SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)
6 ta’ Ġunju 2007
Kawża T-432/04
Walter Parlante
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2003 – Rifjut ta’ promozzjoni – Assenjazzjoni tal-punti ta’ promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Trattament ugwali – Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Aspettattivi leġittimi”
Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għal annullament, minn naħa, ta’ deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tal-5 ta’ Lulju 2004 li tiċħad l-ilment tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni ta’ l-istess awtorità li rrifjutatlu l-promozzjoni għall-grad C1 għas-sena ta’ promozzjoni 2003 u, min-naħa l-oħra, safejn huwa neċessarju, tad-deċiżjoni li kienet is-suġġett ta’ dan l-ilment.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Sommarju
1. Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 45(1))
2. Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))
3. Uffiċjali – Promozzjoni – Wegħdiet
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))
1. Anki fil-kuntest ta’ sistema ta’ promozzjoni bħal dik stabbilita mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikoli 43 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni, fejn in-numru ta’ punti akkumulati mill-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni huwa determinanti għall-promozzjoni tagħhom, iċ-ċirkustanza li l-għoti ta’ ċerti punti ta’ promozzjoni jirriżulta mill-kompetenza tad-diretturi ġenerali jew mid-diretturi mhijiex, fiha nnfisha, inkompatibbli mal-ħtieġa li ssir kunsiderazzjoni wiesgħa tal-merti ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni fuq livell istituzzjonali, b’mod konformi mal-prinċipji tat-trattament ugwali ta’ l-uffiċjali u tal-prospetti tal-karriera. Fil-fatt, minn naħa, l-intervent tagħhom fil-proċedura ta’ promozzjoni jippermetti t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-elementi speċifiċi għad-direttorat ġenerali tagħhom jew direttorat, li tagħhom għandhom konoxxenza permezz ta’ konsultazzjonijiet ta’ superjuri ġerarkiċi diversi, u t-tqegħid f’perspettiva unika tar-rapporti dwar l-iżvilupp ta’ karriera ta’ uffiċjali differenti eliġibbli għal promozzjoni, li ġew stabbiliti minn evalwaturi differenti. Min-naħa l-oħra, b’kunsiderazzjoni għan-numru kunsiderevoli ta’ uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni għal kull grad, sistema bħal din, fejn l-evalwazzjoni tal-merti ta’ l-uffiċjali magħmula fuq livelli differenti tal-ġerarkija hija espressa f’termini ta’ punti ta’ promozzjoni, għandha l-għan li tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra li tiddisponi minn sorsi ta’ informazzjoni u ta’ informazzjoni simili dwar il-merti ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni. B’hekk, din tissodisfa l-ħtieġa li ssir kunsiderazzjoni tal-merti tal-kandidaturi komparabbli b’attenzjoni u imparzjalità, fl-interess tas-servizz u b’mod konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
2. Fir-rigward, b’mod aktar partikolari, tal-metodu ta’ assenjazzjoni tal-punti ta’ prijorità għad-dispożizzjoni tad-direttorati ġenerali sabiex jikkumpensa, għall-finijiet tal-promozzjoni, lill-uffiċjali li jiddistingwu ruħhom permezz tal-merti tagħhom, fi ħdan kull direttorat ġenerali, dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli ma’ l-eżistenza ta’ kunsiderazzjoni wiesgħa tal-merti, skond l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, u mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, l-evalwazzjoni ta’ aspetti bħal dawn tal-merti ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni għandha neċessarjament issir fir-rigward ta’ l-uffiċjali li jappartjenu għall-istess direttorat ġenerali, il-ħtieġa ta’ kunsiderazzjoni wiesgħa tkun issodisfata fl-istadju tal-paragun, mill-Awtorità tal-Ħatra, tat-totalità tan-numru ta’ punti ta’ promozzjoni akkumulati mill-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni, indipendentement mid-direttorat ġenerali fejn huma assenjati. F’din is-sitwazzjoni, iċ-ċirkustanza fejn in-numru ta’ dawn il-punti ta’ prijorità għad-dispożizzjoni tad-Direttorati Ġenerali hija ffissatta skond in-numru ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni prevista fi ħdanhom għandha l-għan li tevita żieda inflazzjonarja tan-numru ta’ punti ta’ prijorità mogħtija għal kull direttorat ġenerali u b’hekk tassigura komparabbiltà tal-punti ta’ promozzjoni u trattament ugwali bejn l-uffiċjali li jappartjenu għad-direttorati ġenerali differenti.
Fir-rigward tas-sitwazzjoni fejn, minħabba b’mod partikolari l-karatteristiċi ta’ direttorat ġenerali, l-applikazzjoni pura u sempliċi tal-kwota ta’ dawn il-punti ta’ prijorità timpedixxi milli jsir kumpens b’mod adegwat tal-merti ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni, hija l-Awtorità tal-Ħatra, fl-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tagħha fil-qasam tal-promozzjoni, li għandha tassigura l-osservanza ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-għoti ta’ numru indeterminat ta’ punti ta’ prijorità barra mill-kwota, wara appell ippreżentat mill-uffiċjali kkonċernati, din tista’ tikkostitwixxi miżura adegwata f’dan ir-rigward.
Fir-rigward tas-sistema tal-medja mmirata, indikata lill-evalwaturi għall-finijiet ta’ assenjazzjoni tal-punti ta’ mertu li tirriżulta minn noti u evalwazzjoni tar-rapport dwar l-iżvilupp ta’ karriera, jekk huwa minnu li għandha bħala konsegwenza li dawn ir-rapporti huma paragunabbli, fl-ewwel lok, internament fid-direttorat ġenerali u li huwa biss fit-tieni lok li n-numru totali tal-punti ta’ promozzjoni akkumulati huwa paragunabbli mal-livell globali tal-Kummissjoni, sistema bħal din hija għandha tiġi diskussa, peress li ssegwi għan leġittimu, jiġifieri dak li telimina s-suġġettività li tirriżulta mill-evalwazzjonijiet magħmula minn evalwaturi differenti, u, b’konsegwenza, għandha b’mod partikolari bħala funzjoni li tassigura komparabbiltà aħjar tar-rapporti ta’ l-uffiċjali li jappartjenu għal direttorati ġenerali differenti. B’hekk, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mal-ħtieġa tal-kunsiderazzjoni wiesgħa tal-merti.
F’dan ir-rigward, jekk l-applikazzjoni rigoruża tal-medja mmirata għall-każijiet tad-direttorati ġenerali li għandhom numru limitat ħafna ta’ uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni f’grad speċifiku, u li, b’konsegwenza, ma jammontawx għal kampjun rappreżentattiv li jirrefletti r-realtà l-aktar komunement osservata, hija ta’ tip li toħloq distorsjoni fil-kunsiderazzjoni tar-rapporti dwar l-iżvilupp ta’ karriera komparabbli fil-livell tal-Kummissjoni, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ dan l-artikolu, adottati minn din l-istituzzjoni, madankollu jippermettu lill-Awtorità tal-Ħatra li tagħti deċiżjoni dwar l-appelli għal kunsiderazzjoni mill-ġdid ippreżentati mill-uffiċjali, u għall-Kumitati ta’ promozzjoni, li jistgħu jannullaw eċċezzjonalment it-tnaqqis tal-kwota tal-punti ta’ promozzjoni ta’ direttorat ġenerali li tkun qabżet il-medja mmirata, li jieħdu in kunsiderazzjoni sitwazzjonijiet speċifiċi meta dawn iseħħu u li jassiguraw li r-rapport rappreżentattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali ta’ grad speċifiku f’direttorat ġenerali, fil-forma ta’ punti ta’ mertu, ma jkunx rifless, b’mod inġustifikat, fis-sitwazzjoni individwali ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni, fir-rigward ta’ punti ta’ prijorità attribwit għal kull direttorat ġenerali.
(ara l-punti 56, 59 sa 61, 63 sa 68, 71, 72 u 74 sa 77)
Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-10 ta’ Lulju 1992, Mergen vs Il-Kummissjoni, T‑53/91, Ġabra p. II‑2041, punt 36 ; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑557/93, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑603, punt 22 ; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-16 ta’ Settembru 1998, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑234/97, ĠabraSP p. I‑A‑507 u II‑1533, punt 24; Il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Ottubru 2000, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni, T‑187/98, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑885, punt 61 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Frar 2000, Rose vs Il-Kummissjoni, T‑22/99, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑115, punt 57 ; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-9 ta’ Lulju 2002, Callebaut vs Il-Kummissjoni, T‑233/01, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑625, punt 46 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il-Kummissjoni, T‑188/01 sa T‑190/01, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑495, punt 121; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata
3. Id-dispożizzjonijiet tranżitorji implementati permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni, li jippermettu lid-direttorati ġenerali li jassenjaw, għall-proċedura ta’ promozzjoni 2003, sa erba’ punti ta’ prijorità speċjali supplementari sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni l-uffiċjali proposti fl-eżerċizzju preċedenti, iżda mhux promossi, fil-limitu ta’ 150 % mill-possibbilitajiet ta’ promozzjoni ta’ l-imsemmija proċedura, ma jmorrux kontra l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-assenjazzjoni ta’ dawn il-punti, li mhijiex obbligatorja u li ma twassalx awtomatikament għal promozzjoni, għandha l-għan li tassigura, b’mod tranżitorju, il-passaġġ minn sistema ta’ promozzjoni għal oħra u tikkostitwixxi mod adegwat li permezz tiegħu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-uffiċjali diġà kienu s-suġġett ta’ proposta għal promozzjoni fil-kuntest tal-proċedura preċedenti, u dan kollu in kunsiderazzjoni tal-limitazzjonijiet tal-baġit relatati ma’ l-impjieg disponibbli fil-kuntest tal-proċedura għal 2003.
Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma huma ta’ ħsara għall-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, peress li l-punti ta’ prijorità speċjali supplementari għandhom bħala funzjoni li jikkumpensaw lill-uffiċjali li tassew ħaqqhom mertu b’mod partikolari fi ħdan direttorat ġenerali minħabba l-merti li wrew fil-passat mingħajr madankollu ma ġew promossi, dawn l-uffiċjali ma jinstabux f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ l-uffiċjali l-oħra li ma ġewx proposti għall-promozzjoni matul il-proċedura preċedenti, fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-merti tagħhom. Huma lanqas ma jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ l-uffiċjali proposti għall-promozzjoni matul il-proċedura preċedenti, iżda mhux promossi, li, minħabba l-limitu ta’ 150 % tal-possibbiltajiet ta’ promozzjoni ta’ l-imsemmija proċedura, ma jistgħux jingħataw dawn il-punti, peress li l-merti ta’ dawn ta’ l-aħħar, hekk kif evalwati mid-direttorati ġenerali matul il-proċedura preċedenti, huma inferjuri għal dawk ta’ l-ewwel, f’liema ordni l-uffiċjali tpoġġew fil-listi ta’ proposti skond l-evalwazzjoni tal-merti tagħhom mid-direttorat ġenerali fejn huma assenjati. F’dan ir-rigward, il-fatt li n-numru ta’ l-uffiċjali li setgħu jibbenefikaw minn dawn il-punti jvarja skond d-daqs tad-direttorati ġenerali ma jammontax għal ksur tal-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni. Għall-kuntrarju, it-trattament ugwali bejn l-uffiċjali kkonċernati tad-direttorati ġenerali differenti huwa ggarantit preċiżament mill-fatt li l-limitu in kwistjoni huwa espress f’perċentwali tal-possibbiltajiet ta’ promozzjoni tal-proċedura preċedenti u b’hekk jippermetti li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-differenzi eżistenti bejn id-direttorati ġenerali fir-rigward tan-numru ta’ uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni fi ħdan kull wieħed minnhom.
(ara l-punti 91, 92, 94 sa 97 u 106 sa 110)
4. Wegħda ta’ promozzjoni ta’ uffiċjal, peress li kienet tikkostitwixxi effett tal-proċedura ta’ promozzjoni preċedenti, anki jekk ikkunsidrata stabbilita, ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi fih, peress li din tkun ġiet mogħtija mingħajr ma ttieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet statutorji applikabbli, bi ksur ta’ l-obbligu li jsir eżami komparattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali li huma eliġibbli għal promozzjoni kif previst fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.
(ara l-punt 122)
Referenza:
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-26 ta’ Ottubru 2000, Verheyden vs Il-Kummissjoni, T‑138/99, ĠabraSP p. I‑A‑219 u II‑1001, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata
Full & Egal Universal Law Academy