SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta' Ottubru 2006 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Tranżitu komunitarju estern - Regolamenti (KEE) Nru 2913/92 u 2454/93 – Riżorsi proprji tal-Komunitajiet – Tqegħid għad-dispożizzjoni – Skadenzi – Imgħax ta’ dewmien – Nuqqas ta' żamma u ta' kommunikazzjoni tad-dokumenti ta' prova li jirrigwardaw it-twaqqif u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji"
Fil-kawża C-275/04
li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fid-29 ta' Ġunju 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M.C. Giolito u G. Wilms, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn E. Dominkovits u M. Wimmer, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn:
Ir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn M. Angiolini u R. Anderson, barristers,
parti intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, M J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' April 2006,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
– billi ma rreġistrax il-kontabbiltà prevista fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU L 130, p. 1), tad-drittijiet ikkonstatati fit-terminu mitlub,
– billi ma vverifikax jekk, wara l-1 ta' Jannar 1995, kienx hemm dewmien ieħor fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji wara r-reġistrazzjoni tardiva fil-kontabbiltà prevista fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000, billi ddistruġġa l-arkivji li kienu jirreferu għal dan il-perijodu u billi ma kkomunikax dan id-dewmien lill-Kummissjoni sabiex hija tkun tista' tikkalkula l-interessi tad-dewmien dovuti skond l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tardiv tar-riżorsi proprji,
ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-imsemmijin Artikoli 3, 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1150/2000 li, mill-31 ta' Mejju 2000, biddel u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill, (KEE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta' Mejju 1989, li jimplementa d-deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU L 155, p. 1), li għandhom l-istess għan, u ta' l-Artikolu 10 KE.
Il-kuntest ġuridiku
Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet
2 L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89, li jidher f'titolu I intitolat "Dispożizzjonijiet ġenerali", jgħid:
" "1. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta' dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom hekk kif l-ammont dovut jiġi kkomunikat mis-servizz kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-debitur. Din il-komunikazzjoni għandha ssir malli d-debitur ikun magħruf u l-ammont tad-dritt jista’ jiġi kkalkulat mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, b'ħarsien tad-dispożizzjonijiet Komunitarji kollha applikabbli f’dan il-qasam.
[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
3 Din id-dispożizzjoni ġiet emendata b'effett mill-14 ta' Lulju 1996 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta' Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3), li t-terminoloġija tagħha ġiet ripetuta fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000 li jipprovdi li:
"1. Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Komunità għar-riżorsi [...] proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom għandhom ikunu kkonstatati malli l-kundizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward ir-reġistrazzjoni għall-intitolament fil-kontabbiltà u n-notifikazzjoni tad-debitur.
2. Id-data tat-twaqqif li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għandu tkun id-data tad-dħul fil-kotba tal-kontabbiltà li hemm dispożizzjoni dwarhom fir-regolament doganali.
[…]"
4 L-Artikolu 3, l-ewwel inċiż tar-Regolamenti Nru 1552/89 u 1150/2000, taħt l-istess Titolu I jipprovdu li:
"Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jassiguraw li d-dokumenti ta' [prova] li jirrigwardaw it-twaqqif u biex jagħmlu disponibbli r-riżorsi [proprji], li jinżammu mill-anqas għal tliet snin kalendarji, li jibdew jgħoddu mit-tmiem tas-sena li għaliha dawn id-dokumenti ta' prova jirreferu."
5 Bis-saħħa tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1552/89:
"Fil-każ fejn il-verifika magħmula mill-amministrazzjoni nazzjonali, waħeda jew flimkien mal-Kummissjoni, tad-dokumenti ta' prova li jirrigwardaw it-twaqqif juru li l-korrezzjoni tiegħu hija meħtieġa, dawn għandhom jinżammu aktar mil-limitu ta' żmien li hemm dispożizzjoni dwaru fl-ewwel inċiż għal perijodu suffiċjenti biex jippermettu li ssir il-korrezzjoni u li tkun sorveljata." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1150/2000:
"Jekk il-verifika bis-saħħa ta' l-Artikoli 18 u 19 ta' dan ir-Regolament jew ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-dokumenti ta' [prova] li hemm referenza għalihom fl-ewwel u t-tieni paragrafi juru li korrezjoni hija meħtieġa, dawn għandhom jinżammu aktar mil-limitu ta' żmien li hemm dispożizzjoni dwaru fl-ewwel paragrafu għal perijodu suffiċjenti biex jippermettu li ssir il-korrezzjoni u li tkun sorveljata."
7 L-Artikolu 6(1) u (2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1552/89, li jinsab taħt it-Titolu II, intitolat "Kontabbiltà tar-riżorsi tagħha" [li sar l-Artikolu 6(1) u (3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1150/2000], jipprovdi li:
"1. Kontabbiltà tar-riżorsi proprji għandha tinżamm mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew mill-korp maħtur minn kull Stat Membru u tinqasam skond it-tipi ta’ riżorsi.
2. a) Id-drittijiet ikkonstatati skond l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiġu rreġistrati fil-kotba tal-kontijiet [ġeneralment magħrufa bħala l-'kontabbiltà A'] mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19 tat-tieni xahar ta’ wara dak li matulu jkun ġie kkonstatat id-dritt.
b) Id-drittijiet ikkonstatati u li ma jkunux irreġistrati fil-kotba tal-kontabbiltà imsemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jiġu rreġistrati, fit-terminu previst fil-punt (a), f'kotba tal-kontabbiltà separati [ġeneralment magħrufa bħala l-'kontabbiltà B'. L-Istati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta d-drittijiet ikkonstatati u koperti mill-garanziji jkunu suġġetti għal kontestazzjonijiet u jkunu jistgħu jiġu mibdula wara li jitqajmu xi kontestazzjonijiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 L-Artikolu 9 tar-Regolamenti Nru 1552/89 u 1150/2000, li jinsab fit-Titolu intitolat "It-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji" huwa fformulat kif ġej:
1. Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu [jirreġistra] r-riżorsi […] proprji fil-kont miftuħ f'isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.
Dan il-kont għandu jinżamm mingħajr ħlasijiet.
2. L-ammonti [rreġistrati] għandhom ikunu kkonvertiti mill-Kummissjoni u mdaħħla fil-kontabbiltà tagħha […]."
9 Skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolamenti Nru 1552/89 u 1150/2000 rispettivament, li jinsab fl-istess Titolu III:
"Wara tnaqqis ta' 10 % bħala spejjeż tal-ġbir bi qbil ma' l-Artikolu 2(3) [tad-Deċiżjonijiet rispettivament 88/376 u 94/728], [ir-reġistrazzjoni] tar-riżorsi […] proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) [ta' dawn id-Deċiżjonijiet], għandu jseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni [xahar] ta' wara x-[xahar] li fih id-dritt kien ġie [kkonstatat] bi qbil ma' l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.
B'danakollu, għal drittijiet murija fil-kontijiet [B] skond [l-Artikoli 6(2)(b) u 6(3)(b) rispettivament,] ir-reġistrazzjoni għand[ha] [s]sir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih [id-drittijiet] ikunu rkuprati."
10 Skond l-Artikolu 11 tar-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000, li jinsab ukoll f'dan it-Titolu III:
"Kull dewmien biex is[s]ir [ir-reġistrazzjoni] fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal pagament ta' imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati ta' l-imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta' dak l-Istat, fid-data li suppost ikun seħħ, għal operazzjonijiet ta' żmien qasir ta' finanzjament publiku, miżjud b'żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tkun miżjuda bi 0.25 ta' punt perċentwali għall kull xahar ta' dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tkun applikata għal perijodu kollu tad-dewmien."
11 L-Artikolu 18 tar-Regolamenti Nru 1552/89 [li sar Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1150/2000] li fih it-Titolu VII intitolat "Dispożizzjonijiet dwar il-kontroll" jipprovdi li:
"1. Stati Membri għandhom iwettqu verifiki u inkjesti li jirrigwardaw l-amministrazzjoni u li [jqegħdu għad-dispożizzjoni] r-riżorsi [...] proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) [tad-Deċiżjonijiet, 88/376 u 94/728, rispettivament]. Il-Kummissjoni għandha teżerċita l-poteri tagħha kif speċifikati f'dan l-Artikolu.
2. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom:
– huma mistennija jwettqu miżuri ta' spezzjonar addizzjonali fuq it-talba tal-Kummissjoni. Fit-talba tagħha, l-Kummissjoni għandha tistqarr ir-raġunijiet għal spezzjonar addizzjonali,
– jassoċja[w] lill-Kummissjoni, fuq it-talba tagħha, ma' miżuri ta' spezzjona[r] li hu[m]a jwettqu.
Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw dawn il-miżuri ta' spezzjonar. Meta l-Kummissjoni tkun assoċjata ma[‘] dawn il-miżuri, Stati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha d-dokumenti ta' [prova] msemmija fl-Artikolu 3.
[…]."
Il-leġiżlazzjoni doganali komunitarja
12 L-Artikolu 217 (1), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem "il kodiċi doganali"), jipprovdi li:
"Kull ammont ta’ dritt fuq l-importazzjoni jew dritt fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ‘l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dritt’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontabbiltà jew kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontabbiltà).
[…]"
13 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 218 (3), ta' l-istess kodiċi:
"Fejn dejn doganali jiġi inkors taħt kundizzjonijiet oħra barra dawk li ssir riferenza għalihom fil-paragrafu 1, l-ammont ta’ dritt relevanti għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontabbiltà fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li:
a) jikkalkolaw l-ammont ta’ dritt konċernat
u
b) jistabilixxu d-debitur."
14 Skond l-Artikolu 219 ta' dan il-kodiċi:
"1. It-termini ta’ żmien għad-daħla fil-kontijiet stipulati fl-Artikolu 218 jistgħu jiġu estiżi:
a) għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-organizzazzjoni amministrattiva ta’ l-Istati Membri, u partikolarment fejn il-kotba tal-kontabbiltà ikunu ċentralizzati,
b) fejn ċirkustanzi speċjali jżommu lill-awtoritajiet doganali milli josservaw l-imsemmija termini ta’ żmien.
It-terminu ta’ żmien hekk estiż m’għandux jeċċedi 14-il jum.
2. It-termini ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw f’ċirkustanzi mhux imbassra jew f’każijiet ta’ [force majeure]."
15 Skond l-Artikolu 220 (1), tal-kodiċi doganali:
"Fejn l-ammont ta’ dritt li jirriżulta minn dejn doganali ma jkunx ddaħħal fil-kontabbiltà skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontabbiltà f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dritt li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontabbiltà fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontabbiltà). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skond l-Artikolu 219."
16 Skond l-Artikolu 221 (1), ta' dan il-kodiċi:
"Malli jkun iddaħħal fil-kontabbiltà, l-ammont ta’ dritt għandu jiġi komunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa."
17 Skond l-Artikolu 243 ta' l-istess kodiċi:
"1. Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.
Kull persuna li tkun applikat lill-awtoritajiet doganali għal deċiżjoni rigward l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali u ma kisbitx deċiżjoni fuq dik it-talba fil-perjodu li ssir riferenza għalih fl-Artikolu 6(2) għandha wkoll tkun intitolata teżerċita d-dritt ta’ appell.
L-appell għandu jiġi preżentat fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew saret l-applikazzjoni għaliha.
2. Id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat:
a) inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali nominati għal dak l-iskop mill-Istati Membri;
b) sussegwentement, quddiem korp indipendenti, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp speċjalizzat ekwivalenti, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri."
18 Skond l-Artikolu 245 tal-kodiċi doganali:
"Id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ l-appelli għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri."
19 Skond l-Artikolu 246 ta' dan il-kodiċi:
"Dan it-titolu m’għandux japplika għal appelli li jiġu preżentati bil-għan li tiġi annullata jew riveduta deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali skond il-bażi tal-liġi kriminali."
20 L-Artikolu 378 (1) u (2), tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1, iktar 'il quddiem "regolament ta' applikazzjoni") jipprovdi li:
"1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 215 tal-Kodiċi [doganali], meta l-kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post ta' l-offiża jew l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħallikieku saru.
– fl-Istat Membru li jappartjeni għalih l-uffiċċju tat-tluq,
jew
– fl-Istat Membru li jappartjeni għalih fil-punt tad-dħul fil-Komunità l-uffiċċju ta' tranżitu, li lilu tkun intbagħtet nota ta' avviż ta' tranżitu,
sakemm fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 379 (2), il-prova ta' l-irregolarità ta' l-operazzjoni tat-tranżitu jew tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru tingħata għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet doganali.
2. Meta l-ebda prova bħal din ma tingħata u l-imsemmija ksur jew irregolarità jitqiesu li saru fl-Istat Membru tat-tluq jew fl-Istat Membru tad-dħul kif jidher fl-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż, id-drittijiet u piżijiet oħra li jirrigwardaw il-merkanzija kkonċernata għandhom jinġabru minn dak l-Istat Membru skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali."
21 Skond l-Artikolu 379 tar-Regolament ta' applikazzjoni:
"1. Meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu saru ma jkunx jista' jiġi stabbilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinnotifika lill-prinċipal b' dan il-fatt malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel l-aħħar tal-11-il xahar wara d-data ta' reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarja.
2. In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika, partikolarment, it-terminu li fih il-prova ta' irregolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew il-post fejn attwalment ikunu saru l-ksur jew l-irregolarità għandha tingħata lill-uffiċċju tat-tluq għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet doganali. Dak it-terminu għandu jkun ta' tlett xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-prova msemmija ma tkunx ġiet prodotta sa tmiem it-terminu, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-passi biex jirkupra d-drittijiet u piżijiet oħra nvoluti. F' każijiet meta dak l-Istat Membru ma jkunx dak li fih l-uffiċċju ta' tluq jinstab, dan ta' l-aħħar għandu immedjatament jinforma lill-Istat Membru msemmi."
Il-proċedura prekontenzjuża
22 Fil-kuntest tal-kontroll tar-riżorsi proprji tradizzjonali, li sar bejn l-1 u l-5 ta' Diċembru 1997, l-aġenti tal-Kummissjoni osservaw, b'mod partikolari, fl-uffiċċju tad-dwana ta' Anvers li, fir-rigward ta' tliet dokumenti li juru li ma kienx hemm approvazzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' tranżitu komunitarju estern (dikjarazzjonijiet TI, rispettivament ta' l-10 ta' Ġunju 1996, 20 ta' Diċembru 1995 u 17 ta' Jannar 1996), l-irkupru infurzat tar-riżorsi proprji korrispondenti kien fuq l-ammonti, li, skond il-Kummissjoni, kienu ggarantiti u mhux ikkontestati, filwaqt li dawn ġew irreġistrati fil-kontabbiltà B waqt it-twaqqif tagħhom, u ddaħħlu biss fil-kontabbiltà A waqt l-irkupru effettiv tagħhom. L-ammonti ta' drittijiet in kwistjoni jammontaw sa, rispettivament, 1800 BEF (44.62 EUR), 8292 BEF (205.55 EUR) u 4509 BEF (111.78 EUR).
23 Permezz ta' ittra tat-28 ta' April 1998, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Belġjani r-rapport Nru 97-0-1, dwar il-kontroll tax-xahar ta' Diċembru 1997, u stiednet lill-awtoritajiet Belġjani jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat ir-rispett tad-dispożizzjonijiet komunitarji fil-qasam ta' reġistrazzjoni fil-kontabbiltà, u li jirreġistraw ex officio l-ammonti tad-drittijiet ikkonstatati, garantiti u mhux ikkontestati, fil-kontabbiltà A, peress li l-fatt li ma kienx hemm approvazzjoni tagħhom ġie kkonstatat fit-terminu mitlub. Il-Kummissjoni talbet ukoll lil dawn l-awtoritajiet jivverifikaw jekk, mill-1 ta' Jannar 1995, kienx hemm iktar dewmien għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji wara reġistrazzjoni tardiva fil-kontabbiltà A. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni ta' dawn l-awtoritajiet fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 dwar ħlas ta' imgħax ta’ dewmien.
24 Fir-risposta tagħhom tat-8 ta' Ottubru 1998, l-awtoritajiet Belġjani affermaw li huma kkonformaw ruħhom mar-regoli komunitarji u li, b'hekk, it-talba ta' investigazzjoni li tkopri l-uffiċċji tad-dwana Belġjani mill-1 ta' Jannar 1995 m'għandhiex aktar skop.
25 Fl-ittra tagħha tat-2 ta' Frar 2000, il-Kummissjoni enfasizzat li huma l-Istati Membri li għandhom jipproċedu għall-irkupru effikaċi tar-riżorsi proprji, u, b'mod partikolari ta' l-ammonti koperti minn garanzija li nħarġet fil-kuntest tal-proċedura tas-sistema ta' tranżitu estern (dikjarazzjoni TI, reġistru TIR, reġistru ATA, etc.) B'hekk, tali ammonti jistgħu jiġu rreġistrati biss fil-kontabbiltà B bil-kundizzjoni li jiġu kkontestati fil-forma preskritta, li dan jimplika, b'mod partikolari r-rispett tat-termini previsti f'dan ir-rigward u l-preżentazzjoni ta' rikors bil-miktub. Konsegwentment, il-Kummissjoni reġgħet tenniet it-talba tagħha intiża sabiex l-awtoritajiet Belġjani jallineaw il-prattika tagħhom fuq il-leġiżlazzjoni komunitarja f'dan il-qasam.
26 B'ittra tal-31 ta' Mejju 2000, dawn l-awtoritajiet ikkonfermaw li l-pożizzjoni tagħhom f'dak li jikkonċerna t-trattament tad-dikjarazzjonijiet T1 u tar-reġistri TIR li ma ġewx approvati kienu konformi mal-leġiżlazzjoni komunitarja.
27 Il-Kummissjoni reġgħet ikkontestat dan l-argument u, fit-13 ta' Novembru 2001, indirizzat ittra ta' intimazzjoni lir-Renju tal-Belġju, li fiha hija fakkret l-ilmenti tagħha u rrifjutat l-argumenti żviluppati mill-awtoritajiet ta' dan l-Istat Membru, u talbitu mill-ġdid jipprovdi l-kont tad-dikjarazzjonijiet kollha ta' tranżitu komunitarju estern mhux approvati fit-terminu stipulat sa l-1 ta' Jannar 1995, flimkien ma' indikazzjoni preċiża tas-segwitu tal-kontabbiltà tagħhom. Hija fakkret ukoll lil dawn l-awtoritajiet l-obbligu li jħallsu l-imgħax ta’ dewmien, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89.
28 Ir-Renju tal-Belġju, fl-ittra tiegħu ta' risposta tat-12 ta' Marzu 2002 żamm l-istess pożizzjoni, u l-Kummissjoni, fit-28 ta' Ottubru 2002, indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, li fiha talbitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu f’terminu ta' xahrejn li jibdew jiddekorru minn meta tiġi rċevuta din l-opinjoni.
29 Fid-19 ta' Diċembru 2002, l-awtoritajiet Belġjani talbu lill-Kummissjoni proroga tat-terminu għar-risposta ta' l-opinjoni motivata sat-28 ta' Jannar 2003. B'ittra tat-30 ta' Jannar 2003, huma indikaw li, minħabba l-eżistenza ta' każ simili, li jikkonċerna r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (kawża C‑105/02), huwa lok li wieħed jistenna d-deċizjoni tagħha qabel din tiddeċiedi fuq dan il-każ.
30 Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
31 B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Novembru 2004, ir-Renju tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq ġie awtorizzat jintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
32 Il-Gvern Belġjan josserva li, fil-mument li d-drittijiet għar-riżorsi proprji tal-komunitajiet in kwistjoni f'din il-proċedura ġew ikkonstatati, il-leġiżlazzjoni pertinenti kienet ir-Regolament Nru 1552/89.
33 Il-Kummissjoni tafferma, fuq dan il-punt, li l-kundizzjonijiet għall-kreazzjoni ta' dritt tal-komunitajiet fuq dejn doganali baqgħu identiċi kemm qabel kif ukoll wara l-kodifikazzjoni operata mir-Regolament Nru 1150/2000.
34 F'dan ir-rigward, huwa tajjeb li jiġi osservat li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta' nuqqas ta' obbligu fil-kuntest ta' rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-leġiżlazzjoni komunitarja fis-seħħ skond it-terminu li l-Kummissjoni tkun tat lill-Istat Membru in kwistjoni sabiex jikkonforma ruħu ma' l-opinjoni motivta tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 42, u tad-9 ta' Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 32).
35 Jekk it-talbiet fir-rikors ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu estiżi lil hinn minn nuqqasijiet tat-twettiq ta’ obbligi allegati fl-ittra ta’ intimazzjoni, jibqa' l-fatt li huwa ammissibbli li l-Kummissjoni tikkonstata nuqqas ta' twettiq ta’ obbligi li jsibu l-oriġini tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ att komunitarju, li jkun ġie sussegwentement emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu mid-dispożizzjonijiet il-ġodda. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kontroversja ma jistax jiġi estiż għal obbligi li joħorġu minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jsibux l-ekwivalenti tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ l-att ikkonċernat, taħt piena li jkun hemm ksur tal-forom sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-363/00, Ġabra p. I-5767, punt 22).
36 Huwa kostanti li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 3, 6(1) u (3)(a) u (b), 9(1) 10(1) u (11) tar-Regolament Nru 1150/2000 kienu diġa applikabbli bis-saħħa ta' l-Artikoli 3, 6 (1) u (2)(a) u (b), 9(1), 10(1) u 11 tar-Regolament Nru 1552/89 (ara, fir-rigward ta' dawn l-Artikoli 9(1), u 11, is-sentenza tat-12 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).
37 F'dak li jikkonċerna l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-komunitajiet fuq ir-riżorsi proprji skond din id-dispożizzjoni jiġi kkonstatat "malli" l-ammont dovut jiġi kkomunikat mill-awtoritajiet kompetenti lid-debitur, komunikazzjoni li trid tiġi mwettqa malli d-debitur isir magħruf u l-ammont tad-dritt ikun jista' jiġi kkalkulat mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, filwaqt li josservaw kif dovut id-dispożizzjonijiet komunitarji applikabbli f'dan il-qasam (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-460/01, Ġabra p. I-2613, punt 85). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89, kif emendat mir-Regolament Nru 1355/96, u inkluż fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jikkonstataw dritt tal-Komunitajiet fuq ir-riżorsi proprji malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikunu f'pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont tad-dritt li jirriżulta minn dejn doganali u li jistabbilixxu d-debitur (sentenza tal-15 ta' Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-392/02, Ġabra p. I-9811, punt 61).
38 F'dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif, barra minhekk, jammetti l-Gvern Belġjan, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000, f'dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni ta' dritt tal-komunitajiet fuq ir-riżorsi proprji, huma diġà applikabbli bis-saħħa ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89.
39 Konsegwentement huwa ammissibbli li l-Kummissjoni tikkonstata li r-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta' l-Artikoli 3, 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel ilment, dwar reġistrazzjoni tardiva tad-drittijiet ikkonstatati fil-kontabbiltà A
– L-argumenti tal-partijiet
40 Il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, id-drittijiet ikkonstatati, imma mhux miġbura, li għalihom l-ebda garanzija ma ġiet mogħtija, jistgħu jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà B. Dan japplika wkoll għad-drittijiet ikkonstatati, imma mhux miġbura, li għalihom tkun ingħatat garanzija, fil-każ ta' kontestazzjoni fit-terminu previst u bil-kundizzjoni li din ta' l-aħħar tkun bil-miktub. L-ammonti kkonstatati, iggarantiti u mhux ikkontestati, min-naħa tagħhom, għandhom jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà A, u dan fit-termini taż-żmien mogħtija, mingħajr stennija ta' l-irkupru effettiv tagħhom.
41 Għaldaqstant, skond ġurisprudenza stabbilita sewwa (sentenza tas-16 ta' Mejju 1991, Il-Kummisjoni vs L-Olanda, C-96/89, Ġabra p. I-2461, punt 38), l-obbligu li tirreġistra l-ammonti fil-kontabbiltà A m'għandux jiġi marbut mal-ġbir ta' drittijiet mill-Istati Membri. Bil-kontra, hekk kif ukoll isostni l-Gvern tar-Renju Unit, dan l-obbligu jeżisti malli d-dritt jiġi kkonstatat, iggarantit u ma jkunx ikkontestat, anki jekk il-fondi in kwistjoni ma jkunux inġabru.
42 Taħt piena li tippriva minn kull effett l-użu tat-terminu strett previst fl-Artikoli 6(3)(a) u 10 tar-Regolament Nru 1150/2000 għall-kalkolu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw it-terminu għall-finijiet ta' reġistrazzjoni fil-kont u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' l-ammonti in kwistjoni, minkejja l-eżistenza ta' regola nazzjonali li tgħid li d-debitur jista' jikkontesta d-dejn doganali wara d-dekors ta' dan it-terminu. Dan l-obbligu ma jipprekludix lid-debitur milli jippreżenta rikors barra mit-terminu taż-żmien, rikors li jista' jwassal għall-annullament jew għar-rettifika tad-dejn (l-artikoli 2 (4) u 8 tar-Regolament Nru 1150/2000).
43 Skond il-Kummissjoni, "kontestazzjoni" tfisser, l-ewwel nett, il-proċedura ta' appell prevista fl-Artikoli 243 u 245 tal-kodiċi doganali u, fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni nazzjonali biss, li trid tkun konformi mal-leġiżlazzjoni komunitarja. Jekk din ma jkollhiex il-leġiżlazzjoni kompleta fuq l-appelli fil-qasam doganali, il-kontestazzjoni tad-drittijiet trid, f'kull każ, kif ifformulat fl-Artikolu 243 tal-kodiċi doganali, tiġi "ppreżentata", li dan jimplika, bil-kontra ta' dak li jippretendi wkoll il-Gvern tar-Renju Unit, azzjoni espressa u viżibbli tad-debitur kontra l-konstatazzjoni tad-dejn, jiġifieri kontestazzjoni bil-miktub. Sempliċi nuqqas ta' ħlas mhuwiex biżżejjed f'dan ir-rigward. Huma wkoll iggarantiti l-paralelliżmi tal-forom, safejn il-konstatazzjoni tad-dejn issir ukoll bil-miktub, il-possibbiltà li tiġi ppreżentata prova tan-nuqqas ta' kunsens għall-konstatazzjoni tad-dejn, kif ukoll ta' l-eżiġenza tat-tqegħid għad-dispożizzjoni rapida u uniformi tar-riżorsi proprji (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Novembru 2002, SPKR, C-112/01, Ġabra p. I-10655, punti 34 et seq).
44 Barra minhekk, ir-rifjut ta' l-organizzazzjoni garanti li tkopri d-dejn doganali tad-debitur ma jfissirx, bħala prinċipju, li din tikkontesta l-fondatezza tad-dejn ta' bażi, iżda pjuttost li tikkontesta l-obbligu li tħallas tali dejn la darba l-irkupru infurzat tiegħu jkun beda. Anki jekk kellu jitqies li l-kontestazzjoni tal-garanti tiġi kkunsidrata bħala kontestazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 6(3)(b), tar-Regolament nru 1150/2000, f'kull każ, din m'għandha, l-ebda effett fuq l-obbligu ta' reġistrazzjoni previst f'din id-dispożizzjoni, peress li l-awtoritajiet Belġjani stess ammettew li l-kontestazzjoni ta' l-organizzazzjoni garanti responsabbli kienet, f'dan il-każ, saret wara d-dekors tat-terminu obbligatorju u determinanti għar-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji.
45 Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li r-Renju tal-Belġju ma kienx sostna jew ta prova li d-drittijiet in kwistjoni ġew ikkontestati mill-garanti.
46 L-awtoritajiet Belġjani m'għandhomx jinvokaw aktar iċ-ċirkustanza li n-natura globali tal-garanzija tipprekludihom milli jkunu jafu jekk din tkoprix effettivament dikjarazzjoni T1, peress li l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000 ma jagħmel l-ebda distinzjoni skond il-kwalità tal-garanzija. Ir-responsabbiltà tal-garanti mill-bqija hija aċċessorja. L-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw it-tip ta' garanziji li huma jixtiequ li jkopru d-dejn doganali, bl-unika kundizzjoni tkun dik li dan id-dejn ikun effettiv u suffiċjenti, u fin-nuqqas tiegħu, ikunu dawn l-Istat Membri li jridu jbati l-konsegwenzi. L-interpretazzjoni opposta, li jaqbel magħha l-Gvern tar-Renju Unit, ma fiha l-ebda bażi fil-provediment ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000.
47 Jirriżulta b'mod ċar mill-Artikolu 195 tal-kodiċi doganali li l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw garanzija meta ma jkunx jidhrilhom li din tassigura b'mod ċert il-ħlas tad-dejn doganali. Għall-garanzija globali, l-aħħar inċiż ta’ l-Artikolu 192(1) ta' l-istess kodiċi jipprevedi li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat f’livell li jagħmilha possibbli li d-djun doganali kkonċernati jkunu koperti f’kull ħin. Dawn id-dispożizzjonijiet juru b'mod ċar li n-non konformità tal-garanzija tad-dejn doganali ma jinfluwenzax l-eżistenza ta' l-obbligu li tiġi assigurata l-kopertura ta' dan id-dejn minn garanzija. L-affermazzjoni ta' l-awtoritajiet Belġjani, li tgħid li r-reġistrazzjoni ta' l-ammont fil-kontabbiltà A qatt ma jista' jeċċedi l-valur iggarantit, ma ssib l-ebda bażi fir-Regolament Nru 1150/2000 u għalhekk ma tistax tiġi milqugħa.
48 Il-Gvern Belġjan josserva li, fil-każ li ma jkunx hemm approvazzjoni jew fil-każ ta' approvazzjoni bi frodi ta' dikjarazzjoni TI, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 jipprevedi erba' kundizzjonijiet sabiex ikun hemm konstatazzjoni tad-dritt tal-komunitajiet fuq l-ammont ta' dejn doganali, jiġifieri li l-awtoritajiet doganali kellhom jikkonstataw li ma saretx approvazzjoni, li kellhom ikunu f'pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut, li jidentifikaw id-debitur u li jinformaw lid-debitur bis-suġġett tad-dejn doganali.
49 Dan il-Gvern ifakkar ukoll li, meta dikjarazzjoni ma tkunx approvata u meta l-prinċipal ma jipprovdix il-prova ta' regolarità ta' tranżitu jew tal-post tat-twettiq tal-ksur jew ta' l-irregolarità fi żmien it-tliet xhur tan-notifika li ma kienx hemm approvazzjoni, li għandha sseħħ fil-11-il xahar wara d-data ta' reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni, l-Istat Membru tat-tluq għandu jipproċedi għall-irkupru tad-drittijiet dovuti abbażi ta' l-Artikoli 378 u 379 tar-Regolament ta' applikazzjoni.
50 Wara li jiġu kkonstatati, id-drittijiet għandhom jiġu rreġistrati fil-kont tar-riżorsi proprji (din hi l-istess bħar-reġistrazzjoni fil-kont bġal dawk previsti fl-Artikoli 217 u 220 tal-kodiċi doganali) stabbiliti għal kull Stat Membru bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Nru 1552/89. Meta ammont li ma jkunx għadu rkuprat ikun kopert minn garanzija, dan jiddaħħal fil-kontabbiltà A, mingħajr madankollu li r-reġistrazzjoni teċċedi l-valur iggarantit. Filwaqt li meta d-drittijiet kkontestati li huma koperti minn garanziji jkunu s-suġġett ta' kontestazzjonijiet u jista' jkollhom varjazzjonijiet wara li jkunu ġew ikkontestati, l-ammont kopert minn garanzija jiġi rreġistrat fil-kontabbiltà B.
51 Ladarba l-konstatazzjoni ssir, ir-riżorsi proprji għandhom ukoll jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni (Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1552/89), ħlief fil-każ ta' force majeure jew ta' impossibbiltà ta' rkupru minħabba raġunijiet li mhumiex imputabbli lill-Istat Membru (l-Artikolu 17 ta' l-istess Regolament). Kull dewmien iwassal għall-pagament ta' l-interessi moratorji (l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament).
52 Skond il-gvern Belġjan, jirriżulta mill-Artikoli 10 u 17 tar-Regolament Nru 1552/89 li l-kontabbiltà B ġiet ikkreata sabiex jippermetti lill-Istati Membri jipproċedu għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' l-ammonti li Stat Membru jkun ipproċeda għall-irkupru tagħhom u kif ukoll jipprevedi li jiġi evitat li l-ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati fit-terminu previst fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament Nru 1552/89 jitħallsu mill-Istat Membru nnifsu.
53 Il-Gvern Belġjan isostni, barra minn hekk, li l-każ imsemmi ta' kontestazzjoni tad-drittijiet previst fl-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 1552/89 jippresupponi li d-drittijiet ikkonstatati kienu ġew mgħarrfa lid-debitur (jiġifieri wara notifika tagħhom, li tfisser wara r-reġistrazzjoni tagħhom), b'tali mod, li fil-każ ta' konstatazzjoni tad-drittijiet li għadhom ma ġewx irkuprati, l-Istati Membri dejjem ikunu jistgħu jirreġistraw l-ammont tad-drittijiet fil-kontabbiltà B, peress li huma ma jistgħux ikunu jafu f'dak il-waqt jekk dawn humiex ser jiġu kkontestati aktar tard mid-debitur.
54 Il-Gvern Belġjan iqis li r-Regolament Nru 1552/89 ma jistabbilixxi l-ebda rabta bejn il-proċedura ta' appell prevista fl-Artikoli 243 u 245 tal-kodiċi doganali u l-kunċett ta "kontestazzjoni" li tpoġġa fl-Artikolu 6(2)(b) ta' dan ir-Regolament u li dan ma jipprevedi l-ebda preċiżazzjoni fuq il-forma li fiha tali kontestazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati. Għaldaqstant, il-leġizlazzjoni komunitarja m'għandha l-ebda dispożizzjoni relattiva dwar il-mod u t-terminu li fih dejn għandu jiġi kkontestat. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna dan il-qasam wieħed għandu jirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-prattiċi amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru.
55 Fis-sena 1997, li matula, skond il-Kummissjoni l-kontestazzjonijiet formali kellhom iseħħu, l-ebda proċedura amministrattiva ta' appell ma kienet ġiet miftuħa għad-debituri fil-Belġju u n-nuqqas ta' approvazzjoni jew approvazzjoni bi frodi tad-dokumenti ta' tranżitu komunitarju estern barra minnhekk kien attestat bħala reat. Skond il-Gvern Belġjan, madankollu dan ma jostakolax lid-debitur milli jikkontesta d-differenzi b'mod informali (mingħajr ebda rekwiżit ta' forma jew ta' terminu). F'dan ir-rigward, il-fatt li l-prinċipal ma jiħux azzjoni skond it-talba għal ħlas għandu jiġi interpretat mill-amministrazzjoni, abbażi tal-preżunzjonijiet u ta' l-esperjenza twila tagħha fil-qasam ta' irregolaritajiet fis-sistema ta' tranżitu komunitarju, bħala kontestazzjoni, minnha nfisha, tad-drittijiet.
56 Barra minhekk dan il-Gvern isostni li, f'ħafna mill-każijiet, il-garanzija hija globali u kkostitwita sabiex tkopri ħafna dikjarazzjonijiet. Jekk l-uffiċċju tad-dwana tat-tluq jista', waqt l-istima tad-dikjarazzjoni T1, jikkontrolla l-eżistenza u l-validità tal-garanzija permezz taċ-ċertifikat u ta' din id-dikjarazzjoni, madankollu huwa ma jkunx awtorizzat jivverifika jekk il-garanzija globali diġà għaddietx f'uffiċċji oħra sabiex tkopri dikjarazzjonijiet T1 oħra jew jekk il-garanzija globali diġà ġietx eżawrita jew ukoll jekk id-dokument ikunx ġie ffalsifikat. Għalhekk, sa l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-Artikolu 379(2) tar-Regolament ta' applikazjoni, l-uffiċċju tat-tluq ma jistax ikun ċert dwar l-effettività ta' din il-garanzija, ħaġa li tiġġustifika r-reġistrazzjoni ta' l-ammonti in kwistjoni fil-kontabbiltà B. Ma' dan kollu jrid jingħad ukoll li l-fatt li l-garanti għandu wkoll id-dritt li jikkontesta d-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet doganali, peress li dan ikollu konsegwenzi sfavorevoli għalih. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wrietx li r-Renju tal-Belġju kiser il-leġiżlazzjoni komunitarja f'dan il-każ in kwistjoni solidalment li hija s-suġġett tal-proċedura preżenti.
57 Ir-Renju Unit iqis sostanzjalment li, meta dritt huwa kompletament kopert minn garanzija individwali (prevista fl-Artikolu 373 tar-Regolament ta' applikazzjoni), każ li fih l-Istat Membru jista' jassigura ruħu li din hija effettiva u suffiċjenti u jista' liberament jiddetermina t-tip ta' garanzija li huwa jrid, dan l-Istat huwa mistenni li jirreġistra dan l-ammont fil-kontabbiltà A sa l-iskadenza tat-terminu pertinenti [skond l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000], sakemm kontestazzjoni li tista' tvarja l-ammont tad-drittijiet in kwistjoni ma tiġix ippreżentata mill-prinċipal, mill-garanti jew minn kull persuna oħra b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, qabel l-iskadenza ta' dan it-terminu. Meta dritt mhuwiex iggarantit, kollu kemm hu jew parti minnu, u l-awtoritajiet doganali jkunu eżerċitaw korrettament is-setgħa tagħhom, fil-kuntest tad-dritt komunitarju, li jagħtu eżenzjoni jew livell baxx ta' garanzija bis-saħħa ta' l-Artikolu 361 tar-Regolament ta' applikazzjoni, huwa tajjeb li jiġi kkunsidrat, għal finijiet tal-leġiżlazzjoni, li d-dejn mhuwiex iggarantit u li dan irid jiġi rreġistrat fil-kontabbiltà B. Sussidjarjament, meta dritt huwa kopert b’garanzija parzjali biss, l-Istat Membru għandu jirreġistra biss fil-kontabbiltà A l-parti li hija effettivament iggarantita. Barra minnhekk u sussidjarjament, meta dritt huwa kopert minn garanzija globali, huwa tajjeb li jiġi kkunsidrat mal-ewwel li dan jitqies bħala tali sakemm l-awtoritajiet doganali jkunu stabbilixxew li l-kopertura hija suffiċjenti u li d-dritt huwa b'hekk kopert minn garanzija effettiva u suffiċjenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
58 Hemm lok li jiġi osservat li f'dan il-każ la l-eżistenza ta’ dejn doganali la l-ammont ta' drittijiet in kwistjoni, jiġifieri rispettivament 44.62 EUR, 205.55 EUR u 111.78 EUR, ma huma kkontestati. Bil-kontra, il-Gvern Belġjan jikkontesta l-allegazzjoni fformulata mill-Kummissjoni, li tgħid li l-ammonti in kwistjoni ġew irreġistrati tard fil-kontabbiltà A, jiġifieri biss wara l-irkupru effettiv fl-aħħar ta’ l-1997.
59 L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 jgħid li l-Istati Membri għandhom iżommu kontabbiltà tar-riżorsi proprji permezz tat-Teżor pubbliku jew ta' l-organizzazzjoni maħtura għalhekk. B’applikazzjoni tal-paragrafu 3(a) u (b) ta' l-istess Artikolu, l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu lura d-drittijiet "ikkontestati skond l-Artikolu 2" ta' l-istess Regolament, mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu d-dritt jiġi kkonstatat, kemm fil-kontabbiltà A, u kemm, meta ċerti kundizzjonijiet jiġu osservati, fil-kontabbiltà B.
60 Skond l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000, dritt tal-Komunitajiet fuq ir-riżorsi proprji huwa kkonstatat "malli" jkunu twettqu l-kundizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana, li jirrigwardaw "ir-reġistrazzjoni" ta' l-ammont tad-dritt u n-"notifikazzjoni" ta' dan lid-debitur. Id-data li trid tinżamm għal konstatazzjoni prevista minn dan il-paragrafu 1 hija d-data tar-reġistrazzjoni prevista mir-regolament doganali.
61 Fir-rigward tar-"reġistrazzjoni" u tan-"notifika" ta' l-ammont tad-dritt lid-debitur, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000 jirreferi għal leġizlazzjoni doganali, jiġifieri, f'dan il-każ, għall-kodiċi doganali u għar-Regolament ta' applikazzjoni.
62 Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fil-punt 59 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta mill-Artikoli 217, 218 u 221 tal-Kodiċi Doganali, li dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti meta l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dettalji neċessarji u, b'hekk, ikunu f'pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont ta' dritt li jirriżulta minn dejn doganali u li jistabbilixxu d-debitur (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-14 ta' April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 71, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C- 104/02, Ġabra p. I-2689, punt 80). L-Istati Membri ma jistgħux jiddispensaw ruħhom mill-obbligu li jistabbilixxu l-krediti, anki jekk jikkontestawhom, inkella jkollu jiġi ammess li l-ekwilibriju finanzjarju tal-Komunitajiet jista' jiġi mfixkel bl-aġir ta' Stat Membru (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, punt 60).
63 Konsegwentement, l-Istati Membri huma obbligati jikkonstataw dritt tal-Komunitajiet fuq ir-riżorsi proprji tagħhom malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikunu f'pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont tad-dritt li jirriżulta minn dejn doganali u li jistabbilixxu d-debitur (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61), u, għaldaqstant, li jirreġistraw dawn id-drittijiet fil-kont skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000.
64 F'dan il-każ, la ġie allegat li l-awtoritajiet Belġjani stabbilixxew tard id-dritt fuq ir-riżorsi proprji in kwistjoni u lanqas li naqsu li jikkalkolaw id-drittijiet ikkonstatati immedjatament wara din il-konstatazzjoni, iżda li rreġistraw l-ammonti in kwistjoni, ikkonstatati u nnotifikati lill-prinċipal debitur skond id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi doganali u tar-Regolament ta' applikazzjoni, fil-kontabbiltà B minflok ma ġew irreġistrati fil-kontabbiltà A fit-terminu previst fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000.
65 Fir-rigward tal-kontabbiltà tar-riżorsi proprji, l-Artikolu 6(3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1150/2000 jgħid li l-Istati Membri huma obbligati li jerġgħu jirreġistraw fil-kontabbiltà A d-drittijiet ikkonstatati skond l-Artikolu 2 ta' l-istess Regolament, mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu d-dritt jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-fakultà li tirreġistra fil-kontabbiltà B, fl-istess terminu, id-drittijiet ikkonstatati li jkunu għadhom "ma ġewx irkuprati" u li għalihom "l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta", kif ukoll id-drittijiet ikkonstatati u li għalihom "garanzija tkun ġiet ipprovduta [u] jkunu ġew [ikkontestati] u jistgħu, ma[r-riżoluzzjoni] tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil".
66 Għal finijiet tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, l-Artikolu 9(1), tar-Regolament Nru 1150/2000 jgħid li kull Stat Membru għandu jirreġistra r-riżorsi proprji fil-kont miftuħ għal dan il-għan f'isem il-Kummissjoni, skond il-metodi ddefiniti fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament. Skond il-paragrafu 1 ta' din id-dispożizzjoni, wara tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' ġbir, ir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji għandha sseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta' wara x-xahar li fih id-dritt kien ġie kkonstatat skond l-Artikolu 2 ta' l-istess Regolament, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet irreġistrati fil-kontabbiltà B b’applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(3)(b), ta' dan ir-Regolament, li għalihom ir-reġistrazzjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih id-drittijiet jiġu "rkuprati".
67 Il-Gvern Belġjan isostni, minn naħa, li d-drittijiet imsemmija f’din il-proċedura huma "ikkontestati", skond l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, b'tali mod li l-ammonti in kwistjoni setgħu validament jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà B sa l-irkupru effettiv tagħhom. Kontestazzjoni skond din id-dispożizzjoni tiġi stabbilita bl-uniku rifjut ta' ħlas u fin-nuqqas ta' kull appell formali. Tista' tiġi stabbilita wkoll kemm mill-garanti kif ukoll mill-prinċipal.
68 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta' ħlas biss ta' l-ammonti in kwistjoni ma jitqiesux li huma ekwivalenti għal kontestazzjoni tad-drittijiet għal finijiet ta' l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000. It-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 243(1) tal-kodiċi doganali jgħid espressament li l-appell miftuħ għal kull persuna kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment, għandu jiġi "ppreżentat" fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew saret l-applikazzjoni għaliha, filwaqt li l-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu jippreċiża li d-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat inizjalment, "quddiem l-awtoritajiet doganali" sussegwentement, "quddiem korp indipendenti". L-eżiġenzi ta' appell formali kif ifformulat f'dan l-Artikolu 243 huma imposti minħabba raġunijiet ta' ċertezza legali u jippermettu li tiġi assigurata applikazzjoni diliġenti u uniformi tad-dispożizzjonijiet rapidi u effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 60).
69 F'dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta' prova ta' konstatazzjoni tad-drittijiet in kwistjoni mill-prinċipal debitur fit-terminu previst fl-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru1150/2000, għandu jiġi konkluż li l-Gvern Belġjan ma ppruvax li l-komportament tal-prinċipal debitur seta' jiġġustifika reġistrazzjoni ta' dawn id-drittijiet fil-kontabbiltà B.
70 Fir-rigward ta' l-argument, li jgħid li kontestazzjoni skond l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000 tista' wkoll tinbeda mill-garanti, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, f'dan il-każ, ma ntweriex, u lanqas ma ġie allegat minn dan il-Gvern li d-drittijiet in kwistjoni ġew ikkontestati mill-garanti qabel l-iskadenza tat-terminu previst f'din id-dispożizzjoni, lanqas li d-drittijiet in kwistjoni jista' jkollhom xi tibdil wara kwistjoniet li jkunu qamu.
71 Il-Gvern Belġjan jargumenta, min-naħa l-oħra, li d-drittijiet mhux irkuprati in kwistjoni jistgħu ġustament jiġu rreġistrati fil-kontabbiltà B peress li dawn ma ġewx effettivament koperti minn garanziji skond l-Artikolu 6(3)(b) sa l-iskadenza tat-terminu previst għall-kalkolu tad-drittijiet in kwistjoni.
72 F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li peress li dan il-Gvern qed jammetti li d-drittijiet in kwistjoni huma koperti minn garanzija, mhuwiex qed juri f'kull każ li din il-garanzija hija insuffiċjenti biex tassigura l-ħlas ta' dawn l-ammonti sa l-iskadenza tat-terminu msemmi iktar 'il fuq.
73 Ir-reġistrazzjoni żbaljata tad-drittijiet fil-kontabbiltà B kellha bħala konsegwenza r-reġistrazzjoni tardiva tar-riżorsi proprji allokati għall-kont tal-Kummissjoni, li, skond l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 1150/2000, għandha ssir fl-istess terminu bħal dak previst għat-tqegħid ta' dawn id-drittijiet fil-kontabbiltà A bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(3)(a) ta' l-istess Regolament.
74 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, kull dewmien fir-reġistrazzjoni fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' l-istess Regolament għandu jagħti bidu għal pagament ta' imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati ta' imgħax applikabbli għal kull perijodu ta' dewmien. Dawn l-interessi jistgħu jintalbu indipendentement mir-raġuni għad-dewmien li fih ir-riżorsi proprji ġew irreġistrati fil-kont tal-Kummissjoni (ara b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 91).
75 Konsegwentement, id-dewmien ikkonstatat fir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji fil-kont tal-Kummissjoni jiftaħ, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, dritt għal imgħax ta' dewmien, li tiegħu r-Renju tal-Belġju ma kkontestax in-nuqqas ta' ħlas.
76 Għalhekk, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni, dwar ksur ta' l-Artikoli 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, huwa fondat.
Fuq it-tieni lment, dwar rifjut li tiġi kkomunikata informazzjoni lill-Kummissjoni
– L-argumenti tal-partijiet
77 Fir-rigward ta' l-ilment dwar rifjut mill-awtoritajiet Belġjani li jipprovdu lill-Kummissjoni kont tad-dikjarazzjonijiet tat-tranżitu komunitarju li ma kienx hemm approvazzjoni tagħhom mis-sena 1995 u relattivi għal tranżazzjonijiet oħra li għalihom ir-reġistrazzjoni fil-kont ta' din l-istituzzjoni kienet tardiva, il-Kummissjoni tafferma li dawn l-awtoritajiet kienu ġew informati sew li hija kienet waslet biex tanalizza jekk rettifika barra minn xi każ iżolat kinitx neċessarja, b'tali mod li huma kellhom jikkonservaw mhux biss id-dokumenti vverifikati waqt il-viżita ta' kontroll, imma wkoll id-dokumenti kollha li kellhom trattament kontabbli identiku ‘il fuq minn tliet snin ċivili li jibdew jgħoddu mit-tmiem tas-sena li fiha dawn id-dokumenti ta' prova jirreferu. Billi pproċedew għad-distruzzjoni ta' dawn id-dokumenti, dawn l-awtoritajiet kienu kisru l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1150/2000. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju huwa marbut bl-obbligu ta' kooperazzjoni li hu impost fuqu bl-Artikolu 10 KE, u għalhekk kellu jikkomunika din l-informazzjoni lill-Kummissjoni (ara s-sentenza tas-7 ta' Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-10/00, Ġabra p. I‑2357, punti 88 u 89). L-iżvolġiment tal-fatti ovvjament juri li, bil-kontra ta' dak li l-Gvern Belġjan jippretendi, dan ma jistax jassumi li l-Kummissjoni kienet sodisfatta bir-risposti li huwa pprovdilha matul il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura.
78 Il-Gvern Belġjan josserva li l-obbligi ta' l-Istati Membri dwar il-kontrolli tar-riżorsi proprji huma miġbura f'manjiera formali u speċifika fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1552/89.
79 Ir-Renju tal-Belġju jqis li huwa seta' leġġittimament jikkunsidra li huwa applika korrettament il-leġiżlazzjoni komunitarja.
80 Skond dan il-Gvern, l-istedina, hekk kif ifformulata mill-Kummissjoni, sabiex jiġu vverifikati d-dikjarazzjonijiet kollha ta' tranżitu komunitarju estern validi fl-uffiċċju tad-dwana Belġjana li, fl-14-il xahar wara l-validazzjoni tagħhom, ma ġewx approvati, jiġifieri madwar 10000 dikjarazzjoni kull sena, kif ukoll li tiġi kkomunikata d-data kontabbli għal perijodu ta' aktar minn tliet snin, kienet impreċiża għal dak li jikkonċerna l-każ imsemmi u mhijiex proporzjonali għal konstatazzjonijiet magħmula mill-aġenti tal-Kummissjoni li pproċedew għall-kontroll (tliet dikjarazzjonijiet T1 li ma kienx hemm approvazzjonijiet li jirrigwardaw, rispettivament, ammont ta' drittijiet ta' 44.62 EUR, 205.55 EUR u 111.78 EUR). Barra minn hekk, kien assolutament impossibbli li tiftaħ madwar 30000 inkartament, minn naħa, fid-dawl tal-mezzi disponibbli u tal-persunal u, min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li l-arkivji ma kinux aktar miżmuma (lil hinn mill-iskadenza obligatorja ta' tliet snin). Il-Gvern Belġjan sabha diffiċli li jipproduċi, f'kundizzjonijiet raġjonevoli, u mingħajr ma jiddestabbilizza d-dipartimenti u l-organizzazzjoni tagħhom, id-dokumenti jew li jissodisfa l-verifiki mitluba (ara, b'analoġija, is-sentenza tas-7 ta' Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 91).
81 Għas-snin bejn l-1995 sa l-1997 biss, iż-żamma tad-dokumenti kienet tikkonċerna madwar 12-il miljun dikjarazzjoni akkumpanjati bid-dokumenti ta' prova tagħhom, mingħajr ma tgħodd id-dikjarazzjonijiet għas-sena kurrenti. Il-mezzi li tuża għaż-żamma u d-depożitu huma ta' piż kbir kemm materjali kif ukoll finanzjarju. Huwa impossibbli, fuq livell materjali u finanzjarju, li ttawwal għal ħafna snin supplimetari t-tul taż-żamma ta' dawn id-dokumenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
82 Skond ġurisprudenza kostanti, mill-Artikolu 10 KE jirriżulta li l-Istati Membri huma marbuta li jikkooperaw in bona fede f'kull inkjesta magħmula mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 226 KE u li jgħaddulha kull informazzjoni mitluba għal dan il-għan (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta' Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-478/01, Ġabra p. I-2351, punt 24).
83 Fir-rigward ta’ l-obbligu, għall-Istati Membri, li jieħdu, b'kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni, il-miżuri li jippermettu li tiġi assigurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet komunitarji dwar il-konstatazzjoni ta' eventwali riżorsi proprji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jirriżulta b'mod partikolari minn dan l-obbligu, stabbilit b'mod aktar speċifiku fil-qasam ta' verifiki fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1552/89, li, meta l-Kummissjoni tiddependi ħafna fuq l-elementi pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat, dan huwa mistenni li jqiegħed id-dokumenti ta' prova u dokumenti oħra neċessarji għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, f'dawk il-kundizzjonijiet raġjonevoli, sabiex din tkun tista' tivverifika jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema miżura l-ammonti kkonċernati jirrigwardawx riżorsi proprji tal-Komunitajiet (sentenza tas-7 ta' Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punti 89 sa 91).
84 Wara l-kontrolli magħmula mill-aġenti tal-Kummissjoni fil-Belġju fix-xahar ta' Diċembru 1997, li żvelaw ċertu numru ta' każijiet ta' drittijiet definittivament ikkonstatati marbuta ma' tranżazzjonijiet koperti minn dokumenti T1 li ġie rreġistrat fil-kontabbiltà B, minkejja li, skond il-Kummissjoni, dawn kellhom ikunu fil-kontabbiltà A, din l-istituzzjoni għal diversi drabi, u mix-xahar ta' April 1998, talbet lill-awtoritajiet Belġjani jivverifikaw jekk, wara l-1 ta' Jannar 1995, kienx hemm dewmien ieħor fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji li seħħew wara reġistrazzjoni tardiva fil-kontabbiltà A u li jiġu kkomunikati lilha, jekk ikun il-każ, dawn il-każijiet sabiex tkun tista' tikkalkula l-interessi tad-dewmien skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000 tal-fatt ta' tqegħid għad-dispożizzjoni tardiv tar-riżorsi proprji.
85 Billi ma ssodisfax din it-talba, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 10 KE.
86 Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 84 ta' din is-sentenza, it-talba tal-Kummissjoni kienet motivata mill-kostatazzjoni, waqt il-kontroll li sar fix-xahar ta' Diċembru 1997, ta' ċertu numru ta' każijiet li, skond din l-istituzzjoni, juru ksur tar-Regolament Nru 1552/89. Il-Kummissjoni għalhekk kienet perfettament fid-dritt li titlob lir-Renju tal-Belġju jipprovdilha l-informazzjoni fuq każijiet oħra simili mill-1 ta' Jannar 1995, peress li preċiżament bl-applikazzjoni ta' l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex id-dokumenti ta' prova li jirrigwardaw it-twaqqif u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji jkunu kkonservati matul almenu tliet snin ċivili, li jibdew jiddekorru mit-tmiem tas-sena li għaliha dawn id-dokumenti ta' prova jirreferu.
87 Il-portata u l-kumplessità tax-xogħol meħtieġ ta' l-amministrazzjoni doganali ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni, preċiżament għaliex l-awtoritajiet Belġjani ġġustifikaw il-pożizzjoni tagħhom kif jirriżulta minn interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni komunitarja li ma ġietx milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punti 67 u 68 ta' din is-sentenza).
88 Billi ddistruġġa l-arkivji marbuta ma' dan il-perijodu, inklużi dawk relattivi għal tliet dokumenti li huma s-suġġett ta' din il-proċedura, il-Gvern Belġjan ma rrispettax b'mod manifest l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1150/2000, li fit-tielet inċiż tiegħu jipprovdi li, fil-każ fejn verifika magħmula mill-amministrazzjoni nazzjonali, waħeda jew flimkien mal-Kummissjoni, tad-dokumenti ta’ prova li jirrigwardaw it-twaqqif juru li korrezzjoni tiegħu hija meħtieġa, dawn għandhom jinżammu aktar mil-limitu ta' żmien li hemm dispożizzjoni dwaru fl-ewwel inċiż ta' dan l-Artikolu għal perijodu suffiċjenti biex jippermettu li ssir il-korrezzjoni u li tiġi ssorveljata.
89 F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment, dwar ksur ta' l-Artikoli 10 KE u 3 tar-Regolament Nru 1150/2000, huwa wkoll fondat.
90 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta qabel, huwa tajjeb li jiġi konkluż li:
– billi ma rreġistrax fil-kont previst fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000, id-drittijiet ikkonstatati fit-terminu mitlub,
– billi ma vverifikax jekk, wara l-1 ta' Jannar, kienx hemm dewmien ieħor fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji wara reġistrazzjoni tardiva fil-kontabbiltà previst fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000, billi ddistruġġa l-arkivji li jirreferu għal dan il-perijodu u billi ma kkomunikax dan id-dewmien lill-Kummissjoni sabiex hija tkun tista' tikkalkula l-interessi tad-dewmien dovuti skond l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni tardiv tar-riżorsi proprji,
ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi li huma imposti fuqu bis-saħħa ta' l-Artikoli 3, 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1150/2000 li, mill-31 ta' Mejju 2000, emenda u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1552/89, li l-għan tagħhom huwa l-istess, u ta' l-Artikolu 10 KE.
Fuq l-ispejjeż
91 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond ir-raba' paragrafu ta' l-istess Artikolu, ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Billi ma rreġistrax il-kontabbiltà prevista fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, tad-drittijiet ikkonstatati fit-terminu mitlub,
billi ma vverifikax jekk, wara l-1 ta' Jannar 1995, kienx hemm dewmien ieħor fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji wara r-reġistrazzjoni tardiva fil-kontabbiltà prevista fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Nru 1150/2000, billi ddistruġġa l-arkivji li kienu jirreferu għal dan il-perijodu u billi ma kkomunikax dan id-dewmien lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sabiex hija tkun tista' tikkalkula l-interessi tad-dewmien dovuti skond l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni tardiv tar-riżorsi proprji,
ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi li huma imposti fuqu bis-saħħa ta' l-Artikoli 3, 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1150/2000 li, mill-31 ta' Mejju 2000, emenda u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill, (KEE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta' Mejju 1989, li jimplementa d-deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, li l-għan tagħhom huwa l-istess, u ta' l-Artikolu 10 KE.
2) Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż.
3) Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanada ta' Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy