SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
12 ta’ Jannar 2006 (*)
"Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Klassifikazzjoni tal-lottijiet tar-ross – Nota addizzjonali 1(f) tal-Kapitolu 10 tan-nomenklatura magħquda – Validità – Irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni – Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità – Interpretazzjoni – Bona fede tal-persuna responsabbli għall-pagament"
Fil-kawża C-311/04,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Gerechtshof te Amsterdam (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2004, fil-kawża
Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht BV,
vs
Inspecteur der Belastingdienst – Douanedistrict Rotterdam,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta’ Awla, J. Malenovský (Relatur), J.‑P. Puissochet, S. von Bahr u U. Lõhmus, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għall-Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht BV, minn A. Wolkers u E.H. Mennes, advocaten,
– għall-Gvern Olandiż, minn S. Terstal, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u X. Lewis, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa waħda, il-validità tan-nota addizzjonali 1(f), tal-Kapitolu 10, ta’ l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana [Tariffa Doganali Komuni] (ĠU L 256, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 264, p. 1, u l-korriġendum ĠU L 276, p. 92, iktar ’il quddiem ir-"Regolament Nru 2658/87"). Hija tirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2700/2000, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 311, p. 17, iktar ’il quddiem "il-Kodiċi Doganali").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht BV (iktar ’il quddiem "ASAD") u l-Inspecteur der Belastingdienst - Douanedistrict Rotterdam (Spettur tad-dwana tad-distrett ta’ Rotterdam, iktar ’il quddiem l-"ispettur") dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ ċerti lottijiet ta’ ross.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 Il-Konvenzjoni Internazzjonali li waqqfet is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem "SA"), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll ta’ Emenda ta’ l-24 ta’ Ġunju 1986 (iktar ’il quddiem il-"Konvenzjoni dwar l-SA"), ġew approvati f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 87/369/KEE tal-Kunsill, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p.1).
4 Skond l-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmija Konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tat-tariffi u l-istatistiċi jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li tiġi segwita l-ordni numerika ta’ din is-sistema. Kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tiġix modifikata l-portata tagħhom.
5 Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali [li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (World Customs Organisation, iktar ’il quddiem "WCO")] imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali li kkreat l-imsemmi kunsill, iffirmata Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, approva, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar l-SA, in-noti spjegattivi tas-SA adottati mill-kumitat tas-SA previst fl-Artikolu 6 ta’ l-imsemmija konvenzjoni.
6 In-nomenklatura tas-SA, li tinsab fl-anness tal-Konvenzjoni dwar l-SA, tinkludi Taqsima II intitolata "Prodotti veġetali", li tinkludi, b’mod partikulari, kapitolu 10, intitolat "Ċereali". Dan il-kapitolu jinkludi, b’mod partikolari, l-intestatura 10.06, intitolata "Ross". Is-subintestaturi huma stabbiliti bis-segwenti kodiċijiet: 1006.10 "Ross fil-ħliefa (ross paddy)", 1006.20 "Ross bla ħliefa (ross cargo jew brown)", 1006.30 "Ross mitħun jew nofsu mitħun, kemm jekk bil-qoxra mneħħija jew igglejżjat jew le", 1006.40 "Ross imfarrak".
7 Skond in-nota spjegattiva tal-WCO dwar l-imsemmija intestatura 10.06 tas-SA, din l-intestatura tkopri b’mod partikulari:
"1) Ir-ross fil-ħliefa (ross paddy jew aħrax), jiġifieri r-ross fejn il-ħbub ikunu għadhom miksija strettament mill-ħliefa.
2) Ir-ross bla ħliefa (ross cargo jew brown) li, għalkemm il-ħliefa tiegħu tkun ġiet imqaxxra permezz ta’ apparat imsejjaħ huller, ikun għad għandu l-qoxra tiegħu stess (perikarpu). Ir-ross bla ħliefa kważi dejjem ikun fih kwantità żgħira ta’ ross paddy.
3) Ir-ross nofsu mitħun, jiġifieri ħbub sħaħ tar-ross fejn il-perikarpu jkun tneħħa parzjalment.
4) Ir-ross mitħun (abjad), ħbub sħaħ tar-ross fejn il-perikarpu jkun tneħħa permezz ta’ apparat imsejjaħ tapering cylinder […]".
Id-dritt Komunitarju
In-nomenklatura magħquda
8 Ir-Regolament Nru 2658/87 stabbilixxa, kemm għall-ħtiġijiet tat-Tariffa Doganali Komuni (iktar ’il quddiem "it-TDK") kif ukoll għal dawk ta’ l-istatistika tan-negozju barrani tal-Komunità, nomenklatura ta’ merkanzija imsemmija "nomenklatura magħquda" (iktar ’il quddiem in-"NM"), li hija bbażata fuq is-SA, li minnha tieħu l-intestaturi u subintestaturi b’sitt figuri, huma biss is-seba’ u t-tmien figuri li jiffurmaw suddiviżjonijiet speċifiċi għaliha.
9 Il-verżjoni tan-NM applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali tinsab fl-anness I tar-Regolament Nru 2388/2000. It-tieni parti ta’ dan l-anness tinkludi Taqsima II, intitolata "Prodotti Veġetali". Din it-taqsima tinkludi, b’mod partikolari, kapitolu 10, intitolat "Ċereali". F’dan il-kapitolu tinsab l-intestatura 1006, intitolata "Ross", li tinkludi, b’mod partikolari s-subintestaturi segwenti:
"[...]
Kodiċi NM
Deskrizzjoni tal-merkanzija
[…]
1006 20
[…]
Ross bla ħliefa (ross cargo jew brown)
- - mgħolli nofs sajran (parboiled):
[…]
[…]
- - oħrajn:
[…]
[…]
- - - tawwali
[…]
[…]
1006 20 98
- - - - bi proporzjon tul/ħxuna ta’ 3 jew aktar
1006 30
- Ross mitħun jew nofsu mitħun, kemm jekk bil-qoxra mneħħija jew igglejżjat jew le
-- Ross nofsu mitħun:
- - - mgħolli nofs sajran (parboiled):
[…]
[…]
- - - oħrajn
[…]
[…]
- - - - tawwali
[…]
1006 30 48
[…]
[…]
- - - - - bi proporzjon tul/ħxuna ta’ 3 jew aktar […]
[…]
[…]"
10 Dan l-istess kapitolu 10 jinkludi nota addizzjonali (iktar ’il quddiem "in-nota addizzjonali in kwistjoni"), li tistipula li huwa kkunsidrat bħala:
"d) ‘ross paddy’, […] ir-ross li għad għandu l-ħliefa wara li jkun sar id-dris;
e) ‘ross bla ħliefa’, skond it-tifsira tas-subintestaturi […] 1006 20 98 […], ross li minnu tneħħiet biss il-ħliefa. Eżempji ta’ ross li jaqa’ taħt din id-definizzjoni huma dak bid-deskrizzjonijiet kummerċjali […] ‘ross cargo’ […];
f) ‘ross nofsu mitħun’, skond it-tifsira tas-subintestaturi […] 1006 30 48, ross li minnu tneħħew il-ħliefa, parti mir-raħs u s-saffi ta’ barra tal-perikarpu, kollha jew parti minnhom, iżda mhux is-saffi ta’ ġewwa […];
g) ‘ross mitħun’, skond it-tifsira tas-subintestaturi […] 1006 30 98, ross li minnu tneħħew il-ħliefa, is-saffi kollha ta’ barra u ta’ ġewwa tal-perikarpu, ir-raħs kollu fil-każ ta’ ross tawwali jew mezzan, u għall-inqas parti minnu fil-każ ta’ ross tond, […]".
11 Skond in-nota addizzjonali 2 tal-kapitolu 10 tan-NM, id-dazju applikabbli għat-taħlit kopert minn dan il-kapitolu għandu jkun kif ġej:
"a) f’taħlita li fiha wieħed mill-komponenti jirrappreżenta għall-inqas 90% tal-piż, japplika d-dazju applikabbli għal dak il-komponent;
b) f’taħlit ieħor, id-dazju applikabbli għandu jkun dak applikbbli għall-komponent soġġett għall-għola ammont ta’ dazju".
– Il-Kodiċi Doganali
12 Skond l-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali:
"1. Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ "ammont ta’ dazju", għandu jiġi kkalkulat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).
[...]"
13 Skond l-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali:
"1. Fejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). […]
2. Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:
a) […]
b) l-ammont ta’ dazju li ried jitħallas legalment ma ġiex imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet tad-dwana li ma satax raġjonevolment jiġi notat mill-persuna responsabbli għall-pagament, u li din ta’ l-aħħar min-naħa tagħha tkun aġixxiet in bona fede u tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha preskritti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.
Fejn l-istatus preferenzjali ta’ l-oġġetti huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ koperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawn l-awtoritajiet, jekk jiġi pruvat li hu inkorrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma satax raġjonevolment ikun notat fit-tifsira ta’ l-ewwel sotto-paragrafu.
Il-ħruġ ta’ ċertifikat żbaljat ma għandux, iżda, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat ikun bażat fuq tagħrif inkorrett tal-fatti provdut mill-esportatur, minbarra fejn, partikolarment, jidher biċ-ċar illi l-awtoritajiet tal-ħruġ kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li l-oġġetti ma ssodisfawx il-kondizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali.
Il-persuna responsabbli għal dan tista’ ġġib il-bona fede tagħha bħala turija illi, matul il-perijodu taż-żmien ta’ l-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali.
[…]"
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 Fl-10 ta’ Awwissu 2001, ASAD, bħala aġent tad-dwana, iddikjarat lill-awtoritajiet doganali Olandiżi l-importazzjoni ta’ kunsinna ta’ 1 134 500 kg ta’ ross, indikati bħala "ross tawwali nofsu mitħun bil-proporzjon tul/ħxuna ta’ 3 jew aktar". B’hekk ASAD iddikjarat ir-ross taħt l-intestatura 1006 30 48 tat-TDK, li tikkorrispondi għal dik tar-ross nofsu mitħun.
15 Id-dikjarazzjoni ta’ l-importazzjoni ssemmi Aruba bħala l-pajjiz ta’ l-oriġini. ASAD approfittat ruħha mit-tariffa preferenzjali applikabbli għall-merkanzija elenkata fl-imsemmija intestatura 1006 30 48 u provenjenti minn Aruba.
16 ASAD hemżet mad-dikjarazzjoni tagħha tliet ċertifikati ta’ moviment EUR.1. Minn dawn it-tliet ċertifikati, tnejn kienu ttimbrati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Aruba. Id-deskrizzjoni tal-merkanzija mogħtija f’dawn iċ-ċertifikati kienet hekk: "Ross cargo ta’ oriġini ACP Guyana li ġie pproċessat f’Aruba, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet kif ukoll l-Anness II tad-deċiżjoni 91/482/KEE tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju 1991".
17 Flimkien ma’ dawn id-dokumenti kien hemm ċertifikat ta’ importazzjoni "AGRIM", għal total ta’ 3 694 000 kg ta’ ross tawwali nofsu mitħun li jaqa’ taħt l-intestatura tariffarja 1006 30 48 tat-TDK, kif ukoll ta’ fattura li ddeskriviet ir-ross bħala "Ross cargo tawwali, ipproċċessat […] ".
18 L-awtoritajiet doganali Olandiżi pprelevaw kampjuni tal-merkanzija għall-analiżi u informaw lil ASAD li l-verifika tad-dikjarazzjoni ta’ l-importazzjoni kienet qed tiġi sospiża sakemm jingħataw ir-riżultati ta’ l-analiżi.
19 L-analiżijiet tal-kampjuni stabbilew li aktar min-nofs tal-lott tar-ross kien jikkonsisti minn ross bla ħliefa, inqas min-nofs, minn ross nofsu mitħun u li kien hemm traċċi, b’mod partikulari, ta’ ross paddy. Dawk ir-riżultati nkisbu billi ġie kkunsidrat, fuq il-bażi tal-kriterji tan-nota addizzjonali in kwistjoni, li r-ross li minnu tneħħiet parti mill-perikarpu iżda mhux ir-raħs kellu jiġi kklassifikat bħala ross bla ħliefa u mhux bħala ross nofsu mitħun. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-riżultati, l-ispettur ikklassifika r-ross taħt l-intestatura tariffarja 1006 20 98 tat-TDK, u b’hekk ma segwiex dik imsemmija fid-dikjarazzjoni imsemmija, bir-riżultat li tellef lil ASAD il-benefiċċju tat-tariffa preferenzjali.
20 Fuq il-bażi ta’ din il-korrezzjoni, fis-27 ta’ Novembru 2001, l-ispettur bagħat lil ASAD, talba għall-ħlas tad-dazji doganali għall-ammont ta’ 541 394.80 NLG (245 674.25 EUR).
21 Wara li lmentat mingħajr suċċess, ASAD, li tikkontesta l-modifika tal-klassifikazzjoni magħmula, ippreżentat rikors quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam. Is-suġġett tal-kawża jitratta l-punt dwar jekk l-ispettur kienx iġġustifikat li għamel it-talba għall-ħlas, u mhux dwar il-kalkolu tad-dazji doganali fihom infushom.
22 Dik il-qorti rrilevat li, ’il barra mill-Komunità, in-nota spjegattiva tal-WCO tintuża sabiex jiġi distint ir-ross ta’ l-intestatura 1006.20 tas-SA minn dak ta’ l-intestatura 1006.30 tas-SA. Peress li n-nota addizzjonali in kwistjoni tuża kriterju supplimentari għall-klassifikazzjoni tar-ross nofsu mitħun, jiġifieri t-tneħħija ta’ (parti mir-) raħs tal-ħabb tar-ross, l-istess qorti kkunsidrat li l-leġiżlatur Komunitarju uża delimitazzjoni oħra bejn dawn l-intestaturi. Peress li hija ta’ l-opinjoni li jista’ jkun li l-Komunità qiegħda f’sitwazzjoni fejn mhijiex qed tosserva l-obbligi internazzjonali tagħha skond il-konvenzjoni dwar l-SA, hija tqajjem il-kwistjoni dwar il-validità tan-nota addizzjonali in kwistjoni. Fl-ipoteżi fejn din in-nota ma tiġix iddikjarata invalida, l-imsemmija qorti tqis li huwa ġġustifikat li ASAD tinvoka l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali sabiex topponi ruħha għat-talba għal ħlas, iżda hija tiddubita li din il-kumpannija ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kundizzjonijiet kollha sabiex tibbenefika mit-trattament preferenzjali.
23 F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) In-nota addizzjonali [in kwistjoni] [...], hija valida sa fejn tipprovdi ħtiġijiet differenti, għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ ross nofsu mitħun, minn dawk previsti min-nota spjegattiva [tal-WCO] [...] dwar l-intestatura 10.06 tas-sistema armonizzata?
2) Jekk it-tweġiba għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, fis-sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata kienet taf bin-nota addizzjonali [in kwistjoni] [...], jew kellha tkun taf biha, iżda ma kinitx taf li din in-nota kienet valida jew, għall-inqas, setgħet kellha dubji f’dan ir-rigward, meta titqies id-deskrizzjoni differenti mogħtija fin-nota spjegattiva [tal-WCO] [...] dwar l-intestatura 10.06 tas-SA, din tista’ tinvoka l-bona fede tagħha abbażi tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali [...]?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
24 Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-nota addizzjonali in kwistjoni hijiex invalida inkwantu hija tagħti definizzjoni ta’ ross nofsu mitħun li tinkludi element, li jirrigwarda r-raħs tal-ħabb tar-ross, li għaliha n-nota spjegattiva tas-SA ma tagħmilx referenza.
25 B’mod preliminari, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 300(7) KE, il-Konvenzjoni dwar is-SA torbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità. Din, skond l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija Konvenzjoni, intrabtet li ma tbiddilx il-portata tas-SA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2000, Holz Geenen, C‑309/98, Ġabra p. I‑1975, punt 13). F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi mfakkar ukoll li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Komunità fuq it-testi ta’ dritt Komunitarju sekondarju (sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, IATA et, C-344/04, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 35) titlob li dawn ta’ l-aħħar jiġu interpretati, kemm jista’ jkun, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet (sentenzi ta’ l-10 ta’ Settembru 1996, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C‑61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52, u ta’ l-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli, C-286/02, Ġabra p. I-3465, punt 33).
26 Minbarra dan, hija ġurisprudenza kostanti li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jkun imfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija, kif definiti mill-kliem ta’ l-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikulari, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C-396/02, Ġabra p. I‑8439, punt 27, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 47).
27 In-noti spjegattivi mfassla, għal dak li jirrigwarda n-NM, mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u, għal dak li jirrigwarda s-SA, mill-WCO jikkontribwixxu, min-naħa tagħhom, b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ l-intestaturi tariffarji differenti mingħajr madankollu ma għandhom forza legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq DFDS, punt 28, u Intermodal Transports, punt 48).
28 Il-kontenut ta’ l-imsemmija noti tan-NM għalhekk għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha u ma jistax ibiddel il-portata tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1999, ROSE Elektrotechnik, C‑280/97, Ġabra p. I‑689, punt 23; tas-26 ta’ Settembru 2000, Eru Portuguesa, C‑42/99, Ġabra p. I‑7691, punt 20, u Intermodal Transports, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).
29 F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kliem uzat fid-deskrizzjoni tat-tipi differenti ta’ ross fl-intestaturi u subintestaturi, huwa identiku fis-SA u fin-NM. Huwa kostanti wkoll li d-definizzjonijiet tar-ross paddy u tar-ross bla ħliefa li jinsabu fil-paragrafi (d) u (e) tan-nota addizzjonali in kwistjoni huma identiċi għal dawk li tagħti n-nota spjegattiva tas-SA. B’hekk, ir-ross paddy huwa dak fejn il-ħbub għad għandhom il-ħliefa tagħhom. Ir-ross bla ħliefa huwa dak li, permezz ta’ pproċessar inizjali, l-imsemmija ħliefa ġiet imqaxxra.
30 Għal dak li jirrigwarda s-subintestatura 1006 30, din tkopri, fis-SA u fin-NM, ir-ross li, wara li jkun ġie pproċessat b’mod supplementari, isir ross nofsu mitħun jew mitħun, kemm jekk bil-qoxra mneħħija jew igglejżjat jew le. In-NM b’hekk hija konformi mas-SA.
31 Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju twassal għal eżami dwar jekk il-kliem tad-dispożizzjonijiet tan-nota addizzjonali in kwistjoni, sa fejn dan jiddefinixxi r-ross nofsu mitħun u r-ross mitħun, ibiddilx il-portata tan-NM.
32 Skond is-SA, li l-portata tagħha hija spjegata permezz tan-nota spjegattiva tal-WCO, ir-ross nofsu mitħun huwa dak fejn il-perikarpu jkun tneħħa parzjalment, filwaqt li r-ross mitħun huwa dak fejn il-perikarpu jkun tneħħa għal kollox. In-nota addizzjonali in kwistjoni tiddefinixxi, fil-paragrafu (f), ir-ross nofsu mitħun bħala ross li minnu tneħħew il-ħliefa, parti mir-raħs u s-saffi ta’ barra tal-perikarpu, kollha jew parti minnhom, iżda mhux is-saffi ta’ ġewwa. L-istess nota addizzjonali tiddefinixxi, fil-paragrafu (g), ir-ross mitħun bħala ross li minnu tneħħew il-ħliefa, is-saffi kollha ta’ barra u ta’ ġewwa tal-perikarpu, ir-raħs kollu fil-każ ta’ ross tawwali jew mezzan, u għall-inqas parti minnu fil-każ ta’ ross tond. Għalhekk teżisti, bejn in-nota spjegattiva tal-WCO u n-nota addizzjonali in kwistjoni, differenza fil-kliem ta’ dawn id-definizzjonijiet, li tirrigwarda t-teħid in kunsiderazzjoni jew le tat-tneħħija tar-raħs fid-definizzjoni tar-ross nofsu mitħun.
33 Iżda, meta jitqiesu l-karatteristiċi oġġettivi tar-ross, kif jirriżulta mill-informazzjoni prodotta fil-proċess, ir-ross li minnu tkun tneħħiet parti mill-perikarpu ma jibqax jikkwalifika bħala ross bla ħliefa li jaqa’ taħt is-subintestatura 1006.20 tas-SA peress li, f’dak il-każ, kif intqal fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-ħliefa biss tkun tneħħiet. Minbarra dan, peress li, skond is-SA, il-kategorija tar-ross nofsu mitħun jinkludi r-ross kollu fejn parti mill-perikarpu jkun tneħħa, ir-ross nofsu mitħun definit fil-paragrafu (f), tan-nota addizzjonali in kwistjoni jissodisfa dan il-kriterju u għalhekk, l-imsemmija nota mhijiex, fiha nfisha, f’kunflitt mas-SA.
34 Anki jekk in-nota addizzjonali in kwistjoni kellha tinqara bħala li teskludi mis-subintestatura 1006 30 ross fejn parti mill-perikarpu iżda mhux ir-raħs ikun tneħħa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dan ir-ross lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat fis-subintestatura 1006 20 tan-NM. Interpretazzjoni bħal din jkollha bħala effett li ċċaħħad lil dan ir-ross minn kull possibbiltà ta’ klassifikazzjoni u, b’konsegwenza ta’ dan, li tillimita l-portata tas-SA meta l-iskop ġenerali tagħha huwa preċiżament li tingħata klassifikazzjoni għall-merkanzija kollha. Għalhekk huwa importanti, meta jitqiesu l-kundizzjonijiet, imsemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li jistipulaw li l-leġiżlazzjoni sekondarja għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Komunità skond l-Artikolu 300(7) KE, li jiġi eżaminat jekk teżistix interpretazzjoni oħra tan-nota addizzjonali in kwistjoni li hija konformi mas-SA.
35 Issa, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-armonizzazzjoni tal-paragrafi (f) u (g) tan-nota addizzjonali in kwistjoni, li din tista’ tinqara bħala li tillimita ruħha biex tippreċiża f’dan ir-rigward li t-tneħħija parzjali tar-raħs, għal dak li jikkonċerna r-ross tawwali, mhijiex suffiċjenti sabiex dan ir-ross jiġi kklasifikat bħala ross mitħun. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija nota addizzjonali in kwistjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li r-referenza għat-tneħħija ta’ parti mir-raħs ma tikkostitwix ħtieġa supplimentari għall-klassifikazzjoni tar-ross bħala ross nofsu mitħun, meta mqabbel mar-ross bla ħliefa.
36 Peress illi din ir-referenza għar-raħs fin-nota addizzjonali in kwistjoni jista’ jkollha effett biss fuq il-klassifikazzjoni tar-ross jew bħala ross nofsu mitħun, jew bħala ross mitħun, li t-tnejn jaqgħu taħt l-istess subintestatura 1006 30 tan-NM, hija ma jistax ikollha bħala effett li teskludi minn din is-subintestatura ir-ross li, b’mod konformi mas-SA, il-perikarpu tiegħu jkun ġie pproċessat, totalment jew parzjalment. L-imsemmija referenza għalhekk għandha tiġi kkunsidrata bħala konformi mas-SA u, b’hekk, ma tqajjimx dubji dwar il-validità tan-nota addizzjonali in kwistjoni.
37 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-eżami tagħha ma rrilevat l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-paragrafu (f) tan-nota addizzjonali in kwistjoni.
Fuq it-tieni domanda
38 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, f’każ li n-nota addizzjonali in kwistjoni tkun rikonoxxuta bħala valida, jekk, sabiex tkun eżentata mill-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, persuna responsabbli għall-pagament, bħal ASAD, tistax tkun kkunsidrata bħala li aġixxiet b’bona fede, meta ma jkunx ċar jekk l-imsemmija persuna responsabbli għall-pagament, meta għamlet id-dikjarazzjoni tagħha tad-dwana fuq il-bażi tan-nota spjegattiva tal-WCO u mhux fuq dik tan-nota addizzjonali in kwistjoni, kinitx ħadet il-kura kollha mistħoqqa sabiex tiżgura li kienu ġew imwettqa l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li jinkiseb it-trattament preferenzjali.
39 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-tieni domanda saret biss b’referenza għas-sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni tan-nota addizzjonali in kwistjoni twassal sabiex il-lottijiet tar-ross li minnhom tkun tneħħiet parti mill-perikarpu, iżda mhux ir-raħs, jiġu kklassifikati f’subintestatura differenti minn dik tar-ross nofsu mitħun jew mitħun.
40 Issa, jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza li n-nota addizzjonali in kwistjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ross li minnu tkun tneħħiet parti mill-perikarpu, iżda mhux ir-raħs, ma jistax jiġi kklassifikata f’subintestatura differenti minn dik tar-ross nofsu mitħun. Il-qorti tar-rinviju stess ippreċiżat li r-ross iddikjarat għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 1006 30 tan-NM u li ASAD kienet osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
41 F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
42 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-eżami ta’ l-ewwel domanda magħmula ma rrilevat l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tan-nota addizzjonali 1(f), tal-Kapitolu 10, ta’ l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa [Doganali Komuni], kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy