SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)
3 ta’ Mejju 2007
Kawża T-343/04
Vassilios Tsarnavas
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Uffiċjali – Rapport ta’ evalwazzjoni – Invalidità – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Rikors għal danni – Inammissibbiltà”
Suġġett : Rikors li għandu bħala suġġett, minn naħa, talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ l-evalwatur ta’ l-appell ta’ l-4 ta’ Awwissu 2003, li tistabbilixxi r-rapport ta’ evalwazzjoni definittiv tar-rikorrent għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1997 sat-30 ta’ Ġunju 1999, u min-naħa l-oħra, talba għal kumpens għal danni morali li r-rikorrent bata minħabba dewmien sakemm tlesta r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu u għal fastidju morali li tiegħu kien vittma.
Deċiżjoni : Id-deċiżjoni ta’ l-evalwatur ta’ l-appell ta’ l-4 ta’ Awwissu 2003 li tistabbilixxi r-rapport ta’ evalwazzjoni definittiv tar-rikorrent għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1997 sat-30 ta’ Ġunju 1999 hija annullata. Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.
Sommarju
1. Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43, 90 u 91)
2. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
3. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
1. Sabiex uffiċjal, jew persuna li qabel kienet uffiċjal, ikun jista’ jippreżenta rikors skond l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ li jkollu interess personali fl-annullament ta’ l-att ikkontestat. Dan l-interess jiġi evalwat fil-mument tal-preżentata tar-rikors.
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni, dokument intern li għandu rwol importanti fl-iżvilupp tal-karriera ta’ l-uffiċjal, bħala prinċipju ma jaffettwax l-interess tal-persuna evalwata ħlief sal-waqfien definittiv tal-funzjonijiet tagħha. Wara dan il-waqfien, l-uffiċjal m’għandux aktar interess li jsegwi rikors ippreżentat kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni, ħlief sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza partikolari li tiġġustifika interess personali u attwali sabiex jikseb l-annullament tar-rapport in kwistjoni.
Tikkostitwixxi tali ċirkustanza partikolari l-fatt li l-amministrazzjoni, fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla r-rifjut ta promozzjoni ta’ l-uffiċjal, ikollha teżamina mill-ġdid il-merti tagħha matul il-perijodu kkonċernat, u għalhekk ir-rapport ta’ evalwazzjoni in kwistjoni jista’ jkollu rilevanza fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid.
(ara l-punti 54, 56, 58 u 59)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 29 ta’ Ottubru 1975, Marenco et vs Il-Kummissjoni, 81/74 sa 88/74, Ġabra p. 1247, punt 6 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja 30 ta’ Mejju 1984, Picciolo vs Il-Parlament, 111/83, Ġabra p. 2323, punt 29; Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Marzu 1989, Del Plato vs Il-Kummissjoni, 126/87, Ġabra p. 643, punt 18 ; Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Diċembru 1992, Moritz vs Il-Kummissjoni, C-68/91 P, Ġabra p. I‑6849, punt 16 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 1990, Moritz vs Il-Kummissjoni, T-20/89, Ġabra p. II‑769, punt 15 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Ġunju 1992, Turner vs Il-Kummissjoni, T-49/91, Ġabra p. II‑1855, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Diċembru 1993, Moat vs Il-Kummissjoni, T‑58/92, Ġabra p. II‑1443, punt 31 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑557/93, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑603, punt 30 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Diċembru 1996, X vs Il-Kummissjoni, T-130/95, ĠabraSP p. I‑A‑603 u II‑1609, punt 45; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 31 ta’ Mejju 2005, Dionyssopoulou vs Il-Kunsill, T-105/03, ĠabraSP p. I-A-137,II-621, punt 20 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Ġunju 2005, Ross vs Il-Kummissjoni, T-147/04, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑771, punti 24 u 25 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T-132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 54 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Diċembru 2005, Rounis vs Il-Kummissjoni, T-274/04, ĠabraSP p. I‑A‑407 u II‑1849, punti 19 u 24
2. Fil-kuntest tas-sistema ta’ evalwazzjoni stabbilita mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, stabbiliti minn din l-istituzzjoni, li jimponu l-konsultazzjoni, qabel ma jiġi stabbilit l-ewwel abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni, tas-superjuri ġerarkiki immedjati ta’ l-uffiċjal, u, fil-każ ta’ uffiċjal li jirrappreżenta l-persunal jew sindakat, tal-grupp ad hoc ta’ evalwazzjoni, dan mhuwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex iwassal għall-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jekk jiġi satbbilit li l-evalwatur, fl-aħħar analiżi, għamel dawn il-konsultazzjonijiet qabel ma ġie stabbilit ir-rapport ta’ evalwazzjoni definittiv.
(ara l-punti 66 u 68)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Novembru 2003, Lebedef vs Il-Kummissjoni, T-326/01, ĠabraSP p. I‑A‑273 u II‑1317, punti 54 u 58; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il-Kummissjoni, T-95/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 83
3. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu bħala l-ewwel funzjoni li jassigura lill-amministrazzjoni informazzjoni perjodika kompluta daqs kemm huwa possibbli dwar il-kundizzjonijiet ta’ twettiq tas-servizz tagħhom mill-uffiċjali tagħha. Dan ma jistax, bħala prinċipju, jissodisfa din il-funzjoni b’mod verament komplut jekk il-persuni li taħt l-awtorità tagħhom l-uffiċjal in kwistjoni eżerċita l-funzjonijiet tiegħu matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni mhumiex ikkonsultati minn qabel u li jitqiegħdu fil-pożizzjoni li jressqu quddiemha eventwali osservazzjonijiet. Isegwi li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni ta’ superjur ġerarkiku fil-kuntest tar-redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal jikkostitwixxi irregolarità sostanzjali ta’ natura li tivvizzja l-validità tar-rapport ta’ evalwazzjoni.
Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni f’sens kuntrarju fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati minn istituzzjoni, il-kunċett ta’ superjur ġerarkiku immedjat huwa relatat mal-persuna li taħt l-awtorità immedjata tagħha l-uffiċjal evalwat ikun effettivament eżerċita l-funzjonijiet tiegħu matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni, anki jekk, fin-nuqqas ta’ ħatra uffiċjali, din kienet subordinazzjoni de facto.
(ara l-punti 69 sa 72, 82 u 83)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ Lulju 1980, Grassi vs Il-Kunsill, 6/79 u 97/79, Ġabra p. 2141, punt 20 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il-Kummissjoni, T-63/89, Ġabra p. II‑19, punt 27 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Settembru 2003, McAuley vs Il-Kunsill, T-165/01, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑963, punti 51 u 52
Full & Egal Universal Law Academy