SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Settembru 2007
Kawża T-249/04
Philippe Combescot
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Obbligu ta’ assistenza – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera għas-sena 2001/2002 – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ interess ġuridiku – Rikors għad-danni”
Suġġett : Rikors intiż, minn naħa, għar-rikonoxximent ta’ l-illegalità ta’ l-imġieba tas-superjuri ġerarkiċi tar-rikorrent, għar-rikonoxximent tad-dritt ta’ dan ta’ l-aħħar għal assistenza u għall-annullament tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrent għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2002 u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ kumpens għad-danni subiti mir-rikorrent.
Deċiżjoni : Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Sommarju
1. Proċedura – Rappreżentanza tal-partijiet
2. Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Proċedura prekontenzjuża
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
3. Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
4. Uffiċjali – Rikors – Talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
5. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Eżistenza ta’ diverġenzi bejn uffiċjal u s-superjur ġerarkiku tiegħu
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 14 u 43)
6. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
7. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
8. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
9. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
1. Ir-regoli proċedurali applikabbli quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jipprekludux li parti tistabbilixxi mandat uniku li jkopri diversi kawżi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li fihom hija għandha l-intenzjoni li tipparteċipa u, konsegwentement, li l-istess mandat jitressaq mir-rappreżentant ikkonċernat fil-kuntest ta’ diversi rikorsi.
(ara l-punt 22)
2. Uffiċjal li jkollu l-intenzjoni li jikkontesta att li jolqot lilu jista’ jippreżenta direttament ilment lill-Awtorità tal-Ħatra skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u, wara, jekk l-ilment tiegħu jiġi miċħud, jista’ jressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fejn jitlob l-annullament ta’ l-att li jolqot lilu, il-ħlas ta’ kumpens jew it-tnejn li huma.
Min-naħa l-oħra, jekk l-uffiċjal jallega dannu li ma jirriżultax minn att li jolqot lilu, jista’ biss jibda l-proċedura billi jressaq talba quddiem l-Awtorità tal-Ħatra skond l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li r-rifjut tiegħu jkun jikkostitwixxi deċiżjoni li tolqot lilu u li kontriha huwa jkun jista’ jressaq ilment, li jekk ikun il-każ, jista’ jkun suġġett ta’ rikors għal annullament u/jew ta’ rikors għad-danni.
L-invokazzjoni, minn uffiċjal, tad-dritt tiegħu għall-assistenza mhuwiex dirett kontra att li jolqot lilu u b’hekk ma tistax tiġi kkwalifikata bħala lment skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Din tikkostitwixxi talba skond l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, indipendentement mit-titolu tagħha, fejn l-għażla ta’ l-uffiċjal ma tistax torbot lill-Qorti tal-Prim’Istanza.
(ara l-punti 30 sa 32)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 14 ta’ Frar 2005, Ravailhe vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑406/03, ĠabraSP p. I‑A‑19 u II‑79, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Lulju 2006, Andrieu vs Il-Kummissjoni, T‑285/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 133, u l-ġurisprudenza ċċitata
3. Sabiex uffiċjal irtirat ikun jista’ jressaq rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, huwa jrid ikollu interess personali fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
Rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera, bħala dokument intern li huwa primarjament intiż sabiex jassigura lill-amministrazzjoni informazzjoni perjodika fuq l-andament tas-servizz tagħha mill-uffiċjali tagħha, għandu rwol importanti fl-iżvolġiment tal-karriera ta’ uffiċjal, essenzjalment fil-qasam ta’ trasferiment u ta’ promozzjoni. Għaldaqstant, bħala prinċipju, dan jolqot biss l-interess tal-persuna kkonċernata sat-tmiem definittiv tal-funzjonijiet tagħha.
Għaldaqstant, hija inammissibbli t-talba għall-annullament ta’ rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera mressqa minn uffiċjal irtirat u li huwa intitolat għall-benefiċċju ta’ pensjoni minħabba invalidità permanenti u totali wara li tressaq ir-rikors, peress li, minn naħa waħda, id-deċiżjoni dwar l-irtirar saret definittiva u, min-naħa l-oħra, xejn ma jindika li hemm probabbiltà ta’ xi titjib fl-istat tas-saħħa tiegħu li jippermetti l-introduzzjoni mill-ġdid tiegħu fis-servizz ta’ l-istituzzjoni.
Madankollu, għalkemm ma fadallu l-ebda interess leġittimu sabiex jikseb l-annullament tar-rapport, il-persuna kkonċernata għad għandha interess li titlob li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tar-rapport fil-kuntest ta’ talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għall-ħsara professjonali, fiżika u morali li huwa jqis li ġarrab minħabba l-aġir ta’ l-istituzzjoni kkonċernata.
(ara l-punti 36 sa 38 u 47)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 1990, Moritz vs Il-Kummissjoni, T‑20/89, Ġabra p. II‑769, punt 18; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Frar 1995, Moat vs Il-Kummissjoni, T‑112/94, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑135, punt 26; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Mejju 1997, Contargyris vs Il-Kunsill, T‑6/96, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑357, punt 32; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Novembru 1998, N vs Il-Kummissjoni, T‑97/94, ĠabraSP p. I‑A‑621 u II‑1879, punti 25 u 26, u l-ġurisprudenza ċċitata
4. Ir-regola ġurisprudenzjali li tgħid li l-inammissibbiltà ta’ talba għal annullament twassal għal dik tat-talba għad-danni, li hija marbuta mill-qrib mat-talba għal annullament, għandha espressament l-iskop li tevita li uffiċjal li ma jkunx ikkontesta fil-ħin deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tolqot lilu, ma jevitax din id-dekadenza billi jressaq rikors għar-responsabbiltà bbażat fuq l-allegata illegalità ta’ din id-deċiżjoni.
Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ talba għal kumpens għall-ħsara allegatament imġarrba minħabba l-illegalità ta’ rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera kkontestat fil-ħin b’rikors għal annullament, il-fatt li t-talba għal annullament saret inammissibbli wara l-preżentata tar-rikors għal raġuni indipendenti mir-rieda tar-rikorrent, jiġifieri l-irtirar tiegħu, ma jwassalx għall-inammissibbiltà tat-talba għad-danni. Fil-fatt, il-fatt li t-talba għad-danni tiġi ddikjarata bħala ammissibbli m’għandux il-konsegwenza li jippermetti lir-rikorrent li jevita perijodu ta’ dekadenza li skada minħabba li ma jkunx irrispetta l-proċedura xierqa sabiex jitlob l-annullament ta’ l-att li qiegħed jinvoka l-illegalità tiegħu.
(ara l-punti 43, 44 u 46)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Diċembru 1966, Schreckenberg vs Il-Kummissjoni, 59/65, Ġabra p. 785, 797 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Diċembru 1967, Collignon vs Il-Kummissjoni, 4/67, Ġabra p. 469, 480; Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il-Kummissjoni, 9/75, Ġabra p. 1171, punt 11; Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Ottubru 1987, Schina vs Il-Kummissjoni, 401/85, Ġabra p. 3911, punti 10 u 13; Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punti 31 u 34; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, Ġabra p. II‑1173, punt 76
5. Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li d-diverġenzi bejn l-uffiċjal u s-superjur ġerarkiku tiegħu jistgħu joħolqu ċerta irritazzjoni lis-superjur ġerarkiku, minnha nnfisha, din l-eventwalità ma timplikax li dan ma jibqax f’pożizzjoni li jevalwa l-meriti ta’ l-interessat b’mod oġġettiv.
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li teżisti ċerta irritazzjoni min-naħa tas-superjur ġerarkiku fil-konfront ta’ uffiċjali li qed jiġi evalwat, fil-kuntest tas-sistema ta’ evalwazzjoni stabbilita mill-Kummissjoni permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-intervent tal-koevalwatur u tal-validatur jista’ jibbilanċja l-effett ta’ din iċ-ċirkustanza. Fil-fatt, is-sistema li tipprevedi l-intervent tal-validatur fil-proċess ta’ evalwazzjoni għandha titqies bħala garanzija li hija kapaċi telimina riskju eventwali ta’ kunflitt ta’ interessi min-naħa ta’ l-evalwatur.
(ara l-punti 71 u 75)
Referenza: Il-Qorti ts’ Prim’Istanza 23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑185, punt 188; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Lulju 2005, De Bry vs Il-Kummissjoni, T‑157/04, ĠabraSP p. I‑A‑199 u II‑901, punt 46
6. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-persuni inkarigati bl-evalwazzjoni tax-xogħol tal-persuna evalwata b’tagħha. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet Komunitarji jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tax-xogħol ta’ l-uffiċjali tagħhom. Id-deċiżjonijiet ta’ mertu meħuda dwar l-uffiċjali fir-rapporti dwar l-iżvilupp tal-karriera huma esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju, li jiġi eżerċitat biss fuq l-eventwali irregolaritajiet fil-forma, l-iżbalji ta’ fatt ċari li jolqtu l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni, kif ukoll fuq l-eventwali abbuż ta’ poter.
(ara l-punt 78)
Referenza: Andrieu vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 99, u l-ġurisprudenza ċċitata
7. Il-fatt li fil-kummentarji tiegħu miġbura f’rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera, evalwatur ma jkun irrefera la għall-awtoevalwazzjoni ta’ l-uffiċjal evalwat u lanqas għar-rapport intern li jirrigwarda x-xogħol tas-servizz tiegħu, ma jistax jistabbilixxi nuqqas ta’ imparzjalità min-naħa ta’ l-evalwatur jew inkella jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa ta’ l-istituzzjoni kkonċernata.
Fil-fatt, minn naħa waħda, il-fatt waħdu li fil-kummentarji tagħha ma semmietx il-komponenti kollha ta’ l-awtoevalwazzjoni, minnhu nnifsu mhuwiex bizzejjed sabiex jipprova li istituzzjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha tal-każ. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni stess jitlef kull raġuni għalfejn jeżisti jekk l-uffiċjal evalwat ikollu rwol kbir fih u li kieku l-evalwatur kellu sempliċement jirrifjuta l-affermazzjonijiet ta’ l-imsemmi uffiċjal.
Min-naħa l-oħra, rapport li nkiteb għal skopijiet differenti mill-evalwazzjoni ta’ l-uffiċjali mhuwiex, bħala regola ġenerali, element li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni mill-evalwatur waqt it-tfassil ta’ rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera.
(ara l-punti 81 sa 83)
Referenza: Andrieu vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 92
8. L-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva r-rapporti ta’ l-iżvilupp tal-karriera b’mod suffiċjenti u fid-dettall. Kura partikolari għandha tingħata lill-motivazzjoni f’ċerti sitwazzjonijiet.
Evalwatur mhuwiex marbut li jagħti motivazzjoni iktar dettaljata lil rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera billi jindika eżempji konkreti sabiex jibbaża l-kunsiderazzjonijiet ta’ valur tiegħu. Lanqas ma huwa marbut li jimmotiva l-għażla tiegħu li jinjora l-awtoevalwazzjoni magħmula mill-uffiċjal evalwat.
(ara l-punti 84 u 86)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, T‑16/03, ĠabraSP p. I‑A‑261 u II‑1163, punti 49, 50, 53 u 54
9. Id-diversi kategoriji ta’ evalwazzjoni ta’ rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera mhumiex totalment indipendenti waħda mill-oħra. Fil-fatt, il-kompetenzi ta’ uffiċjal kif ukoll l-aġir tiegħu normalment ikollhom effett fuq ir-riżultat tagħhom. Madankollu, peress li fatturi oħra jistgħu jolqtu l-kwalità ġenerali tal-prestazzjonijiet, mhuwiex eskluż li uffiċjal ikun, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, inqas tajjeb f’qasam milli f’oħrajn u li, konsegwentement, rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera jkun jista’ jinvolvi evalwazzjoni pożittiva fuq suġġett u evalwazzjonijiet negattivi ħafna fuq suġġetti oħrajn.
(ara l-punt 87)
Full & Egal Universal Law Academy