SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
tad-9 ta' Marzu 2006 (*)
"Trasferiment ta' impriża – Direttiva 77/187/KEE – Żamma tad-drittijiet ta' l-impjegati – Ftehim kollettiv applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment [ċedent] u għall-impjegat meta jseħħ it-trasferiment"
Fil-kawża C-499/04
li għandha bħala suġġett domanda għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Düsseldorf (Il-Ġermanja), permezz ta' Deċiżjoni tat-8 ta' Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Diċembru 2004, fil-proċedura
Hans Werhof
vs
Freeway Traffic Systems GmbH & Co. KG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský (Relatur), J.-P. Puissochet, S. von Bahr u U. Lõhmus, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta' Ottubru 2005,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Hans Werhof, minn R. Buschmann, Assessor,
– għal Freeway Traffic Systems GmbH & Co. KG, minn A. Löffler, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Rozet u F. Hoffmeister, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Novembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE ta' l-14 ta' Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati maż-żamma tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi (ĠU L 61, p. 26, iktar 'il quddiem "id-Direttiva")
2 Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-sur Werhof (iktar 'il quddiem "l-applikant") u l-Freeway Traffic Systems GmBH & Co. KG (iktar 'il quddiem "il-konvenuta"), dwar l-applikazzjoni ta' ftehim kollettiv.
Il-Kuntest Ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi:
"1. Id-drittijiet u l-obbliġi taċ-ċedent li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment skond l-Artikolu 1(1) għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment [ċessjonarju].
[...]
2. Wara t-trasferiment skond l-Artikolu 1(1), iċ-ċessjonarju għandu jżomm il-kundizzjonijiet miftiehma fil-ftehim kollettiv fl-istess kundizzjonijiet applikabbli għaċ-ċedent, sa' meta l-ftehim kollettiv jiġi rexiss jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.
L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu taż-żamma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol sakemm dan ma jkunx anqas minn sena." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 Dawn id-dispożizzjonijiet ġew essenzjalment riprodotti mill-emendi magħmula mid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad-29 ta' Ġunju 1998, li temenda d-Direttiva 77/187 (ĠU L 201, p. 88), li t-terminu ta' traspożizzjoni tagħha kien jiskadi fis-17 ta' Lulju 2001.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 3 tad-Direttiva ġie traspost fid-dritt Ġermaniż permezz ta' l-Artikolu 613a(1) tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar 'il quddiem il-"BGB"), li għandu l-ewwel u t-tieni sentenzi tiegħu fformulati kif ġej:
"Jekk ikun hemm trasferiment, permezz ta' att ġuridiku, ta' impriża jew ta' parti minn impriża lil proprjetarju ieħor, dan ta' l-aħħar għandu jassumi d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta' impjieg li jkunu jeżistu meta jseħħ it-trasferiment. Jekk dawn id-drittijiet u obbligi huma regolati minn normi ġuridiċi ta' ftehim kolletiv jew minn ftehim ta' impriża, dawn id-drittijiet u obbligi jiġu inkorporati fir-relazzjonijiet ta' impieg bejn il-proprjetarju l-ġdid u l-impjegat u ma jistgħux jiġu emendati għad-dannu ta' l-impjegat qabel ma tgħaddi sena mid-data tat-trasferiment".
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 L-applikant ġie impjegat mill-kumpannija DUEWAG AG sa' mill-1 ta' April 1985. Skond il-kuntratt ta' l-impieg, ir-relazzjoni ta' impjieg kellha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv ġenerali u mill-ftehim fuq il-pagi fis-seħħ għall-industrija ta' l-azzar, tal-metalli u ta' l-elettriku ta' Rhénanie-du-Nord-Westphalie.
7 Dan il-ftehim ġie konkluż bejn il-federazzjoni ta' l-industriji tal-metalli u ta' l-elettriku ta' Rhénanie-du-Nord-Westphalie (iktar 'il quddiem "AGV") u s-sindakat ta' l-industrija tal-metall (iktar 'il quddiem "IG Metall"). Meta l-applikant ġie impjegat, il-kumpannija DUEWAG AG kienet membru ta' l-AGV.
8 Fl-1 ta' April 1999, din il-kumpannija saret, wara trasformazzjoni, il-kumpannija Siemens DUEWAG GmBH. Fl-1 ta' Ottubru 1999, din ta' l-aħħar ċediet lill-konvenuta l-parti ta' l-impriża tagħha fejn kien jaħdem l-applikant. Il-konvenuta mhija membru ta' l-ebda' federazzjoni ta' min iħaddem li kkonkludiet ftehim kollettiv.
9 Permezz tal-ftehim ta' impriża konkluż fit-2 ta' Awwissu 2001, il-konvenuta laħqet ftehim mal-kumitat ta' l-impriża dwar tabella ta' klassifikazzjoni ta' l-impjegati li kienet ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv imsemmi iktar 'il fuq. Fit-13 ta' Awwissu 2001, il-konvenuta kkonkludiet ftehim ta' impriża ieħor li kien jipprovdi għall-ħlas uniku tal-pagi.
10 Bl-ittra ta' l-istess jum, l-applikant iddikjara li għal dan il-ħlas uniku huwa kien qiegħed jirrinunzja definittivament, għal dak li jirrigwarda l-konvenuta, għad-drittijiet kollha individwali li huwa seta' eventwalment ikollu f'dak li jirrigwarda ż-żieda fil-pagi skond ftehim kollettiv li kien japplika għall-perijodu qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim. Fid-29 ta' Awwissu 2001, il-konvenuta kkonkludiet ma' l-applikant ftehim supplementari għall-kuntratt ta' l-impjieg, li jgħid li l-applikant kellu jirċevi l-paga bażika tal-kategorija tal-pagi 8 flimkien ma' bonus ta' produzzjoni (performance bonus).
11 Fit-23 ta' Mejju 2002, IG Metall u AGV ikkonkludew ftehim kollettiv ġdid għall-industrija tal-metall u ta' l-elettriku ta' Rhénanie-du-Nord-Westphalie, li kien jipprovdi, sa' mill-1 ta' Ġunju 2003, għal żieda fil-pagi ta' 2.6 % u għal bonus supplementari.
12 L-applikant ressaq rikors quddiem l-Arbeitsgericht Wuppertal sabiex il-konvenuta tiġi kkundannata tħallsu, sa' mill-1 ta' Ġunju 2003, id-differenza bejn il-paga bażika tiegħu u l-ammont previst mill-ftehim kollettiv tat-23 ta' Mejju 2002, kif ukoll il-bonus supplementari previst minn dan il-ftehim. Din it-talba ġiet miċħuda bid-deċiżjoni tas-7 ta' Jannar 2004.
13 L-applikant ressaq appell quddiem il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf. Din il-qorti tqis li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Bundesarbeitsgericht (il-qorti federali tax-xogħol), l-applikant ma jistax jibbaża t-talbiet tiegħu fuq l-Artikolu 613a(1) tal-BGB. Madankollu peress li għandha dubji dwar il-konformità ta' din il-ġurisprudenza ma' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/50, il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Huwa kompatibbli, ma l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/50 […] li temenda d-Direttiva 77/187 […], il-fatt li ċ-ċessjonarju – li ma jkunx suġġett għal ftehim kollettiv – ikun marbut minn ftehim konkluż bejn iċ-ċedent – li jkun suġġett għal ftehim kollettiv – u l-impjegat, li jipprovdi li għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv fis-seħħ li jorbtu liċ-ċedent, b'tali mod li jkunu applikabbli d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv fis-seħħ meta jseħħ it-trasferiment ta' l-impriża, iżda mhux dawk ta' ftehim kollettiv li jidħol fis-seħħ wara?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva:
Huwa kompatibbli, ma' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/50, il-fatt li ċ-ċessjonarju – li ma jkunx suġġett għal ftehim kollettiv – ikun marbut mid-dispożizzjonijiet ta' ftehim kollettiv li jidħol fis-seħħ wara d-data tat-trasferiment ta' l-impriża biss safejn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu japplikaw ukoll għaċ-ċedent?"
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
14 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-qorti ta' rinviju tagħmel domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, hekk kif emendata mid-Direttiva 98/50.
15 Issa, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-konsegwenzi ġuridiċi ta' trasferiment ta' parti minn impriża li sseħħ fl-1 ta' Ottubru 1999, jiġifieri f'data fejn it-terminu ta' traspożizzjoni tad-Direttiva 98/50 kien għadu ma skadiex (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Novembru 2004, Delahaye, C-425/02, Ġabra p. I-10823, punt 28).
16 Għalhekk mhuwiex meħtieġ, fil-kuntest tad-domandi magħmula, li tiġi kkunsidrata d-Direttiva hekk kif emendata mid-Direttiva 98/50.
Fuq l-ewwel domanda
17 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta' rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ ta' trasferiment ta' impriża u fejn ikun hemm kuntratt ta' impjieg li jirreferi għal ftehim kollettiv li għalih huwa suġġett iċ-ċedent iżda mhux iċ-ċessjonarju, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċessjonarju mhuwiex marbut minn ftehim kollettiv li jsir wara dak li kien fis-seħħ meta seħħ l-imsemmi trasferiment.
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
18 L-applikant isostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta kuntratt ta' impjieg individwali jkun jinkludi klawżola li tirreferi għall-ftehim kollettiv konkluż għal qasam iddeterminat, din il-klawżola għandha neċessarjament natura "dinamika" u, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, tirreferi għall-ftehim kollettiv konkluż wara d-data tat-trasferiment ta' l-impriża (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Settembru 2000, Collino u Chiappero, C-343/98, Ġabra p. I-6659, punt 53, u tas-6 ta' Novembru 2003, Martin et., C-4/01, Ġabra p. I-12859, punti 29, 48 u 54). Għaldaqstant, tali interpretazzjoni tad-Direttiva tirriżulta mis-sens u mill-għan tagħha, jiġifieri l-protezzjoni ta' l-impjegati fil-każ fejn ikun hemm bdil fil-proprjetà ta' l-impriża u b'mod partikolari l-garanzija taż-żamma tad-drittijiet tagħhom.
19 Il-konvenuta u l-Gvern Ġermaniż, min-naħa l-oħra, iqisu li huwa applikabbli biss il-ftehim kollettiv fis-seħħ meta sar it-trasferiment. Jekk dan mhux il-każ, jiġifieri jekk il-ftehim kollettiv li daħal fis-seħħ wara d-data tat-trasferiment huwa applikabbli għal min iħaddem, li ma ħax sehem fin-negozjati, dan jikkostitwixxi xkiel għal-libertà kuntrattwali ta' min iħaddem, ekwivalenti għal esproprjazzjoni. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta' libertà ta’ assoċjazzjoni, li jinkludi d-dritt, għal min iħaddem, li ma jagħmilx parti minn federazzjoni jew sindakat. Fl-aħħar nett, mill-għan u mill-formulazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva għandu jiġi konkluż li huma biss id-drittijiet u l-obbligi li ċ-ċedent ikollu, bis-saħħa ta' kuntratt tax-xogħol li kien fis-seħħ meta sar it-trasferiment, li jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju.
20 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, li huwa intiż għaż-żamma tad-drittijiet ta' l-impjegati miksuba kollettivament u li jimponi lil min iħaddem li jżomm ir-relazzjoni ta' l-impjieg irregolata minn ftehim kollettiv, fih żewġ dispożizzjonijiet li japplikaw għall-każ in eżami.
21 Minn naħa, konformement mal-"klawżola ta' ekwivalenza" li tirrendi l-ftehim kollettiv konkluż miċ-ċedent applikabbli għall-kuntratt ta' impjieg, l-obbligu taċ-ċessjonarju li jkompli jħallas lill-applikant il-paga li ċ-ċedent kien ftiehem b'mod individwali, kif ukoll il-bonusijiet supplementari li kienu previsti mill-ftehim kollettiv, jibqa' jgħodd "sad-data tar-rexissjoni jew ta' l-iskadenza" ta' dan il-ftehim. Il-Kummissjoni tqis li l-ftehim kollettiv il-ġdid, konkluż fit-23 ta' Mejju 2002, issostitwixxa sa' mill-1 ta' Ġunju 2003 l-ftehim kollettiv li minħabba t-trasferiment kien jorbot liċ-ċessjonarju, b'tali mod li dan ta' l-aħħar ma kienx marbut aktar minn dan il-ftehim sa' mill-1 ta' Ġunju 2003.
22 Min-naħa l-oħra, peress li d-dritt li jiġi limitat il-perijodu ta' żamma tal-kundizzjonijiet ta' impjieg, previst mit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, ġie traspost fid-dritt Ġermaniż permezz tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 613a(1) tal-BGB, il-konvenuta kellha kull dritt li tinħeles mill-obbligu tagħha li tirrispetta l-ftehim kollettiv qabel l-iskadenza ta' dan ta' l-aħħar, wara perijodu ta' sena li jibda' jiddekorri mit-trasferiment.
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
23 L-ewwel nett, hemm lok li jiġi mfakkar, b'mod ġenerali, li kuntratt huwa kkaratterizzat mill-prinċipju ta' l-awtonomija tal-volontà, li b'mod partikolari jgħid li l-partijiet huma ħielsa li jikkommettu ruħhom lejn xulxin. Skond dan il-prinċipju, u f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn il-konvenuta ma hija membru fl-ebda' federazzjoni ta' min iħaddem u ma hija marbuta minn ebda' ftehim kollettiv, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn tali ftehim kollettiv għalhekk ma japplikawx, bħala prinċipju, fir-rigward tagħha. Jekk dan ma jkunx il-każ, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ikun ksur tal-prinċipju li jgħid li l-kuntratti ma jistgħux jimponu obbligi fuq terzi.
24 Madankollu, fil-kuntest ta' trasferiment ta' impriża u tal-konsegwenzi li dan ikollu jġib fuq ir-relazzjonijiet ta' l-impjieg, applikazzjoni ħielsa tal-prinċipju msemmi iktar 'il fuq tista' ġġib magħha d-deterjorament tad-drittijiet li l-impjegat għandu bis-saħħa tal-kuntratt ta' l-impjieg tiegħu u tal-ftehim kollettiv li tagħhom kien parti ċ-ċedent, iżda mhux iċ-ċessjonarju. Huwa għalhekk li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jiggarantixxi lill-impjegati, meta jkun hemm trasferiment ta' impriża, protezzjoni speċifika intiża biex tilqa' għad-deterjorament li jista' jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-imsemmi prinċipju.
25 Barra minn dan, mill-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan tad-Direttiva huwa li jiggarantixxi ż-żamma tad-drittijiet ta' l-impjegati, fil-każ ta' bdil fit-tmexxija ta' impriża, billi tippermettilhom li jibqgħu jaħdmu taħt it-tmexxija l-ġdida bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftehma maċ-ċedent (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Frar 1988, Daddy's Dance Hall, 324/86, Ġabra p. 739, punt 9; tal-25 ta' Lulju 1991, d'Urso et., C-362/89, Ġabra p. I-4105, punt 9; u tat-12 ta' Novembru 1998, Europièces, C-399/96, Ġabra p. I-6965, punt 37).
26 Hija wkoll ġurisprudenza kostanti li r-regoli tad-Direttiva għandhom jiġu kkunsidrati bħala obbligatorji, fis-sens li mhuwiex permess li jkun hemm deroga minnhom li tkun ta' żvantaġġ għall-impjegati (ara s-sentenza tas-6 ta' Novembru 2003, Martin et., iċċitata iktar 'il fuq, punt 39). Minn dan isegwi li l-kuntratti u r-relazzjonijiet ta' impjieg li kienu jeżistu, meta seħħ it-trasferiment ta' impriża, bejn iċ-ċedent u l-impjegati ta' l-impriża li ġiet ittrasferita jiġu awtomatikament mgħoddija miċ-ċedent liċ-ċessjonarju sempliċement minħabba l-fatt li kien hemm it-trasferiment ta' l-impriża (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi d'Urso et., iċċitata iktar 'il fuq, punt 20, u ta' l-14 ta' Novembru 1996, Rotsart de Hertaing, C-305/94, Ġabra p. I-5927, punt 18).
27 F'dan il-każ, il-kuntratt ta' impjieg li kellu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirreferi, f'dak li jikkonċerna l-pagi, għal ftehim kollettiv. Din il-klawżola tal-kuntratt ta' l-impjieg hija prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva. Għalhekk, skond l-imsemmija Direttiva, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim kollettiv li jirreferi għalih il-kuntratt ta' l-impjieg jiġu awtomatikament ittrasferiti lill-proprjetarju l-ġdid, anke jekk, bħal fil-kawża prinċipali, dan ta' l-aħħar ma jkunx parti fil-ftehim kollettiv. Għalhekk, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim kollettiv ikomplu jorbtu lill-proprjetarju l-ġdid wara t-trasferiment ta' l-impriża.
28 F'dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, klawżola li tirreferi għal ftehim kollettiv ma jistax ikollha portata aktar wiesgħa minn dik tal-ftehim li għalih hija tirreferi. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva li jillimita l-prinċipju ta' l-applikabbiltà tal-ftehim kollettiv li jirreferi għalih il-kuntratt ta' impjieg.
29 Minn naħa, il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg irregolati minn dan il-ftehim kollettiv jinżammu biss sad-data tar-rexissjoni jew ta' l-iskadenza tiegħu, jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta' ftehim kollettiv ieħor. Għalhekk, bl-ebda' mod ma' jirriżulta mid-Direttiva li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jorbot liċ-ċessjonarju bi ftehim kollettiv ieħor barra minn dak fis-seħħ meta sar it-trasferiment u, konsegwentement, jimponi emendi oħra għall-kundizzjonijiet ta' l-impjieg bl-applikazzjoni ta' ftehim kollettiv ġdid konkluż wara t-trasferiment. Tali kunsiderazzjoni hija wkoll konformi ma' l-għan ta' l-imsemmija Direttiva, li tillimita ruħha li żżomm id-drittijiet u l-obbligi ta' l-impjegati li jkunu fis-seħħ fil-ġurnata tat-trasferiment. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva ma kinitx maħsuba sabiex tipproteġi sempliċi aspettattivi u, għaldaqstant, il-benefiċċji ipotetiċi li jistgħu jirriżultaw minn bidliet futuri tal-ftehim kollettiv.
30 Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu ta' żamma tal-kundizzjonijiet ta' l-impjieg li jirriżultaw mill-ftehim kollettiv, bil-kundizzjoni li dan il-perijodu ma jkunx anqas minn sena. Din l-aħħar limitazzjoni hija, f'ċertu sens, sussidjarja għaliex tista' tiġi applikata jekk, fit-terminu ta' sena wara t-trasferiment, ma jseħħu l-ebda' waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin iktar 'il fuq, jiġifieri, ir-rexissjoni jew l-iskadenza tal-ftehim kollettiv eżistenti, id-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta' ftehim kollettiv ġdid.
31 Barra minn dan, għalkemm, konformement ma' l-għan tad-Direttiva, għandhom jiġu protetti l-interessi ta' l-impjegati kkonċernati mit-trasferiment, madankollu ma jistgħux jiġu mxekkla dawk taċ-ċessjonarju, li għandu jkun fil-pożizzjoni li jagħmel l-aġġustamenti u t-tibdiliet meħtieġa għat-tkomplija ta' l-attività tiegħu.
32 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, għandu jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta' l-unità ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju, li jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni sekondarja Komunitarja tiġi interpretata skond il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-1 ta' April 2004, Borgmann, C-1/02, Ġabra p. I-3219, punt 30).
33 Għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta' libertà ta' assoċjazzjoni, li jinkludi wkoll id-dritt li wieħed ma jisseħibx ma' sindakat (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Sigurjónsson vs L-Islanda tat-30 ta' Ġunju 1993, serje A Nru 264, § 35, u Gustafsson vs L-Iżvezja, tal-25 ta' April 1996, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 1996-II, p.637, § 45) huwa kkonsakrat fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950, u jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma protetti mill-ordni ġuridiku Komunitarju (sentenza tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 79), kif ifakkar l-Artikolu 6(2) UE (ara s-sentenza tas-6 ta' Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, Ġabra p. I-1611).
34 Kieku tiġi aċċettata l-interpretazzjoni "dinamika", sostnuta mill-applikant, tal-klawżola kuntrattwali ta' referenza msemmija fil-punt 19 ta' din is-sentenza, dan ikun jimplika li l-ftehim kollettiv futur ikun applikabbli għaċ-ċessjonarju, li mhuwiex parti mill-ftehim kollettiv, u li d-dritt fundamentali tiegħu li ma jisseħibx ma' sindakat jista' jiġi mxekkel.
35 Bil-kontra ta' dan, l-interpretazzjoni "statika" ta' l-imsemmija klawżola, sostnuta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Ġermaniż, tippermetti li jiġi evitat li ċ-ċessjonarju, li ma jkunx parti fil-ftehim kollettiv, ikun marbut bit-tibdiliet futuri ta' dan ta' l-aħħar. Id-dritt tiegħu li ma jisseħibx ma sindakat huwa għalhekk iggarantit.
36 F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikant ma jistax isostni li klawżola li tidher f'kuntratt ta' impjieg individwali u li tirreferi għall-ftehim kollettiv konkluż f'qasam determinat neċessarjament għandha natura "dinamika" u tirreferi, bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, għall-ftehim kollettiv konkluż wara d-data tat-trasferiment ta' l-impriża.
37 Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li, fejn kuntratt ta' impjieg jirreferi għal ftehim kollettiv li jorbot liċ-ċedent, iċ-ċessjonarju, li mhuwiex parti għal tali ftehim, ma jkunx marbut minn ftehim kollettiv konkluż wara dak li kien fis-seħħ meta sar it-trasferiment ta' l-impriża.
Fuq it-tieni domanda
38 Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, ta' l-14 ta' Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati maż-żamma tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li, fejn kuntratt ta' impjieg jirreferi għal ftehim kollettiv li jorbot liċ-ċedent, iċ-ċessjonarju, li mhuwiex parti għal tali ftehim, ma jkunx marbut minn ftehim kollettiv konklużi wara dak li kien fis-seħħ meta sar it-trasferiment ta' l-impriża.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy