SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)
20 ta' Ottubru 2005 (*)
"Kodiċi Doganali tal-Komunità – Rimbors jew eżenzjoni minn dazji ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni – Kunċett ta' ‘legalment dovut’"
Fil-kawża C-247/04
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Mejju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta' Ġunju 2004, fil-proċedura
Transport Maatschappij Traffic BV
vs
Staatssecretaris van Economische Zaken,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk (Relatur), C. Gulmann, R. Schintgen, u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' April 2005,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Transport Maatschappij Traffic BV, minn A. Wolkers u E. H. Mennes, advocaten,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. M. Wissels, bħala aġenti,
– mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis, bħala aġent, assistit minn F. Tuytschaever, advocaat,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta' Mejju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba ta' deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 236(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottobru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem il-"KDK").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn Transport Maatschappij Traffic BV (iktar 'il quddiem "Traffic") u au Staatssecretaris van Economische Zaken (Segretarju Parlamentari dwar l-Affarijiet Ekonomiċi ta' l-Olanda, iktar 'il quddiem "Segretarju Parlamentari") fir-rigward tar-rifjut ta' din ta' l-aħħar li tilqa' t-talba ta' rimbors ta' dazji antidumping mogħtija lil Traffic.
Il-Kuntest Ġuridiku
3 L-Artikolu 4 tal-KDK jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:
"[…]
9) "Dejn doganali" tfisser l-obbligazzjoni fuq persuna li tħallas l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni (dejn doganali fuq l-importazzjoni) jew dazji fuq l-esportazzjoni (dejn doganali fuq l-esportazzjoni) li japplika għal merkanzija speċifika skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li huma fis-seħħ;
[…]
23) "Dispożizzjonijiet fis-seħħ" tfisser dispożizzjonijiet tal-Komunità jew nazzjonali;
[…]"
4 L-Artikolu 20(1) tal-KDK li jinsab fit-Titolu II ta' dan il-Kodiċi, bit-titolu "Fatturi li skond il-bazi taghhom jigu applikati d-dazji fuq l-importazzjoni jew id-dazji fuq l-esportazzjoni u l-mizuri l-ohra stipulati fir-rigward ta' kummerc f'merkanzija", jiddisponi:
"1. Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej."
5 It-tieni Kapitolu tat-Titolu VII tal-KDK fih id-dispożizzjonijiet dwar meta jiġi inkors dejn doganali. B'mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jiddeskrivu l-fatti li jagħtu lok għal tali dejn, kif ukoll il-mument u l-lok ta' meta jiġi inkors.
6 Għall-finijiet tal-Kapitolu 3 ta' l-istess titolu, dwar l-irkupru ta' l-ammont tad-dejn doganali, l-Artikolu 221 tal-KDK jipprevedi li:
"1. Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta' dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.
[…]
3. Komunikazzjoni lid-debitur m'għandhiex issir wara l-għeluq ta' perjodu ta' tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. […]"
7 Il-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tal-KDK jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar l-estinzjoni ta' dejn doganali.
8 L-Artikolu 236(1) li jinsab fil-Kapitolu 5 ta' dan it-Titolu VII bit-titolu "Ħlas lura u maħfra ta' dazju", jiddisponi:
"Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta' dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta' l-Artikolu 220(2)."
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Permezz ta' l-avviż ta' ħlas tat-18 ta' Diċembru 1997, l-ispettur ta' l-amministrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tad-distrett doganali ta' Roosendaal (iktar 'il quddiem, l-"ispettur") innotifika lil Traffic dazji ta' antidumping għall-ammont ta' 62 045,20 NLG (28 154,88 EUR).
10 Wara li ħallset dan l-ammont, fid-19 ta' Frar 1998, Traffic ippreżentat ilment kontra l-avviż ta' ħlas.
11 Fit-18 ta' Mejju 1998, min-naħa, Traffic irtirat dan l-ilment u, min-naħa l-oħra, talbet lill-ispettur, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 236 tal-KDK, ir-rimbors ta' dazji antidumping mogħtija billi dawn ta' l-aħħar ma kienux legalment dovuti. B'mod partikolari, Traffic wriet li l-ispettur ma kienx kompetenti biex jimponi tali dazji. Wara r-rifjut ta' din it-talba, Traffic ippreżentat ilment għand is-Segretarju Parlamentari, li ġie rrifjutat permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta' Ottubru 2000. Għalhekk, Traffic ressqet appell minn din il-kawża quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven.
12 Fit-13 ta' Frar 2002, din il-qorti annullat id-deċiżjoni tas-Segretarju Parlamentari billi dan ta' l-aħħar ma ddeċidiex, skond l-Artikolu 236 tal-KDK, fuq il-fatt jekk kienx jaf, fil-mument tal-ħlas, jekk l-ammont tad-dazji in kwistjoni kienux "legalment dovuti" jew jekk kienx ġie meħud in kunsiderazzjoni, kuntrarjament għall-Artikolu 220(2) tal-KDK.
13 Fid-19 ta' Novembru 2002, is-Segretarju Parlamentari ddeċieda li jirrifjuta, għal darb'oħra, it-talba għal rimbors ippreżentat minn Traffic.
14 Traffic għalhekk ippreżentat rikors għall-annullament ta' din id-deċiżjoni quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven. Hija sostniet li l-ammont tad-dazji mhuwiex dovut, skond l-Artikolu 236 tal-KDK, u kieku kien jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-metodi xierqa, skond l-Artikolu 221 ta' l-istess kodiċi. Issa, dan ma kienx ikun il-każ meta tkun awtorità mhux kompetenti li tipproċedi biex tikkomunika l-ammont tad-dazju.
15 Fid-deċiżjoni tagħha ta' rinviju, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven tfakkar li l-Kapitolu 5 tat-Titolu VII tal-KDK jelenka numru ta' raġunijiet li għalihom jistgħu jipproċedu għal rimbors jew għal eżenzjoni minn dazji ta' esportazzjoni jew ta' importazzjoni. Għalhekk, hija ssaqsi jekk l-inkompetenza ta' awtorità amministrattiva fir-rigward tad-dazji nazzjonali tistax tikkostitwixxi wieħed minn dawn ir-raġunijiet u, b'mod aktar partikolari, jekk tali inkompetenza tippermettix li jiġi konkluż li fil-mument tal-ħlas l-ammont tad-dazji ma kienx "legalment dovut" skond l-Artikolu 236 tal-KDK.
16 F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfażizza li, skond id-dritt pubbliku Olandiż, l-avviż ta' ħlas tat-18 ta' Diċembru 1997 indirizzat lil Traffic għandu n-natura ta' deċiżjoni li toħloq obligu ta' ħlas. B'hekk, dan l-avviż ta' ħlas jista' jkun suġġett ta' lment ippreżentat fit-terminu ta' sitt ġimgħat previst mill-leġiżlazzjoni Olandiża li jibda min-notifikazzjoni tiegħu lill-interessat.
17 Il-Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven tirrileva wkoll li, fid-data tat-18 ta' Diċembru 1997, l-ispettur ma kienx kompetenti biex jindirizza tali avviż ta' ħlas u li sar kompetenti biss fl-1 Jannar 1998.
18 Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk tali inkompetenza tista' tiġi validament invokata in sostenn ta' l-ilment jew tar-rikors kontra avviż ta' ħlas, din l-istess nuqqas ta' kompetenza ma tistax isservi bħala bażi għal talba ta' rimbors jew ta' eżenzjoni ta' dazji ta' l-esportazzjoni jew ta' l-importazzjoni.
19 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"Il-kunċett ta' ‘legalment dovut' ta' l-Artikolu 236 tal-[KDK] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi biss il-kwistjoni li jsir magħruf jekk iċ-ċirkostanzi li fihom jiġi inkors dejn doganali, previst mill-Kapitolu 2 tat-Titolu VII tal-[KDK], huma sodisfatti, jew fis-sens li l-ammont huwa legalment dovut biss meta l-ebda raġuni, anki jekk toħroġ mid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ skond l-Artikolu 4(23) tal-[KDK], ma tista' tiġi użata biex tikkontesta l-mod kif ġie kkomunikat il-fatt li d-dazji kienu dovuti?"
Fuq id-domanda preliminari
20 Sabiex tingħata tweġiba għad-domanda mqiegħda, jeħtieġ li jiġi stabbillit jekk il-fatt li l-ammont ta' dazji in kwistjoni ma ġewx ikkomunikat skond l-Artikolu 221(1) tal-KDK jistax ikollu bħala konsegwenza li dan l-ammont mhuwiex legalment dovut fil-mument tal-ħlas tiegħu, skond l-Artikolu 236 tal-KDK.
21 F'dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 236(1) tal-KDK jipprevedi li għandu jipproċedi għar-rimbors tad-dazji ta' l-importazzjoni jew tad-dazji ta' l-esportazzjoni b'mod partikolari meta jiġi stabbilit "li meta kienu tħallsu l-ammonti tad-dazji ma kienux legalment dovuti".
22 Kif l-gvern Olandiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ġustament iqisu fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, l-Artikolu 20(1) tal-KDK, li jinsab fit-Titolu II tiegħu, jiddisponi li "[d]azji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej". Minbarra dan, ir-regoli dwar meta jiġi inkors dejn doganali huma previsti fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VII tal-KDK. B'mod partikolari, jiġi inkors dejn doganali ta' l-importazzjoni meta tiġi introdotta merkanzija suġġetta għal dazji ta' l-importazzjoni, skond l-Artikolu 201(1)(a) tal-KDK.
23 Għal dak li jirrigwarda t-tariffa doganali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem it-"tariffa doganali komuni"), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-dazji in kwistjoni, jiġifieri d-dazji antidumping, huma inklużi, skond l-Artikolu 20(3)(g) tal-KDK, f'din it-tariffa doganali bħala "miżuri oħra tat-tariffa li għalihom huwa pprovdut f'leġiżlazzjoni oħra tal-Komunità".
24 Fir-rigward tad-dejn doganali, jeħtieġ jitfakkar li dan jikkonsisti, taħt l-Artikolu 4(9) tal-KDK, bħala "l-obbligu fuq persuna li tħallas l-ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni […] jew dazji fuq l-esportazzjoni […] li japplika għal merkanzija speċifika skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li huma fis-seħħ".
25 F'dak li jirrigwarda l-irkupru ta' l-ammont tad-dejn doganali, dan huwa suġġett għal dispożizzjonijiet distinti li jinstabu fil-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tal-KDK li b'mod partikolari, jipprevedi l-obbligu li jiġi kkomunikat l-ammont ta' dan id-dejn qabel ma jipproċedu għall-irkupru tiegħu.
26 Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mid-distinzjoni magħmula mil-leġiżlatur Komunitarji bejn l-eżistenza ta' l-istess dejn doganali u l-irkupru tiegħu li dejn doganali jiġi inkors jippreċedi l-komunikazzjoni ta' l-ammont tiegħu u huwa neċessarjament indipendenti minn din il-komunikazzjoni. Din ta' l-aħħar ma tkunx, għaldaqshekk, kif osservat l-avukat ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, jista' jkollha impatt fuq l-eżistenza tad-dejn doganali.
27 Għalhekk jeħtieġ jiġi miżjud li l-interpretazzjoni kuntrarja, sostnuta minn Traffic, li tgħid li dazji ma kienux "legalment dovuti" taħt il-KDK ħlief bil-kundizzjoni li jkunu kkomunikati lid-debitur b'mod validu, għandu bħala konsegwenza li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 236 tal-KDK jkun jiddependi mir-rispett tad-dritt nazzjonali applikabbli fl-Istati Membri differenti u, għaldaqstant, ikun ta' natura li jqiegħed in kwistjoni l-applikazzjoni uniformi tal-KDK.
28 Għalhekk irid jiġi neċessarjament ikkonstatat li, jekk hu veru li l-ksur ta' l-Artikolu 221(1) tal-KDK mill-awtoritajiet doganali ta' Stat Membru jista' jkun ta' ostaklu għall-irkupru ta' l-ammont ta' dazji legalement dovuti jew għall-applikazzjoni ta' l-interessi moratorji, minkejja dan tali ksur ma għandu l-ebda konsegwenza fuq l-eżistenza ta' dawn id-dazji.
29 Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jeħtieġ tingħata twieġiba għad-domanda mqiegħda fis-sens li, għall-finijiet ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 236(1) tal-KDK, id-dazji ta' l-importazzjoni jew id-dazji ta' l-esportazzjoni huwa legalment dovuti meta dejn doganali ġie inkors, fiċ-ċirkustanzi stabbiliti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu VII ta' dan il-kodiċi, u meta l-ammont ta' dawn id-dazji seta' jiġi ddeterminat skond it-tariffa doganali komuni, skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta' dan il-kodiċi.
L-ammont ta' dazji ta' l-importazzjoni jew ta' dazji ta' l-esportazzjoni jibqa' legalement dovut skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 236(1) tal-KDK, meta dan l-ammont ma jkunx ġie kkomunikat lid-debitur b'mod konformi ma' l-Artikolu 221(1) ta' dan l-istess kodiċi.
Fuq l-ispejjeż
30 Peress illi l-proċeduri għandhom, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:
Għall-finijiet ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 236(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottobru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, id-dazji ta' l-importazzjoni jew id-dazji ta' l-esportazzjoni huwa legalment dovuti meta dejn doganali ġie inkors, fiċ-ċirkustanzi stabbiliti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu VII ta' dan ir-Regolament, u meta l-ammont ta' dawn id-dazji seta' jiġi ddeterminat skond it-tariffa doganali tal-Komunitajiet Ewropej.
L-ammont ta' dazji ta' l-importazzjoni jew ta' dazji ta' l-esportazzjoni jibqa' legalement dovut skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 236(1) tar-Regolament Nru 2913/92, meta dan l-ammont ma jkunx ġie kkomunikat lid-debitur skond l-Artikolu 221(1) ta' dan l-istess Regolament.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy