SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Jannar 2005 (*)
"Ċereali – Sistema ta’ importazzjonijiet – Kwota Tariffarja Komunitarja għax-xgħir – Diskriminazzjoni"
Fil-kawża C-126/04
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz tad-Deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2004, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu 2004, fil-kawża
Heineken Brouwerijen BV
vs
Hoofdproductschap Akkerbouw,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President ta’ l-Awla, E. Juhász u M. Ilešič, imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
· għal Heineken Brouwerijen BV, minn H. Bronkhorst, advocaat,
· għal Gvern Grieg, minn V. Kontolaimos u E. Svolopoulou, bħala aġenti,
· għal Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn M. Balta u K. Michoel, bħala aġenti,
· għal Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Clotuche-Duvieusart u D. W. V. Zijlstra, bħala aġenti,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni Preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1269/1999 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1999, u r-Regolament tal-Kunsill 822/2001 ta’ l-24 ta’ April 2001, li jistabbilixxu Kwota Tariffarja Komunitarja għax-xgħir li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 1003 00, (ĠU L 151, p.1, u ĠU L 120, p.1 rispettivament) kif ukoll fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 tat-30 Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali (ĠU L 181, p.21), kif emendat mir-Regolament Tal-Kunsill (KE) Nru 3290/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar l-aġġustamenti u l-arranġamenti tranżitorji meħtieġa fis-settur agrikolu sabiex jiġi implementat ftehim konkluż matul ir-Round Urugwajan tan-negozjati kummerċjali multilaterali (ĠU L 349, p. 105, iktar ’il quddiem ir-"Regolament Nru 1766/92"), u dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2023/2001 tal-15 ta’ Ottubru 2001, li jistabbilixxi d-dazji fuq l-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali (ĠU L 273, p.18).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Heineken Brouwerijen BV (iktar ’il quddiem "Heineken") u Hoofdproductschap Akkerbouw (Uffiċċju Ċentrali ta’ Kummerċjalizzazzjoni tal-Prodotti Agrikoli, iktar ’il quddiem il-"HPA") dwar id-dażji fuq l-importazzjoni dovuti fuq xgħir importati minn Heineken fil-Komunità.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1766/92 isemmi, taħt il-Kodiċi NM NC 1003 00, ix-xgħir fost il-prodotti li huma rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taċ-ċereali.
4 L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1766/92 jipprovdi:
"1. Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix xort’oħra, r-rati tad-dazju fit-Tariffa Doganali Komuni għandhom japplikaw għall-prodotti elenkati f’Artikolu 1.
2. Minkejja l-paragrafu 1, id-dazju ta’ l-importazzjoni fuq prodotti koperti bil-Kodiċi NM ex1001 barra merlin, 1002, 1003, ex1005 ta’ xort’oħra miż-żerriegħa ibrida, u ex1007 ta’ xort’ oħra minn ibrida għaż-żriegħ, għandhom ikunu ugwali għall-prezz ta’ intervent validu għal dawn il-prodotti fuq l-importazzjoni u żdied b’ 55 %, naqqas iċ-ċif, il-prezz ta’ l-importazzjoni applikabbli għall-kunsinna in-kwistjoni. Madankollu, dak id-dazju ma jistax jeċċedi r-rata ta’ dazju fit-Tariffa Doganali Komuni.
[…]"
5 Ir-Regolament Nru 2023/2001 jistabbilixxi d-dazji ta’ importazzjoni fis-settur taċ-ċereali.
6 L-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/96 tat-28 ta’ Ġunju 1996, dwar regoli ta’ applikazzjoni għar-Regolament Nru 1766/92 għal dak li jirrigwarda d-dazji fuq l-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali (ĠU L 161, p. 125), fil-verżjoni applikabbli tiegħu sa’ l-1 ta’ Lulju 2003, jipprovdi:
"Dazji ta’ importazzjoni għandhom ikunu mnaqqsa għar-rata bażi ta’ [...] 8 [EUR] għal kull tunnellata fuq xgħir [...] sakemm l-importatur juri li tħallas kumpens ta’ kwalità fuq il-prezz tal-prodott normali"
7 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1269/1999 jipprovdi:
"1. Kwota Tariffarja Komunitarja annwali ta’ 50000 tunnellata għax-xgħir ta’ kwalità superjuri li jaqa taħt il-kodiċi NM 1003 00, iddestinata għall-produzzjoni tax-xgħir użat fil-produzzjoni ta’ ċerti birer imqaddma f’reċipjenti li għandhom biċċiet tal-fagu, hija miftuħa għall-1999 u 2000.
2. Id-dazju tat-tariffa doganali komuni applikabbli hija stabbilita għal 50 % tar-rata sħiħa tad-dazju fis-seħħ, mingħajr it-tnaqqis applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ xgħir, fid-data ta’ l-importazzjoni."
8 L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 822/2001 jiftaħ ukoll, għas-snin 2001 u 2002, l-istess kwota Tariffarja Komunitarja ta’ "50000 tunnellata għax-xgħir ta’ kwalità superjuri li taqa’ taħt il-Kodiċi NM 1003 00, iddestinata għall-produzzjoni tax-xgħir użat fil-produzzjoni ta’ ċerti birer imqaddma f’reċipjenti li għandhom biċċiet tal-fagu". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 L-ewwel u t-tieni premessi tar-Regolamenti Nri 1269/1999 u 822/2001 jużaw il-kliem segwenti:
"(1) peress li l-Komunità intrabtet, fil-konklużjoni għan-negozjati fuq l-Artikolu XXIV, punt 6, tal-GATT (Ftehin Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ), li teżamina l-problemi identifikati fil-każ fejn il-funzjonament tas-sistema tal-'prezz rappreżentattiv' għaċ-ċereali jidher li huwa xkiel għall-kummerċ; fejn ċerti kunsinni ta’ xgħir iffaċċaw diffikultajiet;
(2) peress li, sabiex dawn l-ixkiel jiġu rimedjati, jeħtieġ li tinfetaħ [...] kwota Tariffarja Komunitarja għax-xgħir li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 1003 00". [Traduzzjonijiet mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 Heineken hija kumpannija ta’ dimensjoni internazzjonali, attiva fis-settur tal-produzzjoni w tal-bejgħ tal-birra.
11 Permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2001, l-HPA talbet lill-Heineken il-ħlas tas-somma ta’ 254.82 EUR bħala dazju fuq l-importazzjoni dovuta għall-importazzjoni ta’ 15177 kg ta’ xgħir minn din il-kumpannija. L-oġġezzjoni ppreżentata minn Heineken kontra din id-deċiżjoni ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tal-HPA tat-28 ta’ Ottubru 2002.
12 Heineken ressqet appell kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven. Peress li l-produtturi, bħal Heineken, li ma jipproduċux birer imqaddma f’reċipjenti li għandhom biċċiet tal-fagu ma setgħux jibbenefikaw minn kwoti tariffarji miftuħa permezz tar-Regolamenti Nru 1269/1999 u 822/2001 għas-snin 1999 sa 2002, dik il-qorti ssaqsi jekk il-leġiżlazzjoni komunitarja in kwistjoni hijiex diskriminatorja.
13 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċidiet tissospendi l-proċedimenti w li tagħmel is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Ir-Regolamenti […] Nri 1269/1999 u 822/2001 […] li jipprovdu kwoti Tariffarji Komunitarji biss għall-importazzjoni ta’ xgħir iddestinat għall-produzzjoni tal-birra mqaddma f’reċipjenti li għandhom biċċiet tal-fagu huma kompatibbli mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni kollha bejn produtturi prevista fl-Artikolu 34(2), it-tieni paragrafu, KE?
2) Fil-każ ta’ invalidità tar-regolamenti msemmija, id-dispożizzjonijiet flimkien ma’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament […] Nru 1766/92 […] u tar-Regolament […] Nru 2023/2001 […] madankollu jobbligaw li jiġi impost dazju fuq l-importazzjoni fuq ix-xgħir ta’ kwalità superjuri li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1003 00, iddestinata għall-produzzjoni tal-birra magħmula mix-xgħir?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
14 Heineken issostni li, għas-snin 1999 sa 2002, ir-Regolamenti Nru 1269/1999 u 822/2001 fetħu kwoti Tariffarji Komunitarji biss għax-xgħir ta’ kwalità superjuri li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1003 00 iddestinat għall-produzzjoni ta’ ċerti tipi ta’ birer. Ir-regolamenti kkonċernati jmorru kontra t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 34(2) KE peress li huma jwasslu għal trattament differenti mhux iġġustifikat bejn xgħir iddestinat għall-produzzjoni ta’ birer imqaddma f’reċipjenti li għandhom biċċiet tal-fagu u xgħir iddestinat għall-produzzjoni ta’ birer permezz ta’ metodi oħra.
15 Min-naħa l-oħra, il-gvern Grieg, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li r-regolamenti Nri 1269/1999 u 822/2001 ma jiksrux il-prinċipju ta’ non discriminazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-ftuħ ta’ kwoti Tariffarji għax-xgħir utilizzat għall-produzzjoni ta’ birer imqaddma f’reċipjenti li għandhom biċċiet tal-fagu jieħu in kunsiderazzjoni l-ħtiġiet tal-fornitura tas-suq tal-Komunità u tan-neċessità li jiġi protett il-bilanċ tiegħu. Min-naħa l-oħra, ikun oġġettivament iġġustifikat li jiġi ttrattat b’mod differenti x-xgħir iddestinat għall-produzzjoni ta’ tipi differenti ta’ birer.
16 Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 34(2) KE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni fil-Kuntest tal-Politika Agrikola Komuni, hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, li teħtieġ li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti w li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod simili sakemm differenza bħal din mhijiex oġġettivament iġġustifikata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill, 203/86, Ġabra p. 4563, punt 25; tas-17 April 1997, EARL de Kerlast, C-15/95, Ġabra p. I‑1961, punt 35; tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et, C-292/97, Ġabra p. I‑2737, punt 39, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Niemann, C-14/01, Ġabra p. I‑2279, punt 49).
17 F’dan il-każ partikolari, skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1766/92, id-dazji fuq l-importazzjoni għaċ-ċereali huma kkalkulati b’referiment għall-prezz ta’ intervent, minn naħa, u għall-prezz ta’ l-importazzjoni rappreżentattiv stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ikkwotati fis-suq dinji, min-naħa l-oħra.
18 Madankollu, kif jidher mill-ewwel u t-tieni premessi tar-Regolamenti Nri 1269/1999 u 822/2001, is-sistema tal-"prezz rappreżentattiv" wassal għal xkiel għall-kummerċ.
19 Il-Kunsill u l-Kummissjoni jispjegaw li d-dażji fuq l-importazzjoni li jirrigwardaw kemm ix-xgħir għall-għalf kif ukoll ix-xgħir – fin-nuqqqas ta’ prezzijiet distinti kkwotati disponibbli għal dan l-aħħar tip ta’ xgħir – huma kkalkulati permezz ta’ prezzijiet ikkwotati tax-xgħir għall-għalf ikkwotati fil-Borża taċ-ċereali ta’ Minneapolis (l-Istati Uniti ta’ l-Amerika). Peress li l-prezz tax-xgħir huwa nettament superjuri għall-prezz tax-xgħir għall-għalf, il-kalkolu previst fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1766/92 għandu l-effett li jagħmel l-importazzjoni tax-xgħir kważi impossibbli. It-tnaqqis tad-dazji previst fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1249/96 fil-fatt ma rriżultatx suffiċjenti sabiex ineħħi l-ostakli għall-kummerċ li jaffettwaw l-importazzjoni tax-xgħir.
20 Jirriżulta mill-ewwel u t-tieni premessi tar-Regolamenti Nri 1269/1999 u 822/2001 li l-ftuħ tal-kwoti tariffarji huma intiżi b’mod partikolari sabiex ineħħu l-ostakli, li kienu ġew ikkontestati mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika fir-rigward ta’ l-obbligi li jirriżultaw, għall-Komunità, mill-GATT.
21 Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kwoti Tariffarji Komunitarji miftuħa permezz tar-Regolamenti Nri 1269/1999 u 822/2001, il- Kunsill u l-Kummissjoni jirrilevaw li x-xgħir huwa disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti fi ħdan il-Komunità, bl-eċċezzjoni tax-xgħir użat għall-produzzjoni tal- birer f’reċipjenti tal-fagu li trid tiġi importata mill-Istati Uniti. Il-produtturi tal-birer imqaddma f’reċipjenti magħmula mill-fagu għalhekk jiddependu mill-importazzjoni tax-xgħir provenjenti minn pajjiż terz, filwaqt li l-produtturi komunitarji l-oħra faċilment isibu fi ħdan il-Komunità x-xgħir li għandhom bżonn għall-produzzjoni tagħhom tal-birra. Peress li d-dazji fuq l-importazzjoni huma għolja wisq sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-produzzjoni ta’ birer imqaddma f’reċipjenti magħmula mill-fagu fil-Komunità u t-tnaqqis tad-dazji previsti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1249/96 mhumiex suffiċjenti sabiex jitneħħew ix-xkiel għall-kummerċ li jaffettwa l-importazzjoni tax-xgħir li jistgħu jiġu użati għall-produzzjoni tal-birra f’reċipjenti magħmula mill-fagu, huwa oġġettivament ġustifikat li jinfetħu kwoti Tariffarji biss għax-xgħir iddestinat għall-produzzjoni ta’ birer bħal dawn. Ir-Regolamenti Nri 1269/1999 u 822/2001 jibbilanċjaw l-obbligi li jaqgħu fuq il-Komunità mill-GATT u ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taċ-ċereali filwaqt li jassiguraw il-provvista fil-Komunità ta’ tip ta’ xgħir li mhuwiex prodott fis-suq komunitarju u li l-prezz tagħhom, fin-nuqqas ta’ kwoti kkonċernati, kienu jkunu projbittivi.
22 Għalhekk, jirriżulta li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kwoti Tariffarji Komunitarji miftuħa mir-Regolamenti Nri 1269/1999 u 822/2001 huma oġġettivament iġġustifikati permezz tad-differenzi bejn, minn naħa, ix-xgħir iddestinat għall-produzzjoni tax-xgħir (malt) użat fil-produzzjoni tal-birer imqaddma f’reċipjenti li għandhom biċċiet tal-fagu, u min-naħa l-oħra, ix-xgħir iddestinat għall-produzzjoni ta’ birer oħra.
23 Jirriżulta minn dak li ntqal li l-eżami ta’ l-ewwel domanda ma qajmitx fatti jew ċirkustanzi li jaffettwaw il-validità tar-Regolamenti Nri 1269/1999 u 822/2001.
Fuq it-tieni domanda
24 It-tieni domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet flimkien ta’ l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1766/92 u tar-Regolament Nru 2023/2001 fl-ipoteżi li r-Regolamenti Nri 1269/1999 u 822/2001 ikunu invalidi.
25 Fir-rigward tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, mgħaddx hemm lok li tingħata tweġiba għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
26 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-eżami tad-domandi magħmula ma rrilevaw l-ebda element li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1269/1999 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1999, u tar-Regolament tal-Kunsill 822/2001 ta’ l-24 ta’ April 2001, li jistabbilixxu Kwota Tariffarja Komunitarja għax-xgħir li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 1003 00.
Firem
* Lingwa tal-kawża: L-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy