SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
23 ta' Novembru 2006 (*)
"Nuqqas ta;"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Evalwazzjoni ta' l-impatt ta' ċerti proġetti fuq l-ambjent – Irkupru ta' skart – Installazzjoni ta' produzzjoni ta' enerġija elettrika mill-inċinerazzjoni ta' kombustibbli meħuda minn skart u mill-bijomassa ta' Massafra (Taranto) – Direttivi 75/442/KEE u 85/337/KEE"
Fil-kawża C-486/04,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-25 ta' Novembru 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek, bħala aġent, assistit minn F. Louis, avocat, u A. Capobianco, avvocato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli u G. Fiengo, avvocati dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris, J. Makarczyk (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta' April 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Mejju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
– billi ma ssuġġettatx għall-proċedura ta' stima ta’ l-impatt fuq l-ambjent, skond l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill, 97/11/KE, tat-3 ta' Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 85/337"), il-proġett ta' installazzjoni ta' inċinerazzjoni ta' kombustibbli li jiġu minn skart (iktar 'il quddiem "KJS") u l-bijomassa ta' Massafra, liema installazzjoni taqa' taħt l-Anness I tad-Direttiva 85/337.
– billi adottat leġiżlazzjoni [l-Artikolu 3(1) tad-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, tat-3 ta' Settembru 1999, intitolat "Att għall-orjentazzjoni u koordinazzjoni li jikkompleta l-att għall-orjentazzjoni u koordinazzjoni ta' qabel għall-implementazzjoni ta' l-Artikolu 40(1), tal-liġi Nru 146, tat-22 ta' Frar 1994, dwar id-dispożizzjonijiet relattivi għall-istima ta' l-impatt fuq l-ambjent" (GURI Nru 302, tas-27 ta' Diċembru 1999, p. 17, iktar 'il quddiem id-"DPKM"), li jemenda l-Anness A(i) u (1) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika, tat-12 ta' April 1996, intitolat "Att ta' orjentazzjoni u koordinament għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 40(1) tal-Liġi Nru 146, tat-22 ta' Frar 1994, dwar id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta' stima ta' l-effetti ambjentali" (GURI Nru 210, p. 28, iktar 'il quddiem id-"DPR")] li jeskludi mill-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent ċerti proġetti koperti mill-Anness I tad-Direttiva 85/337 (proġetti ta' installazzjoni ddestinati għall-irkupru ta' skart perikoluż u skart mhux perikoluż b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum) jekk huma suġġetti għall-proċedura ta' awtorizzazzjoni semplifikata skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendati mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32), u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, ta' l-24 ta' Mejju 1996, (ĠU L 135, p. 32, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 75/442"), u
– billbilli adottat leġiżlazzjoni, [Artikolu 3(1) tad-DPKM, li jemenda l-Anness A(i) u (1) tad-DPR] li, sabiex jiġi ddeterminat jekk proġett kopert mill-Anness II tad-Direttiva 85/337 għandux jiġi ssuġġettat għal stima ta' l-impatt fuq l-ambjent, jistabbilixxi kriterju mhux adattat peress li jista' jeskludi mill-imsemmija stima proġetti li għandhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent,
ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 2(1) u 4(1),(2) u (3) tad-Direttiva 85/337.
Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Id-Direttiva 75/442
2 L-ewwel Artikolu tad-Direttiva 75/442 huwa fformulat kif ġej:
"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:
a) 'skart' ifisser kull sustanza jew oġġett li l-possessur jarmi jew jkun meħtieġ li jarmi skond il-liġijiet nazzjonali fis-seħħ;
[…]
d) 'maniġġar' għandha tfisser il-ġbir, it-trasport, l-irkupru u r-rimi ta' l-iskart, inklużi s-superviżjoni ta' dawn l-operazzjonijiet u l-kontroll tas-siti tar-rimi wara li jingħalqu;
e) 'rimi' għandha tfisser kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet previsti fl-Anness II A;
f) 'irkupru' għandha tfisser kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet previsti fl-Anness II B;
[…]"
3 Skond l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva:
"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iskart jintrema mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari:
– mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, l-art u l-pjanti u l-annimali,
– mingħajr ma jikkawżaw irritazzjonijiet minħabba l-ħsejjes jew l-irwejjaħ,
– mingħajr ma jaffettwaw avversament il-kampanja jew postijiet ta' interess speċjali.
[…]".
4 Skond l-Artikolu 9(1) ta' l-imsemmija Direttiva:
"Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 4, 5 u 7, kull stabbiliment jew impriża li twettaq l-operazzjonijiet speċifikati fl-Anness II A għandha tikseb permess mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 6.
[…]".
5 Skond l-Artikolu 10 ta' l-istess Direttiva.
"Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4, kull stabbiliment jew impriża li twettaq l-operazzjonijiet imsemmija fl-Anness II B għandha tikseb permess."
6 L-Artikolu 11(1), tad-Direttiva 75/442 jipprevedi:
"Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 78/319/KEE […] jistgħu jiġu eżentati mill-ħtieġa għal permess stipulat fl-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10:
[…]
b) stabbilimenti jew impriżi li jwettqu rkupru ta' l-iskart.
L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' tapplika biss:
– jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu adottaw regoli ġenerali għal kull tip ta' attività, waqt li jistipulaw it-tipi u l-kwantitajiet ta' skart u l-kondizzjonijiet li fihom l-attività in kwistjoni tista' tiġi eżentata mill-ħtieġa ta' permess;
u
– jekk it-tipi jew il-kwantitajiet ta' skart u l-metodi tar-rimi jew l-irkupru huma tali li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 jiġu sodisfatti"
7 L-AnneL- L-Anness II A tad-Direttiva 75/442, intitolat "Operazzjonijiet ta' rimi" huwa maħsub biex jelenka x-xogħlijiet ta’ rimi kif iseħħu fil-prattika. Huwa jindika li skond l-Artikolu 4, l-iskart irid jintrema mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent.
8 L-L-Anness II B ta' l-istess Direttiva, intitolat "Ix-xogħlijiet li jistgħu jwasslu għall-irkupru" huwa maħsub biex jelenka x-xogħlijiet ta' rkupru kif iseħħu fil-prattika. Huwa wkoll jindika li, skond l-Artikolu 4, l-iskart irid jiġi rkuprat mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr l-użu ta' proċessi jew metodi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent.
Id-Direttiva 85/337
9 L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 85/337 huwa fformulat kif ġej:
''Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:
'proġett' tfisser:
– l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazjonijiet jew skemi oħra,
– interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;
'żviluppatur' tfisser:
-applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorita pubblika li tibda proġett;
'kunsens għal żvilupp' tfisser:
id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett
3. L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandha tkun dik jew għandhom ikunu dawk li l-Istati Membri jaħtru bħala responsabbli li jagħmlu d-dmirijiet li joħorġu minn din id-Direttiva."
10 Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1), (2) u (3) ta' din id-Direttiva:
''1. Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma definiti f’Artikolu 4.
2. L-istima ta’ l-impatt ambjentali tista’ tkun integrata fi proċeduri eżistenti għal kunsens ta’ proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformita ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.
3. Stati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku kollu kemm hu jew parti minnu mid-disposizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva."
11 L-Artikolu 3 ta' l-imsemmija Direttiva jiddisponi:
''L-istima ta’ l-impatt ambjentali għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u skond Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq dawn il-fatturi:
– bnedmin, fawna u flora,
– ħamrija, ilma, arja, klima u l-pajsaġġ,
– il-beni materjali u l-wirt kulturali,
– l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi."
12 L-Artikolu 4 ta' l-istess Direttiva jipprevedi:
"1. Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10.
2. Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta':
a) eżami każ b'każ,
jew
b) l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,
jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).
3. Meta jiġi mwettaq eżami każ b'każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skond il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.".
13 FilFil-punt 9 ta' l-Anness I tad-Direttiva 85/337, jissemmew installazzjonijiet għall-eliminar ta' l-iskart perikoluż [jiġifieri l-iskart li għalih hija applikabbli d-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar skart perikoluż (ĠU L 377, p. 20)] b'inċinerazzjoni, trattament kimiku, kif iddefinit fl-Anness II A punt D9 tad-Direttiva 75/442, jew ir-rimi f'miżbla.
14 Fil-punt 10 ta' Fil-punt 10 ta' l-istess Anness I jiġu ċċitati installazzjonijiet ta' eliminazzjoni ta' skart mhux perikoluż b'inċinerazzjoni jew trattament kimiku, kif iddefinit fl-Anness II A, punt D 9 tad-Direttiva 75/442, b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum.
15 Fil-punt 11(b) ta' l-Anness II tad-Direttiva 85/337, jissemmew installazzjonijiet ta' eliminazzjoni ta' skart (proġetti mhux previsti fl-Anness I).
16 L-Anness III ta' l-istess Direttiva jelenka l-kriterji ta' għażla previsti fl-Artikolu 4(3):
"1. Karatteristiċi tal-proġetti
Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati billi jitqiesu, b'mod partikolari:
– id-daqs tal-proġett,
– il-kumulazzjoni ma' proġetti oħra,
– il-kumulazzjoni ma' proġetti oħra,
– il-produzzjoni ta' l-iskart,
– it-tniġġis u l-irritazzjonijiet,
– ir-riskju ta' inċidenti, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari s-sustanzi u l-metodi ta' teknika użati.
2. Il-lokazzjoni tal-proġetti
Trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali ta' ż-żoni ġeografiċi li x'aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari:
– l-użu eżistenti ta' l-art,
– l-abbundanza relattiva, il-kwalità u l-ħila tar-riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali fiż-żona,
– il-kapaċità dwar kemm jixrob l-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni li ġejjin:
[…]
3. Il-karatteristiċi ta' l-impatt potenzjali
L-effetti sinifikanti potenzjali tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati f'relazzjoni mal-kriterji ddikjarati taħt l-1 u t-2 ta' hawn fuq, u billi jitqiesu b'mod partikolari:
– il-kobor ta' l-impatt (iż-żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni affettwata),
[…]"
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
17 L-A L-Artikolu 6 tal-liġi Nru 349, tat-8 ta' Lulju 1986, li tistabilixxi l-Ministeru għall-Ambjent (GURI Nru 59, tal-15 ta' Lulju 1986), ittraspona fid-dritt Taljan id-Direttiva 85/337. Sussegwentement, l-Artikolu 40 tal-liġi Nru 146 tat-22 ta' Frar 1994, dwar dispożizzjonijiet fir-rigward ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent (supplement ordinarju tal-GURI Nru 52, ta' l-4 ta' Marzu 1994, iktar 'il quddiem il-"liġi Nru 146/1994"), stieden il-Gvern Taljan jiddefinixxi, b'att espress ta' orjentazzjoni u koordinazzjoni, il-kundizzjonijiet, kriterji u standardijiet tekniċi għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tal-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent għall-proġetti li huma koperti mill-Anness II ta' l-imsemmija Direttiva.
18 Id-DPR ittieħed għat-twettiq ta' l-Artikolu 40(1), tal-liġi Nru 146/1994.
19 L-Artikolu 1(3) tad-DPR jippreċiża:
"Il-proġetti previsti fl-Anness A huma suġġetti għall-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent."
20 L-Artikolu 3(1) tad-DPKM, li jimmodifika l-ewwel verżjoni ta' l-Anness A tad-DPR, huwa fformulat kif ġej:
"Fl-Anness A tad-DPR tat-12 ta' April 1996, il-punti (i), (1) […] għandhom jiġu ssostitwiti b'dan li ġej:
i) Installazzjonijiet ta' eliminazzjoni u rkupru ta' l-iskart perikoluż permezz ta’ operazzjonijiet previsti fl-Anness B u fl-Anness C, punti R 1 sa R 9, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22 tal-5 ta' Frar 1997 [iktar 'il quddiem id-"Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997"], bl-esklużjoni ta' installazzjonijiet ta' rkupru suġġetti għall-proċeduri ssemplifikati previsti fl-Artikoli 31 u 33 ta' l-istess Digriet Leġiżlattiv […].
l) Installazzjonijiet ta' eliminazzjoni u rkupru ta' l-iskart perikoluż b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum, permezz ta’ operazzjonijiet ta' inċinerazzjoni jew ta' trattament previsti fl-Anness B, punt D 2 u D 8 sa D 11, kif ukoll fl-Anness C, punti R 1 sa R 9, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22[1997], bl-esklużjoni ta' installazzjonijiet ta' rkupru suġġetti għall-proċeduri ssemplifikati previsti fl-Artikoli 31 u 33 ta' l-istess Digriet Leġiżlattiv […].''
21 ID- Id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997, li jiddeskrivu l-karatteristiċi ta’ l-iskart u l-attivitajiet li jistgħu jibbenefikaw mill-proċedura ssemplifikata, ġew adottati fid-dawl tat-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442. Dawn l-istess dispożizzjoniet kienu s-suġġett ta' miżuri ta' applikazzjoni meħuda skond id-Digriet tal-Ministeru għall-Ambjent, tal-5 ta' Frar 1998, dwar l-identifikazzjoni ta' l-iskart mhux perikoluż suġġett għall-proċedura ssemplifikata ta' rkupru skond l-Artikoli 31 u 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22 tal-5 ta' Frar 1997 (supplement ordinarju Nru 72 tal-GURI Nru 88, tas-16 ta' April 1998).
Il-proċedura prekontenzjuża
22 B' B'ittri tat-22 ta' Awwissu u tat-12 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni talbet xi informazzjoni lill-awtoritajiet Taljani dwar l-applikazzjoni ta' proċeduri previsti mid-Direttiva 85/337 lil żewġ proġetti ta' installazzjoni industrijali fit-territorju ta' Massafra, jiġifieri installazzjoni ta' produzzjoni ta' enerġija elettrika bl-inċinerazzjoni ta' KJS, kif ukoll ta' biomassa u kif ukoll ta' installazzjoni għall-għażla ta' skart solidu urban u l-produzzjoni ta' KJS.
23 L-awtoritajiet Taljani indikaw li eskludew il-proġetti in kwistjoni mill-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent fil-każ fejn huma koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Anness A(l) tad-DPR, kif emendata mill-Artikolu 3(l) tad-DPKM.
24 Fid-dawl tar-risposti hekk ipprovduti mill-Gvern Taljan, li hija qieset li kienu insodisfaċenti, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura kontenzjuża b'ittra ta' intimazzjoni inizjali tat-18 ta' Ottubru 2002, kompluta b'ittra tal-11 ta' Lulju 2003, li fihom irreferu għan-nuqqasijiet relattivi għat-trattament irriżervat għall-installazzjoni industrijali ta' Massafra u għal-leġiżlazzjoni Nazzjonali stess.
25 Barra minn hekk, bl-opinjoni motivata tas-16 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Taljana tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tikkonforma ruħha ma’ l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 85/337, f'terminu ta' xahrejn minn meta tirċievi din l-opinjoni.
26 Peress li l-Kummissjoni qieset li l-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Taljan f'ittra tat-22 ta' April 2004 kienet insodisfaċenti, hija ressqet, taħt it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 226 KE, dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
27 Skond il-Kummissjoni, l-installazzjoni ta’ l-inċineratur ta’ Massafra, li għandu kapaċita li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum, jaqa’ taħt l-Anness I, punt 10, tad-Direttiva 85/337, u bħala tali, kellu, qabel ma jiġi awtorizzat, ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ stima ta’ l-impatt fuq l-ambjent.
28 Hija ssostni, b’mod iktar ġenerali, li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża Taljana, billi tissuġġetta ċerti installazzjonijiet ta’ rkupru ta’ skart għall-proċeduri speċifiċi previsti fl-Artikoli 31 u 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997, għandu bħala effett li jneħħi xi installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4(1) u (2) ta' din id-Direttiva.
29 Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-installazzjonijiet koperti mill-Anness II tad-Direttiva 85/337 u, b’mod partikolari dawk previsti fil-punt 11(b) ta’ din ta’ l-aħħar, għandhom, f’dak li jirrigwarda l-eliminazzjoni jew l-irkupru ta’ skart, mill-inqas jiġu suġġetti għall-proċedura ta’ determinazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2), ta’ l-imsemmija Direttiva.
30 Il-Kummissjoni tindika li, skond id-Direttiva 75/442, fil-verżjoni inizjali tagħha, it-terminu ˝eliminazzjoni˝ jkopri kemm l-operazzjonijiet ta’ eliminazzjoni finali kemm l-operazzjonijiet ta’ rkupru. Hija tenfasizza li l-identiċità tat-termini użati fil-verżjonijiet inizjali tad-Direttivi 75/442 u 85/337 u tiddeduċi li, billi adotta d-Direttiva ta’ l-aħħar, il-legiżlatur Komunitarji ried neċessarjament jissuġġetta ċerti operazzjonijiet ta’ rkupru ta’ skart għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ stima ta' l-impatt fuq l-ambjent.
31 Skond din l-istituzzjoni, il-kunċett ta’ "eliminazzjoni" previst fl-Anness I, punti 9 u 10 u fl-Anness II, punt 11(b) tad-Direttiva 85/337 jkopri kemm l-eliminazzjoni f’sens strett kif ukoll l-attivitajiet ta’ rkupru.
32 Il-Kummissjoni żżid li hija ma tipperċepixxix liema differenza tista’ teżisti, mill-perspettiva ta’ l-impatt fuq l-ambjent, bejn il-kostruzzjoni fuq territorju ddeterminat ta’ installazzjoni li twettaq operazzjonijiet ta’ rkupru ta’ skart u dik ta’ installazzjoni li twettaq operazzjonijiet ta’ eliminazzjoni ta’ skart. Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 75/442 tipprevedi li tissuġġetta għall-kontroll, b’ċerti differenzi, kemm l-attivitajiet ta’ eliminazzjoni, kemm dawk ta' rkupru, bil-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent.
33 I Ir-Repubblika Taljana ma tirikonoxxix in-nuqqas ikkonstatat peress li l-installazzjonijiet kontenzjużi jipproċedu għall-irkupru ta’ skart u huma suġġetti għal proċeduri ssemplifikati implementati mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997. Billi jistabbilixxi, minn naħa, rabta bejn id-Direttiva 85/337 u d-Direttiva 75/442 fir-rigward tat-termini tekniċi użati u billi jirreferi, min-naħa l-oħra, ghat-test stess ta’ l-Anness I, punti 9 u 10, u għal dak ta’ l-Anness II, punt 11(b), tad-Direttiva 85/337, li jirrigwarda unikament il-kunċett ta’ l-eliminazzjoni ta’ l-iskart, ir-Repubblika Taljana ssostni li d-Direttiva ta’ l-aħħar hija applikabbli biss għall-installazzjonijiet li jeffettwaw l-eliminazzjoni ta’ l-iskart, u teskludi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-installazzjonijiet li jipproċedu ghall-irkupru ta' dawn ta’ l-aħħar.
34 Ir-Repubblika Taljana ssostni wkoll li l-emendi magħmula lid-Direttiva 75/442 mid-Direttiva 91/156 kellhom bħala l-għan li jistabbilixxu terminoloġija komuni u definizzjoni ta’ skart armonizzata li tippermetti l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti li jirrigwardaw, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Komunitarju, l-iskart. Isegwi li, fejn id-Direttiva 97/11 issemmi l-kunċett ta’ skart, it-termini u d-definizzjonijiet li hija tuża neċessarjament isegwu l-leġiżlazzjoni proprja għal dan is-settur, jiġifieri d-Direttiva 91/156.
35 Il-Gvern Taljan isostni, barra minn hekk li, fejn, fir-rigward ta’ l-irkupru ta' l-iskart, l-emissjonijiet ma jaqbżux il-limiti awtorizzati mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, ma jkunx neċessarju li jipproċedu għall-implementazzjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni fil-każ fejn l-irkupru ta’ l-iskart ikollu huwa stess il-għan li jipproteġi l-ambjent.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
36 L-Istati membri għandhom jagħtu lid-Direttiva 85/337 eżekuzzjoni li tikkorispondi kompletament għall-eżiġenzi li hija teżiġi fid-dawl ta’ l-għan essenzjali tagħha, li huwa, kif ukoll jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, li qabel l-għotja ta’ awtorizzazzjoni, il-proġetti li jistgħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-dimensjonijiet jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-impatt tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 52).
37 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 huwa estiż u l-għan tagħha huwa wiesa' ħafna (ara s-sentenzi ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punti 31 u 39, u tas-16 ta' Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-227/01, Ġabra p. I-8253, punt 46).
Fuq l-ilment dwar in-nuqqas ta' sottomissjoni għall-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent u l-installazzjoni ta' produzzjoni ta' enerġija elettrika bl-inċinerazzjoni tal-KJS u l-biomassa ta' Massafra
38 Fl-istat taFl-istat tal-leġiżlazzjoni Taljana, l-installazzjoni ta' inċinerazzjoni ta' KJS u tal-biomassa ta' Massafra huwa meqjus li huwa installazzjoni ta' rkupru ta' skart mhux perikoluż b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum, suġġett għall-proċeduri ssemplifikati bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997, li jipprevedi li jittrasponi l-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442. Il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-klassifikazzjoni magħmula mid-Direttiva 85/337, dan jirrigwarda installazzjoni ta' eliminazzjoni ta' skart mhux perikoluż b'inċinerazzjoni jew trattament kimiku, skond l-Anness I, punt 10, tad-Direttiva 85/337.
39 Il-Qorti għandha, sabiex jiġi evalwat il-mertu ta' dan l-ilment, tippronunzja ruħha qabel kollox dwar il-portata legali tal-kunċett ta' eliminazzjoni ta' l-iskart skond id-Direttiva 85/337 fir-rigward ta' dan l-istess kunċett kif inkluż mid-Direttiva 75/442.
40 Hu Huwa kostanti li l-Direttiva 85/337 ma tagħti l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta' eliminazzjoni ta' skart, filwaqt li l-Annessi I u II tagħha jirreferu biss għal ċerti installazzjonijiet ta' eliminazzjoni tagħha. Barra minn hekk, huwa wkoll kostanti li d-Direttiva 75/442 ma fihiex definizzjoni ġenerali tal-kunċetti ta' eliminazzjoni u ta’ rkupru ta’ l-iskart u tillimita ruħha, billi tagħmel riferiment għall-Anness II A u II B, li fihom huma elenkati l-operazzjonijiet differenti li huma koperti minn wieħed jew ieħor minn dawn il-kunċetti (ara s-sentenza tas-27 ta' Frar 2002, ASA, C-6/00, Ġabra p. I-1961, punt 58).
41 Barra minn hekk, il-karatteristika essenzjali ta' operazzjoni ta’ rkupru ta' skart, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 75/442, kif ukoll mir-raba' premessa tiegħu, tinsab fil-fatt li l-għan prinċipali tagħha huwa li l-iskart jista' jwettaq funzjoni utli, billi jissostitwixxu l-użu ta' materjal ieħor li kellu jintuża għal din il-funzjoni, ħaġa li tippermetti l-preżervazzjoni tar-riżorsi naturali (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ASA, iċċitata iktar 'il fuq, punt 69; tat-13 ta' Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-458/00, Ġabra p. I-1553, punt 36, u tas-7 ta' Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-103/02, Ġabra p. I-9127, punt 62).
42 TaliTali karatteristika ma tirrigwardax il-konsegwenzi fuq l-ambjent li jistgħu jkollhom l-operazzjonijiet ta' l-irkupru ta’ l-iskart fihom infushom. Fil-fatt, kif ukoll jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 sa 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, jistgħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent. Barra minn hekk, id-Direttiva 75/442 tobbliga, fl-Artikolu 4 tagħha, li l-Istati membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-iskart jiġi rkuprat jew eliminat mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jintużaw proċeduri jew metodi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent.
43 Fl-Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-leġiżlatur Komunitarju qies li kien neċessarju, fid-Direttiva 85/337, li jistabbilixxi rabta mad-Direttiva 75/442, huwa għamel dan espressament. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, fejn, fl-Anness I, punti 9 u 10, ta' l-imsemmija Direttiva, jagħmel riferiment għat-trattament kimiku kif iddefinit fl-Anness II A, punt D 9, tad-Direttiva 75/442. Issa, ma sar ebda riferiment ta' din in-natura fir-rigward ta' l-eliminazzjoni stess ta' dan l-iskart.
44 Għaldaqstant, għandu jitqies li l-kunċett ta' eliminazzjoni ta' l-iskart fis-sens tad-Direttiva 85/337 huwa kunċett awtonomu li għandu jirċievi aċċettazzjoni tali li tikkorispondi kompletament għall-għan segwit minn dan it-test, kif imfakkar fil-punt 36 ta' din is-sentenza. Għaldaqstant, dan il-kunċett, li mhuwiex ekwivalenti għal dak ta' l-eliminazzjoni ta’ l-iskart fis-sens tad-Direttiva 75/442, għandu jinftiehem lato sensu bħala li jkopri l-operazzjonijiet kollha li jwasslu kemm għall-eliminazzjoni ta' l-iskart, fis-sens strett tat-terminu, kemm għall-irkupru tiegħu.
45 BħalaKonsegwentement, l-istabbiliment li jinsab f'Massafra, li jiġġenera l-elettriku mill-inċinerazzjoni tal-biomassa u l-KJS u li jiddisponi minn kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum, jaqa' taħt il-kategorija ta' installazzjonijiet li jipproċedu għall-eliminazzjoni ta' skart mhux perikoluż bl-inċinerazzjoni jew trattament kimiku previst fl-Anness I, punt 10 tad-Direttiva 85/337. Bħala tali, kellu jiġi suġġett, qabel ma ġie awtorizzat, għall-proċedura ta' stima ta' l-impatt tiegħu fuq l-ambjent, peress li l-proġetti li jaqgħu taħt dan l-Anness I għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni sistematika b’applikazzjoni ta' l-Artikoli 2(1) u 4(1) ta' l-imsemmija Direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-431/92, Ġabra p. I-2189, punt 35).
46 Fi Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li, billi eżenta mill-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent l-installazzjoni f'Massafra, iddestinata għall-inċinerazzjoni tal-KJS u tal-biomassa b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum u li taqa’ taħt l-Anness I, punt 10, tad-Direttiva 85/337, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikoli 2(1) u 4(1) ta' l-imsemmija Direttiva.
Fuq l-ilment relattiv għall-adozzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tad-DPKM, li jemenda l-Anness A(i) u (l) tad-DPR, li jeskludi mill-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent ċerti proġetti koperti mill-Anness I tad-Direttiva 85/337 (proġetti ta' installazzjonijiet iddestinati għall-irkupru ta’ l-iskart perikoluż u ta' skart mhux perikoluż b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum) jekk ikunu s-suġġett ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni ssemplifikata fis-sens ta' l-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442
47 JirrJirriżulta mill-Anness A (i) u (l) tad-DPR li kemm l-installazzjonijiet ta' rkupru ta' skart perikoluż permezz ta' l-operazzjonijiet previsti fl-Anness B u l-Anness C, punti R 1 sa R 9, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997, irregolat mill-proċeduri ssemplifikati, kemm l-installazzjonijiet ta’ rkupru ta' skart mhux perikoluż, b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum permezz ta' operazzjonijiet ta' inċinerazzjoni jew trattament kimiku previsti fl-Anness B, punti D 2 u D 8 sa D 11, kif ukoll fl-Anness C, punti R 1 sa R 9, ta' l-istess Digriet Legiżlattiv, li jaqgħu taħt l-istess proċeduri ssemplifikati, mhumiex suġġetti għall-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent.
48 Fi Fir-rigward tal-portata tal-kunċett ta' eliminazzjoni ta' skart fis-sens tad-Direttiva 85/337, kif ippreċiżat fil-punt 44 ta' din is-sentenza, jidher li fost il-proġetti hekk suġġetti għall-proċeduri ssemplifikati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jidhru xi installazzjonijiet li, għalkemm jipproċedu għall-irkupru ta’ l-iskart, jaqgħu taħt il-kategorija ta' installazzjonijiet ta' eliminazzjoni ta' skart perikoluż bl-inċinerazzjoni jew trattament kimiku skond l-Anness I, punt 9, ta' l-istess test kif ukoll tal-kategorija ta' installazzjonijiet ta' eliminazzjoni ta' skart mhux perikoluż b'inċinerazzjoni jew trattament kimiku skond l-Anness I, punt 10, ta' l-istess test.
49 Issa, tali installazzjonijiet ma jistgħux jevitaw il-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent peress li, kif ukoll intqal fil-punt 45 tas-sentenza preżenti, il-proġetti elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 85/337 huma suġġetti b'mod obbligatorju għal tali stima la jistgħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent.
50 BħKonsegwentement, billi adotta l-Artikolu 3(1) tad-DPKM, li jemenda l-Anness A (i) u (l) tad-DPR, li jippermetti li proġetti ddestinati għall-irkupru ta' skart perikoluż u ta' skart mhux perikoluż b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 85/337 ikunu jistgħu jevitaw il-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent prevista mill-Artikoli 2(1) u 4(1) tagħha, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-imsemmija Direttiva.
Fuq l-ilment dwar l-adozzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tad-DPKM, li jemenda l-Anness A (i) u (l) tad-DPR li, sabiex jiġi ddeterminat jekk proġett li jaqa’ taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337 għandux jiġi suġġett għal stima ta' l-impatt fuq l-ambjent, tistabilixxi kriterju mhux adegwat
51 Kif ukoll intqal fil-punt 47 tas-sentenza preżenti, jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata li l-proġetti ta’ rkupru ta' skart perikoluż jew mhux perikoluż suġġett għall-proċeduri ssemplifikati jevitaw kull proċedura ta' stima ta' l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. L-installazzjonijiet ta' rkupru ta' skart koperti mill-punt 11(b) ta' l-Anness II tad-Direttiva 85/337 jistgħu jidhru fost dawn il-proġetti.
52 Skond il-Kummissjoni, il-kriterju stabbilit mill-awtoritajiet Taljani sabiex jeskludu l-installazzjonijiet ta’ rkupru ta' skart previsti fl-imsemmi Anness II mill-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent, jiġifieri s-suġġettar għall-proċeduri ssemplifikati previsti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997, mhuwiex adegwat fil-każ fejn jista' jeskludi l-imsemmija stima ta' proġetti li għandhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent.
53 F' F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu l-kriterji u/jew il-limiti li jippermettu li jiġi ddeterminat liema proġetti jaqgħu taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni inizjali tagħha. Madankollu, id-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati membri ssib il-limiti tagħha fl-obbligu, li huwa espress fl-Artikolu 2(1), ta' l-imsemmija Direttiva li jissuġġetta għal studju ta’ l-impatt dawk il-proġetti li jistgħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, b'mod partikolari minħabba n-natura tagħhom, id-dimensjonijiet jew il-post fejn jinsabu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Kraaijeveld et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50, u tas-16 ta' Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-332/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 76). Barra minn hekk, fl-iffissar tal-limiti u/jew kriterji tagħhom, l-Istati membri għandhom jikkunsidraw mhux biss id-dimensjoni tal-proġetti, iżda wkoll in-natura u l-post fejn jinsabu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 65, u tas-16 ta' Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 76).
54 Barra minn hekk, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 85/337, l-Istati membri għandhom l-obbligu li jikkunsidraw, fl-iffissar tal-limiti jew tal-kriterji, il-kriterji ta' selezzjoni rilevanti ddefiniti fl-Anness III tagħha, (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 79).
55 L-L-Anness III tad-Direttiva 85/337 jiddistingwi, minn fost il-kriterji ta' selezzjoni previsti fl-Artikolu 4(3), fl-ewwel lok, il-karatteristiċi tal-proġetti, li għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari billi jitqiesu d-daqs tal-proġett, il-kumulazzjoni ma' proġetti oħra, l-użu tar-riżorsi naturali, il-produzzjoni ta' l-iskart, it-tniġġiż u l-inkonvenjenzi, ir-riskju ta' inċidenti, fit-tieni lok, irid jiġi kkunsidrat il-post fejn jinsab il-proġett, jiġifieri trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali taż-żoni ġeografiċi li x'aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jiġu kkunsidrati b'mod partikolari l-użu eżistenti ta' l-art, u l-kapaċità ta’ assorbiment ta’ l-ambjent naturali, kif ukoll, fit-tielet lok, il-karatteristiċi ta' l-impatt potenzjali b'mod partikolari fir-rigward taż-żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni affettwata.
56 Fir-rigward ta' l-użu tal-proċeduri ssemplifikati, previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22/1997, adottati fid-dawl tat-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442, għandu jiġi rrilevat li l-eżenzjoni, għall-istabbilimenti u l-impriżi kkonċernati, mill-obbligu li tingħata awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu għall-irkupru ta' skart, liema awtorizzazzjoni bħala prinċipju hija meħtieġa fl-istadju ta' implementazzjoni ta' l-ipproċessar tat-trattament ta’ l-iskart b’applikazzjoni ta' l-Artikolu 10 ta' l-imsemmija Direttiva, mhuwiex applikabbli ħlief bil-kundizzjonijiet ippreċiżati fl-Artikoli 4 u 11(1) tagħha.
57 JiJirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet ta' l-aħħar li, fl-ewwel lok, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw ir-regoli ġenerali għal kull tip ta' attività, jiffissaw it-tip u l-kwantità ta' skart kif ukoll il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-attività tiġi eżentata mill-awtorizzazzjoni. Fit-tieni lok, it-tip jew il-kwantità ta’ l-iskart u l-mod ta’ rkupru għandu jkun tat-tip li ma jipperikolax is-saħħa tal-bniedem u li ma jiġux użati proċeduri jew metodi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent, u b'mod partikolari mingħajr ma jinħolqu riskji għall-ilma, l-arja, l-art, il-pjanti u l-annimali, mingħajr ma jikkawżaw inkonvenjent bil-ħsejjes u bl-irwejjaħ, u mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta' interess speċjali.
58 GħaldaqstaBarra minn hekk, billi teskludi mill-istima ta' l-impatt fuq l-ambjent li għandha ssir qabel ma tinqata' d-deċiżjoni ta' l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lis-sid tal-kostruzzjoni sabiex iwettaq il-proġett dawk il-proġetti ta' installazzjonijiet li jwettqu l-operazzjonijiet ta’ rkupru ta' skart fuq il-bażi tal-proċedura ssemplifikata, il-leġiżlazzjoni Taljana ma tiħux in kunsiderazzjoni l-kriterji ta' għażla ppreċiżati fl-Anness III tad-Direttiva 85/337.
59 BBKonsegwentement, il-kriterju użat mil-leġiżlazzjoni Taljana, li ssegwi esklużivament l-implementazzjoni tal-proċeduri ssemplifikati, sabiex jeżentaw l-installazzjonijiet għall-irkupru ta' skart li jaqgħu taħt id-Direttiva 85/337 mill-istima ta' l-impatt tagħhom fuq l-ambjent ma jikkorrispondix għall-eżiġenzi mfakkra fil-punti 53 sa 55 ta' din is-sentenza sa fejn jista' jwassal li proġetti li jistgħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent minħabba d-daqs, jew il-post fejn jinsabu jevitaw l-istudju ta' l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni hija tali li tagħmel ħsara lill-għan tad-Direttiva 85/337, kif jippreċiża l-punt 36 ta' l-istess sentenza.
60 FFid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru qabel, għandu jiġi kkonstat li, billi adottat l-Artikolu 3(1) tad-DPKM, li jimmodifika l-Anness A (i) u (l) tad-DPR, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk proġett li jaqa' taħt id-Direttiva 85/337 għandux jiġi ssuġġettat għal stima ta' l-impatt fuq l-ambjent, stabbilixxiet kriterju mhux adegwat peress li jista' jeskludi mill-imsemmija stima dawk il-proġetti li għandhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi li għandha skond l-Artikoli 2(1) u 4(2) u (3) ta' l-imsemmija Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
61 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi
1) – Billi eżentat mill-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent l-installazzjoni li tinsab f'Massafra, iddestinata għall-inċinerazzjoni ta' kombustibbli dderivati minn skart u mill-biomassa b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum, li taqa' taħt l-Anness I, punt 10, tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill, 97/11/KE, tat-3 ta' Marzu 1997,
– billi billi adottat l-Artikolu 3(1) tad-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tat-3 ta' Settembru 1999, intitolat "Att ta’ orjentazzjoni u koordinazzjoni li jikkompleta l-att ta’ orjentazzjoni u koordinazzjoni ta' qabel għall-implementazzjoni ta' l-Artikolu 40(1) tal-liġi Nru 146 tat-22 ta' Frar 1994, dwar id-dispożizzjonijiet relattivi għall-istima ta' l-impatt fuq l-ambjent", li jemenda l-Anness A (i) u (l) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika tat-12 ta'April 1996, intitolat "Att ta' orjentazzjoni u koordinazzjoni għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 40(1) tal-Liġi Nru 146, tat-22 ta' Frar 1994, dwar id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta' stima ta' l-effetti ambjentali", li jippermetti li proġetti ddestinati għall-irkupru ta' skart perikoluż u mhux perikoluż b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 85/337, kif emendata mid-Direttiva 97/11, jevitaw il-proċedura ta' stima ta' l-impatt fuq l-ambjent prevista fl-Artikoli 2(1) u 4(1) ta' l-imsemmija Direttiva u,
– billi adottat l-Artikolu 3(1) tad-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tat-3 ta' Settembru 1999, li sabiex jiġi ddeterminat jekk proġett li jaqa' taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337, kif emendata mid-Direttiva 97/11, għandux jiġi ssuġġettat għal stima ta' l-impatt fuq l-ambjent, stabilixxiet kriterju mhux adegwat peress li jista' jeskludi mill-imsemmija stima proġetti li għandhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent,
ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi li għandha skond l-Artikoli 2(1) u 4(1), (2) u (3) ta' l-imsemmija Direttiva.
2) Ir-Repubblika Taljana hija ordnata tbati l-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy