Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Partijiet
Fil-kawżi magħquda C-304/04 u C-305/04
li għandhom bħala suġġett talba għal rikors preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (l-Olanda), permezz tad-Deċiżjoni tat-13 ta' Lulju 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Lulju 2004, fil-proċedura
Jacob Meijer BV (C-304/04),
Eagle International Freight BV (C-305/04)
vs
Inspecteur van de Belastingdienst - Douanedistrict Arnhem ,
IL-QORTI (ir-Raba' Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta' l-Awla, N. Colneric u M. Ilei (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
- għall-Gvern Olandiż, H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, J. Hottiaux u M. van Beek, bħala aġenti,
wara li rat d-deċiżjoni meħuda, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li taqta' l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Motivi tas-sentenza
1. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-validità tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2086/97, ta' l-4 ta' Novembru 1997, u 2261/98 tal-Kummissjoni, tas-26 ta' Ottubru 1998, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana (rispettivament ĠU L 312, p. 1 u ĠU L 292, p. 1).
2. Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest tal-kawżi bejn il-kumpaniji Jacob Meijer BV (iktar 'il quddiem "Jacob Meijer") u Eagle International Freight BV (iktar 'il quddiem "Eagle International") u l'Inspecteur van de Belastingdienst - Douanedistrict Arnhem (l-ispettur tad-dwana tad-distrett ta' Arnhem, iktar 'il quddiem l-"ispettur") fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffa ta' sound cards għal-kompjuters.
Il-Kuntest Ġuridiku
3. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, p. 1), stabbilixxa nomenklatura ta' merkanzija, imsejħa "nomenklatura magħquda", li hija bbażata fuq is-sistema armonizzata ta' deskrizzjoni u kodifika tal-merkanziji (iktar 'il quddiem "sistema armonizzata"), li tieħu t-titoli u s-sottotitoli b'sitt numri, waqt li s-seba' u t-tmien numri biss jiffurmaw sotto-diviżjonijiet li huma proprji għaliha.
4. It-titolu 8471 tan-nomenklatura magħquda, previst fil-Kapitolu 84 ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar il-"magni awtomatiċi li jipproċessaw data u l-unitajiet tagħhom; apparat għal qari manjetiku jew ottiku, magni għal kitba ta' informazzjoni b'support għal forma kkodifikata u magni li jipproċessaw data ta' din l-informazzjoni, mhux imsemmija u lanqas inklużi x'imkien ieħor".
5. It-titolu 8471 jinkudi n-nota 5 ta' l-imsemmi Kapitolu 84, liema, fil-verżjoni applikabbli tiegħu fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali, jippreċiża:
"A. [...]
B. Il-magni awtomatiċi li jipproċessaw data jistgħu jiġu ppreżentati taħt forma ta' sistema li jkun fihom numru varjabbli ta' unitajiet distinti. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu E iktar 'il quddiem, trid tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti mis-sistema kompluta, kull unità li tissodisfa fl-istess ħin il-kundizzjonijiet li ġejjin:
a) tkun tat-tip esklussivament użat jew prinċipalment f'sistema awtomatika ta' l-ipproċessar tad-data;
b) tkun tista' titqabbad ma' l-unità ċentrali li tipproċessa kemm direttament, kif ukoll bl-intervent ta' waħda jew aktar unitajiet
u
c) tkun kapaċi tirċievi jew tipprovdi data fil-forma - kodiċi jew sinjal - utilizzabbli mis-sistema.
C. L-unitajiet ta' magna awtomatika ta' pproċessar ta' data, li ma jissodisfawx fl-istess ħin il-kundizzjonijiet, jaqgħu taħt it-titolu 8471.
D. [...]
E. Il-magni li għandhom funzjoni proprja barra l-ipproċessar tad-data, li fihom magna awtomatika ta' l-ipproċessar tad-data jew li jaħdmu flimkien ma' tali magna jridu jiġu kklassifikati fit-titolu li jikkorrispondi għal funzjoni tagħhom jew jekk dan ma jseħħx, f'titolu li jifdal."
6. Il-Kapitolu 85 ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 fih it-titolu 8543 tan-nomenklatura magħquda, dwar il-"magni u apparati elettriċi b'funzjoni proprja, mhux imsemmija u lanqas inklużi x'imkien ieħor f'dan il-Kapitolu".
7. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1153/97 ta' l-24 ta' Ġunju 1997, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 168, p. 35), żied is-sottotitolu 8543 89 79:
" Kits ta' aġġornament għall-magni awtomatiċi li jipproċessaw data u l-unitajiet tagħhom, ikkundizzjonati għal bejgħ bl-imnut, li jinkludu almenu lawdspiker u/jew mikrofonu u immuntar elettroniku li jippermetti lill-magni awtomatiċi li jipproċessaw id-data u l-unitajiet tagħhom li jipproċessaw is-sinjali awdjo ( sound cards )"
8. Dan is-sottotitolu ġie emendat bir-Regolament Nru 2086/97, li wessa' l-firxa ta' prodotti inklużi. Fil-verżjoni li tirriżulta minn dan ir-Regolament ta' l-aħħar, fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 1998, l-imsemmi sottotitolu huwa fformulat kif ġej:
"Apparati li jippermetti lill-magni awtomatiċi ta' l-ipproċessar tad-data u l-unitajiet tagħhom li jipproċessaw is-sinjali awdjo ( sound cards ); kits ta' aġġornament għall-magni awtomatiċi li jipproċessaw data u l-unitajiet tagħhom, ikkundizzjonati għal bejgħ bl-imnut, li jinkludu almenu lawdspiker u/jew mikrofonu u immuntar elettroniku li jippermetti lill-magni awtomatiċi li jipproċessaw id-data u l-unitajiet tagħhom li jipproċessaw is-sinjali awdjo ( sound cards )".
9. L-istess definizzjoni tas-sottotitolu 8543 89 79 ġiet miżmuma għas-sena 1999 bir-Regolament Nru 2261/98.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10. Matul is-sena 1998, Jacob Meijer ippreżenta lid-Dipartiment tad-dwana ta' Arnhem dikjarazzjonijiet għall-introduzzjoni ta' sound tal-kompjuters.
11. Waqt din l-istess sena u ta' dik ta' l-1999, Eagle International ukoll ippreżenta lid-Dipartiment tad-dwana ta' Arnhem dikjarazzjonijiet għall-introduzzjoni ta' sound tal-kompjuters.
12. Fiż-żewġ każijiet, l-ispettur iddeċieda li jikklassifika s- sound cards taħt is-sottotitolu 8543 89 79 u d-deċiżjonijiet tiegħu kienu s-suġġett ta' rikors quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam.
13. Quddiem din il-Qorti, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonfermaw li l-merkanzija impurtata tikkorrispondi għad-deskrizzjoni tas- sound cards li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fil-punt 3 tas-sentenza tas-7 ta' Ġunju 2001, CBA Computer (C-479/99, Ġabra p. I-4391), jiġifieri "ċirkuwiti stampati li m'għammra b'elementi attivi u passivi, li huma mqabbda mal- motherboard tal-kompjuters personali billi jiddaħħal plagg ta' konnessjoni fis-sokit għal dan il-għan. Għandhom bħala funzjoni prinċipali li jikkonvertu f'sinjali analoġiċi l-ħsejjes pproċessati taħt forma diġitali minn programmi ta' sinjali analoġiċi speċifiċi u, li b'tali mod jistgħu jinstemgħu. Huma jservu wkoll biex jikkonvertu sinjali analoġiċi f'data diġitali, sabiex jippermettu l-ipproċċessar u ż-żamma".
14. F'din is-sentenza, li tikkonċerna d-dikjarazzjonijiet ta' impurtazzjoni magħmula fl-1997, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, għar-raġunijiet mogħtija fil-punti 21 sa 28 ta' l-imsemmija sentenza, li s- sound cards "jaqgħu taħt it-titolu 8471 tan-nomenklatura magħquda, fil-verżjoni tar-Regolament Nru 1153/97 [...].
15. Dejjem fl-istess kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja saretilha mistoqsija fuq il-validità tar-Regolament Nru 2086/97 fil-miżura fejn din tipprevedi li s- sound cards għal kompjuters jaqgħu taħt it-titolu 8543 tan-nomenklatura magħquda. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppronunċjatx ruħha dwar din il-kwistjoni, fis-sens li r-Regolament Nru 2086/97 daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1998 u għalhekk ma kienx applikabbli għal fatti f'dan il-każ (sentenza CBA Computer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31).
16. Quddiem il-Qorti tar-rinviju, Jacob Meijer u Eagle International invokaw is-sentenza CBA Computer, iċċitata iktar 'il fuq, favur klassifikazzjoni tas- sound cards fit-titolu 8471, waqt li l-ispettur irrileva, in sostenn tal-klassifikazzjoni fit-titolu 8543, il-fatt li fis-snin 1998 u 1999 id-definizzjoni l-ġdida tas-sottotitolu 8543 89 79, introdotta bir-Regolament Nru 2086/97 u miżmuma bir-Regolament Nru 2261/98, kienet fis-seħħ u li l-imsemmija sentenza m'għandha l-ebda valur indikattiv fuq il-validità ta' dawn ir-Regolamenti.
17. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċieda li jissospendi d-deċiżjoni u li jippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża C-304/04, id-domanda preliminari li ġejja:
"Ir-Regolament [...] Nru 2086/97 [...] huwa validu fil-miżura fejn, skond dan ir-regolament, is-sottotitolu tat-tariffa 8543 89 79 tan-nomenklatura magħquda tinkludi s- sound cards [fil-kawża prinċipali]?"
18. Fil-kawża C-305/04, din l-istess Qorti ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tippreżenta, f'termini sostanzjalment analogi, id-domanda preliminari li ġejja:
"Ir-Regolament [...] Nru 2086/97 [...] u r-Regolament [...] Nru 2261/98 [...] huma validi fil-miżura fejn, skond dawn ir-regolamenti, is-sottotitolu tat-tariffa 8543 89 79 tan-nomenklatura magħquda tinkludi s- sound cards [fil-kawża prinċipali]?"
19. B'digriet tal-President tal-Qorti tat-22 ta' Novembru 2004, il-kawżi C-304/04 u C-305/04 ġew magħquda għal fini tal-proċedura u tas-sentenza.
Fuq il-kwistjoni preliminari
20. Il-Qorti tar-rinviju staqsiet jekk ir-Regolamenti Nru 2086/97 u Nru 2261/98 humiex validi fil-miżura fejn jikklassifikaw is- sound cards fil-kawża prinċipali fis-sottotitolu 8543 89 79 tan-nomenklatura magħquda.
21. Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li r-Regolamenti huma nulli. Skond il-Kummissjoni, jirriżulta li s-sentenza CBA Computer, iċċitata iktar 'il fuq, li l-emenda tas-sottotitolu 8543 89 79 li ġiet introdotta bir-Regolament Nru 2086/97 u kkonfermata bir-Regolament Nru 2261/98, hija żbaljata. Skond il-Gvern Olandiż, ir-Regolamenti Nru 2086/97 u 2261/98 huma invalidi fil-miżura fejn jimmodifikaw il-grad tal-pożizzjoni tat-tariffa 8543.
22. Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali vasta biex tippreċiża l-kontenut tal-pożizzjonijiet tat-tariffa, iżda li mhijiex awtorizzata timmodifika l-kontenut tal-pożizzjonijiet tat-tariffa stabbiliti fuq il-bażi tas-sistema armonizzata (sentenzi ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Franza vs il-Kummissjoni, C-267/94, Ġabra p. I-4845, punti 19 u 20, u tat-28 ta' Marzu 2000, Holz Geenen, C-309/98, Ġabra p. I-1975, punt 13).
23. Fil-punt 27 tas-sentenza CBA Computer, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti ddeċidiet li s- sound cards fil-kawża jaqgħu, f'dak li jirrigwarda s-sena 1997, taħt it-titolu 8471 tan-nomenklatura magħquda, billi ma jeżerċitawx funzjoni proprja fis-sens tan-nota 5 E tal-Kapitolu 84 ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87.
24. Anki jekk il-Qorti ma ddeċidietx, fl-imsemmi sentenza, fuq il-kwistjoni jekk is- sound cards jaqgħux, f'dak li jirrigwarda s-snin 1998 u 1999, tat-titolu 8471 jew tat-titolu 8543 tan-nomenklatura magħquda, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolamenti Nru 2086/97 u Nru 2261/98 (ara l-punt 15 tas-sentenza preżenti), il-konstatazzjoni li tgħid li l-imsemmijin sound cards m'għandhomx funzjoni proprja għajr l-ipproċċessar ta' data, tista' tiġi applikata għall-kawżi preżenti, li jirrigwardaw l-istess tip ta' sound cards bħal dawk fil-kawża CBA Computer, iċċitata iktar 'il fuq, kif kien irrilevat fil-punt 13 tas-sentenza preżenti.
25. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, biż-żieda, bir-Regolamenti tagħha Nru 2086/97 u Nru 2261/98, li s- sound cards ikkontestati huma fit-titolu 8543 89 79, il-Kummissjoni ma rrispettatx il-kontenut tat-titolu 8543, li jirrigwarda biss il-magni u l-apparat elettriku li għandu funzjoni speċifika.
26. Hemm lok, għaldaqstant, li r-risposta għad-domandi mqiegħda tkun li r-Regolamenti Nru 2086/97 u Nru 2261/98 huma nulli billi dawn jikklassifikaw, fis-sottotitolu 8543 89 79 tan-nomenklatura magħquda, is- sound cards għal kompjuters bħal dawk fil-kawża prinċipali.
Dwar l-ispejjeż
27. Peress illi l-proċeduri għandhom, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjonijiet mqajma quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Parti operattiva
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tiddeċiedi:
1) Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2086/97 ta' l-4 ta' Novembru 1997, u Nru 2261/98 tas-26 ta' Ottubru 1998, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u ta' l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana, huma nulli, billi jikklassifikaw taħt is-sottotitolu 8543 89 79 tan-nomenklatura magħquda, is- sound cards għall-kompjuters bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
Full & Egal Universal Law Academy