SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)
6 ta' April 2006 (*)
"Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizz ta' trasport pubbbliku lokali – Għoti mingħajr sejħa għall-offerti – Għoti minn awtorità pubblika lil impriża li żżomm il-kapital tagħha"
Fil-kawża C-410/04
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' Lulju 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta' Settembru 2004, fil-proċedura
Associazione Nazionale Autotrasporto Viaggiatori (ANAV)
vs
Comune di Bari,
AMTAB Servizio SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K.Lenaerts, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, 27 ta' Ottubru 2005,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għall-Associazione Nazionale Autotrasporto Viaggiatori (ANAV), minn C. Colapinto, avvocato,
– għall-Comune di Bari, minn R. Verna, B. Capruzzi u R. Cioffi, avvocati,
– għal AMTAB Servizio SpA, minn G. Notarnicolai u V. Caputi Jambrenghi, avvocati,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr, bħala aġent,
– għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u D. Recchia, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta 12 ta' Jannar 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża mill-Associazione Nazionale Autotrasporto Viaggiatori (aktar 'il quddiem l-"ANAV") kontra l-Comune di Bari (kunsill lokali ta' Bari) u l-AMTAB Servizio SpA (aktar 'il quddiem l-"AMTB Servizio") dwar l-għoti lil din ta' l-aħħar ta' servizz ta' trasport pubbliku fit-territorju ta' dan il-kunsill lokali.
Il-Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komnunitarja
3 L-Artikolu 43 KE jiddisponi:
"Fil-qafas tad-dispos[ż]izzjonijiet ta' hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, għandhom jiġu [p]projbiti. […]
Il-libertà ta' l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 58, paragrafu 2, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, bla ħsara għad-dispos[ż]izzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital."
4 L-Artikolu 46 KE jaqra:
"1. Id-dispos[ż]izzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, u l-miżuri adottati bis-saħħa tagħhom, ma jippreġudikawx l-implementazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jipprovdu għal trattament speċjali ta' ċittadini barranin u li huma ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika.
2. Il-Kunsill għandu, billi jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, joħroġ direttivi għall-koordinazzjoni tad-dispos[ż]izzjonijiet imsemmija hawn fuq."
5 L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 49 KE jipprovdi:
"Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta' hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi."
6 L-Artikolu 86(1), KE, huwa fformulat kif ġej:
"Dwar impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli f’dan it-Trattat, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 12 u fl-Artikoli 81 sa 89 inklużi".
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Għal dak li għandu x'jaqsam mal-leġiżlazzjoni Taljana, l-Artikolu 14 tad-digriet-liġi Nru 269, li jirrigwarda dispożizzjonijiet urġenti sabiex jgħin l-iżvilupp u sabiex jirranġa t-tħaddim tal-kontijiet pubbliċi, tat-30 ta' Settembru 2003 (supplement ordinarju tal-GURI nru 229, tat-2 ta' Ottubru 2003, aktar 'il quddiem id-"digriet-liġi Nru 269/2003"), li emenda l-Artikolu 113 tad-digriet leġiżlattiv Nru 267, li għamel test wieħed tal-liġijiet fuq l-organizzazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali, tat-18 ta' Awwissu 2000 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 227, tat-28 ta' Settembru 2000, aktar 'il quddiem "id-digriet leġiżlattiv Nru 267/2000"). Il-verżjoni l-ġdida ta' l-Artikolu 113(5) ta' dan l-aħħar digriet tipprovdi:
"L-għoti ta' servizzi jsir skond il-leġiżlazzjoni ta' dan il-qasam u fir-rispett tal-leġiżlazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, is-servizz ikun mogħti:
a) lil kumpanniji ta' kapitali magħżula permezz tal-proċeduri ta' sejħa għal offerti pubblika;
b) lil kumpanniji ta' kapital imħallat pubbliku/privat li fihom is-sieħeb privat huwa magħżul permezz tal-proċeduri ta' sejħa għal offerti pubblika li jiggarantixxu r-rispett tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni skond il-linji gwida deċiżi mill-awtoritajiet kompetenti fil-miżuri jew ċirkulari speċifiċi;
c) lil kumpanniji għal kollox pubbliċi bil-kundizzjoni li l-enti jew entijiet pubbliċi li jżommu l-kapital soċjali pubblika jeżerċitaw fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li dawn ta' l-aħħar jeżerċitaw fuq is-servizzi tagħhom stess u jekk din il-kumpannnija twettaq l-essenzjali ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità jew awtoritajiet li jikkontrollawha".
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, AMTAB Servizio hija kumpannija joint stock li l-kapital soċjali tagħha huwa miżmum kollu mill-Comune di Bari u fejn l-attività waħdanija tikkonsisti f'servizz ta' trasport pubbliku fuq it-territorju ta' dan il-Kunsill. L-imsemmija kumpannija kienet kompletament taħt il-kontroll tal-Comune di Bari.
9 Wara din l-istess deċiżjoni, l-ANAV tirrappreżenta bl-istatut tagħha, l-impriżi li jeżerċitaw servizzi nazzjonali u internazzjonali ta' trasport ta' passiġġieri kif ukoll attivitajiet simili għal trasport u, f'din il-kwalità, tassigura b'mod partikolari li jimxi tajjeb is-servizz ta' trasport pubbliku tat-traport tal-belt u dak barra l-belt fl-interess tal-kumpanniji li jipprovdu tali servizz.
10 B'deċiżjoni tas-17 ta' Lulju 2003, il-Comune di Bari għamel proċedura ta' sejħa għal offerti pubblika sabiex jassenja l-għoti ta' servizz ta' trasport pubbliku fit-territorju ta' dan il-kunsill.
11 Wara l-emenda ta' l-Artikolu 113(5), tad-digriet leġiżlattiv Nru 267/2000, bl-Artikolu 14 tad-digriet liġi Nru 269/2003, il-Comune di Bari, b'deċiżjoni tat-9 ta' Ottubru 2003, irtira din il-proċedura ta' sejħa ta' offerti.
12 B'deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 2003, l-imsemmi Kunsill lokali ta s-servizz in kwistjoni direttament lil AMTAB Servizio għal perijodu mill-1 ta' Jannar 2004 sal-31 ta' Diċembru 2012.
13 B'rikors innotifikat fl-1 ta' Marzu 2004 u ppreżentat fid-9 ta' Marzu 2004 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia, l-ANAV talab lil dan ta' l-aħħar li jannulla l-imsemmija deċiżjoni kif ukoll l-atti kollha li għandhom x'jaqsmu ma' jew li segwew din id-deċiżjoni, għall-motiv li jikkostitwixxu ksur tad-dritt Komunitarju, u b'mod partikolari, ta' l-Artikoli 3 KE, 16 KE, 43 KE, 49 KE, 50 KE, 51 KE, 70 KE sa 72 KE, 81 KCE, 82 KE, 86 KE u 87 KE.
14 Minħabba din l-argumentazzjoni, it-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"L-Artikolu 113(5), tad-digriet leġiżlattiv Nru 267/2000, kif emendat bl-Artikolu 14 tad-digiret-liġi Nru 269/2003, safejn ma jiffissa ebda restrizzjoni għal-libertà ta' għażla ta' l-amministrazzjoni pubblika bejn il-forom differenti ta' għoti ta' servizz pubbliku u, b'mod partikolari, bejn l-għoti bil-mezz ta' proċedura ta' sejħa għal offerti pubblika u l-għoti dirett lil kumpannija li hija tikkontrolla b'mod sħiħ, huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, ma' l-obbligi ta' trasparenza u kompetizzjoni ħielsa li hemm fl-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE?"
Fuq id-domanda preliminari
15 B'din id-domanda, il-qorti ta' rinviju talbet fis-sustanza jekk id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-obbligi ta' trasparenza u kompetizzjoni li hemm fl-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li ma tiffissa ebda restrizzjoni għal-libertà ta' għażla ta' awtorità pubblika bejn il-forom differenti ta' għoti ta' servizz pubbliku, b'mod partikolari bejn l-għoti permezz ta' proċedura ta' sejħa għal offerti pubblika u l-għoti dirett lil kumpannija li tagħha din l-awtorità żżomm il-kapital kollu.
16 Jirriżulta mill-proċess tal-kawża prinċipali li s-servizz ta' trasport pubbliku fit-territorju tal-Comune di Bari huwa remunerat, mill-inqas f'parti, bix-xiri ta' biljetti ta' trasport mill-vjaġġaturi. Dan il-mod ta' remunerazzjoni jikkaratterizza konċessjoni ta' servizzi pubbliċi (sentenza tat-13 ta' Ottubru 2005, Parking Brixen, C‑458/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).
17 Huwa paċifiku li l-konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50 KEE, tat-18 ta' Ġunju 992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1) (sentenza Parking Brixen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 42). Din ġiet issostitwita bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE tal-31 ta' Marzu 2004, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta' l-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' xogħlijiet, fornituri, u servizzi (ĠU L 134, p. 114), fejn l-Artikolu 17 jipprovdi espressament li mhux applikabbli għal konċessjonijiet ta' servizzi.
18 Minkejja l-fatt li l-kuntratti ta' konċessjoni ta' servizzi pubbliċi huma, fl-istadju attwali tad-dritt Komunitarju, esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkluduhom huma madankollu marbuta li jirrispettaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat KE b'mod ġenerali u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, b'mod partikolari (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta' Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C‑324/98, Ġabra p. I-10745, punt 60; tal-21 ta' Lulju 2005, Coname, C‑231/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 16, u Parking Brixen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 46).
19 Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li huma b'mod aktar speċifiku applikabbli għall-konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi jinkludu b'mod partikolari l-Artikolu 43 KE u 49 KE (sentenza Parking Brixen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 47).
20 Barra l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament fost l-offerenti japplika għall-konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi anki fin-nuqqas ta' diskriminazzjoni minħabba fin-nazzjonalità (sentenza Parking Brixen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 48).
21 Il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, jimplika b'mod partikolari obbligu ta' trasparenza li jippermetti lill-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni li tiżgura li dawn il-prinċipji jiġu rrispettati. Dan l-obbligu ta' trasparenza li għandha din l-awtorità jikkonsisti fil-garanzija, għal kull offerenti potenzjali, ta' grad ta' pubbliċità adegwata li tippermetti ftuħ tal-konċessjoni ta' servizzi għall-kompetizzjoni kif ukoll tal-kontroll ta' l-imparzjalità tal-proċeduri ta' l-għoti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Telaustria u Telefonadress, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61 u 62, kif ukoll Parking Brixen, punt 49).
22 Bħala prinċipju, in-nuqqas totali ta' tqegħid fil-kompetizzjoni fil-każ ta' l-għoti ta' konċessjoni ta' servizzi pubbliċi bħal dawk ikkonċernati fil-kawża prinċipali mhuwa konformi la ma' l-eżiġenzi ta' l-Artikoli 43 KE u 49 KE u lanqas mal-prinċipji ta' ugwaljanza fit-trattament, ta' nondiskriminazzjoni u ta' trasparenza (sentenza Parking Brixen, iċċitata aktar, punt 50).
23 Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikolu 86(1) KE li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta' konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi mingħajr kompetizzjoni peress illi tali għoti jikser l-Artikoli 43 KE jew 49 KE jew il-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' nondiskriminazzjoni u ta' trasparenza (sentenza Parking Brixen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 52).
24 Madankollu, fil-qasam tal-konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi, l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mill-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali li jikkostitwixxu l-espressjoni speċifika tagħhom, hija eskluża jekk, fl-istess ħin, il-kontroll eżerċitat fuq l-entità li tieħu l-konċessjoni mill-awtorità pubblika li tagħti l-konċessjoni huwa analogu għal dak li din ta' l-aħħar teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess u jekk din l-entità twettaq l-essenzjali ta' l-attività tagħha ma' l-enti jew entijiet ma' l-awtorità li tikkontrollaha (sentenza Parking Brixen, iċċitata aktar ' il fuq, punt 62).
25 Leġiżlazzjoni nazzjonali li tieħu kelma b'kelma l-ifformular tal-kundizzjonijiet msemmija fil-punt preċedenti, kif ukoll għamel l-Artikolu 113 (5), tad-digriet leġiżlattiv Nru 267/2000, kif emendat bl-Artikolu 14 tad-digriet-liġi Nru 269/2003, huwa fil-prinċipju konformi mad-dritt Komunitarju, peress li jiġi ppreċiżat illi l-interpretazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni għandha tkun konformi ma' l-eżiġenzi tad-dritt komunitarju.
26 Għandu jiġi ppreċiżat, illi f'dak li jirrigwarda eċċezzjoni għar-regoli ġenerali tad-dritt Komunitarju, iż-żewġ kundizzjonijiet li joħorġu mill-punt 24 ta' din is-sentenza għandhom ikunu s-suġġett ta' interpretazzjoni stretta, u huwa dak li bi ħsiebu jagħmel użu minnha li għandu l-oneru li jipprova li ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-deroga minn dawn ir-regoli effettivament jeżistu (ara s-sentenzi tal-11 ta' Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 46, u Parking Brixen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 63).
27 Skond l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-AMTAB Servizio, il-Comune di Bari ddeċieda, fis-27 ta' Diċembru 2002, li jipproċedi għaċ-ċessjoni ta' parti li tikkorrispondi għal 80 % ta' l-ishma li huwa jżomm fil-kapital ta' l-istess soċjetà u ddeċieda, fil-21 ta' Mejju 2004, li jibda l-proċedura ta' sejħa għall-offerti għall-għażla tas-sieħeb privat maġġoritarju. Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata mill-ANAV waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
28 Minkejja dan, waqt l-istess seduta, il-Comune di Bari sostna li kienet l-intenzjoni tiegħu li jċedi parti minn dawn l-ishma fil-kapital ta' AMTAB Servizio. Kien ġie deċiż, fit-13 ta' Jannar 2005, li ma tiġix segwita d-deċiżjoni preċedenti tiegħu u ma jipprivatizzax aktar din il-kumpannija. Din id-deċiżjoni ma kellhiex tiżdied mal-proċess tal-qorti tar-rinviju peress li saret wara d-deċiżjoni ta' rinviju.
29 Huwa kompetenza ta' dik l-imsemmija qorti u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-kwistjoni jekk il-Comune di Bari ħasibx sabiex jiftaħ il-kapital ta' AMTAB Servizio lil azzjonisti privati. Madankollu, sabiex tagħti lil din il-qorti elementi utli sabiex tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha, huwa rilevanti li jiġi ppreċiżat dan li ġej.
30 Jekk, waqt it-tul tal-kuntratt fil-kawża prinċipali, il-kapital ta' AMTAB Servizio huwa miftuħ għal azzjonisti privati, l-effett ta' din is-sitwazzjoni jkun li l-għoti ta' servizzi pubbliċi lil impriża semipubblika mingħajr sejħa għall-offerti jippreġudika l-għanijiet tad-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-10 ta' Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-29/04, li għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).
31 Fil-fatt, is-sehem, anki jekk minoritarju, ta' impriża privata fil-kapital ta' kumpannija li fih għandha sehem ukoll l-awtorità pubblika konċedenti, jeskludi f'kull każ li din l-awtorità pubblika tista' teżerċita kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq is-servizzi tagħha stess (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata aktar 'il fuq, punt 49).
32 Għalhekk, għalkemm il-kumpannija konċessjonarja hija kumpannija miftuħa, għall-inqas parzjalment, għall-kapital privat, din iċ-ċirkustanza tipprekludiha milli tiġi kkunsidrata bħala struttura ta' tmexxija "interna" ta' servizz pubbliku f'isem it-tmexxija ta' l-awtorità territorjali li tikkontrollaha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Coname, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26).
33 B'hekk fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tweġiba għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE, kif ukoll il-prinċipji ta' ugwaljanza fit-trattament, ta' nondiskriminazzjoni minħabba fin-nazzjonalità u t-trasparenza, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil awtorità pubblika li tagħti servizz pubbliku direttament lil kumpannija li fiha żżomm għal kollox il-kapital, bil-kundizzjoni li l-awtorità pubblika teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li din ta' l-aħħar teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess u li din il-kumpannija twettaq l-essenzjali ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità li tikkontrollaha.
Fuq l-ispejjeż
34 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE, kif ukoll il-prinċipji ta' ugwaljanza fit-trattament, ta' non diskriminazzjoni minħabba fin-nazzjonalità u t-trasparenza, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali milli tippermetti lil awtorità pubblika li tagħti servizz pubbliku direttament lil kumpannija li fiha żżomm għal kollox il-kapital, bil-kundizzjoni li l-awtorità pubblika teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li din ta' l-aħħar teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess u li din ta' l-aħħar twettaq l-essenzjali ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità li tikkontrollaha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy