SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
14 ta’ Lulju 2005 (*)
"Direttiva 89/48/KEE – Ħaddiema – Rikonoxximent ta' diplomi – Inġinier mekkaniku"
Fil-kawża C-141/04,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Marzu 2004, fil-kawża
Michail Peros
vs
Techniko Epimelitirio Ellados,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla , N. Colneric u K. Schiemann (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal M. Peros, minn V. G. Chatzopoulos, dikigoros,
– għat-Techniko Epimelitirio Ellados, minn A. Krystallidis, dikigoros,
– għall-Gvern Grieg, minn E. Skandalou, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia u H. Støvlbæk, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni li ħadet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kundizzjionijiet li fihom ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin (ĠU 1989, L 19, p.16), jistgħu jiġu invokati fin-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, wara l-iskadenza tat-terminu tagħha ta' traspożizzjoni, minn persuna li għandha diploma rilevanti fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Sussidjarjament, id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 48 u 52 tat-Trattat KE (li saru, wara emenda, l-Artikoli 39 KE u 43 KE).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn M. Peros u t-Techniko Epimelitirio Ellados (Kamra Teknika tal-Ġreċja, iktar 'il quddiem it-"TEE"), organizzazzjoni Griega li żżomm ir-reġistri ta' l-inġiniera, dwar ir-rifjut minn din ta' l-aħħar ta' applikazzjoni ta' M. Peros intiża sabiex jiġi rreġistrat bħala inġinier mekkaniku. Ir-rikorrent ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu billi bbaża ruħu fuq id-dritt tiegħu li jeżerċita din il-professjoni fil-Ġermanja.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Jirriżulta mit-tielet u r-raba' premessi tad-Direttiva 89/48 li din għandha bħala għan li timplementa sistema ġenerali ta' rikonoxximent ta' diplomi intiża sabiex tiffaċilita għaċ-ċittadini Ewropej l-eżerċizzju ta' kull attività professjonali li huma dipendenti, fi Stat Membru ospitanti, fuq taħriġ postsekondarju, bil-kundizzjoni li dawn għandhom tali diplomi li jippreparawhom għal dawn l-attivitajiet, maħruġa fi Stat Membru ieħor ma' l-ikkompletar ta' kors ta' studji ta' mill-inqas tliet snin.
4 L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 jipprovdi li:
"Meta, fi Stat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata huwa suġġett għall-pussess ta' diploma, l-awtorità kompetenti ma tistax, fuq il-bażi ta' kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta' Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess:
a) jekk l-applikant għandu d-diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni in kwistjoni fit-territorju tiegħu, u din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru, […]
[…]"
5 Minkejja l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva, l-Artikolu 4 tagħha jippermetti lill-Istat Membru ospitanti li jitlob mill-applikant, f'ċerti ċirkustanzi msemmija f'dan l-artikolu, li jagħti prova li huwa għandu esperjenza professjonali ta' żmien determinat, li huwa jkollu perijodu ta' adattament matul massimu ta' tliet snin jew jieħu aptitude test (iktar 'il quddiem il-"miżuri ta' kumpens"). Dan l-istess Artikolu jiffissa ċertu regoli u kundizzjonijiet applikabbli għall-miżuri ta' kumpens li jistgħu jkunu rikjesti.
6 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/48 jelenka d-dokumenti dwar ir-reputazzjoni, il-karattru, in-nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' falliment kif ukoll is-saħħa fiżika jew mentali li jistgħu jiġu mitluba bħala provi mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti u fih ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-forom ta' ġurament jew ta' dikjarazzjoni solenni li jistgħu jiġu imposti fuq iċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra.
7 Skond l-Artikolu 9(1), tad-Direttiva 89/48, l-Istati Membri jinnominaw, fit-terminu previst fl-Artikolu 12 tagħha, jiġifieri qabel l-4 ta' Jannar 1991, l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ngħataw is-setgħa li jirċievu l-applikazzjonijiet kif ukoll li jieħdu d-deċiżjonijiet msemmija f'din l-istess direttiva u għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej b'dan.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8 Fil-Greċja, il-professjoni ta' inġinier hija professjoni regolata fejn l-eżerċizzju tagħha huwa rriżervat għall-membri tat-TEE. Dan ġie stabbilit mid-Digriet Presidenzjali tas-27 ta' Novembru/14 ta' Diċembru 1926 dwar il-kodifikazzjoni ta' dispożizzjonijiet u testi dwar il-kompożizzjoni tat-TEE (FEK A’ 430), kif emendat mil-liġi Nru 1486/1984 (FEK A’ 161), u mid-Digriet Presidenzjali Nru 512/1991, tat-30 ta' Novembru/12 ta' Diċembru 1991 (FEK A' 190, iktar 'il quddiem id-"Digriet TEE").
9 Skond l-Artikolu 2(1) tad-Digriet TEE, iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri għandhom jiġu rreġistrati bħala membri ta' TEE "malli jiggradwaw mill-iskola nazzjonali politeknika ta' Metsovo, minn skejjel politekniċi tal-pajjiż jew minn skejjel barranin ekwivalenti wara li jingħataw l-awtorizzazzjoni li jeżerċitaw il-professjoni". Il-professjonisti huma kklassifikati f'disa' speċjalitajiet elenkati fl-Artikolu 2(5) ta' dan id-Digriet, fosthom l-ispeċjalità ta' inġinier mekkaniku f'paragrafu (c).
10 L-Artikolu 4(3) ta' l-istess Digriet jipprovdi li, b'mod partikulari, it-TEE torganizza l-eżamijiet, tagħti l-awtorizzazzjonijiet sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta' inġinier skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ u żżomm ir-reġistri ta' l-inġiniera.
11 It-TEE kellha, skond l-Artikolu 1(1) tal-liġi Nru 1225/1981 tat-30/31 ta' Diċembru 1981 (FEK A’ 340), "kompetenza li tagħti l-awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata din l-professjoni fil-Greċja lill-inġiniera ggradwati minn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla barranin ewivalenti".
12 Abbażi tal-liġi Nru 1225/1981, id-Digriet inter-ministerjali Nru ED 5/4/339, ta' l-14 ta' Settembru 1984 (FEK B’ 713), adottat mill-Ministru tax-Xogħolijiet Pubbliċi u l-Ministru ta' l-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Kulturi, iddefinixxa l-proċedura għall-għoti, mit-TEE, ta' l-awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta' inġinier.
13 Dan id-digriet interministerjali pprovda fil-paragrafu 1 li "l-awtorizzazzjoni li teżerċita l-professjoni hija mogħtija mit-TEE, wara eżamijiet orali, lill-inġiniera ggradwati minn skejjel nazzjonali ta' edukazzjoni ogħla jew skejjel barranin ekwivalenti".
14 Il-paragrafu 2(d) ta' l-istess digriet jipprovdi li, sabiex tipparteċipa għal dawn l-eżamijiet, il-persuni li jkunu ngħataw diploma minn barra għandhom, b'mod partikolari, jippreżentaw lit-TEE "ċertifikat ta' l-ekwivalenza tad-diploma annessa", mogħti miċ-Ċentru InterUniversitarju ta' Rikonoxximent ta’ Diplomi Barranin (Diapanepistimiako Kentro Anagnoriseos Titlon Spoudon tis Allodapis, iktar 'il quddiem id-"Dikatsa") imwaqqaf mil-liġi Nru 741/1977, tat-12/14 ta' Ottubru 1977 (FEK A’ 314), kif emendata mil-liġi Nru 1566/1985 tat-30 ta' Settembru 1985 (FEK A’ 167, iktar 'il quddiem il-"liġi Dikatsa").
15 Id-Dikatsa huwa, skond l-Artikolu 2 tal-liġi Dikatsa, kompetenti sabiex jirrikonoxxi l-iskejjel barranin ta’ edukazzjoni ogħla li għandhom livell ta' tagħlim ekwivalenti għal dak ta' l-iskejjel nazzjonali ta’ edukazzjoni ogħla u jirrikonoxxi l-ekwivalenza bejn id-diplomi ta' dawn ta' l-ewwel u dawk mogħtija mill-iskejjel Griegi ta' edukazzjoni ogħla. Huwa wkoll kompetenti sabiex jirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-kwalifiki ta’ studju mogħtija mill-istuzzjonijiet barranin ta’ l-istess livell għall-kwalifiki ta’ studju ta' l-iskejjel Griegi ta' edukazzjoni ogħla fil-każ li ma tkunx teżisti speċjalità ekwivalenti fil-Greċja.
16 Barra minhekk, fl-Artikolu 4(8), il-liġi Dikatsa tistabbilixxi li, b'att tal-President tal-Kunsill ta' Amministrazzjoni tad-Dikatsa, "persuni li għandhom diplomi ta' istituzzjonijiet barranin ta’ edukazzjoni ogħla, fejn id-diploma tagħhom ma tirrappreżentax l-istess kontenut ta' għarfien bħad-diploma mogħtija fil-Greċja mill-iskola jew id-dipartiment fejn it-tagħlim joqrob l-iktar, huma suġġetti għal eżami supplementari f'ċerti materji ta' l-iskola jew tad-dipartiment in kwistjoni". Skond l-istess dispożizzjoni "jekk mhuwiex possibbli li tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza tad-diploma, il-persuna kkonċernata tiġi rreġistrata fl-iskola jew fid-dipartiment approprjat, iddeterminat speċifikament mill-President tal-Kunsill ta' Amministrazzjoni" bl-għan li tkompli t-taħriġ tagħha.
17 Skond ġurisprudenza kostanti tas-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill ta' l-Istat), jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li d-Dikasta għandu, meta jeżamina l-ekwivalenza bejn diploma barranija u diploma korrispondenti ta' istituzzjoni Griega ta’ edukazzjoni ogħla, jevalwa l-karatteristiċi ta' l-istituzzjoni barranija ta' edukazzjoni ogħla li tagħti d-diploma in kwistjoni, it-tip ta' studji segwiti u l-kontenut ta' dawn l-istudji. Dan l-eżami mid-Dikatsa ma jieħux in kunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk id-diploma in kwistjoni tikkostitwixxi kwalifika formali neċessarja għall-eżerċizzju ta' professjoni speċifika. Fi kliem ieħor, id-Dikatsa huwa, skond din il-ġurisprudenza, kompetenti sabiex jevalwa biss l-ekwivalenza akkademika u mhux l-ekwivalenza professjonali tad-diploma barranija ppreżentata lilu.
18 Id-Direttiva 89/48 ma ġietx trasposta fis-sistema ġuridika Griega fit-terminu ta’ traspożizzjoni (ara, f'dan ir-rigward, s-sentenza tat-23 ta' Marzu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑365/93, Ġabra p. I‑499). Wara dawn il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-Digriet Presidenzjali Nru 165/2000, tat-28 ta' Ġunju 2000 (FEK A’ 149), intiz sabiex jittrasponi din id-direttiva fis-sistema ġuridika Griega, emendat sussegwentement mid-Digriet Presidenzjali Nru 373/2001, tat-22 ta' Ottubru (FEK A’ 251), ġie adottat.
19 Dan id-digriet, permezz ta' l-Artikolu 10 tiegħu, ta kompetenza esklussiva lill-Kunsill għar-Rikonoxximent ta' l-Ekwivalenza ta’ Diplomi ta' Edukazzjoni Ogħla (Symvoulio Anagnoriseos Epangelmatikis Isotimias Titlon Tritovathmias Ekpaidefsis, iktar 'il quddiem is-"Saeitte"), korp tal-gvern ad hoc imwaqqaf sabiex jiddeċiedi fuq l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta' edukazzjoni ogħla li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 89/48. Għaldaqstant, dan l-korp huwa l-uniku wieħed kompetenti sabiex jirrikonoxxi lil applikant id-dirtt li jeżerċita fil-Greċja l-professjoni regolata korrispondenti u ġie nominat, permezz ta' l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/48, bħala l-awtorità kompetenti li hija awtorizzata tirċievi l-applikazzjonijiet u li tieħu d-deċiżjonijiet previsti fid-Direttiva 89/48.
20 L-Artikolu 11(6) ta' l-istess digriet jipprovdi wkoll li, meta dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali tipprevedi ż-żamma ta' reġistru tal-persuni awtorizzati sabiex jeżerċitaw professjoni, id-deċiżjoni tas-Saeitte tobbliga lill-organizzazzjoni professjonali jew lill-awtorità amministrattiva li tikkontrolla r-reġistru sabiex tipproċedi għar-reġistrazzjoni ta' l-applikant.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 M. Peros, ċittadin Grieg, għandu diploma li ngħatatlu fl-1980 mill-Fachhochschule Wiesbaden (il-Ġermanja). Din id-diploma tippermettilu li jeżerċita l-professjoni ta' inġinier mekkaniku fil-Ġermanja ("Diplom‑Ingenieur im Fachbereich Maschinenbau").
22 Billi xtaq jeżerċita din il-professjoni fil-Greċja, M. Peros ippreżenta applikazzjoni għal ċertifikat ta' ekwivalenza tad-diploma tiegħu lid-Dikatsa. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda fit-28 ta' Mejju 1993, permezz tad-deċiżjoni Nru 296 ta' Dikatsa, minħabba li l-istutuzzjoni li kienet tat id-diploma barranija in kwistjoni, ma kellhiex livell ta' tagħlim ekwivalenti għal dak ta' l-istituzzjonijiet Griegi ta’ edukazzjoni ogħla.
23 Fil-21 ta' Frar 1995, M. Peros ippreżenta applikazzjoni lit-TEE intiża sabiex jiġi rreġistrat fir-reġistri tagħha b’mod illi jkun jista' jeżerċita l-professjoni ta' inġinier mekkaniku fil-Greċja u sabiex jibbenefika minn vantaġġi oħra marbuta ma' din ir-reġistrazzjoni. Din l-applikazzjoni, li ġiet kompletata minn applikazzjoni ulterjuri relatata, ippreżentata fil-21 ta' Marzu 1995, ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni Nru 6372, ta' l-4 ta' Mejju 1995, tat-TEE minħabba l-motivi li ġejjin:
"Ir-reġistrazzjoni mat-TEE issir skond il-kundizzjonijiet previsti mid-[Digriet TEE]. Għall-persuni li jkunu spiċċaw l-istudji tagħhom barra mill-pajjiż, il-kundizzjoni essenzjali hija li huma jkunu wettqu studji ta' livell politekniku u li l-kwalifika tagħhom hija ekwivalenti għal dawk mogħtija mill-iskola nazzjonali politeknika ta' Metsovo u l-iskejjel politekniċi ta’ l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla tal-Greċja. L-ekwivalenza ta' kwalifiki ta’ studji barranin hija maħruġa mid-[Dikatsa]. Skond dak kollu li ntqal, inti ma tistax issir membru tat-TEE u l-kwalifiki li inti għandek (Fachhochschule) ma jagħtukx id-dritt li tiġi rreġistrat mat-TEE."
24 M. Peros ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta' rifjut quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Rodou (Tribunal Amministrattiv ta' l-Ewwel Istanza ta' Rhodes). Permezz tad-deċiżjoni Nru 249/1998, din il-qorti ddeċidiet li peress illi l-azzjoni tar-rikorrent kienet rikors għal annullament, hija kienet taqa' taħt il-kompetenza tas-Symvoulio tis Epikrateias u għaldaqstant irrinvjat il-kawża quddiema.
25 Fl-istess ħin, wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48 fis-sistema ġuridika Griega, is-Saeitte, permezz tad-deċiżjoni Nru 4, tal-5 ta' Diċembru 2000, laqgħa l-applikazzjoni ta' M. Peros għar-rikonoxximent tad-diploma tiegħu. Huwa tah id-dritt li jeżerċita fil-Greċja l-professjoni ta' inġinier mekkaniku mingħajr ma impona fuqu l-obbligu li jkollu perijodu ta' adattament jew aptitude test preliminari. M. Peros ingħata, sussegwentement, id-dritt li jiġi rreġistrat fir-reġistri tat-TEE.
26 Fil-kawża prinċipali, maġġoranza fi ħdan is-Symvoulio tis Epikrateias osservat li d-deċiżjoni ta' rifjut tat-TEE, ta' l-4 ta' Mejju 1995, ma kinitx legalment motivata. Skond din il-maġġoranza, it-TEE kellha teżamina l-applikazzjoni ta' M. Peros billi tara jekk il-kundizzjonijiet previsti mid-dipożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta' l-Artikolu 3, 4(1)(a) u (b), u (2), kif ukoll l-Artikolu 6(1) sa (4) tad-Direttiva 89/48 humiex sodisfatti. Fl-affermattiv, it-TEE kellha tirrikonoxxi lir-rikorrent fil-kawża prinċipali d-dritt li jeżerċita fil-Greċja l-professjoni ta' inġinier mekkaniku, billi tagħtih l-awtorizzazzjoni korrispendenti u tirreġistrah fir-reġistru tagħha. Fin-negattiv, hija kellha tirrifjuta l-applikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni motivata. F'kull każ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/48, it-TEE ma setgħatx teżiġi ċertifikat ta' ekwivalenza, minn naħa tad-Dikatsa, tad-diploma tar-rikorrent.
27 Madankollu, skond l-opinjoni ta' minoranza fis-Symvoulio tis Epikrateias, ir-rifjut ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien iġġustifikat minħabba li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 89/48 ma setgħux jiġu invokati minn individwu quddiem it-TEE fil-mument meta l-applikazzjoni in kwistjoni kienet ġiet ippreżentata u, min-naħa l-oħra, għaliex l-awtorità kompetenti sabiex tittratta l-applikazzjonijiet ma kinitx għada ġiet innominata skond l-Artikolu 9(1) ta' din id-direttiva.
28 Is-Symvoulio tis Epikrateias tistaqsi wkoll jekk, safejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/48 ma jistgħux jiġu invokati quddiem it-TEE, din ta' l-aħħar xorta waħda hijiex obbligata, bis-saħħa ta' l-Artikoli 48 u 52 tat-Trattat, tivverifika jekk il-kwalifika miksuba mir-rikorrent fil-Ġermanja hijiex ekwivalenti għad-diplomi Griegi.
29 F'dawn iċ-ċirkustanzi s-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Fil-verżjoni inizjali tagħhom, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3, ta' l-Artikolu 4(1)(a) u (b), u (2), kif ukoll ta' l-Artikolu 6 (1) sa (4) tad-Direttiva 89/48 […], huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, b'tali mod li, bejn id-data ta' skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva u dik tat-traspożizzjoni tardiva tagħha fis-sistema ġuridika interna (ta' l-Istat Membru ospitanti), individwu seta’ – abbażi ta' diploma miksuba fi Stat Membru ieħor u li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ‘il fuq – jagħmel użu minn dawn id-dispożizzjonijiet quddiem korp amministrattiv kompetenti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex jikseb mingħand dan il-korp l-awtorizzazzjoni sabiex jkollu aċċess għal professjoni regolata u sabiex jeżerċita din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti?
2) Fl-ipoteżi fejn, bejn id-data ta' skadenza tat-terminu ta' traspożizzjoni u dak tat-traspożizzjoni tardiva fis-sistema ġuridika nazzjonali, individwu ma jistax jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva quddiem korp amministrattiv ta' l-Istat ospitanti responsabbli, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jagħti l-awtorizzazzjonijiet sabiex tiġi eżerċitata professjoni wara eżamijiet miftuħa għall-kandidati li ggradwaw minn istituzzjoni ta' edukazzjoni ogħla ta' l-Istat ospitanti jew li għandhom diploma barranija rikonoxxuta bħala ekwivalenti (fil-kuntest ta' proċedura ġenerali ta' approvazzjoni tal-karatteristiċi li jixbħu lil dawk li huma deskritti fis-sunt tal-motivi f'din it-talba għal deċiżjoni preliminari), il-korp amministrattiv ċċitat iktar 'il fuq jista' - fir-rigward ta l-[Artikoli 48 u 52 tat-Trattat] […] – jissuġġetta l-awtorizzazzjoni għal aċċess għall-professjoni in kwistjoni u l-awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata din il-professjoni mitluba matul il-perijodu msemmi mill-persuna li għandha diploma minn Stat Membru ieħor għar-rikonoxximent preliminari, skond il-proċedura ġenerali prevista iktar 'il fuq, ta' l-ekwivalenza akkademika ta' din id-diploma kif ukoll għall-fatt li tgħaddi mill-eżamijiet previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew dan il-korp stess għandu jwettaq eżami komparattiv tal-kwalifiki ċċertifikati mid-diploma in kwistjoni minn naħa u tal-konoxxenzi u kwalifiki mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali min-naħa l-oħra sabiex, skond ir-riżultati ta' dan l-eżami, jeżenta parjalment jew totalment lill-parti kkonċernata mill-obbligu li jipparteċipa għal dawn l-eżamijiet?"
Fuq l-ewwel domanda preliminari
30 L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/48 jipprovdi li l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti ma tistax, abbażi ta’ kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jkollu aċċess għal jew jeżerċita dik il-professjoni bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini, jekk l-applikant għandu d-diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor sabiex ikollu aċċess għal jew jeżerċita l-professjoni in kwistjoni fit-territorju tiegħu u jekk din id-diploma tkun ingħatatlu fi Stat Membru.
31 M. Peros għandu diploma li ngħatatlu fi Stat Membru, f'dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din id-diploma tippermettilu li jeżerċita l-professjoni regolata ta' inġinier mekkaniku f'dan l-Istat Membru u s-sitwazzjoni tiegħu taqa' għalhekk taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/48. Għaldaqstant, mhuwiex iktar neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(b) ta' din l-istess Direttiva, liema dispożizzjoni tapplika biss jekk il-professjoni in kwistjoni mhijiex regolata fl-Istat Membru ta' oriġini.
32 Għal dak li jirrigwarda l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/48, il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet li din tikkostitwixxi dispożizzjoni li l-kontenut tagħha huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex individwi jkunu jistgħu jinvokawha quddiem il-qorti nazzjonali kontra l-Istat meta dan ikun naqas milli jittrasponi fit-terminu preskritt id-direttiva fil-liġi nazzjonali (sentenza tad-29 ta' April 2004, Beuttenmüller, C-102/02, Ġabra p. I-5405, punt 55).
33 Fir-rigward tal-possibbiltà li l-aċċess għal professjoni regolata tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant jissodisfa preliminarjament miżuri ta' kumpens previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48, huwa kostanti li, fil-kawża prinċipali, l-ebda miżura ta' kumpens ma ġiet imposta fuq M. Peros mis-Saeitte waqt l-eżami tas-sitwazzjoni tiegħu fl-2000. Barra minn hekk, l-ebda element tal-proċess ma jħalli x'jifhem li l-kwalifiki fil-pussess ta' M. Peros meta ppreżenta l-applikazzjoni inizjali tiegħu kienu differenti minn dawk eżaminati fl-2000, b'tali mod li taffettwa d-deċiżjoni li tippermettilu jeżerċita l-professjoni tiegħu fil-Greċja mingħajr ma jiġu imposti fuqu miżuri ta' kumpens.
34 F'kull każ, jirriżulta mill-ġurisprudenza li Stat Membru jista', fin-nuqqas ta' traspożizzjoni fis-sistema ġuridika nazzjonali, jimponi miżuri ta' kumpens, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/48, biss safejn dawn huma previsti fil-liġi nazzjonali fis-seħħ meta l-applikazzjoni in kwistjoni tkun qed tiġi kkunsidrata (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta' Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357, punt 21, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, Aslanidou, C‑142/04, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 35 sa 37).
35 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet li, meta waħda jew l-oħra mid-Direttivi tal-Kunsill 89/48 u 92/51/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplementa[ta] d-Direttiva 89/48/KEE (ĠU L 209, p.25) hija applikabbli, korp pubbliku ta' Stat Membru, li huwa obbligat li josserva r-regoli previsti fid-direttiva kkonċernata, ma jistax jirrikjedi li l-kwalifiki ta' persuna kkonċernata jiġu rikonoxxuti uffiċjalment mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (sentenza tat-8 ta' Lulju 1999, Fernández de Bobadilla, C-234/97, Ġabra p. I-4773, punt 27).
36 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/48 jelenka biss id-dokumenti dwar ir-reputazzjoni, il-karattru, in-nuqqas ta' dikjarazzjoni ta' falliment kif ukoll is-saħħa fiżika jew mentali li jistgħu jiġu mitluba bħala provi mill-awtoritajiet kompetenti u li fih ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-forom ta' ġurament jew ta' dikjarazzjoni solenni li jistgħu jiġu imposti fuq iċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra. Billi, fil-kawża prinċipali, l-ebda waħda minn dawn il-provi jew dikjarazzjonijiet ma ġew mitluba mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex obbligata tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, liema interpretazzjoni, f'kull każ, ma tistax tinfluwenza l-possibbiltà li jiġi invokat l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(a) ta' din id-Direttiva.
37 L-obbligu għall-Istati Membri li jinnominaw, skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/48, l-awtortitajiet kompetenti li huma awtorizzati jirċievu l-applikazzjonijiet u li jieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija f'din id-direttiva, lanqas ma huwa ta' ostaklu għall-possibbiltà li jiġi invokat l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(a) ta' l-istess direttiva. Fil-fatt, jirriżulta mill-qari ta' l-imsemmi Artikolu 9(1), fid-dawl tal-pargrafi l-oħra ta' l-istess artikolu, li l-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa li jiffaċilita l-applikazzjoni tas-sistema ta' rikonoxximent ta' diplomi stabbilita mid-Direttiva 89/48 billi tirrendi aktar trasparenti l-proċess deċiżjonali applikabbli fi Stat Membru. Min-naħa l-oħra, nomina skond l-Artikolu 9(1) mhijiex neċessarja sabiex jistgħu jiġu identifikati l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-imsemmi Artikolu 3, li huma l-awtoritajiet li jikkontrollaw l-aċċess għal professjonijiet regolati.
38 Jirriżulta mill-ġurisprudenza li Stat Membru ma jistax jinvoka kontra individwu n-nuqqas tiegħu li jadotta d-dispożizzjonijiet intiżi, fil-fatt, sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' sistema stabbilita mid-direttiva in kwistjoni (ara f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Settembru 2002, Kügler, C‑141/00, Ġabra p. I-6833, punt 52, u tas-6 ta' Novembru 2003, Dornier, C‑45/01, Ġabra p. I‑12911, punt 79). Għaldaqstant, in-nuqqas ta' nomina ta' awtorità kompetenti skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/48 ma jostakolax persuna milli tinvoka l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(a) ta' din id-Direttiva kontra l-awtorità li hija kompetenti de facto sabiex tirregola l-aċċess għal professjoni determinata skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.
39 Fil-kawża prinċipali, billi l-aċċess għal professjoni ta' inġinier huwa rriżervat għall-membri tat-TEE, jidher li din ta' l-aħħar hija awtorità kompetenti fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/48. Għaldaqstant, hija ma tistax tirrifjuta lil persuna fil-pożizzjoni ta' M. Peros l-aċċess għal professjoni ta' inġinier minħabba kwalifiki inadegwati.
40 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li, fin-nuqqas ta' miżuri ta' traspożizzjoni adottati fit-terminu preskritt fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 89/48, ċittadin ta' Stat Membru jista' jibbaża ruħu fuq l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(a) ta' din id-direttiva sabiex jikseb, fl-Istat Membru ospitanti, l-awtorizzazzjoni li jeżerċita professjoni regolata bħal dik ta' inġinier mekkaniku. Din il-possibbiltà ma tistax tiġi suġġetta għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
41 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, mhuwiex iktar neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
42 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoniji ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
Fin-nuqqas ta' miżuri ta' traspożizzjoni adottati fit-terminu preskritt fl-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin (89/48/KEE), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal-31 ta' Lulju 2001, ċittadin ta' Stat Membru jista' jibbaża ruħu fuq l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(a) ta' din id-direttiva sabiex jikseb, fl-Istat Membru ospitanti, l-awtorizzazzjoni li jeżerċita professjoni regolata bħal dik ta' inġinier mekkaniku.
Din il-possibbiltà ma tistax tiġi suġġetta għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
Full & Egal Universal Law Academy