SENTENZA TAL-QORTI (it-Tielet Awla)
13 ta' Ottubru 2005 (*)
"Prodotti fis-settur ta' l-inbid – Ir-Regolament (KE) Nru 753/2002 – Artikolu 21 – Effett dirett– Kompetizzjonji ta' inbejjed u ta' inbejjed frizzanti– Ħlas għal parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni"
Fil-kawża C-379/04
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Landgericht Würzburg (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' Awwissu 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Settembru 2004, fil-proċedura
Richard Dahms GmbH
vs
Fränkischer Weinbauverband eV,
IL-QORTI (it-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. La Pergola, A. Borg Barthet, U. Lõhmus (Relatur), u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal Richard Dahms GmbH, minn J. Haas, Rechtsanwalt,
– għal Fränkischer Weinbauverband eV, minn B. Vincke, Rechtsanwalt,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u T. van Rijn, bħala aġenti,
– wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr Konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta' April 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta' l-oriġini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur ta' l-inbid (ĠU L 118, p.1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Richard Dahms GmbH (iktar 'il quddiem "Dahms") u Fränkischer Weinbauverband eV (iktar 'il quddiem il-"Weinbauverband") dwar l-ammont ta' l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni f'kompetizzjoni ta' l-inbid.
Il- Kuntest Ġuridiku Komunitarju
3 L-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid (ĠU L 179, p. 1) jipprovdi, b'mod partikolari, ir-regoli dwar it-tikkettar ta' ċerti prodotti li għandhom bħala skop il-ħarsien ta' l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u tal-produtturi, il-ħidma mingħajr skossi tas-suq intern u l-promozzjoni tal-produzzjoni ta' prodotti ta' kwalità. L-imsemmi Artikolu jagħmel distinzjoni bejn ir-referenzi obbligatorji fuq it-tikketti u dawk mhux obbligatorji.
4 It-tielet inċiż tal-punt B1(b), ta' l-Anness VII, ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi l-possibbiltà li, fuq it-tikketta, ħdejn l-indikazzjoni ġeografika, tidher l-indikazzjoni dwar "premju, medalja jew kompetizzjoni" f'kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.
5 Ir-Regolament Nru 753/2002 ġie adottat sabiex jistabilixxi l-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' regoli rigward b'mod partikolari il-preżentazzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur ta' l-inbid. It-Titolu IV tiegħu huwa ddedikat lir-regoli applikabbli għall-inbejjed tal-mejda b'indikazzjoni ġeografika u għall-inbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjuni speċifiċi (iktar 'il-quddiem l-inbejjed "psr").
6 L-Artikolu 21 ta' l-imsemmi Regolament, li jinsab taħt it-Titolu IV tiegħu li huwa intitolat "Għotjiet u medalji", jipprovdi:
"Għall-iskopijiet tat-tielet inċiż ta' l-Anness VII(B)(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, għotjiet u medalji jistgħu jintwerew fuq it-tikketti ta' l-inbid tal-mejda b'indikazzjoni ġeografika u l-inbid psr ta' kwalità basta iżda li dawn ikunu ġew mogħtija lill-grupp (jew għall-lott) ta' l-inbid konċernat f'kompetizzjoni awtorizzata minn Stat Membru jew pajjiż terz u mmexxi b'imparzjalità sħiħa. L-Istati Membri u l-pajjiżi terzi għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-lista tal-kompetizzjonijiet awtorizzati. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi xierqa kollha biex tassigura li dawn il-listi jkunu ppublikati."
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 Dahms, li ressqet it-talba fil-kawża prinċipali, imexxi kumpannija fis-settur tal-produzzjoni ta' l-inbid u tal-kummerċ fl-inbid. Il-Weinbauverband, li hija l-konvenuta fil-kawża prinċipali, torganizza, fil-Ġermanja, il-kompetizzjoni ta' l-inbejjed u l-inbejjed frizzanti tal-Frankonja. L-ispejjeż ta' parteċipazzjoni f'din il-kompetizzjoni jvarjaw jekk kemm il-kandidati humiex jew le membri tal-Weinbauverband. B'hekk, dawn l-ispejjeż huma ffissati għal 46 EUR għal kull lott inbid ippreżentat mill-membri ta' din l-organizzazzjoni u għal 92 EUR għal kull lott ippreżentat mill-kandidati l-oħra, u għal kull lott ta' inbid frizzanti, għal 76,50 EUR u 153 EUR respettivament.
8 Dahms kienet membru tal-Weinbauverband sa 2001 u ppreżentat inbejjed fil-kuntest ta' diversi kompetizzjonijiet. Billi mhijiex iktar membru ta' din l-organizzazzjoni, Dahms tikkontesta, quddiem il-Landgericht, minn banda waħda, il-kondizzjonijiet li ġew imposti fuqha fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni mill-Weinbauverband, liema, skond hi, jikkostitwixxu diskriminazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 753/2002 u, mill-banda l-oħra, l-abbuż li tirrappreżenta l-pożizzjoni ta' monopolju tal-Weinbauverband fl-organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet bħal dawn.
9 Dahms tixtieq tiġi ammessa sabiex tipparteċipa fil-kompetizzjonijiet taħt l-istess kondizzjonijiet bħal membri tal-Weinbauverband. Hija titlob alternattivament li tkun tista' tipparteċipa fil-kompetizzjoni bħala waħda li mhijiex membru ta' din l-organizzazzjoni, iżda bil-ħlas ta' spejjeż ta' parteċipazzjoni ta' ammont stabbilit mill-Landgericht.
10 Il-Weinbauverband tissottometti quddiem il-qorti tar-rinviju li l-fatt li wieħed daħal fi spejjeż ta' parteċipazzjoni differenti skond jekk il-kandidati għandhomx jew le l-kwalità ta' membru, tagħmel parti mill-awtonomija li hija rrikonoxxuta lilha skond il-leġiżlazzjoni dwar l-assoċjazzjonijiet. Hija tikkontesta l-eżistenza, fil-kawża prinċipali, ta' diskriminazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 753/2002. Fil-fatt, skond il-Weinbauverband, minn banda waħda, din id-dispożizzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u ma toħloqx dritt suġġettiv għall-individwi u, mill-banda l-oħra, dan l-Artikolu jipprojbixxi biss id-diskriminazzjonijiet arbitrarji.
11 Huwa f'dawn iċ-ċirkostanzi li l-Landgericht Würzburg iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 753/02 jagħti lill-parti li qed tagħmel it-talba dritt suġġettiv li ma tiġix iddiskriminata mill-parti konvenuta fil-kuntest ta' kompetizzjoni ta' inbejjed u ta' inbejjed frizzanti tal- Frankonja?
2) F'każ ta' risposta affermattiva għad-domanda preċedenti:
Il-fatt li, minħabba li l-parti li qed tagħmel it-talba mhijiex membru tal-parti konvenuta, din ta' l-aħħar teżiġi mill-parti li qed tagħmel it-talba spejjeż ta' parteċipazzjoni, fil-kompetizzjoni ta' inbejjed u inbejjed frizzanti tal- Frankonja, li l-ammont tagħhom huwa d-doppju ta' dak li hija teżiġi mill-membri tagħha, jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 753/2002?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
12 Bl-ewwel domanda il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 753/2002 jikkonferixxi lil Dahms dritt suġġettiv li din ta' l-aħħar tista' tibbaża ruħha fuqu sabiex tikkontesta t-trattament diskriminatorju li hija tallega li batiet minħabba l-fatt li hija kellha tħallas, sabiex tipparteċipa fil-kompetizzjoni ta' inbejjed u inbejjed frizzanti tal-Frankonja, spejjeż ta' parteċipazzjoni aktar għolja minn dawk imposti fuq il-membri tal-Weinbauverband.
13 Għandu jiġi mfakkar, b'mod preliminari, li, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE, ir-Regolament għandu skop ġenerali u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Skond ġurisprudenza kostanti, minħabba n-natura stess tiegħu u l-funzjoni tiegħu fis-sistema tas-sorsi tad-dritt Komunitarju, ir-Regolament huwa biżżejjed sabiex jikkonferixxi lill-individwi drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Ottubru 1973, Variola, 34/73, Ġabra p. 981, punt 8, u tas-17 ta' Settembru 2002 Muñoz u Superior Fruiticola, C‑253/00, Ġabra p. I‑7289, punt 27).
14 Huma l-qrati nazzjonali li huma inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, li għandhom jassiguraw l-effett sħiħ ta' dawn ta' l-aħħar (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta' Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 16; tad-19 ta' Ġunju 1990, Factortame et, C-213/89, Ġabra p. I‑2433, punt 19 ; ta' l-20 ta' Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 25, u Muñoz u Superior Fruiticola, ċitata iktar 'il fuq, punt 28).
15 L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 753/2002 jispeċifika l-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' l-Anness VII tar-Regolament Nru 1493/1999. L-Artikolu 47 ta' dan l-aħħar Regolament jipprovdi, b'mod partikolari, li l-iskopijiet ta' l-indikazzjonijiet obbligatorji u mhux obbligatorji li jirrigwardaw it-tikkettar ta' ċerti prodotti fis-settur ta' l-inbid huma varji. Dawn l-iskopijiet jidhru wkoll mir-raba' inċiż tar-Regolament Nru 753/2002 li tipprovdi li l-protezzjoni ta' l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u tal-produtturi, l-operat mingħajr xkiel tas-suq intern u l-iżvilupp ta' prodotti ta' kwalità, jikkostitwixxu l-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament.
16 Kif tiddikjara sewwa l-Kummissjoni, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 753/2002 jiggarantixxi l-fakultà li jidhru fuq it-tikkettar ta' inbejjed tal-mejda b'indikazzjoni ġeografika jew ta' nbejjed psr, għotjiet jew medalji. Din il-fakultà hija sottomessa għall-kondizzjoni li dawn ta' l-aħħar ikunu ġew mogħtija, minn banda waħda, fil-kuntest ta' kompetizzjoni awtorizzata mill-Istati Membri jew l-Istati terzi u, mill-banda l-oħra, fi tmiem ta' proċedura oġġettiva li tiggarantixxi n-nuqqas sħiħ ta' diskriminazzjoni.
17 Minn dan jirriżulta, hekk kif joħroġ car mit-titolu tiegħu li l-Artikolu 21 jirrigwarda t-tikkettar ta' l-inbejjed ikkonċernati imma m'għandux bħala skop li jistabbilixxi regoli ta' proċedura applikabbli għall-organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet fis-settur ta' l-inbid. Għaliex anki jekk, din id-dispożizzjoni tipprovdi, li l-proċedura ta' għotja ta' dawn l-għotjiet u medalji għandha tirrispetta ċerti eżiġenzi imperattivi, hija madankollu ma tirregola l-ebda mill-aspetti l-oħra tal-proċedura applikabbli għall-organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet fis-settur ta' l-inbid, minkejja l-fatt li dawn jikkostitwixxu l-kuntest li fih jiġu mogħtija għotjiet u medalji bħal dawn.
18 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 753/2002 jirrigwarda l-indikazzjonijiet mhux obbligatorji li jirrigwardaw l-għotjiet u medalji, li jistgħu jidhru fuq it-tikketti sabiex jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u fuq kollox tal-produtturi ta' inbejjed. Il-proċedura jew il-modalitajiet ta' għotja ta' dawn l-għotjiet jew medalji mhux obbligatorji, kif ukoll ir-regoli applikabbli għall-proċedura ta' organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet fis-settur ta' l-inbid, jaqgħu fil-kompetenza waħdanija ta' l-Istati Membri, bil-kondizzjoni li meta għotjiet u medalji jiġu mogħtija f'kuntest bħal dan, il-kompetizzjoni kkonċernata tkun awtorizzata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li l-proċedura ta' għotja tkun oġġettiva u tiggarantixxi nuqqas sħiħ ta' diskriminazzjoni.
19 B'hekk, parteċipant jew parteċipant potenzjali għal kompetizzjoni fis-settur ta' l-inbid ma jistax jibbaża ruħu fuq il-kontenut ta' l-imsemmi Artikolu 21 sabiex jikkontesta l-modalitajiet ta' organizzazzjoni ta' kompetizzjoni bħal din, b'mod ġenerali, u l-iffissar ta' l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni f'din il-kompetizzjoni b'mod partikolari.
20 Mill-banda l-oħra, għandu jiġi rrikonoxxut li, fil-każ fejn għotjiet jew medalji huma stampati fuq tikketta, il-produtturi ta' inbejjed f'konkorrenza jistgħu jopponu ruħhom għall-awtorizzazzjoni ta' użu ta' dawn l-indikazzjonijiet meta l-għotja tagħhom kienet ir-riżultat ta' kompetizzjoni mhux awtorizzata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jew wara proċedura mhux oġġettiva jew diskriminatorja.
21 Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 753/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parteċipanti jew il-parteċipanti potenzjali f'kompetizzjoni fis-settur ta' l-inbid ma jistgħux jikkontestaw, fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni, il-kondizzjonijiet ta' organizzazzjoni ta' din il-kompetizzjoni u, b'mod partikolari, il-modalitajiet ta' iffissar ta' l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni fiha.
Fuq it-tieni domanda
22 Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, it-tieni domanda saret mingħajr skop u m'hemmx lok li tiġi mwieġba.
Dwar l-ispejjeż
23 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta' April 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta' l-oriġini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur ta' l-inbid, għandu jiġi interpretat fis-sens illi l-parteċipanti jew il-parteċipanti potenzjali f'kompetizzjoni fis-settur ta' l-inbid ma jistgħux jikkontestaw, fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni, il-kondizzjonijiet ta' organizzazzjoni ta' din il-kompetizzjoni u, b'mod partikolari, il-modalitajiet ta' l-iffissar ta' l-ispejjeż ta' parteċipazzjoni fiha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Full & Egal Universal Law Academy