SENTENZA TAL-QORTI (it-Tieni Awla)
24 ta' Novembru 2005
"Kuntratti tas-servizz pubbliku – Direttivi 92/50/KEE u 93/38/KEE – Kriterji għall-għoti ta' kuntratt –Offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament – Rispett tal-kriterji għall-għoti ta' kuntratt stabbiliti fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika tal-kuntratt – Stabbiliment ta' sottokriterji għal wieħed mill-kriterji għall-għoti tal-kuntratt fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika tal-kuntratt – Deċiżjoni li tipprevedi tweżin – Prinċipji ta' trattament ugwali ta' l-offerenti u ta' trasparenza"
Fil-kawża C-331/04
li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta' April 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Lulju 2004, fil-proċedura
ATI EAC Srl e Viaggi di Maio Snc,
EAC Srl,
Viaggi di Maio Snc
vs
ACTV Venezia SpA,
Provincia di Venezia,
Comune di Venezia,
fil-preżenza ta':
ATI La Linea SpA-CSSA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur), R. Schintgen, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Lulju 2005,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għal ATI EAC Srl e Viaggi di Maio Snc, EAC Srl u Viaggi di Maio Snc, minn L. Visone, avvocato
– għal ACTV Venezia SpA, minn A. Bianchini u E. Romanelli, avvocati,
– għal ATI La Linea SpA-CSSA, minn P. Zanardi u G. Fiore, avvocati,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. M. Wissels kif ukoll D. J. M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Recchia u X. Lewis, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' 8 ta' Settembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 36 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), u 34 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekommunikazzjonijiet (ĠU L 199, p. 84).
2 Din it-talba ġiet imressqa fl-ambitu ta' kawża bejn, min-naħa, l-ATI EAC Srl e Viaggi di Maio Snc u, mill-oħra, ACTV Venezia SpA (iktar 'il quddiem "ACTV"), il-Provincia di Venezia u l-Comune di Venezia, rigward l-għoti ta' kuntratt tas-servizz pubbliku għat-trasport ta' persuni.
Il-kuntest Ġuridiku
3 L-Artikolu 36 tad-Direttiva 92/50, li jġib l-isem "Kriterji għall-għoti ta' kuntratti", jiddisponi:
"1. […] il-kriterji li fuqhom l-awtorità kontraenti għandha tibbaża l-għoti tal-kuntratti jistgħu jkunu:
b) meta l-għoti jsir lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, varji kriterji li jirrelataw għall-kuntratt: per eżempju, kwalità, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, assistenza teknika u servizz ta' wara l-bejgħ, data ta' kunsinna, perjodu ta' kunsinna jew perjodu tal-kompletazzjoni, prezz;
b) […]
2. Meta l-kuntratt għandu jingħata lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tiddikjara fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika ta' offerta il-kriterja ta' l-għoti li hija jkollha l-intenzjoni tapplika, meta possibbli f'ordni dixxendenti ta' importanza."
4 L-Artikolu 34 tad-Direttiva 93/38 jiddisponi:
"1. […] il-kriterji li l-entitajiet kontraenti jibbażaw ruħhom fuqhom għall-għoti tal-kuntratt huma:
a) meta l-għoti jsir lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, diversi kriterji li huma marbutin mal-kuntratt: per eżempju, il-perijodu ta' kunsinna jew ta' esekuzzjoni, l-ispejjeż ta' l-użu, il-profittabilità, il-kwalità, in-natura estetika u funzjonali, il-valur tekniku, is-servizz ta' wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, l-impenn fil-qasam ta' l-ispare parts, iċ-ċertezza ta' provvista u l-prezz;
b) […]
2. Fil-każ previst fil-punt (a) ta' l-ewwel paragrafu, l-entitajiet kontraenti jsemmu, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika tal-kuntratt, il-kriterji kollha għall-għoti li huma jkollhom l-intenzjoni li japplikaw, jekk hu possibli f'ordni dixxendenti ta' importanza." (traduzzjoni mhux uffiċjali)
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
5 Fis-6 ta' April 2002, ACTV ordnat il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta' notifika dwar kuntratt tas-servizz pubbliku għal trasport ta' persuni li kien fih tliet lottijiet. Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-lott Nru 1, dwar servizz urban tal-belt ta' Mestre għall-perijodu mis-16 ta' Ġunju 2002 sal-31 ta' Diċembru 2003.
6 F'din in-notifika ta' kuntratt, kien indikat taħt it-titolu "Kriterji għall-għoti" li ACTV kienet iddeċidiet li tagħti l-kuntratt lil min jagħmel l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament.
7 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu li jipparteċipaw fil-proċedura ta' l-għoti. B'ittra tas-7 ta' Mejju 2002, ACTV stidienhom jagħmlu offerta għal-lott Nru 1. Il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni ("disciplinare di gara", iktar 'il quddiem id-"dokumenti tal-kuntratt"), li kienu annessi ma' din l-istedina, kienu jipprevedu l-erba' kriterji għall-għoti li ġejjin, li fuq il-bażi tagħha l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament kellha tiġi ddeterminata.
"1) Prezz għal kull kilometru għas-servizzi indikati fl-annessi A, B u C tad-dokumenti tal-kuntratt:
– 60 punt bħala massimu mogħtija fuq il-bażi tar-relazzjoni […]
2) Prezz għal kull kilometru għas-servizzi li jikkompletaw dawk indikati fl-annessi A, B u C tad-dokumenti tal-kuntratt:
– 10 punti bħala massimu mogħtija fuq il-bażi tar-relazzjoni […]
3) Modi ta' organizzazzjoni u strutturi ta' sostenn għall-eżekuzzjoni, hekk kif jirriżultaw mid-dokument imsemmi fil-punt 3.10 Nru 6 tal-preżenti dokumenti tal-kuntratt:
– 25 punt bħala massimu mogħtija minn ACTV fid-diskrezzjoni totali tagħha.
4) Pussess ta' ċertifikat ta' konformità […]: 5 punti."
8 Rigward it-tielet minn dawn l-erba' kriterji għall-għoti tal-kuntratt, id-dokumenti tal-kuntratt kienu jipprevedu fil-punt 3.10 Nru 6 tagħhom, li l-offerta kellha tinkludi rapport deskrittiv ta' l-organizzazzjoni u ta' l-istrutturi tal-loġistika u ta' sostenn li kienu se jintużaw, f'każ ta' għoti, fit-tmexxija tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt; dan ir-rapport kellu jinkludi b'mod obbligatorju ta' l-inqas l-indikazzjonijiet li ġejjin:
– "imħażen u/jew postijet ta' parkeġġ għall-karozzi tal-linja li l-impriża għandha għad-dispożizzjoni tagħha jew li tagħhom hi propretarja fuq it-territorju tal-Provincia di Venezia […]
– modi ta' kontroll tas-servizz mogħti u numru ta' persuni inkarigati għall-imsemmija kontrolli;
– numru ta' xufiera tal-karozzi tal-linja u tip ta' liċenzja li għandhom;
– numru ta' stabbilimenti (minbarra l-imħażen) li l-impriża għandha għad-dispożizzjoni tagħha jew li tagħhom hi propretarja fuq it-territorju tal-provinċja ta' Venezja […];
– numru ta' persuni inkarigati għall-organizzazzjoni tax-xiftijiet tal-persunal tas-sewqan".
9 Wara, fit-29 ta' Mejju 2002, jiġifieri wara li skada l-perijodu ta' preżentazzjoni ta' l-offerti u qabel il-ftuħ ta' l-enveloppijiet, fil-waqt li hi ġa kellha għad-dispożizzjoni tagħha lista bl-ismijiet tat-tliet impriżi li kienu għamlu offerta għal-lott fil-kawża prinċipali, il-kummissjoni ta' l-għoti, fil-proċess verbali tagħha Nru 1, wieżnet il-25 punt li jistgħu jiġu mogħtija għal dan it-tielet kriterju billi qassmithom bejn ħames sotto-kriterji li jikkorrispondu għal kull waħda mill-indikazzjonijiet li għandhom ikunu msemmija fir-rapport inkluż fl-offerta ppreżentata mill-offerenti. In-numru ta' punti li jistgħu jingħataw taħt kull wieħed mis-sottokriterji ġew imqassma hekk: 8, 7 u 6 punti għal, rispettivament, l-ewwel, it-tieni u t-tielet sottokriterji u 2 punti għal kull wieħed mill-ħames u s-sitt sottokriterji.
10 Fit-30 ta' Mejju 2002, wara li eskludiet waħda mit-tliet offerti ppreżentati, il-kummissjoni ta' l-għoti għaddiet għall-evalwazzjoni ta' dawk ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-ATI La Linea SpA-CSSA (iktar 'il quddiem "La Linea"). Din ta' l-aħħar ingħatat il-kuntratt b'86,53 punt, filwaqt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ngħataw 83,50 punt.
11 Wara li qiesu li La Linea ma setgħetx ġiet mogħtija l-kuntratt ħlief permezz tat-tweżin a posteriori ta' numru ta' punti li setgħu jingħataw taħt it-tielet kriterju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw il-miżuri u d-deċiżjonijiet meħuda mill-kummissjoni ta' l-għoti quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale fuq il-bażi, fost l-oħrajn, ta' eċċezzjonijiet ta' ksur ta' l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 92/50.
12 It-Tribunale Amministrativo Regionale ċaħad ir-rikors hekk imressaq filwaqt li kkonstata, b'mod partikolari, li l-kriterji għall-għoti u l-elementi li għandhom jitqiesu għall-finijiet ta' l-għoti tal-kuntratt fil-kawża prinċipali kienu indikati fid-dokumenti tal-kuntratt.
13 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu appell kontra din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Jistgħu dawn id-dispożizzjonijiet [l-Artikolu 36 tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 34 tad-Direttiva 93/38] jiġu interpretati b'mod flessibbli, b'tali mod li jippermettu lil entità kontraenti, fil-każ ta' għoti skond il-mod ta' l-offerta ekonomikament l-aktar vantaġġuża, li tiffissa l-kriterji b'mod ġenerali fin-notifika tal-kuntratt filwaqt li tħalli f'idejn il-kummissjoni ta' l-għoti l-ispeċifikazzjoni u/jew il-kompletar ta' dawn il-kriterji, jekk meħtieġ, bil-kundizzjoni li tagħmel dan qabel il-ftuħ ta' l-enveloppijiet li fihom l-offerti u mingħajr ma ddaħħal elementi ġodda fil-kriterji ġa ddeterminati fin-notifika tal-kuntratt, jew, bil-kontra, din in-norma hija ta' karattru strett, fis-sens li timponi fuq l-entità kontraenti d-determinazzjoni b'mod analitiku tal-kriterji għall-għoti fin-notifika tal-kuntratt, mingħajr ma l-kummissjoni ta' l-għoti tkun tista' tintervjeni aktar, taħt kwalunkwe forma, biex tispeċifika jew tikkompleta l-kriterji jew tistabbilixxi sottotitoli jew noti parzjali, peress li kull indikazzjoni rigward il-kriterji għall-għoti għandha, għal raġunijiet ta' trasparenza, għandha tidher fin-notifika tal-kuntratt jew fid-dokumenti tal-kuntratt?
Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tradizzjonali adottata mill-ġurisprudenza tal-Consiglio di Stato, li taċċetta l-intervent tal-kummissjoni ta' l-għoti qabel il-ftuħ ta' l-enveloppijiet li fihom l-offerti, sabiex tikkompleta l-kriterji, għandha titqies li hija konformi mad-dritt Komunitarju?
2) Fid-dawl ta' interpretazzjoni flessibbli tan-norma, iġġustifikata mill-espressjoni "jekk possibli", tista' l-entità kontraenti tadotta dokumenti tal-kuntratt li, għal kriterju għall-għoti (f'dan il-każ, il-modi ta' organizzazzjoni u ta' sostenn), tipprevedi – skond serje kumplessa ta' elementi ta' evalwazzjoni, li fir-rigward tagħhom in-notifika tal-kuntratt jibqa' indeterminat, safejn ma jipprevedix l-għoti ta' noti – għotja ta' punti skond id-diskrezzjoni ta' l-entità kontraenti fejn in-norma in kwistjoni teżiġi f'kull ċirkustanza li l-formulazzjoni tal-kriterji tkun ta' natura obbligatorja bħala regola ġenerali, li hu inkompatibbli man-nuqqas ta' gradazzjoni ta' dawn il-kriterji fin-notifika tal-kuntratt, u fil-każ tal-validità tal-miżura ċċitata iktar 'il fuq minħabba l-flessibbiltà preżupposta min-norma in kwistjoni u min-nuqqas ta' l-obbligu li jiġu mniżżla l-elementi kollha, il-kummissjoni ta' l-għoti għandha d-dritt – li n-notifika tal-kuntratt ma jagħtihiex b'mod speċifiku – li tintervjeni biex tikkompleta jew tispeċifika l-kriterji (billi tagħti sempliċement importanza awtonoma u piż speċfiku għal kull wieħed mill-elementi li n-notifika tal-kuntratt kien jipprevedi li jevalwa b'għoti ffissat ta' mill-iktar 25) jew għandha, bil-kontra, tara li d-dokumenti tal-kuntratt jiġu applikati b'mod litterali billi jingħataw il-punti fuq il-bażi ta' evalwazzjoni globali ta' l-elementi diversi u kumplessi kkunsidrati mil-lex specialis?
3) F'kull ċirkustanza, huwa possibbli, fid-dawl ta' din id-dispożizzjoni, u indipendentement mill-formulazzjoni tan-notifika tal-kuntratt, li tiġi rrikonoxxuta, b'mod ġenerali lill-kummisjoni ta' l-għoti inkarigata li tevalwa l-offerti fi proċedura ta' għoti lill-offerta ekonomikament l-aktar vantaġġuża, is-setgħa – biss fid-dawl tal-kumplessità ta' l-elementi li għandhom jiġu evalwati – li tillimita l-azzjoni tagħha b'mod ġenerali, billi tispeċifika l-parametri ta' applikazzjoni tal-kriterji ffissati a priori fin-notifika tal-kuntratt, u tista' din is-setgħa tiġi eżerċitata billi jiġu stabbiliti – ovvjament dejjem qabel il-ftuħ ta' l-enveloppijiet – sottotitoli, noti parzjali, jew sempliċement billi jiġu ffissati kriterji aktar speċifiċi fid-dawl ta' l-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali indikati fin-notifika tal-kuntratt jew fid-dokumenti tal-kuntratt?"
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
14 B'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Settembru 2005, ACTV talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.
15 Biex issostni t-talba tagħha, ACTV qalet, fil-konklużjonijiet tagħha, li l-Avukat Ġenerali ma kienx wieġeb id-domandi prinċipali magħmula mill-Qorti tar-rinviju. Għal din ir-raġuni u bil-għan li jinftehmu tajjeb id-domandi preliminari rigward in-natura speċifika tal-kawża prinċipali, hi kienet tixtieq tifformula osservazzjonijiet ġodda.
16 F'dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista', ex officio jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali, jew inkella fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hi tqis li m'għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tinqata' fuq il-bażi ta' argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara d-digriet ta' l-4 ta' Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 18, u s-sentenza tat-30 ta' Marzu 2004, Alabaster, C-147/02, Ġabra p. I-3101, punt 35).
17 F'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, tqis li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha meħtieġa biex twieġeb id-domandi ppreżentati u li dawn l-elementi kienu s-suġġett ta' dibattiti li seħħew quddiemha. Għaldaqstant, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.
Fuq id-domandi preliminari
18 Preliminarjament, għandu jingħad, hekk kif għamlet il-Qorti tar-rinviju, li, b'deċiżjoni fil-kawża prinċipali, il-kummissjoni ta' l-għoti sempliċement iddeterminat il-mod kif il-25 punt previsti taħt it-tielet kriterji għall-għoti kellhom jiġu mqassma bejn il-ħames sottokriterji li kienu ġa ddefiniti fid-dokumenti tal-kuntratt.
19 F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari għandhom jiġu intiżi bħala li jirrigwardaw, fis-sustanza, il-kwistjoni jekk l-Artikoli 36 tad-Direttiva 92/50 u 34 tad-Direttiva 93/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-dritt Komunitarju jipprojbixxi li l-kummissjoni ta' l-għoti tagħti piż speċifiku għas-sottoelementi ta' kriterju għall-għoti li jkunu diġà ġew stabbiliti, billi tqassam, bejn dawn ta' l-aħħar, il-punti previsti taħt dan il-kriterju mill-awtorità kontraenti waqt it-tfassil tad-dokumenti tal-kuntratt jew tan-notifika tal-kuntratt.
20 Għandu, l-ewwel nett, jingħad, hekk kif ġustament osserva l-Gvern Awstrijak, li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 36 tad-Direttiva 92/50 u 34 tad-Direttiva 93/38 ma jistgħux jiġu applikati simultanjament għall-istess fatti. Madankollu, id-dispożizzjonijiet imsemmija mid-domandi huma fformulati sostanzjalment b'mod identiku u għandhom jiġu interpretati bl-istess mod (ara s-sentenza tas-17 ta' Settembru 2002, Concordia Bus Finland, C-513/99, Ġabra p. I-7213, punt 91). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tagħti risposta utli għad-domanda hekk kif ifformulata mill-ġdid mingħajr ma hu meħtieġ li tiddeċiedi fuq id-domanda li tirrigwarda liema miż-żewġ direttivi hija applikabbli fil-kawża prinċipali.
21 Wara, għandu jiġi mfakkar li l-kriterji għall-għoti ddefiniti minn awtorità kontraenti għandhom ikunu marbuta ma' l-għan tal-kuntratt, ma jistgħux jagħtu libertà ta' għażla illimitata lill-awtorità kontraenti, għandhom jiġu espressament imsemmija fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika tal-kuntratt u għandhom jirrispettaw, b'mod partikolari, il-prinċipji fundamentali ta' trattament ugwali, ta' non-diskriminazzjoni u ta' trasparenza (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Concordia Bus Finland, iċċitata iktar 'il fuq, punt 64).
22 Fil-kuntest tal-kawża preżenti, għandu jingħad aktar partikolarment li l-obbligu ta' rispett tal-prinċipju ta' trattament ugwali jikkorrispondi għall-idea essenzjali stess tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (ara s-sentenza Concordia Bus Finland, iċċitata iktar 'il fuq, punt 81) u li l-offerenti għandhom ikunu f'pożizzjoni ta' ugwaljanza kemm fiż-żmien meta jkunu qed jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll fiż-żmien meta dawn jiġu evalwati (ara s-sentenza tat-18 ta' Ottubru 2001, SIAC Construction, C-19/00, Ġabra p. I-7725, punt 34).
23 Għandu wkoll jiġi mfakkar li, skond l-Artikoli 36 tad-Direttiva 92/50 u 34 tad-Direttiva 93/38, il-kriterji kollha kkunsidrati għandhom jiġu msemmija speċifikament fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika tal-kuntratt, jekk possibli f'ordni dixxendenti ta' importanza, li tiġi attribwita lilhom, sabiex l-imprendituri jkunu jafu bl-eżistenza tagħhom u l-portata tagħhom (ara s-sentenza Concordia Bus Finland, iċċitata iktar 'il fuq, punt 62).
24 Bl-istess mod, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' trasparenza, hu importanti li l-elementi kollha kkunsidrati mill-awtorità kontraenti għall-identifikazzjoni ta' l-offerta ekonomikament l-aktar vantaġġuża u, jekk possibbli, l-importanza relattiva tagħhom ikunu magħrufa mill-offerenti potenzjali fiż-żmien tal-preparazzjoni ta' l-offerti tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta' April 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-87/94, Ġabra p. I-2043, punt 88, u tat-12 ta' Diċembru 2002, Universale-Bau et, C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 98).
25 Fl-aħħar nett, huwa l-kompitu tal-ġurisdizzjoni nazzjonali li tevalwa, fid-dawl ta' dawn ir-regoli u prinċipji, jekk, fil-kawża prinċipali, il-kummissjoni ta' l-għoti kisritx id-dritt Komunitarju meta pprevediet tweżin tad-diversi sottoelementi tat-tielet kriterju ta' l-għoti tal-kuntratt.
26 F'dan ir-rigward, għandu, l-ewwel nett, jiġi vverifikat jekk, fid-dawl ta' l-elementi kollha rilevanti tal-kawża prinċipali, id-deċiżjoni li tipprevedi dan it-tweżin timmodifikax il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt iddefiniti fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika tal-kuntratt.
27 Jekk hekk hu l-każ, din id-deċiżjoni tkun kuntrarja għad-dritt Komunitarju.
28 It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija deċiżjoni fihiex elementi li, li kieku kienu magħrufa fiż-żmien tal-preparazzjoni ta' l-offerti, setgħu jaffettwaw din il-preparazzjoni.
29 Jekk hekk hu l-każ, din l-istess deċiżjoni tkun kuntrarja għad-dritt Komunitarju.
30 It-tielet nett, għandu jiġi vverifikat jekk il-kummissjoni ta' l-għoti adottatx id-deċiżjoni li tipprevedi tweżin filwaqt li jiġu kkunsidrati l-elementi li jistgħu jkollhom effett diskriminatorju fuq wieħed mill-offerenti.
31 Jekk hekk hu l-każ, din id-deċiżjoni tkun kuntrarja għad-dritt Komunitarju.
32 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikoli 36 tad-Direttiva 92/50 u 34 tad-Direttiva 93/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt Komunitarju ma jipprojbixxix li l-kummissjoni ta' l-għoti li tagħti piż speċifiku għas-sottoelementi ta' kriterji għall-għoti li jkunu ġa stabbiliti qabel, billi tqassam, bejn dawn ta' l-aħħar, numru ta' punti previsti taħt dan il-kriterju mill-awtorità kontraenti waqt it-tfassil tad-dokumenti tal-kuntratt jew tan-notifika tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li tali deċiżjoni:
– ma timmodifikax il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt iddefiniti fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika tal-kuntratt;
– ma jkunx fiha elementi li, li kieku kellhom ikunu magħrufa waqt il-preparazzjoni ta' l-offerti, setgħu jaffettwaw din il-preparazzjoni;
– ma ġietx adottata billi ttieħdu in kunsiderazzjoni elementi li seta' jkollhom effett diskriminatorju kontra wieħed mill-offerenti.
Dwar l-ispejjeż
33 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), u 34 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekommunikazzjonijiet (ĠU L 199, p. 84) għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt Komunitarju ma jipprojbixxix lil kummissjoni ta' l-għoti li tagħti piż speċifiku lis-sottoelementi ta' kriterju ta' l-għoti stabbiliti diġà minn qabel, billi tqassam, bejn dawn ta' l-aħħar, numru ta' punti previsti taħt dan il-kriterju mill-awtorità kontraenti waqt it-tfassil tad-dokumenti tal-kuntratt jew tan-notifika tal-kuntratt, sakemm tali deċiżjoni:
– ma timmodifikax il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt iddefiniti fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika tal-kuntratt;
– ma jkunx fiha elementi li, li kieku kellhom ikunu magħrufa waqt il-preparazzjoni ta' l-offerti, setgħu jaffettwaw din il-preparazzjoni;
– ma ġietx adottata billi ttieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi li seta' jkollhom effett diskriminatorju kontra wieħed mill-offerenti.
Firem
Full & Egal Universal Law Academy