar 'l quddiem ir-"Regolament Forest Focus"), safejn dan jissuġġetta l-adozzjoni tal-miżuri ta' implementazzjoni tal-programm Forest Focus għall-proċedura ta' regolamentazzjoni, prevista mill-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implementazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23, iktar 'il quddiem "it-tieni deċiżjoni kumitoloġija"), u li tippreżerva l-effetti tar-Regolament imsemmi iktar 'il fuq sakemm jiġi emendat, fl-iqsar żmien possibbli wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
2 B'digriet tal-President tal-Qorti tal-15 ta' Lulju 2004, Ir-Renju ta' Spanja u R-Repubblika tal-Finlandja tħallew jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Il-kuntest ġuridiku
It-Trattat KE
3 Skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 202 KE:
"Sabiex jiġi assigurat li jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan it-Trattat, u taħt il-kondizzjonijiet stipulati fih, il-Kunsill għandu
[...]
– jagħti lill-Kummissjoni, fl-atti li jadotta l-Kunsill, il-poteri għall-implimentazzjoni tar-regoli li l-Kunsill jippreskrivi. Il-Kunsill jista' jimponi ċerti rekwiżiti fl-eżerċizzju ta' dawn il-poteri. Il-Kunsill jista' wkoll jirriserva d-dritt, f'każi speċifiċi, li jeżerċita huwa nnifsu direttament il-poteri ta' implimentazzjoni. Il-proċedura msemmija hawn fuq għandha tkun taqbel mal-priċipji u mar-regoli li jkunu preskritti minn qabel mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikseb l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew"
It-tieni deċiżjoni kumitoloġija
4 It-tieni deċiżjoni kumitoloġija ġiet adottata fuq il-bażi tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 202 KE.
5 Hija ħadet il-post tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/373/KEE tat-13 ta' Lulju 1987, li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implementazzjoni kkonferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 197, p. 33).
6 Skond l-Artikolu 2 tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija:
"L-għażla tal-metodi proċedurali għall-adozzjoni tal-miżuri ta' implementazzjoni għandha [ssegwi] l-kriterji li ġejjin:
a) [Il-]miżuri ta' amministrazzjoni, bħal dawk relatati ma' l-applikazzjoni tal-politka agrikola komuni u mal-politika komuni dwar is-sajd, jew dawk relatati ma' l-implementazzjoni ta' programmi [b'effetti kunsiderevoli] fuq l-[estimi], għandhom jiġu adottati permezz ta' l-użu tal-proċedura ta' l-amministrazzjoni.
b) [Il-]miżuri ta' [portata] ġenerali maħsuba biex japplikaw dispożizzjonijiet essenzjali ta' strumenti bażiċi, inklużi miżuri rigward il-protezzjoni tas-saħħa jew is-sigurtà tal-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti, għandhom jiġu adottati bl-użu tal-proċedura regolatorja.
Fejn strument bażiku jistipula li ċerti dispożizzjonijiet mhux essenzjali ta' l-istrument jistgħu jiġu adattati jew aġġornati permezz ta' proċeduri ta' implementazzjoni, dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati bl-użu tal-proċedura regolatorja;
c) [Bla ħsara] għall-punti (a) u (b), il-proċedura konsultattiva għandha tintuża f'kull każ fejn jitqies li tkun l-iktar [xierqa]."
7 L-Artikoli 3 sa' 6 ta' l-imsemmija deċiżjoni jiddefinixxu erba' proċeduri, rispettivament imsemmija "Proċedura konsultattiva" (Artikolu 3), "Proċedura ta' l-amministrazzjoni" (Artikolu 4), "Proċedura regolatorja" (Artikolu 5) u "Proċedura ta' salvagwardja" (Artikolu 6).
8 Skond l-Artikoli 4(1) u 5(1) ta' l-istess deċiżjoni, Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna rispettivament minn kumitat ta' l-amministrazzjoni u minn kumitat regolatorju, it-tnejn li huma komposti minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppreseduti mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.
9 L-Artikolu 4 (3) u (4) tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija jipprovdi:
"3. Il-Kummissjoni għandha, [bla ħsara] għall-Artikolu 8, tadotta miżuri li għandhom ikunu [applikabbli] minnufih. Iżda, jekk dawn il-miżuri ma jkunux [konformi ma'] l-opinjoni tal-kumitat, dawn għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'dan il-każ, il-Kummissjoni tista' tiddifferixxi l-applikazzoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet fuqhom għal perjodu li għandu jiġi stabbilit f'kull strument bażiku iżda li fl-ebda każ ma jkun jeċċedi t-tliet xhur mid-data ta' [dik il-]komunikazzjoni.
4. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-perjodu previst fil-paragrafu 3."
10 L-Artikolu 5 (3) sa' (6) ta' l-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:
"3. Il-Kummissjoni għandha, [bla ħsara] għall-Artikolu 8, tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu [konformi ma'] l-opinjoni tal-kumitat.
4. Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux [konformi ma'] l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tresssaq quddiem il-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew.
5. Jekk il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta mressqa mill-Kummissjoni skond l-istrument bażiku adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat tkun teċċedi s-setgħat ta' implementazzjoni previsti minn dak l-istrument bażiku, dan għandu jinforma lill-Kunsill bil-pożizzjoni tiegħu.
6. Il-Kunsiil jista', [jekk ikun il-każ fid-dawl eventwali ta' dik] il-pożizzjoni, jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata dwar il-proposta, f'perjodu ta' żmien li għandu jiġi stabbilit f'kull strument bażiku iżda li fl-ebda każ ma jkun jeċċedi t-tliet xhur mid-data tar-referenza lill-Kunsill.
Jekk, f'dak il-perjodu, il-Kunsill ikun wera, permezz ta' maġġoranza kkwalifikata, li jkun jopponi l-proposta, il-Kummissjoni għandha tikkunsidraha mill-ġdid. Din tista' tippreżenta proposta emendata lill-Kunsill, terġa' tressaq l-istess proposta jew tippreżenta proposta leġiżlattiva fuq il-bażi tat-Trattat.
Jekk, wara li jiskadi dak il-perjodu, il-Kunsill la jkun adotta l-att propost ta' implementazzjoni u lanqas ikun wera l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta tal-miżuri ta' implementazzjoni, l-att propost ta' implementazzjoni għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni."
11 L-Artikolu 7 tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija jikkonċerna l-kumitati.
12 L-Artikolu 8 ta' l-imsemmija deċiżjoni jikkontempla l-każ fejn il-Parlament jindika li abbozz ta' miżuri ta' implementazzjoni jeċċedi s-setgħat ta' implementazzjoni previsti fl-istrument bażiku.
Ir-Regolament Forest Focus
13 Ir-Regolament Forest Focus ġie adottat b'mod partikolari fuq il-bażi ta' l-Artikolu 175 KE.
14 Skond l-Artikolu 1 tiegħu, l-imsemmi Regolament "[jistabilixxi] [s]kema Komunitarja għall-monitorjar fuq bażi wiesa', armonizzata u komprensiva tal-kondizzjoni ta' foresti, (minn issa 'l quddiem msejħa "l-iskema") [sabiex]:
a) tkompli u tiżviluppa aktar:
– monitorjar [monitoraġġ] ta' tniġġiż ta' l-arja u ta' l-e[f]fetti tat-tniġġiż ta' l-arja u ta' aġenti u fatturi oħra li għandhom impatt fuq il- foresti, bħal mhuma fatturi bijotiċi u abijotiċi u fatturi ta' oriġini antropoġenika,
– monitorjar ta' nirien fil-foresti u l-kawżi u l-effetti tagħhom,
– prevenzjoni ta' nirien fil-foresti;
b) tistma l-ħtiġijiet għal u tiżviluppa l-monitorjar ta' ħamrija, sekwestrar tal-karbonju, effetti ta' bdil tfil-klima u bijodiversita, kif ukoll funzjonijiet protettivi ta' foresti;
c) tevalwa kontinwament l-effiċjenza ta' l-attivitajiet ta' monitorjar fl-istima tal-kondizzjoni ta' foresti u aktar żvilupp ta' attivita ta' monitorjar
[…]"
15 Skond l-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmi regolament:
"L-iskema għandha tipprovdi għal azzjonijiet nominati [intiżi] li:
a) jippromwovu l-ġbir, il-maniġġ bl-idejn u l-istima armonizzati ta' fatti magħrufa (data);
b) itejbu evalwazzjoni tal-fatti magħrufa (data) u jippromwovu evalwazzjoni integrata ta' fatti magħrufa (data) fil-livell tal-Komunità;
c) itejbu l-kwalità ta' fatti magħrufa (data) u tagħrif miġbura skond l-iskema;
d) jiżviluppaw aktar l-attivita ta' monitorjar ta' l-iskema;
e) itejbu u jmexxu l-quddiem l-għarfien dwar foresti u, partikolarment, l-impatt ta' pressa (stresses) naturali u antropoġenika;
f) jistudjaw id-dinamiċi ta' nirien fil-foresti u l-kawżi u l-impatti tagħhom fuq il-foresti;
g) jiżviluppaw indikaturi kif ukoll metodoloġiji għal stima ta' riskju rigward pressa moltipla [il-ħafna pressjonijiet] fuq foresti matul iż-żmien u l-ispazju."
16 It-Taqsimiet 2 u 3 tar-Regolament Forest Focus, rispettivament imsemmija "Monitorjar u għodda biex titjieb u tiżviluppa l-iskema" u "Programmi nazzjonali, kordinazzjoni u koperazzjoni", jinkludu l-Artikoli 4 sa' 7 u 8 sa' 11.
17 L-Artikolu 12 tar-Regolament Forest Focus jipprovdi li l-iskema għandha tinfirex fuq perijodu ta' erba' snin mill-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2006.
18 L-Artikolu 13(1) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li l-qafas finanzjarju għall-implementazzjoni ta' l-iskema għall-perijodu 2003 sa 2006 għandu jkun 61 miljun EUR, li minnhom 9 miljun EUR jistgħu jintużaw għal miżuri ta' prevenzjoni ta' nirien.
19 Skond it-tmintax-il premessa ta' l-istess Regolament:
"Dan ir-Regolament jippreskrivi, għat-tul taż-żmien intier tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-riferenza ewliena, fit-tifsira ta' punt 33 tal-Ftehim Intra-istituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina fl-estimi u titjib tal-proċedura ta' l-estimi [13], għall-awtorita ta' l-estimi matul il-proċedura ta' l-estimi ta' kull sena."
20 L-erba' u għoxrin premessa tar-Regolament Forest Focus tipprovdi:
"Il-miżuri ta' [portata] ġenerali meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati bi qbil [mat-tieni deċiżjoni kumitoloġija]."
21 L-Artikolu 17(2) ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi:
"Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 li jinstabu fiha.
[…]"
22 Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Forest Focus li ġejjin jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-paragrafu:
"Artikolu 4
1. Hija u tibni fuq il-kisbiet ta' Regolament Nru 3528/86 [Regolament tal-Kunsill (KEE) tas-17 ta' Novembru 1986 dwar il-protezzjoni tal-foresti fil-Komunità mit-tniġġiż ta' l-arja (ĠU L 326, p.2)], l-iskema għandha:
a) tkompli u tiżviluppa aktar ix-xibka sistematika ta' punti ta' osservazzjoni sabiex tikkonduċi inventorji perjodiċi sabiex tiġbor tagħrif rappreżentattiv dwar il-kondizzjoni ta' foresti;
b) tkompli u tiżviluppa aktar ix-xibka ta' plottijiet ta' osservazzjoni, li fuqhom monitorjar intensiv u kontinwu ta' foresti huwa mwettaq.
2. Regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat il-paragrafu 1 għandhom jiġu preskritti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 5
Hija u tibni fuq il-kisbiet ta' Regolament Nru 2158/92 [Regolament tal-Kunsill (KEE) tat-23 ta' Lulju 1992 dwar il-protezzjoni tal-foresti tal-Komunità min-nirien (ĠU L 217, p. 3), l-iskema għandha tkompli u tiżviluppa aktar is-sistema ta' tagħrif sabiex tiġbor tagħrif komparabbli dwar nirien fil-foresti fil-livell tal-Komunità.
L-iskema għandha tippermetti lill-Istati Membri li jikkonduċu studji dwar l-identifikazzjoni tal-kawżi u d-dinamiċi ta' nirien fil-foresti, kif ukoll dwar l-impatti tagħhom fuq foresti. Dawn l-istudji għandhom jikkumplementaw attivitajiet u miżuri rigward nirien fil-foresti li jindaħlu għalihom bi qbil mad-Deċiżjoni 1999/847/KE [Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 1999 li tistabilixxi programm ta' azzjoni Komunitarju fil-qasam tal-protezzjoni ċivili (ĠU L 327, p. 53)], mar-Regolament Nru 1257/1999 [Regolament tal-Kunsill (KE) tas-17 ta' Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU L 160, p. 8)] u mar-Regolament Nru 1615/89 [Regolament tal-Kunsill (KEE) tad-29 ta' Mejju 1989 li jistabbilixxi sistema Ewropea ta' tagħrif u komunikazzjoni dwar il-Foresti (SETKF) (ĠU L 165, p. 12)].
[Barra minn dan] sal-31 ta' Diċembru 2005, kampanji li jqajmu l-għarfien tal-pubbliku u taħriġ speċjali għal aġenti nvoluti f'interventi ta' prevenzjoni tan-nar għandhom jiġu finanzjati separatament bi qbil ma' l-Artikolu 13(1), minbarra jekk dawn il-miżuri jkunu nklużi fil-programmi rurali ta' żvilupp.
[…]
5. Regoli dettaljati sabiex jiġu implimentati l-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu preskritti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 6
1. Biex jiġu realizzati l-għanijiet dikjarati fl-Artikolu 1(1)(b) l-iskema għandha tiġi żviluppata permezz ta' studji, esperimenti, proġetti ta' turija, testjar fuq bażi pilota u stabbiliment ta' attivitajiet ġodda ta' monitorjar. Il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, tiżviluppa l-iskema, partikolarment biex:
a) ittejjeb u tmexxi l-quddiem l-għarfien dwar il-kondizzjoni ta' foresti u art oħra bis-siġar (other wooded land) kif ukoll ir-relazzjoni bejn il-kondizzjoni tagħhom u fatturi ta' pressa (stress) naturali u antropoġeniċi;
b) tistma impatti ta' bdil fil-klima fuq foresti u art oħra bis-siġar (other wooded land), inklużi impatti fuq id-diversita bijoloġika tagħhom u r-relazzjoni tagħhom ma' sekwestrar tal-karbonju u l-ħamrija;
c) hija u tqis l-indikaturi eżistenti rilevanti, tidentifika l-elementi ewlenija ta' l-ekosistema strutturali u funzjonali li jridu jintużaw bħala indikaturi għall-istima ta' l-istat u x-xejriet ta' diversita bijoloġika fil-foresti u l-funzjonijiet protettivi ta' foresti.
2. Parallelli mal-miżuri dikjarati fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, mat-talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tagħhom stess, iwettqu studji, esperimenti, proġetti ta' turija jew fażi ta' monitorjar tat-test.
3. Il-miżuri dikjarati f'paragrafi 1 u 2 għandhom igħinu biex jidentifikaw għażliet għall-istabbiliment ta' attivitajiet ġodda ta' monitorjar skond l-iskema, li għandhom jikkontribbwixxu sostanzjalment għat-tagħrif u l-bżonnijiet ta' monitorjar fl-oqsma mniżżla f'lista taħt l-Artikolu 1(1)(b). L-implimentazzjoni ta' dawn l-attivitajiet għandha titqies bħala parti mir-reviżjoni riferita fl-Artikolu 18, Hija u tiżviluppa l-iskema, il-Kummissjoni għandha tqis bżonnijiet u restrizzjonijiet xjentifiċi kif ukoll finanzjarji.
4. Regoli dettaljati sabiex jiġu implimentati l-paragrafi 1, 2 u 3, inklużi deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' attivitajiet ġodda ta' monitorjar, għandhom jiġu preskritti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 7
1. Biex jiġu realizzati l-għanijiet dikjarati fl-Artikolu 1(1)(ċ) u b'żieda ma' l-azzjonijiet dikjarati fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni, f'koperazzjoni mill-viċin ma' l-Istati Membri, għandha tikkonduċi studji, esperimenti u proġetti ta' turija sabiex:
a) tippromwovi l-ġbir, il-maniġġ bl-idejn u l-istima armonizzati ta' fatti magħrufa (data) fil-livell Komunità;
b) ittejjeb evalwazzjoni ta' fatti magħrufa (data) fil-livell tal-Komunità;
c) ittejjeb il-kwalità ta' fatti magħrufa (data) u tagħrif miġbura skond l-iskema.
[…]
3. Regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat il-paragrafu 1 għandhom jiġu preskritti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 8
1. L-attivitajiet provvduti fl-Artikoli 4, 5, 6(2) u (3) u 7(2) għandhom jiġu mplimentati skond programmi nazzjonali, li jridu jitfasslu mill-Istati Membri għal perjodi ta' sentejn.
2. Il-programmi nazzjonali għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni fi żmien sittin jum wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u wara dan qabel l-1 ta' Novembru fis-sena ta' qabel id-data tal-bidu ta' kull perjodu ta' tliet snin.
3. L-Istati Membri għandhom jadattaw il-programmi nazzjonali tagħhom ma' l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, partikolarment sabiex jippermettu l-estenzjoni ta' l-attivita ta' monitorjar, żviluppata bi qbil ma' l-Artikolu 6, meta stabbilita.
4. Il-programmi nazzjonali għandhom jiġu akkompanjati minn evalwazzjoni ex ante meta jingħataw lill-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom iwettqu wkoll evalwazzjonijiet f'nofs l-iskond fl-aħħar tat-tielet sena tal-perjodu indikat fl-Artikolu 12 u evalwazzjonijiet ex post fl-aħħar ta' dak il-perjodu.
5. Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-programmi nazzjonali sottomessi, jew fuq il-bażi ta' kull adattament approvat ta' dawn il-programmi nazzjonali, tiddeċiedi dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż eliġibbli.
6. Regoli dettaljati sabiex jiġu mplimentati l-paragrafi 1 sa 5 għandhom jiġu preskritti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 17(2), huma u jitqiesu mekkaniżmi ta' monitorjar nazzjonali, Ewropej u internazzjonali sabiex jiġi evitat kull piż amministrattiv addizzjonali.
Artikolu 9
[…]
3. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp xjentifiku konsultattiv li għandu jgħin lill-Kumitat Permanenti ta' Forestrija fit-tħejjija tax-xogħol tiegħu, partikolarment biex jiżviluppa l-iskema kif riferita fl-Artikolu 6.
[…]
6. Regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat il-paragrafu 3 għandhom jiġu preskritti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 10
1. Biex jiġu armonizzati l-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 4, 5 u 6(3) u biex tiġi żgurata l-komparabilita ta' fatti magħrufa (data), manwali għandhom jispeċifikaw parametri mandatorji u b'għażla u jippreskrivu l-metodi ta' monitorjar kif ukoll il-formats tal-fatti magħrufa (data) li jridu jintużaw għat-trasmissjoni tal-fatti magħrufa (data). Manwali għandhom jibnu fuq sistemi eżistenti meta disponibbli u xierqa.
2. Regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat il-paragrafu 1 għandhom jiġu preskritti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 14
1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-korpijiet kompetenti biex imexxu l-attivitajiet inklużi fil-programmi nazzjonali approvati, fuq il-bażi tal-kapaċita finanzjarja u operazzjonali ta' dan il-korpijiet. Dawk il-korpijiet jistgħu jkunu jew amministrazzjonijiet nazzjonali jew entitajiet oħra, suġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta' entitajiet privati b'missjoni ta' servizz pubbliku li tipprovdi garanziji finanzjarji adegwati u tikkonforma mal-kondizzjonijiet provvduti fir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan il-paragrafu.
2. Mingħajr preġudizzju għall-awtoritajiet kompetenti eżistenti, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet u l-aġenziji li għandhom l-poter li jwettqu l-miżuri adottati bi qbil ma' dan ir-Regolament.
3. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għat-tmexxija soda u effiċjenti tal-kontribuzzjoni tal-Komunità. Għal dan il-għan, għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex:
a) jiżguraw li l-attivitajiet finanzjati mill-Komunità huma fil-fatt imwettqa u li huma mwettqa fil-manjiera xierqa, għalhekk jiżguraw il-viżibilita tal-kontribuzzjoni tal-Komunità;
b) jipprevjenu kull irregolarita;
c) jirkupraw ħlasijiet mitlufa minħabba xi irregolarita jew negliġenza;
d) jiżguraw li l-korpijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom sistemi interni ta' tmexxija u kontroll xierqa;
e) jiżguraw li, jekk il-korpijiet imsemmija fil-paragrafu 1 mhumiex entitajiet pubbliċi l-Istati Membri jkunu garanti għalihom.
4. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif kollu meħtieġ u għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha li jistgħu jiffaċilitaw spezzjonijiet, inklużi l-ispezzjonijiet fuq il-post mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri, li l-Kummissjoni tqis xieraq għall-għanijiet tat-tmexxija ta' finanzjament tal-Komunità. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'kull arranġament li jsir għal dan il-għan.
5. Regoli dettaljati sabiex jiġu implimentati l-paragrafi 1 sa 4 għandhom jiġu preskritti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 15
1. L-Istati Membri għandhom ta' kull sena, permezz ta' l-awtoritajiet u l-aġenziji nominati, jibgħatu lill-Kummissjoni l-fatti magħrufa (data) miġbura skond l-iskema, flimkien ma' rapport dwarhom.
Il-fatti magħrufa għandhom jiġu geo-referenced u trasmessi lill-Kummissjoni permezz ta' telekomunikazzjonijiet tal-kompjuter u/jew teknoloġija elettronika. Il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni mill-viċin ma' l-Istati Membri, tistabbilixxi l-format u partikolaritajiet meħtieġa għal din it-trasmissjoni.
[…]
4. Regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat il-paragrafu 1 għandhom jiġu preskritti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 16
[…]
3. Kull Stat Membru għandu jfassal rapport dwar is-sitwazzjoni nazzjonali rigward materji koperti mill-attivitajiet ta' monitorjar riferiti fl-Artikolu 6(3), meta stabbiliti.
Linji ta' gwida għar-rappurtaġġ u l-perjodu ta' rappurtaġġ għandhom jiġu preskritti bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 17(2)."
23 Matul l-adozzjoni tar-Regolament Forest Focus, il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni li fiha, b'mod partikolari, qalet :
"Peress li l-miżuri esposti fil-proposta jirrigwardaw l-implementazzjoni ta' programmi li għandhom implikazzjonijiet serji fuq l-estimi, il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li dawn għandhom jiġu adottati fuq il-bażi tal-proċedura ta' amministrazzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Dwar ir-rikors
24 Sabiex issostni r-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka motiv wieħed biss, li bih hija ssostni li l-Parlament u l-Kunsill ma rrispettawx l-obbligu ta' motivazzjoni.
L-argumenti tal-Kummissjoni
25 Il-Kummissjoni tqis li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija ma ġewx irrispettati.
26 Skond il-Kummissjoni, il-miżuri ta' eżekuzzjoni li għandhom jiġu adottati għar-Regolament Forest Focus huma miżuri ta' amministrazzjoni li jikkonċernaw programm ta' azzjoni. Issa, għall-implementazzjoni tal-programmi Komunitarji, fil-prinċipju, hija biss il-proċedura ta' amministrazzjoni jew, skond il-każ, il-proċedura konsultattiva, li hija applikabbli.
27 Hija ssostni li, f'dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta' programm, il-miżuri ta' eżekuzzjoni, anki dawk ifformulati f'termini ġenerali u li huma strettament marbutin ma' l-amministrazzjoni u l-implementazzjoni ta' dan il-programm, jaqgħu taħt l-Artikolu 2(a) tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija.
28 Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-kumitat regolatorju skond l-Artikolu 2(b) ta' din id-deċiżjoni huma intiżi mhux biss għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-pjanti bħala tali, iżda fuq kollox sabiex jassiguraw is-sigurtà tal-konsumaturi, indipendentement minn jekk il-pjanti jiġux ikkunsmati direttament jew indirettament permezz ta' l-annimali. Il-miżuri ta' implementazzjoni ta' att tal-Parlament, li l-għan prinċipali tagħhom ikun, bħal fil-każ in eżami, il-protezzjoni ta' l-ambjent u mhux ta' l-agrikoltura, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta' protezzjoni tas-sigurtà tal-pjanti. Dan jirriżulta aktar minn hekk mill-fatt li l-miżuri ta' implementazzjoni li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi tar-Regolament Forest Focus bl-ebda' mod ma jikkonċernaw il-foresti stess, iżda s-sistemi ta' amministrazzjoni li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta' attivitajiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-estimi Komunitarji.
29 Il-Kummissjoni żżid li l-miżuri previsti mir-Regolament Forest Focus huma eżattament ta' l-istess natura bħal dawk previsti mir-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1655/2000 tas-17 ta' Lulju 2000, dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE) (ĠU L 192, p. 1, iktar 'il quddiem "ir-Regolament Life"), li kien is-suġġett tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, imsemmija "Life" (C-378/00, Ġabra p. I-937).
30 Billi tirreferi għall-punti 53 u 54 tas-sentenza Life, iċċitata iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tosserva li l-għan intiż għal iktar koerenza u prevedibbiltà fl-għażla tat-tip tal-kumitat ikun mittiefes jekk il-leġiżlatur Komunitarju jkun jista', matul l-adozzjoni ta' strument bażiku li jikkonferixxi lill-Kummissjoni kompetenzi ta' implementazzjoni, iwarrab kriterji ddefiniti mit-tieni deċiżjoni kumitoloġija mingħajr ma jagħti r-raġunijiet li wassluh jagħmel dan.
31 Hija tqis li, biż-żieda tal-kliem "[portata] ġenerali", l-erba' u għoxrin premessa tar-Regolament Forest Focus ma żżid l-ebda' element supplementari f'termini ta' motivazzjoni f'dak li jirrigwarda l-premessa standard li tidher fl-atti kollha li jipprovdu l-uzu tal-kumitoloġija. Għalhekk inkiser l-obbligu ta' motivazzjoni marbut ma' l-għażla tal-Kunsill u tal-Parlament li jużaw proċedura differenti minn dik li tirriżulta mill-kriterji msemmija fl-Artikolu 2 tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 Mill-punti 49 u 56 tas-sentenza Life, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta li għalkemm il-kriterji msemmija fl-Artikolu 2 tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija m'għandhomx natura obbligatorja, għaliex il-leġiżlatur Komunitarju jista' jwarrab l-imsemmija kriterji fl-għażla ta' proċedura ta' kumitat, huwa għandu madankollu jimmotiva l-għażla tiegħu.
33 Qabel kollox għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, fil-każ in eżami, l-għażliet tal-leġiżlatur Komunitarju humiex konformi mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 2(b) ta' l-imsemmija Deċiżjoni.
34 Skond l-ewwel inċiż ta' din id-dispożizzjoni, il-proċedura regolatorja għandha tingħażel meta jkun hemm miżuri ta' portata ġenerali intiżi sabiex japplikaw l-elementi essenzjali ta' strument bażiku.
35 Dan il-kunċett għandu jiġi kkuntrastat mal-kunċett ta' "miżuri ta' amministrazzjoni" skond l-artikolu 2(a) tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija. L-imsemmija miżuri ta' amministrazzjoni jinkludu, b'mod partikolari, dawk li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta' programmi li jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-estimi.
36 F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li t-tieni deċiżjoni kumitoloġija ġiet adottata fuq il-bażi tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 202 KE.
37 Il-kunċett ta' implementazzjoni fis-sens ta' dan l-Artikolu jinkludi, fl-istess ħin, l-elaborazzjoni tar-regoli ta' applikazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli għal każijiet partikolari permezz ta' atti ta' portata individwali (ara s-sentenza ta' l-24 ta' Ottubru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 16/88, Ġabra p. 3457, punt 11).
38 Jekk il-miżuri ta' portata individwali jaqgħu biss taħt l-Artikolu 2(a) tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija, il-miżuri ta' portata ġenerali jistgħu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' kull waħda miż-żewġ partijiet ta' l-imsemmi Artikolu.
39 Fil-fatt, fil-punt 61 tas-sentenza LIFE, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qablet mal-konklużjoni ta' l-Avukat Ġenerali li tgħid li l-linji gwida li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għalihom il-proġetti setgħu jibbenefikaw minn finanzjament taħt il-programm in kwistjoni kienu marbutin għal kollox ma' l-implementazzjoni ta' dan il-programm u ma kinux jikkostitwixxu "miżuri ta' [portata] ġenerali maħsuba sabiex japplikaw dispożizzjonijiet essenzjali ta' strumenti bażiċi" skond l-Artikolu 2(b) tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikathom bħala miżuri ta' amministrazzjoni li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta' programm skond l-Artikolu 2(a) ta' din id-Deċiżjoni.
40 Sabiex jiġu identifikati l-kampijiet ta' applikazzjoni ta' l-ewwel żewġ partijiet ta' l-imsemmi Artikolu, għandhom jiġu mfakkra l-karatteristiċi taż-żewġ proċeduri intiżi minnhom. Meta mqabbla mal-proċedura ta' amministrazzjoni, il-proċedura regolatorja tagħti rwol ikbar lill-Kunsill. Barra minn dan , bil-kontra ta' l-ewwel waħda, it-tieni, f'ċerti ċirkustanzi, tipprovdi għall-intervent tal-Parlament.
41 Fid-dawl ta' dawn id-differenzi, "miżuri ta' amministrazzjoni relatati ma' l-implementazzjoni tal-programmi" skond l-Artikolu 2(a) tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija għandhom jiġu kkwalifikati, minn naħa, bħala miżuri ta' portata individwali adottati għal dan il-għan (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punti 15 u 18) u, min-naħa l-oħra, bħala miżuri ta' portata ġenerali strettament marbutin magħhom u li jagħmlu parti mill-kuntest żviluppat biżżejjed mill-istrument bażiku stess.
42 F'dak li jirrigwarda s-sistema mwaqqfa mir-Regolament Forest Focus, mingħajr ebda' dubju dan huwa programm Komunitarju, kif jirriżulta b'mod partikolari mit-tmintax-il premessa ta' l-imsemmi Regolament.
43 Madankollu, il-Kunsill ġustament qies, bħala elementi essenzjali tas-sistema Forest Focus li għadhom ma ġewx żviluppati biżżejjed mir-Regolament Forest Focus sabiex ikunu s-suġġett ta' miżuri ta' portata ġenerali, adottati bħala miżuri ta' amministrazzjoni relatati ma' l-implementazzjoni tal-programmi, dawn li ġejjin:
– is-sorveljanza u l-għodda għat-titjib u l-iżvilupp tas-sistema, previsti fl-Artikoli 4(2), 5(5), 6(4) u 7(3) tar-Regolament Forest Focus;
– id-dispożizzjonijiet dwar il-programmi nazzjonali li għalihom, skond l-Artikolu 8(6) ta' dan ir-Regolament, għandhom jittieħdu l-proċeduri ta' applikazzjoni fil-kunsiderazzjoni tal-mekkaniżmi ta' sorveljanza nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, sabiex jiġu evitati spejjeż amministrattivi żejda;
– il-grupp xjentifiku konsultattiv, previst fl-Artikolu 9(6) ta' l-istess Regolament;
– il-manwali li għandhom b'mod partikolari jistabilixxu l-metodi ta' sorveljanza, previsti fl-Artikolu 10(2) ta' l-imsemmi Regolament;
– il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta' entitajiet privati indikati mill-Istati Membri bħala entitajiet kompetenti sabiex jamministraw l-attivitajiet previsti fil-programmi nazzjonali approvati, liema programmi għandhom ikunu previsti f'regoli dettaljati li għandhom jiġu adottati skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament Forest Focus;
– il-kontroll ġenerali tas-sistema u b'mod partikolari l-amministrazzjoni tal-kontribuzzjoni Komunitarja mill-Istati Membri, previsti fl-istess dispożizzjoni; u
– L-obbligi ta' informazzjoni imposti fuq l-Istati Membri mill-Artikoli 15(1) u 16(3) ta' l-imsemmi Regolament, li b'mod partikolari huma ddestinati għall-promozzjoni ta' l-evalwazzjoni sħiħa tad-data fuq livell Komunitarju u sabiex jippermettu l-kontroll ta' l-effiċjenza tas-sistema u li l-kontenut tagħhom għandu jiġi ppreċiżat rispettivament permezz ta' miżuri ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 15(4) ta' l-imsemmi Regolament u permezz ta' linji gwida skond l-Artikolu 16(3) ta' l-istess Regolament.
44 Bil-kontra ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sentenza LIFE, iċċitata iktar 'il fuq, ma tippermettix li jiġi konkluż li l-miżuri kollha in kwistjoni f'din il-kawża huma miżuri ta' amministrazzjoni relatati ma' l-implementazzjoni tal-programmi. Fil-fatt, jekk minn naħa, fir-Regolament LIFE, il-leġiżlatur Komunitarju ddefinixxa, fid-dettall ħafna, il-prinċipji li fuqhom il-Kummissjoni, fuq proposta ta' l-Istati Membri, setgħet tapprova l-proġetti li setgħu jibbenefikaw minn għajnuna, min-naħa l-oħra, bl-adozzjoni tar-Regolament Forest Focus, l-imsemmi leġiżlatur ħoloq biss qafas ta' azzjoni wiesgħa u ġenerali. Kif jirriżulta mill-punt preċedenti, dan huwa aktar żvilupp ta' sistema speċifika milli implementazzjoni ta' aspetti li diġà ġew iddefiniti b'mod ċar.
45 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar 'il fuq jirriżulta li, fil-każ in eżami, il-leġiżlatur Komunitarju ma warrabx il-kriterji msemmija fl-Artikolu 2 tat-tieni deċiżjoni kumitoloġija. Huwa, għalhekk, ma kienx obbligat jimmotiva l-għażla tal-proċedura ta' kumitat magħmula fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Forest Focus.
46 Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
47 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-Parlament u mill-Kunsill. Skond l-Artikolu 69(4) Ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.
3) Ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy