SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
17 ta' Marzu 2005 (*)
“Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet soċjali – Regolament (KEE) Nru 3821/85 – Obbligu ta’ installazzjoni u ta’ użu ta’ takografu – Regolament (KEE) Nru 3820/85 – Deroga għall-vantaġġ tal-vetturi li jittrasportaw materjal u apparat”
Fil-kawża C-128/04,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Dendermonde (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Jannar 2004 , li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta' Marzu 2004 , fil-proċedura kriminali kontra
Annic Andréa Raemdonck,
Raemdonck-Janssens BVBA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta' l-Awla, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn M. Demetriou, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils, bħala aġent,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lil Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 370, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontra l-kumpannija Belġjana Raemdonck-Janssens BVBA (iktar ‘il quddiem “Raemdonck-Janssens” u A. Raemdonck, amministratriċi ta’ din l-istess kumpannija, għall-preżunt ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU L 370, p. 8).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Ir-Regolament Nru 3821/85 jeżiġi li l-vetturi użati għat-trasport bit-triq ikunu mgħammra b'takografu. Skond l-Artikolu 14(2) tiegħu:
“L-impriża għandha żżomm il-folji ta’ reġistrazzjoni fi stat tajjeb għal mill-inqas sena wara li jkunu ntużaw u għandha tagħti kopji lis-sewwieqa involuti li jitolbuhom. Il-folji għandhom jintwerew jew jingħataw meta jiġu mitluba minn uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat.”
4 L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 3821/95 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 3820/85 mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej b’kull eżenzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.
5 L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 3820/85 jipprovdi:
“1. Kull Stat Membru jrid jagħti eċċezzjonijiet fuq it-territorji tiegħu jew, bi ftehim ma’ l-Istati kkonċernati, fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor minn kull dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament applikabbli għall-ġarr permezz ta’ vettura li taqa’ taħt waħda jew iżjed minn dawn il-kategoriji li ġejjin:
[...]
g) vetturi li jġorru materjali jew apparat għall-użu tas-sewwieq waqt xogħlu fil-limitu ta’ radjus ta’ 50 kilometru mill-post fejn il-vettura tinżamm normalment, sakemm l-attività maġġuri tas-sewwieq ma tkunx li jsuq il-vettura u sakemm l-eċċezzjoni ma tippreġudikax serjament l-objettivi tar-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dawn l-eċċezzjonijiet soġġetti għal awtorizzazzjoni individwali;
[...]
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-eċċezzjonijiet mogħtija taħt dan il-paragrafu.”
6 L-Artikolu 1(3) ta’ dan l-istess Regolament jiddeffinixxi “sewwieq” bħala “kull persuna li ssuq il-vettura anki għal perijodu qasir, jew li tinġarr fil-vettura sabiex tkun tista’ ssuq jekk jinqala’ l-bżonn”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3821/85 kienu ġew implementati fil-Belġju mid-Digriet Irjali tat-13 ta’ Lulju 1984 (Moniteur belge ta’ l-4 ta’ Ottubru 1984, p. 13509), kif emendat mid-Digriet Irjali ta’ l-10 ta’ Novembru 1987 (Moniteur belge tad-19 ta’ Diċembru 1987, p. 19062). It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan id-Digriet jipprovdi li l-obbligu għall-karrozzi rreġistrati fil-Belġju użati għat-trasport bit-triq li jkunu mgħammra b'takografu mhuwiex applikabbli għal karrozzi msemmija fl-Anness 1 tiegħu. F’dan l-Anness 1, B, punt 8, hemm il-“vetturi li jittrasportaw materjal jew apparat, għall-użu tas-sewwieq waqt xogħlu, fil-limitu ta’ radjus [raġġ] ta’ 50 kilometru mill-post fejn il-vettura tinżamm normalment, sakemm l-attività maġġuri [prinċipali] tas-sewwieq ma tkunx li jsu[q] il-vettura”.
Il-proċedura prinċipali u t-talba preliminari
8 L-attività eżerċitata minn Raemdonck-Janssens fil-qasam ta’ xogħlijiet ġenerali ta’ infrastruttura tikkonsisti li tagħmel titqib orizzontali, wara li tinstalla pajpijiet, kejbils u netwerkijiet ta’ telekomunikazzjonijiet. L-imsemmija kumpannija tuża’ s-sewwieqa tagħha stess, li huma ħamsa fit-total, għat-trasport tal-materjal neċessajru lejn is-siti ta’ kostruzzjoni.
9 Fit-18 ta’ Ottubru 2001 trakk li kien jappartjeni lil Raemdonck-Janssens kien ġie spezzjonat. L-eżami tad-diski takografi ta’ din il-vettura wrew li s-Sur Burm, is-sewwieq tiegħu, kien ħadem siegħat supplementari.
10 Wara din il-konstatazzjoni, l-uffiċjal inkarigat mill-kontroll ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali talab sabiex ikollu aċċess għar-reġistrazzjonijiet takografiċi, fuq perijodu ta’ sena, safejn dawn jikkonċeraw is-sewwieqa kollha impjegati minn Raemdonck-Janssens. Għall-ewwel huwa kellu aċċess biss għar-reġistrazzjonijiet ta’ l-aħħar trimestru tas-sena 2000 li jikkonċernaw is-Sur Burm, kif ukoll għall-formoli individwali ta’ remunerazzjoni tiegħu li jikkorrispondu għal dan il-perijodu. L-eżami ta’ dan id-dokumenti wera li s-Sur Burm kien ħadem siegħat supplementari mingħajr ebda ħlas ta sahra ma kien sar lill-interessat, ħlief xi perijodi ta’ mistrieħ li kienu ngħatawlu minħabba f’hekk. Minbarra dan, deher li s-Sur Burm kien ġie impjegat is-Sibt, bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jikkonċeraw l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Sussegwentement, l-uffiċjal inkarigat mill-kontroll kellu wkoll aċċess għal formoli individwali ta’ sewwieqa oħra impjegati minn Raemdonck-Janssens. Il-qari tagħhom wera li dawn is-sewwieqa qatt ma kienu tħallsu għal siegħat supplementari.
11 L-Openbaar Ministerie beda, quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg te Dendermonde, proċedura kriminali kontra s-Sinjura Raemdock u Raemdonck-Janssens. L-akkużati jsostnu li t-trasporti magħmula minn din ta’ l-aħħar jaqgħu taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/85. Is-sewwieqa kienu ġew imqabbda sabiex jittrasportaw, fuq siti ta’ kostruzzjoni, il-materjal u l-apparat neċessarju, jiġifieri gaffef, kejbils u ċangaturi. Dawn is-siti ta’ kostruzzjoni jinsabu f’raġġ ta’ 50 kilometru mill-kwartieri ġenerali ta’ l-imsemmija kumpannija. It-termini “materjal jew apparat” ikopru, fil-kuntest li fih hija miktuba din id-dispożizzjoni, il-materjal ta’ kostruzzjoni u l-materjal għat-tqegħid, bħall-kejbils.
12 Peress li qieset li l-proċedura kriminali li tressqet quddiemha tinkludi elementi ta’ dritt Komunitarju, ir-rechtbank van eerste aanleg te Dendermonde ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“It-termini ‘materjal jew apparat’ imsemmija fl-Artikolu 13 [paragrafu 1] (g) tar-Regolament [...] Nru 3820/85 [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħmlu riferiment biss għall-‘għodda jew strumenti’ jew, bil-kontra, dawn it-termini jkopru wkoll l-oġġetti neċessarji għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, sew jekk ikunu jistgħu jiġu ttrasportati separatament u sew jekk le, ma' l-għodda u l-istrumenti, bħall-materjal ta’ kostruzzjoni jew il-kejbils?”
Fuq id-domanda preliminari
13 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk it-termini “materjal jew apparat” li jinsabu fl-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/85 għandhomx jiġu interpretati, fil-kuntest tas-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 3821/85, fis-sens li jagħmlu riferiment biss għall-“għodda u strumenti” jew jekk huma jkoprux wkoll l-oġġetti neċessarji għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jistgħu jiġu ttrasportati separatament jew le ma’ l-għodda u strumenti, bħall-materjal ta’ kostruzzjoni u l-kejbils.
14 Sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, min-naħa, għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/85 u, min-naħa l-oħra, li tiġi analizzata l-portata ta’ din id-dispożizzjoni.
15 Għal dak li jikkonċerna l-imsemmija kundizzjonijiet, il-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, jiddubitaw li huma kollha sodisfatti fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari huma jistaqsu fuq l-istatus tas-sewwieqa tal-vetturi li jittrasportaw materjal jew apparat u fuq in-natura ta’ l-attivitajiet eżerċitati minnhom. Min-naħa l-oħra, mhuwiex ikkontestat li l-vetturi in kwistjoni kienu ġew użati f’raġġ ta’ 50 kilometru mill-post li fih il-vettura hija normalment ibbażata.
16 Skond it-termini ta’ l-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/85, id-deroga prevista minn din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss għall-kundizzjoni li s-sewqan tal-vettura ma tkunx l-attività prinċipali tas-sewwieq. Is-sewwieq għandu, minbarra dan, juża l-materjal jew l-apparat in kwistjoni waqt xogħlu. [...] B’hekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma marbuta ma’ l-attivitajiet tas-sewwieq u mhux ma’ dawk ta’ l-impriża kkonċernata.
17 L-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddisponi minnhom ma jippermettulhiex li tistabbilixxi b’ċertezza jekk is-sewwieqa impjegati minn Raemondonck-Janssens jirrispettawx l-eżiġenzi kif iffissati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti ta’ rinviju, li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali, li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika, li tiddetermina, fid-dawl tal-fatti ta’ din il-kawża, jekk l-imsemmija eżiġenzi humiex irrispettati jew le.
18 Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-termini “materjal jew apparat” li jinsabu fl-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/85, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jsostnu li dawn ma jkoprux biss l-“għodda u strumenti”, imma li huma jistgħu jinkludu wkoll materjal ta’ kostruzzjoni u kejbils.
19 Għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni hija korroborata mill-kliem tad-dispożizzjoni in kwistjoni, mill-kuntest li fih hija miktuba, kif ukoll mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha.
20 Għandu mall-ewwel jiġi rrilevat li interpretazzjoni tat-termini “materjal jew apparat” fis-sens li huma rreferu biss għal “għodda u strumenti” mhijiex konformi mal-kliem ta’ l-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/95. Jekk huwa veru li l-kunċett ta’ “apparat” ikopri b’mod partikolari l-għodda u l-istrumenti ttrasportati mis-sewwieq waqt xogħlu, xorta jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ “materjal” għandu portata aktar wiesgħa u huwa intiż ukoll għall-materjal neċessarju għal dan ix-xogħol.
21 Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih huma miktuba t-termini “materjal jew apparat”, għandu jiġi enfasizzat li dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/85, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-frażijiet “bħall-użu tas-sewwieq waqt xogħlu” u “sakemm l-attività maġġuri [prinċipali] tas-sewwieq ma tkunx li jsuq il-vettura”. Is-sewwieq ta’ vettura, meta l-attività prinċipali tiegħu mhijiex is-sewqan jista', għall-iskopijiet ta’ l-eżerċizzju ta’ xogħlu, jittrasporta mhux biss għodda u apparat, imma wkoll materjal, bħall-materjal ta’ kostruzzjoni, li huwa neċessarju għall-eżerċizzju ta’ l-imsemmi xogħol. Madankollu, xejn ma jipprekludi li tali materjal huwa wkoll intiż minn din id-dispożizzjoni.
22 Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-eżami ta’ l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi mfakkar mhux biss l-għan tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(2)(g) tar-Regolament Nru 3820/85, imma wkoll l-obbjettivi mfittxija minn dan l-aħħar Regolament kif ukoll mir-Regolament Nru 3821/85. Madankollu, huwa paċifiku li dawn ir-Regolamenti huma intiżi sabiex itejbu s-sigurtà tat-triq u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tas-sewwieqa. B’mod partikolari dawn l-obbjettivi jfissru wkoll li hemm l-obbligu li l-vetturi ta’ trasport tat-triq jiġu pprovduti b’takografu li jippermetti li jikkontrolla l-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tas-sewwieqa.
23 Madankollu, kif jirriżulta mir-raba premessa tar-Regolament Nru 3821/85 u mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 3820/85, ċerti vetturi u ċerti tipi ta’ trasport magħmula permezz tagħhom jistgħu, mingħajr inkonvenjenzi, jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema stabbilita minn dawn ir-Regolamenti. Fil-fatt, l-Istati Membri jistgħu jagħtu, fuq it-territorju tagħhom, taħt ċerti kundizzjonijiet u mingħajr ma jsir dannu għall-għanijiet ta’ din is-sistema, derogi favur trasport effettwat minn vetturi, bħal dawk intiżi fl-imsemmi Artikolu 13(1)(g). Peress li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni huma restrittivi, il-fatt li t-termini “materjal jew apparat” jiġu interpretati fis-sens li jkopri wkoll oġġetti neċessarji għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ma jistax imur kontra l-għan imfittex, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà tat-triq u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tas-sewwieqa. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija ta’ natura li tiggarantixxi l-effett utli tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/85.
24 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, id-domanda għandha tiġi mwieġba fis-sens li t-termini “materjal jew apparat” li jinsabu fl-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament Nru 3820/85 għandhom jiġu interpretati, fil-kuntest tas-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 3820/85, li ma jirreferux biss għall-“għodda u strumenti” imma li jkopru wkoll l-oġġetti, bħall-materjal ta’ kostruzzjoni u l-kejbils neċessarji għat-twettiq ta’ xogħlijiet li jaqgħu taħt l-attività prinċipali ta’ sewwieq tal-vettura kkonċernata.
Fuq l-ispejjeż
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti ta’rinviju, hija din il-qorit li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
It-termini “materjal jew apparat” li jinsabu fl-Artikolu 13(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3820/85 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq għandhom jiġu interpretati, fil-kuntest tas-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 3821/85 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq, fis-sens li ma jirreferux biss għall-“għodda u strumenti” imma li jkopru wkoll l-oġġetti [...], bħall-materjal ta’ kostruzzjoni u l-kejbils neċessarji għat-twettiq ta’ xogħlijiet li jaqgħu taħt l-attività prinċipali ta’ sewwieq tal-vettura kkonċernata.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy