SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
tad-9 ta’ Frar 2006 (*)
"Kuntratti pubbliċi għal għoti ta’ servizzi – Direttiva 92/50/KEE – Is-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 – Obbligi ta’ fornitur ta’ servizzi – Pagament ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif ukoll tal-ħlas ta’ taxxi"
Fil-kawżi magħquda C-226/04 u C-228/04
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-22 ta’ April 2004, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ġunju 2004, fil-kawżi
La Cascina Soc. coop. arl,
Zilch Srl (C‑226/04),
vs
Ministero della Difesa,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Pedus Service,
Cooperativa Italiana di Ristorazione soc. coop. arl (CIR),
Istituto nazionale per l’assicurazione contro gli infortuni sul lavoro (INAIL),
u
Consorzio G. f. M. (C‑228/04)
vs
Ministero della Difesa,
La Cascina Soc. coop. arl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, K. Lenaerts u E. Juhász (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2005,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :
– għal La Cascina Soc. coop. arl u Zilch Srl, minn D. Grossi, G. Romano‑Cesareo u D. Cusmano, avvocati,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u K. Wiedner, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tas-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti [pubbliċi għal għoti ta’ servizzi] (ĠU L 209, p. 1, iktar ’il quddiem id-"direttiva").
2 Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, il-kumpanniji La Cascina Soc. coop. arl (iktar ’il quddiem "La Cascina") u Zilch Srl (iktar ’il quddiem "Zilch") kif ukoll il-consorzio G. f. M. (iktar ’il quddiem "G. f. M.") u, min-naħa l-oħra l-Ministeru tad-Difiża u l-Ministeru ta’ l-Ekonomija Taljani u tal-Finanzi, bħala awtoritajiet aġġudikanti, fir-rigward minn naħa, ta’ l-esklużjoni ta’ dawn il-kumpanniji mill-parteċipazzjoni għal proċedura għal kuntratti pubbliċi għal għoti ta’ servizzi u, min-naħa l-oħra, tal-konformità ma’ l-Artikolu 29 tad-direttiva tad-dispożizzjoni korrispondenti tal-leġiżlazzjoni Taljana li tassigura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fil-liġi nazzjonali.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessi tad-direttiva li din ġiet adottata fil-kuntest tal-miżuri "mmirati biex jiġi stabbilit progressivament is-suq intern" u li, abbażi ta’ dan, hija għanda l-għan li jkun hemm il-"koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist għall-għoti ta’ kuntratti [pubbliċi għal għoti ta’ servizzi]".
4 L-għoxrin premessa tad-direttiva tgħid li "[…] sabiex jiġu eliminati prattiċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni in ġenerali u l-part[e]ċipazzjoni fil-kuntratti minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn b’mod partikolari, huwa neċessarju li jitjieb [l-aċċess] ta’ fornituri ta’ servizzi għall-għoti ta’ kuntratti";
5 Fil-kuntest ta’ ftuħ ta’ kuntratti pubbliċi sabiex ikun hemm l-akbar kompetizzjoni possibbli, l-Artikolu 13(5) tad-direttiva jipprovdi, għall-qasam ta’ l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, li, "[F’]kull każ, in-numru tal-kandidati mistiedna biex jagħmlu offerta għandu jkun suffiċjenti biex jassigura kompetizzjoni ġenwina". Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda l-proċeduri ristretti, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li "F’kull każ, in-numru tal-kandidati mistiedna biex jagħmlu offerta għandu jkun suffiċjenti biex jassigura kompetizzjoni ġenwina".
6 Imdaħħal fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VI tad-direttiva, intitolat "Kriterji għal selezzjoni kwalitattiva", l-Artikolu 29 jipprovdi:
"Kull fornitur tas-sevizz jista’ jiġi eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt li:
a) jkun falla jew li jk[un fi stadju ta’ likwidazzjoni], li l-affarijiet tiegħu ikunu qed jiġu amministrati mill-qorti, li jkun daħal f’arranġament mal-kredituri, li jkun issospenda l-attivitajiet kummerċjali tiegħu jew li jkun f’xi sitwazzjoni analoga li tinqala’ minn proċedura simili taħt il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali;
b) huwa s-suġġett ta’ proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ falliment, għal ordni għal [likwidazzjoni] ta’ bilfors jew amministrazzjoni mill-qorti jew għal arranġament ma’ kredituri jew b’xi proċeduri simili oħrajn skond liġijiet jew regolamenti nazzjonali;
ċ) ġie ikkundannat għal offiża li tikkonċerna l-kondotta professjonali tiegħu b’sentenza li jkollu l-qawwa ta’ res judi[c]ata;
d) kien ħati ta’ miskondotta professjonali gravi bi kwalunkwe mezz li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġġustifikaw;
e) ma jkunx issodisfa obbligi relatati mal-pagament ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skond id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-pajjiż li fih ikun stabbilit jew ma’ dak il-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti;
f) ma jkunx issodisfa obbligi li jirrelataw għall-ħlas ta’ taxxi skond id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-pajjiż ta’ l-awtorità kontraenti;
g) huwa ħati ta’ [dikjarazzjoni falza] serja fil-provvista jew in-nuqqas li jipprovdi l-informazzjoni li tista’ tkun meħtieġa taħt dan il-Kapitolu.
Meta l-awtorità kontraenti teħtieġ mill-fornitur tas-servizz prova li ebda wieħed mill-każijiet ikkwotati f’(a), (b), (ċ), (e) jew (f) ma japplika għalih, għandha taċċetta bħala prova suffiċjenti:
– […]
– għal (e) jew (f), ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat.
[…]
L-Istati Membri għandhom, fil-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 44, jinnominaw l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti biex joħorġu dawn id-dokumenti jew ċertifikati u għandhom minnufih jgħarrfu b’dan lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bihom."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Id-direttiva ġiet trasposta fil-liġi Taljana permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157, tas-17 ta’ Marzu 1995 (GURI Nru 104, tas-6 ta’ Mejju 1995, iktar ’il quddiem id-"Digriet Nru 157/1995").
8 L-Artikolu 12(d) u (e) ta’ dan id-digriet, kif sostitwit mill-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 65, tal-25 ta’ Frar 2000 (GURI Nru 70, ta’ l-24 ta’ Marzu 2000, iktar ’il quddiem l-"Artikolu 12 tad-Digriet Nru 157/1995"), li jassigura t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva, jipprovdi:
"[…] huma esklużi mill-parteċipazzjoni għall-kuntratti pubbliċi l-kandidati:
li mhumiex fi stat konformi ma’ l-obbligi relatati mal-pagament ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur il-ħaddiema, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Taljana jew dik ta’ l-Istat li fih huma stabbiliti;
li mhumiex fi stat konformi ma’ l-obbligi relatati mal-pagament ta’ taxxi u ta’ imposti, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Taljana jew dik ta’ l-Istat li fih huma stabbiliti."
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
9 F’Diċembru 2002, il-Ministeru tad-Difiża Taljan, bi ftehim mal-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi, ippubblika fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana kif ukoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej sejħa għall-offerti ristretta u aċċelerata għall-għoti tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ catering ta’ l-organizzazzjonijiet u tad-dipartimenti tal-Ministeru tad-Difiża rilokati fuq it-territorju nazzjonali. Id-data finali għall-irċevuta tat-talbiet għal parteċipazzjoni ġiet stabbilita għall-15 ta’ Jannar 2003 u dik għall-irċevuta ta’ l-offerti għat-3 ta’ Marzu 2003.
10 Din is-sejħa għall-offerti tinqasam f’sittax-il lott. Għal kull wieħed minn dawn, ġie previst korrispettiv annwali differenti kif ukoll żona ta’ eżekuzzjoni speċifika u ġabra ta’ servizzi partikulari li jridu jitwettqu.
11 Ipparteċipaw f’din is-sejħa għall-offerti, fost l-oħrajn, La Cascina u Zilch, fil-kuntest ta’ assoċjazzjoni temporanja ta’ intrapriżi, għall-parti l-kbira tas-sittax-il lott previsti, kif ukoll G. f. M. għal-lott Nru 7 biss.
12 Fl-4 ta’ Diċembru 2003, l-awtorità aġġudikanti ddeċidiet teskludi mill-proċedura lil-La Cascina u G. f. M., peress li huma ma kinux jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-pagament tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur il-ħaddiema, kif ukoll Zilch, peress li din ma kinitx tissodisfa l-obbligi tagħha fir-rigward tal-pagament tat-taxxi tagħha.
13 It-tliet entitajiet in kwistjoni talbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. B’mod partikulari, La Cascina u G. f. M. qalu li n-nuqqas ta’ pagament tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kien ġie regolarizzat a posteriori. Min-naħa tagħha, Zilch affermat li parti mit-taxxa mitluba kienet is-suġġett ta’ ħelsien mit-taxxa u li, fir-rigward tal-parti l-oħra tat-taxxa dovuta, hija kienet ibbenefikat minn "amnistija fiskali", bis-saħħa ta’ miżura ta’ regolarizzazzjoni adottata mil-leġiżlatur nazzjonali fl-2002, li fuq il-bażi tagħha hija kienet awtorizzata tħallas permezz ta’ numru ta’ pagamenti.
14 Min-naħa l-oħra, l-awtorità aġġudikanti sostniet, li r-regolarizzazzjoni a posteriori ma tfissirx li l-intrapriżi rikorrenti, fl-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talba tagħhom għall-parteċipazzjoni għas-sejħa għall-offerti, jiġifieri fil-15 ta’ Jannar 2003, kienu ssodisfaw l-obbligi tagħhom.
15 Il-qorti tar-rinviju tikkonstata differenza bejn il-kliem użat fl-Artikolu 29 tad-direttiva u l-Artikolu 12 tad-Digriet Nru 157/1995. Għalhekk, filwaqt li d-dispożizzjoni Komunitarja tipprovdi l-fakultà li jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni għal għoti ta’ kuntratti, fornitur ta’ servizzi li "ma ssodisfax" l-obbligi tiegħu, id-dispożizzjoni nazzjonali teskludi dak "li [mhux] fi stat konformi" ma’ l-obbligi tiegħu.
16 Konsegwentement, din il-qorti tistaqsi lilha nfisha jekk id-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex aktar permissiva u jekk tagħtix aktar diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali, u f’dan ir-rigward tirreferi għal diverġenzi fl-interpretazzjoni li dehru f’deċiżjonijiet mogħtija dwar dan is-suġġett mill-qrati Taljani. Fil-fatt, ċerti wħud minn dawn il-qrati jaċċettaw regolarizzar a posteriori, jiġifieri wara d-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-parteċipazzjoni għas-sejħa għall-offerti, f’żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet:
– meta l-partijiet interessati jkunu kkontestaw il-bażi legali ta’ l-obbligi tagħhom quddiem l-awtoritajiet nazzjonali amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti,
– meta l-partijiet interessati, li jkunu effettivament naqsu mill-obbligi tagħhom, jkunu madankollu bbenefikaw minn miżuri ta’ klemenza min-naħa ta’ l-Istat, li tahom il-possibbiltà li jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom a posteriori fil-qasam fiskali u dak tas-sigurtà soċjali, jew minn miżuri ta’ amnistija fiskali.
17 Meta wieħed jikkunsidra li interpretazzjoni bħal din tista’ twassal għal trattament mhux ugwali fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi kif ukoll għal paraliżi ta’ l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratti, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jsaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
"[I]l-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija :
1) Jekk id-dispożizzjonijiet iċċitatati iktar ’il fuq tad-Direttiva in kwistjoni, iridux jiġu interpretati fis-sens li, meta l-leġiżlatur juża l-frażijiet ‘ma jkunx issodisfa obbligi relatati mal-pagament ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skond id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-pajjiż li fih ikun stabbilit jew ma’ dak il-pajjiż ta’ l-awtorità [aġġudikanti]’, u ‘ma jkunx issodisfa obbligi li jirrelataw għall-ħlas ta’ taxxi skond id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-pajjiż ta’ l-awtorità [aġġudikanti]’, dan kien qed jirreferi biss għaċ-ċirkustanza – b’esklużjoni ta’ kull ipoteżi oħra, – fejn l-intrapriża kienet – fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-parteċipazzjoni għas-sejħa għall-offerti (jew, fi kwalunkwe każ, qabel l-għoti ta’ kuntratti […]) – issodisfat l-imsemmija obbligi billi ħalset l-ammont kollu u fil-ħin;
2) jekk, konsegwentement, id-dispożizzjoni nazzjonali Taljana li tittrasponihom [jiġifieri l-Artikolu 12(d) u (e) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157, tas-17 ta’ Marzu 1995] – fejn din tippermetti, kuntrarjament għad-dispożizzjoni Komunitarja ċċitata iktar ’il fuq, li teskludi mill-kuntratti pubbliċi l-intrapriżi li ‘mhumiex fi stat konformi ma’ l-obbligi relatati mal-pagament ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali favur il-ħaddiema, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Taljana jew dik ta’ l-Istat li fih huma stabbiliti’ u li ‘mhumiex fi stat konformi ma’ l-obbligi relatati mal-pagament ta’ taxxi u ta’ imposti, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Taljana jew dik ta’ l-Istat li fih huma stabbiliti’ – għandhiex tiġi interpretata biss b’referenza għan-nuqqas ta’ osservanza – verifikabbli fid-data msemmija iktar ’il fuq (fl-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talba għall-parteċipazzjoni; jew il-mument eżatt qabel l-għoti, anki proviżorju, ta’ kuntratti) – ta’ dawn l-obbligi, b’esklużjoni ta’ kull possibbiltà ta’ ‘regolarizzar’ ulterjuri;
3) jew jekk, għall-kuntrarju (għall-każ fejn, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 2 iktar ’il fuq, id-dispożizzjoni nazzjonali trid tkun ikkunsidrata bħala li tiddevja mir-ratio u mill-objettiv tad-dispożizzjoni Komunitarja), jistax jiġi meqjus li, fid-dawl ta’ l-obbligi li jaqgħu fuqu fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tinsab fid-direttiva in kwistjoni, il-leġiżlatur nazzjonali għandu l-awtorità li jipprovdi għall-każijiet fejn jiġu ammessi għal sejħiet għall-kuntratti pubbliċi, intrapriżi li, għalkemm mhux ‘fi stat konformi’ ma’ l-obbligi tagħhom fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talba għall-parteċipazzjoni għall-imsemmija sejħiet għall-offerti, juru li huma jistgħu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom (u li huma għamlu azzjonijiet pożittivi għal dawn il-finijiet) qabel l-għoti;
4) u, fl-aħħar nett, fil-każ fejn l-interpretazzjoni esposta fil-punt 3 tiġi kkunsidrata bħala possibbli – u li, għalhekk, ikun ikkunsidrat bħala possibbli li jiġu introdotti dispożizzjonijiet aktar flessibbli meta mqabbla mas-sens aktar strett ta’ l-espressjoni użata mil-leġiżlatur Komunitarju, jiġifieri ‘issodisfa obbligi’ – jekk din id-dispożizzjoni ma tmurx kontra l-prinċipji fundamentali ta’ natura Komunitarja, bħat-trattament ugwali għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni jew – għal dak li jikkonċerna biss il-kuntratti pubbliċi – il-garanzija tal-’par condicio’ favur l-intrapriżi kollha li jressqu talba sabiex jipparteċipaw fiha."
Fuq id-domandi preliminari
18 Għandu jiġi rilevat, preliminarjament, li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tad-direttiva, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha tvarja skond il-klassifikazzjoni tas-servizzi in kwistjoni. Madankollu, peress li din il-klassifikazzjoni teħtieġ l-evalwazzjoni tal-fatti, hija ta’ kompetenza tal-qorti tar-rinviju; konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tipproċedi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva li għalihom tirreferi t-talba għal deċiżjoni preliminari. Minbarra dan, jirriżulta minn din it-talba li din tikkonċerna proċedura ristretta skond id-direttiva.
19 Permezz tad-domandi tagħha, l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fl-ewwel lok, is-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva jridux jiġu interpretati fis-sens li huma jipprojbixxu dispożizzjoni nazzjonali li tirreferi għas-sitwazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi li "ma jissodisfax" l-obbligi soċjali jew fiskali tiegħu. Fit-tieni lok, hija tistaqsi dwar il-mument li fih fornitur ta’ servizzi jrid iressaq il-prova ta’ l-osservanza ta’ l-imsemmija obbligi. Fit-tielet lok, hija tistaqsi jekk fornitur ta’ servizzi, li kemm jekk qiegħed tard fil-pagament tal-kontribuzzjonijiet soċjali jew tat-taxxi tiegħu, kemm jekk ġie awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti li jħallas permezz ta’ numru ta’ pagamenti l-kontribuzzjonijiet jew taxxi u kemm jekk ppreżenta rikors amministrattiv jew ġudizzjarju bil-għan li jikkontesta l-eżistenza jew l-ammont ta’ l-obbligi tiegħu ta’ sigurtà soċjali jew ta’ l-obbligi fiskali tiegħu, għandux jew le jkun ikkunsidrat bħala li ma ssodisfax l-obbligi soċjali jew fiskali tiegħu skond is-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva.
20 Sabiex tasal għar-risposta korretta għal dawn id-domandi, għandu jiġi rilevat, preliminarjament, li d-direttivi Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi għandhom bħala objettiv il-koordinazzjoni tal-proċeduri nazzjonali dwar dan il-qasam. Għal dak li jirrigwarda aktar speċifikament il-kuntratti pubbliċi għal għoti ta’ servizzi, it-tielet premessa tad-direttiva tgħid li l-objettivi definiti fl-ewwel u t-tieni premessi "[…] jeħtieġu l-koordinazjoni tal-proċeduri ta’ akkwist għall-għoti ta’ kuntratti [pubbliċi għal għoti ta’ servizzi]".
21 F’dan il-kuntest ta’ koordinazzjoni, l-Artikolu 29 tad-direttiva jipprovdi seba’ kawżi ta’ esklużjoni tal-parteċipazzjoni ta’ kandidati f’kuntratt, li jirrigwardaw l-onestà professjonali, is-solvibilità jew l-affidabiltà tiegħu. Din id-dispożizzjoni tħalli l-evalwazzjoni ta’ dawn il-każijiet kollha ta’ esklużjoni għal valutazzjoni ta’ l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-espressjoni "jista’ jiġi eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt […]", li tidher fil-bidu ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, u tirreferi speċifikament, fis-sub-paragrafi (e) u (f), għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali.
22 B’hekk, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, id-dispożizzjoni kkunsidrata tiffissa hija stess l-uniċi limiti tad-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, fis-sens li dawn ma jistgħux jipprovdu kawżi oħra ta’ esklużjoni differenti minn dawk indikati. Din id-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri hija limitata xorta waħda mill-prinċipji ġenerali tat-trasparenza u tat-trattament ugwali (ara, b’mod partikulari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, Ġabra p. I-11617, punti 91 u 92, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2003, Traunfellner, C‑421/01, Ġabra p. I-11941, punt 29).
23 Konsegwentement, l-Artikolu 29 tad-direttiva ma jipprovdix f’dan is-suġġett għal uniformità ta’ applikazzjoni tal-kawżi ta’ l-esklużjoni indikati fuq livell Komunitarju, inkwantu l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li ma japplikawx dawn il-kawżi ta’ esklużjoni kollha kemm huma, filwaqt li jagħżlu l-aktar parteċipazzjoni wiesa’ għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jew li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’livell ta’ applikazzjoni li tista’ tvarja skond il-każ, skond il-kunsiderazzjonijiet ta’ l-ordni ġuridika, ekonomika jew soċjali li jipprevalu fuq livell nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jnaqqsu jew li jagħmlu aktar flessibbli l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-direttiva.
24 Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-domanda dwar jekk is-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprojbixxu li dispożizzjoni nazzjonali li tirreferi għal sitwazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi li "ma jissodisfax" l-obbligi soċjali jew fiskali tiegħu, din id-dispożizzjoni toffri d-diskrezzjoni lill-Istati Membri li jeskludu kull kandidat li "ma jkunx issodisfa obbligi" tiegħu relatati mal-pagament ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa u ta’ l-imposti "skond id-disposizzjonijiet ġuridiċi" nazzjonali.
25 Din id-dispożizzjoni ma tikkontjenix definizzjoni tal-kunċett "ma ssodisfax l-obbligi". Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-awturi tad-direttiva ma kellhomx l-intenzjoni jagħtu lil dan il-kunċett kwalifikazzjoni Komunitarja awtonoma, iżda f’dan ir-rigward irreferew għar-regoli nazzjonali. Għalhekk huwa kompitu ta’ dawn ta’ l-aħħar li jippreċiżaw il-kontenut u l-portata ta’ l-obbligi in kwistjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet għat-twettiq tagħhom.
26 Il-leġiżlatur Taljan għamel użu mid-diskrezzjoni mogħtija lilu mis-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva, meta introduċa iż-żewġ kawżi ta’ esklużjoni in kwistjoni fis-sub-paragrafi (d) u (e) ta’ l-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/1995. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk, permezz ta’ l-użu tal-frażijiet "li mhumiex fi stat konformi ma’ l-obbligi […]", din id-dispożizzjoni hijiex aktar permissiva u jekk tagħtix aktar diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali meta mqabbla mal-kliem użat fis-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva.
27 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rilevat li, kif ġustament josservaw il-partijiet interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem "ma jkunx issodisfa" l-obbligi tiegħu jew "ma jkunx fi stat konformi" ma’ l-obbligi huma użati t-tnejn fl-istess mod fid-direttivi Komunitarji differenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Bħala eżempju, hemm il-każ tas-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), dik tas-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1), u, fl-aħħar lok, il-każ tas-sub-paragrafi (e) u (f) tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 134, p. 114), li daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2006. Konsegwentement, m’hemm l-ebda differenza fil-kontenut bejn iż-żewġ frażijiet in kwistjoni.
28 Huwa fuq il-bażi ta’ dan li għandhom jiġu eżaminati s-sitwazzjonijiet differenti li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju.
29 L-imħallef tal-qorti nazzjonali jistaqsi, fit-tieni lok, jekk, sabiex ikun issodisfa l-obbligi tiegħu f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijet tas-sigurtà soċjali u taxxi jew imposti, il-fornitur ta’ servizzi jrid, "fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-parteċipazzjoni għas-sejħa għall-offerti jew, fi kwalunkwe każ, qabel l-għoti ta’ kuntratti", ikun ħallas l-ammont "kollu u fil-ħin" korrispondenti.
30 Sabiex jiġi stabbilit il-mument li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk il-kandidat issodisfax l-obbligi tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, peress li s-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva jirreferu għad-dispożizzjonijiet legali ta’ l-Istati Membri li jistabbilixxu l-kontenut tal-kunċett "ikun issodisfa l-obbligi tiegħu" u li l-leġiżlatur Komunitarju ma riedx jipproċedi għall-uniformità fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fuq livell Komunitarju, huwa koerenti li jiġi kkunsidrat li l-istess referenza għad-dispożizzjonijiet nazzjonali hija magħmula fir-rigward ta’ l-iffissar tal-mument in kwistjoni.
31 Huma għalhekk ir-regoli nazzjonali li għandhom jistabbilixxu sa dak il-mument sa meta jew it-terminu sa meta l-partijiet interessati kellhom ikunu wettqu l-pagamenti korrispondenti għall-obbligi tagħhom jew inkella, għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjonijet l-oħra kkunsidrati mill-qorti tar-rinviju u li huma ttrattati fil-punti 34 sa 39 tas-sentenza preżenti, ikunu wrew li l-kundizzjonijiet għar-regolarizzazzjoni a posteriori huma sodisfatti. Dan it-terminu jista’ jkun, b’mod partikolari, id-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-parteċipazzjoni għas-sejħa għall-offerti, id-data tat-trażmissjoni ta’ l-ittra ta’ stedina sabiex tiġi ppreżentata offerta, id-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ l-offerti tal-kandidati, id-data ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-offerti mill-awtorità aġġudikanti jew, ukoll, il-mument li immedjatament jippreċedi l-għoti tal-kuntratt.
32 Madankollu, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-prinċipji tat-trasparenza u tat-trattament ugwali li jirregolaw il-proċeduri kollha ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li skond dawn il-kundizzjonijiet bażiċi u ta’ proċedura dwar il-parteċipazzjoni għal għoti ta’ kuntratti għandhom ikunu definiti b’mod ċar minn qabel, jeħtieġu li dan it-terminu jkun determinat b’ċertezza assoluta u magħmul pubbliku, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jkunu jafu eżattament il-kundizzjonijiet tal-proċedura u jkunu assigurati mill-fatt li l-istess kundizzjonijiet japplikaw għall-konkorrenti kollha. Dan it-terminu jista’ jiġi stabbilit permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, jew inkella din tista’ tpoġġi din ir-responsabbiltà fuq l-awtoritajiet aġġudikanti.
33 Konsegwentement, huwa kkunsidrat li ssodisfa l-obbligi tiegħu l-kandidat li, fit-terminu in kwistjoni fil-punt 31 iktar ’il fuq, ħallas il-pagamenti kollha li għandhom x’jaqsmu mad-debiti tiegħu għal dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali u t-taxxi jew imposti, salv fir-rigward ta’ regolarizzazzjoni ulterjuri u ta’ preżentazzjoni ta’ rikors amministrattiv jew ġudizzjarju li huma ttrattati fil-punti 34 sa 39 tas-sentenza preżenti. Sempliċi bidu ta’ pagament fil-mument ikkunsidrat, jew il-prova ta’ l-intenzjoni ta’ pagament, jew inkella l-prova tal-kapaċità finanzjarja tar-regolarizzazzjoni wara dan il-mument ma jistgħux ikunu suffiċjenti, inkella jista’ jiġi miksur il-prinċipju tat-trattament ugwali tal-kandidati.
34 Fit-tielet lok, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda sostanzjalment il-punt dwar jekk jistgħux jiġu kkunsidrati kompatibbli mas-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva, leġiżlazzjoni jew prattika amministrattiva nazzjonali li jagħtu l-possibbiltà lill-fornituri ta’ servizz, għall-finijiet ta’ l-ammissjoni tagħhom għall-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jirregolarizzaw a posteriori s-sitwazzjoni tagħhom fil-qasam fiskali u tas-sigurtà soċjali, in applikazzjoni tal-miżuri ta’ klemenza jew ta’ amnistija fiskali adottati mill-Istat Membru in kwistjoni jew bis-saħħa ta’ arranġament amministrattiv fid-dawl ta’ numru ta’ pagamenti jew ta’ tnaqqis tad-debiti.
35 F’dan ir-rigward għandu jingħad li, kif ġustament josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ammont u l-iskadenza ta’ l-obbligi fil-qasam fiskali u tas-sigurtà soċjali huma definiti mid-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, intqal fil-punt 25 iktar ’il fuq li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi l-kontenut u l-portata tal-kunċett "ma ssodisfax l-obbligi". Minbarra dan, it-terminu li jorbot f’dan ir-rigward huwa dak stabbilit permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif iċċarat fil-punt 31 tas-sentenza preżenti.
36 Konsegwentement, leġiżlazzjoni jew prattika amministrattiva nazzjonali li skond din, f’każ ta’ miżuri ta’ klemenza jew ta’ amnistija fiskali kif ukoll in segwitu ta’ arranġament amministrattiv, il-kandidati kkonċernati jissodisfaw l-obbligi tagħhom għall-finijiet ta’ l-ammissjoni tagħhom għal proċedura għal għoti ta’ kuntratti, mhix inkompatibbli mas-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva, diment li, fit-terminu indikat fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, huma jistgħu jressqu l-prova li bbenefikaw minn miżuri ta’ klemenza jew ta’ amnistija fiskali jew minn arranġament amministrattiv dwar id-debiti tagħhom.
37 Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda, fl-aħħar lok, l-effetti li jeħtieġ li jiġu konnessi mal-preżentazzjoni minn kandidat ta’ rikors amministrattiv jew ġudizzjarju kontra l-konstatazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam fiskali jew tas-sigurtà soċjali, sabiex jiġi kkunsidrat jekk dan il-kandidat huwiex fi stat konformi ma’ l-obbligi tiegħu fid-dawl ta’ l-ammissjoni tiegħu għall-proċedura għal għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
38 Għandu jiġi kkunsidrat li r-referenza għad-dritt nazzjonali mis-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva hija valida wkoll għal dak li jirrigwarda din il-kwistjoni. Madankollu, l-effetti tal-preżentazzjoni ta’ rikors amministrattiv jew ġudizzjarju huma konnessi mill-qrib ma’ l-eżerċizzju u mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jirrigwardaw il-protezzjoni ġudizzjarja, fejn l-ordni ġuridika Komunitarja tassigura wkoll ir-rispett ta’ dawn. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tinjora totalment l-effetti tal-preżentazzjoni ta’ rikors amministrattiv jew ġudizzjarju fuq il-possibbiltà li tipparteċipa f’proċedura għall-għoti ta’ kuntratti tista’ twassal għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet interessati.
39 La darba ġie kkunsidrat dan il-limitu, hija l-ordni ġuridika nazzjonali li trid tistabbilixxi jekk il-preżentazzjoni ta’ rikors amministrattiv jew ġudizzjarju jinkludi effetti li jobbligaw lill-awtorità aġġudikanti sabiex tikkunsidra li l-kandidat kkonċernat issodisfa l-obbligi tiegħu, sakemm tittieħed deċiżjoni definittiva, għall-finijiet ta’ l-ammissjoni tiegħu għall-proċedura għal għoti ta’ kuntratti, bil-kundizzjoni li rikors bħal dan ikun ippreżentat fit-terminu msemmi fil-punt 31 tas-sentenza preżenti.
40 Għalhekk ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li s-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad-direttiva ma jipprojbixxux leġiżlazzjoni jew prattika amministrattiva nazzjonali li skond din, il-fornitur ta’ servizzi, li ma ssodisfax, fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-parteċipazzjoni għas-sejħa għall-offerti, billi għamel il-pagamenti kollha korrispondenti, l-obbligi tiegħu fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tat-taxxi u imposti, jista’ jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu suċċessivament
– bis-saħħa ta’ miżuri ta’ amnistija fiskali jew ta’ klemenza min-naħa ta’ l-Istat, jew
– bis-saħħa ta’ arranġament amministrattiv li jipprovdi għal ħlas permezz ta’ numru ta’ pagamenti jew għal tnaqqis tad-debiti, jew
– permezz tal-preżentazzjoni ta’ rikors amministrattiv jew ġudizzjarju,
bil-kundizzjoni li jressaq prova, fit-terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni jew mill-prattika amministrattiva nazzjonali, li bbenefika minn dawn il-miżuri jew minn arranġamenti bħal dawn, jew li huwa ppreżenta rikors bħal dan f’dan it-terminu.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Is-sub-paragrafi (e) u (f) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 29 tad- Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti [pubbliċi għal għoti ta’ servizzi], ma jipprojbixxux leġiżlazzjoni jew prattika amministrattiva nazzjonali li skond din, il-fornitur ta’ servizzi, li ma ssodisfax, fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-parteċipazzjoni għas-sejħa għall-offerti, billi għamel il-pagamenti kollha korrispondenti, l-obbligi tiegħu fil-qasam tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tat-taxxi u imposti, jista’ jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu suċċessivament
– bis-saħħa ta’ miżuri ta’ amnistija fiskali jew ta’ klemenza min-naħa ta’ l-Istat, jew
– bis-saħħa ta’ arranġament amministrattiv li jipprovdi għal ħlas permezz ta’ numru ta’ pagamenti jew għal tnaqqis tad-debiti, jew
– permezz tal-preżentazzjoni ta’ rikors amministrattiv jew ġudizzjarju,
bil-kundizzjoni li jressaq prova, fit-terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni jew mill-prattika amministrattiva nazzjonali, li bbenefika minn dawn il-miżuri jew minn arranġamenti bħal dawn, jew li huwa ppreżenta rikors bħal dan f’dan it-terminu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy