Kawża T-452/04
Éditions Odile Jacob SAS
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Pubblikazzjoni Frankofona — Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni ta’ ċessjoni mill-ġdid ta’ assi — Deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid — Rikors għal annullament ta’ akkwirent prospettiv li ma ntgħażilx — Indipendenza tal-mandatarju — Regolament (KEE) Nru 4064/89”
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni li jiġu osservati xi impenji — Impenn ta’ ċessjoni mill-ġdid tal-assi taħt il-kontroll ta’ mandatarju indipendenti — Deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid – Nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju — Illegalità tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89)
2. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni li jiġu osservati xi impenji — Impenn ta’ ċessjoni mill-ġdid tal-assi taħt il-kontroll ta’ mandatarju indipendenti — Nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju
(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89)
1. Meta l-Kummissjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni li jiġu osservati xi impenji, fosthom l-obbligu ta’ ċessjoni mill-ġdid tal-assi u li jinħatar mandatarju indipendenti mill-partijiet inkarigat li jiżgura li dawn l-impenji jiġu osservati, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni approvat akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq rapport redatt minn mandatarju mhux indipendenti.
(ara l-punti 83, 108, 109, 118, 119)
2. Meta l-Kummissjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni li jiġu osservati xi impenji, fosthom l-obbligu li jinħatar mandatarju indipendenti mill-partijiet inkarigat li jiżgura li dawn l-impenji jiġu osservati, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala indipendenti persuna li kienet membru tal-bord eżekuttiv ta’ waħda mill-kumpanniji partijiet fil-konċentrazzjoni, u li, barra minn hekk, eżerċitat tali funzjonijiet kif ukoll dawk ta’ mandatarju simultanjament għal iktar minn xhar, u b’hekk kienet dipendenti fuq waħda mill-partijiet, sa tali punt li jitqajjem dubju fuq in-newtralità neċessarja fl-eżerċizzju tal-missjoni ta’ mandatarju. Anki jekk tali persuna kienet iffurmat parti mill-bord eżekuttiv iċċitat bħala terza indipendenti, mill-mument li hija kienet assoċjata mal-eżerċizzju tas-setgħat kollha legali marbuta ma’ tali funzjoni, hija ma setgħetx teżerċita bl-indipendenza kollha r-responsabbiltajiet ta’ mandatarju.
(ara l-punti 88, 89, 93, 94, 100, 103-105)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
13 ta’ Settembru 2010 ?(1)
“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Pubblikazzjoni Frankofona – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni ta’ ċessjoni mill-ġdid ta’ assi – Deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid – Rikors għal annullament ta’ akkwirent prospettiv li ma ntgħażilx – Indipendenza tal-mandatarju – Regolament (KEE) Nru 4064/89”
Fil-Kawża T‑452/04,
Éditions Odile Jacob SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn W. van Weert, O. Fréget, M. Struys, M. Potel u L. Eskenazi, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Whelan, O. Beynet, A. Bouquet u F. Arbault, sussegwentement minn M. Bouquet u Beynet, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Wendel Investissement SA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata inizjalment minn C. Couadou u M. Trabucchi, sussegwentement minn M. Trabucchi u F. Gordon, avukati,
u minn
Lagardère SCA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata inizjalment minn A. Winckler, I. Girgenson u S. Sorinas Jimeno, sussegwentement minn Winckler, F. de Bure u J.‑B. Pinçon, avukati,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2004) D/203365, tat-30 ta’ Lulju 2004, dwar l-approvazzjoni ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ċeduti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KE, tas-7 ta’ Jannar 2004, li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ Nru COMP/M.2978 − Lagardère/Natexis/VUP) (ĠU L 125, p. 54
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. W. H. Meij, President, V. Vadapalas u L. Truchot (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Fil-25 ta’ Settembru 2002, Vivendi Universal SA (iktar ’il quddiem “VU”) iddeċidiet li ċċedi l-assi ta’ pubblikazzjoni miżmuma fl-Ewropa mis-sussidjara tagħha Vivendi Universal Publishing SA (iktar ’il quddiem “VUP”).
2 Lagardère SCA kkandidat ruħha għall-akkwist ta’ dawn l-assi, li kienu jikkonsistu f’ishma u f’assi ta’ direzzjoni ta’ VUP (iktar ’il quddiem l-“assi mmirati”).
3 Madankollu rriżulta li l-kalendarju ta’ ċessjoni stabbilit minn VU, li xtaqet iċċedi l-assi mmirati u tirċievi l-prezz għalihom fl-iqsar żmien possibbli, ma kienx kompatibbli maż-żmien neċessarju għall-ikkompletar tal-formalitajiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ dan il-proġett ta’ akkwist mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.
4 Għaldaqstant Lagardère talbet lil Natexis Banques Populaires SA (iktar ’il quddiem “NBP”) tissostitwixxiha, peremezz ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha, sabiex tikseb l-assi mmirati mingħand VUP, iżommhom provviżorjament, imbagħad, ladarba tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ akkwist tal-assi mmirati minn Lagardère, terġa’ tbigħhom lilha.
5 Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2002, NBP aċċettat it-talba ta’ Lagardère.
6 Lagardère u NBP ippreżentaw il-kundizzjonijiet prinċipali tal-akkwist tal-assi mmirati minn NBP lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li approvathom.
7 Sussegwentement Lagardère ppreżentat lil VU l-offerta tagħha għall-akkwist tal-assi mmirati, li kienet tipprevedi s-sostituzzjoni ta’ Lagardère minn NBP jew minn xi entità ta’ dan il-grupp.
8 Fid-29 ta’ Ottubru 2002, VU approvat iċ-ċessjoni tal-assi mmirati lil Lagardère.
9 Fit-3 ta’ Diċembru 2002, Investima 10 SAS, sussidjarja totali ta’ Ecrinvest 4 SA, min-naħa tagħha sussidjarja totali ta’ Segex Sarl, li min-naħa tagħha hija kkontrollata kompletament minn NBP, iffirmat favur VUP impenn formali ta’ akkwist tal-assi mmirati.
10 Fl-istess jum, Segex u Ecrinvest 4 kkonkludew ma’ Lagardère kuntratt ta’ ċessjoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ ċessjoni”) li jippermetti lil Lagardère (permezz ta’ Ecrinvest 4), wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni prevista, tikseb il-kapital kollu ta’ Investima 10, detentriċi tal-assi mmirati bil-kundizzjoni li VUP tosserva l-impenn ta’ akkwist iċċitat iktar ’il fuq. Il-prezz ta’ akkwist ta’ dawn it-titoli kien tħallas minn qabel minn Lagardère lil Segex, il-proprjetarja tal-azzjonijiet kollha li kienu jiffurmaw il-kapital ta’ Ecrinvest 4.
11 Fl-20 ta’ Diċembru 2002, VUP osservat l-impenn ta’ akkwist ta’ Investima 10 u fl-istess jum din ikkonkludiet ma’ VUP il-kuntratt ta’ akkwist tal-assi mmirati.
12 Fl-istess jum, NBP ippubblikat l-istqarrija għall-istampa segwenti:
“NBP akkwistat it-totalità tal-assi mmirati kollha bil-għan tal-bejgħ tagħhom [lil Lagardère] wara l-kisba tal-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.
Minn dan il-jum, l-assi ta’ VUP ser ikunu miżmuma mill-kumpannija Investima 10, miżmuma indirettament kompletament minn NBP.
Din il-kumpannija b’responsabbiltà limitata b’bord eżekuttiv u b’bord ta’ sorveljanza ssir il-kumpannija parent tal-kumpanniji li jikkomprendu l-assi ċeduti.
[…]”
13 Skont l-Artikolu 4(1) tal-kuntratt ta’ ċessjoni:
“ii) [Segex] tiżgura li Ecrinvest 4 u Ecrinvest 4 jimpenjaw rwieħhom li:
[…]
c) [Investima 10] taħtar bħala membri tal-bord eżekuttiv [tagħha] […] terza parti indipendenti waħda jew iktar, bl-esklużjoni ta’ kull persuna li ġejja mill-gruppi [Segex] jew] [Lagardère];
[…]
l-istatut ta’ assoċjazzjoni [ta’ Investima 10] għandu jiddelega, b’mod esklużiv, lil membru tal-bord eżekuttiv ir-responsabbiltajiet li l-bord eżekuttiv jista’ jkun [inkarigat] bihom taħt dan il-kuntratt fir-rigward tal-Kummissjoni […] jew ta’ kull awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti oħra kollha u li għalihom, f’dik il-kapaċità, persuna terza indipendenti tista’ tiġi maħtura […]”
14 Fl-20 ta’ Diċembru 2002, ġie mwaqqaf il-bord eżekuttiv ta’ Investima 10 u B., President tad-ditta S, ġie maħtur bħala membru tal-bord bħala “terza parti indipendenti”, skont l-Artikolu 4(1)(ii)(e) tal-kuntratt ta’ ċessjoni.
15 L-Artikolu 2(2) tal-kuntratt iffirmat minn Ecrinvest 4 u mid-ditta S. fid-19 ta’ Diċembru 2002, jispeċifika, fl-ewwel subparagrafu tiegħu li, fil-kapaċità tiegħu ta’ mandatarju, B. għandu jaġixxi fl-interess ta’ Investima 10 u tal-assi mmirati u, b’mod partikolari, bil-għan li tinżamm il-vijabbiltà tagħhom, l-interess tal-valur ekonomiku tagħhom u l-kompetittività tagħhom.
16 Għal dan il-għan, fit-tieni subparagrafu tiegħu, l-Artikolu 2(2) ta’ dan il-kuntratt jippreċiża li B. għandu josserva u jiżgura li l-bord eżekuttiv ta’ Investima 10 josserva:
“i) l-[istipulazzjonijiet] li jinstabu fl-Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ ċessjoni […] li jikkonċernaw […] il-prinċipji ta’ ġestjoni prudenti tal-assi, li għandhom jiġu osservati mill-bord eżekuttiv u mill-korpi tal-kumpannija responsabbli għall-holdings bil-għan li tinżamm l-integrità tal-assi u l-valur tagħhom.
[…]”
17 Fl-14 ta’ April 2003, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), Lagardère nnotifikat lill-Kummissjoni l-proġett tagħha ta’ akkwist tal-assi mmirati ta’ VUP.
18 Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni, wara li kkonstatat li l-proġett ta’ konċentrazzjoni nnotifikat kien iqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni, bdiet investigazzjoni fil-fond ta’ din l-operazzjoni, abbażi tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89.
19 Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet jirriżulta li fl-14 ta’ Ottubru 2003 Investima 10 saret Editis SA.
20 Fis-27 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni bagħtet lil Lagardère dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet tindika l-problemi ta’ kompetizzjoni li kienet tqajjem l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata u fis-17 ta’ Novembru 2003 Lagardère bagħtet it-tweġibiet tagħha f’dan ir-rigward.
21 Għaldaqstant, fit-2 ta’ Diċembru 2003, Lagardère ppreżentat lill-Kummissjoni numru ta’ miżuri korrettivi fil-forma ta’ impenji ta’ ċessjoni mill-ġdid tal-assi mmirati.
22 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KE (Każ COMP/M.2978 – Lagardère/Natexis/VUP) (ĠU L 125, p. 54), tas-7 ta’ Jannar 2004 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004”), adottata abbażi tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, tipprevedi:
“Artikolu 1
L-operazzjoni nnotifikata, kif emendata bil-pakkett ta’ impenji tal-21 ta’ Diċembru 2003, li permezz tagħha Lagardère tikseb il-kontroll esklużiv tal-[assi mmirati] ta’ VUP, issa msejħa Editis, hija ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
Artikolu 2
L-Artikolu 1 huwa applikabbli bil-kundizzjoni li Lagardère tosserva kompletament l-impenji msemmija [f]l-Anness II.
Artikolu 3
Din id-deċiżjoni hija suġġetta għall-obbligu li Lagardère tosserva kompletament l-impenji l-oħra deskritti fl-Anness II.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
23 Skont il-paragrafu 1 tal-impenji tagħha fl-Anness II, Lagardère hija obbligata ċċedi mill-ġdid l-assi kollha ta’ Editis (iktar ’il quddiem l-“assi ċeduti mill-ġdid”) bl-esklużjoni tal-assi enumerati b’mod limitat f’dan il-paragrafu (iktar ’il quddiem l-“assi miżmuma”).
24 L-assi ċeduti mill-ġdid jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 60 sa 70 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ VUP u 70 sa 80 % tad-dħul mill-bejgħ imwettaq minn VUP fis-swieq tal-pubblikazzjoni Frankofona kkonċernati mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni awtorizzata (iktar ’il quddiem l-“operazzjoni ta’ konċentrazzjoni”).
25 Il-paragrafu 2 tal-impenji ta’ Lagardère jippreċiża li l-assi miżmuma huma ddefiniti fid-dettall fl-Anness 1 tal-imsemmija impenji.
26 Skont il-paragrafu 3 ta’ dawn l-impenji, Lagardère timpenja ruħha tikkonkludi ftehim irrevokabbli ta’ ċessjoni mill-ġdid f’terminu, miżmum kunfidenzjali, li jibda jiddekkorri mid-data li fiha tiġi riċevuta d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali u li tipproċedi għaċ-ċessjoni mill-ġdid effettiva f’terminu, miżmum kunfidenzjali, li jibda jiddekkorri mill-konklużjoni tal-ftehim.
27 Lagardère kellha l-possibbiltà li tagħżel l-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid, abbażi ta’ kriterji għall-għażla ddefiniti kif ġej fil-paragrafu 10 tal-impenji tagħha:
“Sabiex iżżomm kompetizzjoni effettiva fis-swieq ikkonċernati, il-parti notifikanti timpenja ruħha tipproċedi għaċ-ċessjoni tal-assi ċeduti lil ċessjonarju wieħed jew iktar indipendenti mill-parti notifikanti u li jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:
a) Lagardère ma jistax ikollha interessi sinjifikattivi diretti jew indiretti fiċ-ċessjonarju jew fiċ-ċessjonarji;
b) Iċ-ċessjonarju jew iċ-ċessjonarji għandhom ikunu operaturi vijabbli, kapaċi u li għandhom l-inizjattivi ekonomiċi biex iżommu jew jiżviluppaw kompetizzjoni effettiva, mingħajr ma din il-formulazzjoni ma teskludi a priori ebda kategorija ta’ akkwirenti industrijali jew finanzjarji;
c) Barra minn hekk, l-akkwist ta’ assi ċeduti wieħed jew iktar minn akkwirent potenzjali ma jistax ikun tali li joħloq problemi ġodda ta’ kompetizzjoni jew jirriskja li jdewwem l-issodisfar tal-impenji. Il-parti notifikanti għandha tkun f’pożizzjoni li turi lill-Kummissjoni li l-akkwirent jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-impenji u li l-ass jew l-assi ċeduti huma ċeduti skont l-impenji preżenti;
d) Iċ-ċessjonarju jew iċ-ċessjonarji għandhom ikunu kisbu jew jistgħu raġonevolment jiksbu l-awtorizzazzjonijiet kollha neċessarji għall-akkwist u għall-operazzjoni tal-assi ċeduti.”
28 Il-paragrafu 14 tal-impenji ta’ Lagardère jippreċiża li l-għażla taċ-ċessjonarju jew taċ-ċessjonarji għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni u li t-talba għal approvazzjoni tal-persuni kkonċernati għandha tinkludi l-informazzjoni neċessarja sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika li ċ-ċessjonarju jew iċ-ċessjonarji jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-paragrafu 10 iċċitat fil-punt 27 iktar ’il fuq.
29 Lagardère kellha taħtar mandatarju li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti kif ġej fil-paragrafu 15 tal-impenji tagħha:
“Il-parti notifikanti għandha taħtar mandatarju biex iwettaq id-dmirijiet iddefiniti iktar ’il quddiem. Il-mandatarju għandu jkun indipendenti minn Lagardère u minn Editis, għandu jkollu l-kwalifiki neċessarji biex iwettaq il-mandat tiegħu, pereżempju fil-kapaċità tiegħu bħala bank ta’ konsulenza, konsulent jew awditur, u ma għandux ikun espost għal kunflitt ta’ interessi. Il-mandatarju għandu jkun irremunerat minn Lagardère b’mod li ma jikkompromettix it-twettiq tajjeb tal-mandat tiegħu jew l-indipendenza tiegħu.”
30 Il-paragrafu 9 tal-impenji ta’ Lagardère jipprevedi kif ġej għall-ħatra ta’ ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament (Hold Separate Manager):
“Il-parti notifikanti għandha taħtar [ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament] responsabbli għall-ġestjoni tal-assi ċeduti, taħt is-superviżjoni tal-mandatarju. Il-[ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament] għandu jiġġestixxi l-assi ċeduti b’mod indipendenti u fil-kuntest normali tan-negozju, bil-għan li tiġi ggarantita ż-żamma tal-vijabbiltà ekonomika tagħhom, tan-negozjabbiltà tagħhom, tal-kompettività tagħhom u tal-awtonomija tagħhom fir-rigward tal-assi miżmuma u tal-attivitajiet l-oħra ta’ Lagardère. Fil-każ li diriġent tal-kumpannija ta’ sussidjarja ta’ Editis li hija s-suġġett tal-impenn ta’ ċessjoni jtemm il-funzjonijiet tiegħu, il-[ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament] ikollu s-setgħa jaħtar is-suċċessur tiegħu, taħt is-superviżjoni tal-mandatarju.”
31 Il-missjoni tal-mandatarju hija ddefinita kif ġej fl-impenji ta’ Lagardère:
“20. L-intervent tal-mandatarju huwa intiż biex jiżgura t-twettiq tal-impenji preżenti. Il-Kummissjoni tindirizza lill-mandatarju, ex officio jew fuq it-talba tal-mandatarju jew tal-parti notifikanti, kull istruzzjoni intiża biex tiżgura t-twettiq ta’ dawn l-impenji.
21. Il-missjoni tal-mandatarju tikkonsisti f’li:
a) jiżgura li l-assi ċeduti huma miżmuma u ġestiti fi ħdan struttura distinta, b’mod separat u indipendenti mill-assi miżmuma u mill-attivitajiet ta’ Lagardère, sad-data taċ-ċessjoni effettiva tal-assi ċeduti;
b) jiżgura li l-[ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament] jżomm il-vijabbiltà u n-negozjabbiltà tal-assi ċeduti u l-ġestjoni u l-operazzjoni tal-assi ċeduti fil-kuntest normali tan-negozju, skont il-prattika preċedenti, sad-data taċ-ċessjoni effettiva tal-assi ċeduti;
c) jiżgura li ttieħdu miżuri effettivi sabiex ebda informazzjoni sensittiva mil-lat tal-kompetizzjoni dwar l-assi ċeduti ma tkun ikkomunikata lill-parti notifikanti, bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni neċessarja għaċ-ċessjoni tal-assi ċeduti fl-aħajr kundizzjonijiet possibbli skont l-impenji preżenti;
d) jiżgura li l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni jittieħdu skont dawn l-impenji, f’li jiżgura li jkun informat dwar id-diskussjonijiet bejn Lagardère u Editis dwar id-dettalji u, jekk ikun il-każ, jassisti dawn id-diskussjonijiet;
[…]
f) b’mod ġenerali, jiżgura li jinżamm il-valur sħiħ ekonomiku u kompetittiv tal-assi ċeduti u f’li jieħu kull miżura utli għal dan il-għan;
g) b’mod ġenerali, jiżgura li l-parti notifikanti teżegwixxi b’mod sodisfaċjenti dawn l-impenji.”
32 Barra minn hekk, il-paragrafu 24 tal-impenji jippreċiża s-segwenti:
“F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Lagardère u Editis dwar il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji għat-twettiq tal-impenji preżenti, waħda mill-partijiet tista’ tinforma lill-mandatarju dwar dan permezz ta’ ittra rreġistrata li kopja tagħha għandha tiġi indirizzata lill-parti l-oħra. Il-mandatarju mbagħad jagħmel rakkomandazzjoni, fl-iqsar żmien possibbli, wara li jkun sema’ lill-partijiet filwaqt li josserva l-prinċipju ta’ kontradittorju, dwar il-portata tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji. Il-mandatarju għandu jindirizza lill-Kummissjoni rapport li jinformaha bir-rakkomandazzjoni tiegħu. Jekk in-nuqqas ta’ qbil bejn Lagardère u Editis jissussisti, waħda mill-partijiet tista’ titlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi, wara li tkun semgħet lill-partijiet filwaqt li tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju, il-portata tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji.”
33 Fl-aħħar, l-impenji ta’ Lagardère li jaqaw taħt it-Taqsima “Bidla fil-forma legali ta’ Editis ” jipprovdu:
“30. Wara approvazzjoni tal-istatuti l-ġodda mill-Kummissjoni, il-parti notifikanti tittrasforma lil Editis f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata (société par actions simplifiée, SAS). Wara din it-trasformazzjoni, il-korpi regolatorji ta’ Editis ikunu […] president direttur ġenerali, li jassumi l-funzjonijiet ta’ [ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament] u […] kumitat tal-azzjonisti kompost minn tliet […] rappreżentanti tal-mandatarju msemmi fil-paragrafu 15 iktar ’il fuq u minn żewġ […] rappreżentanti ta’ Lagardère.
31. Il-kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata tkun organizzata skont il-prinċipji segwenti:
a) It-tmexxija ta’ Editis taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-President Direttur Ġenerali tagħha taħt is-superviżjoni tal-mandatarju fil-kuntest tal-missjonijiet tiegħu kif iddefiniti iktar ’il fuq;
b) Il-kumitat tal-azzjonisti jissorvelja l-ġestjoni tal-assi miżmuma u għal dan il-għan ikollu dritt għall-informazzjoni kollha dwar dawn l-assi;
c) Fir-rigward tal-assi ċeduti, il-kumitat tal-azzjonijiet ikollu, taħt is-superviżjoni tal-mandatarju, dritt għal informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet kollha jew dwar l-avvenimenti li jistgħu jaffettwaw l-interessi patrimonjali ta’ Lagardère fi ħdan l-assi ċeduti u, b’mod partikolari, l-informazzjoni segwenti: il-bilanċi kurrenti, id-deċiżjonijiet ta’ investiment, ta’ bejgħ ta’ assi jew ta’ akkwist li jkollhom impatt ta’ iktar minn EUR 200 000, id-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-livell ta’ dejn tal-kumpannija u l-garanziji ta’ kull natura, kif ukoll id-deċiżjonijiet kollha strateġiċi jew li joħorġu barra mill-qasam ta’ negozju ta’ kuljum. Madankollu, il-mandatarju għandu jiżgura li l-informazzjoni kunfidenzjali ta’ natura kummerċjali jew operazzjonali dwar l-assi ċeduti, inkluż, jekk ikun il-każ, dik imsemmija fil-frażi preċedenti, ma tiġix ikkomunikata lil Lagardère.
32. Waqt il-perijodu bejn l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-operazzjoni nnotifikata u t-trasformazzjoni ta’ Editis f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata, Editis għandha tkompli tkun immexxija mill-korpi tal-kumpannija attwalment fis-seħħ, b’koordinazzjoni mal-mandatarju. Matul dan il-perijodu, Lagardère, fil-kapaċità tagħha ta’ azzjonist ta’ Editis, ikollha d-dritt għall-informazzjoni kollha relatata mal-assi miżmuma. Fir-rigward tal-assi ċeduti, il-mandatarju għandu jiżgura li Lagardère tiġi kkomunikata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 31(c) iktar ’il fuq.”
34 Fil-5 ta’ Frar 2001, il-Kummissjoni:
– approvat lil A. K. bħala ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament u approvat l-abbozz li jiddefinixxi l-mandat tiegħu, ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2004;
– approvat lid-ditta S., irrappreżentata mill-President tagħha B. bħala mandatarja, u approvat l-abbozz li jiddefinixxi l-mandat tagħha ppreżentat fit-30 ta’ Jannar 2004.
35 Fid-9 ta’ Frar 2004, Lagardère ħatret lid-ditta S. bħala mandatarja.
36 Fil-25 ta’ Marzu 2004, Editis ġiet ittrasformata, skont il-paragrafu 30 tal-impenji ta’ Lagardère, bħala kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata, li l-korpi tal-kumpannija tagħha kienu jinkludu minn dak iż-żmien, barra l-President Direttur Ġenerali li jwettaq il-funzjonijiet ta’ ġestjonarju tal-assi miżmuma separatament, il-kumitat tal-azzjonisti kompost minn tliet rappreżentanti tal-mandatarja u minn żewġ rappreżentanti ta’ Lagardère.
37 Lagardère kkuntattjat varji impriżi, fosthom ir-rikorrenti, li setgħu jixtru l-assi ċeduti.
38 Ir-rikorrenti wriet l-interess tagħha f’din l-operazzjoni. Permezz ta’ faks tat-28 ta’ April 2004, hija bagħtet l-offerta ta’ xiri tagħha lil Lagardère.
39 F’ittra tad-19 ta’ Mejju 2004, Lagardère ddikjarat li hija kienet ikkunsidrat l-offerti ta’ xiri ta’ ħames akkwirenti potenzjali, fosthom dik tar-rikorrenti, u li hija tat esklużività sa nofsillejl tal-25 ta’ Mejju 2004 lil wieħed minnhom, Wendel Investissement SA (iktar ’il quddiem “Wendel”).
40 Fit-28 ta’ Mejju 2004 Lagardère u Wendel wasslu għal abozz ta’ ftehim ta’ xiri tal-assi ċeduti mill-ġdid.
41 Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ġunju 2004, Lagardère talbet lill-Kummissjoni tapprova lil Wendel bħala akkwirenti ta’ dawn l-assi.
42 Fil-5 ta’ Lulju 2004, id-ditta S. ippreżentat lill-Kummissjoni r-rapport tagħha fil-qosor bil-konklużjoni li x-xiri prospettiv ta’ Wendel kien kompatibbli mal-kriterji għall-approvazzjoni ddefiniti fil-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère.
43 Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2004) D/203365, tat-30 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni approvat lil Wendel bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid, wara li kkonstatat li hija kienet tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère.
44 Din id-deċiżjoni ġiet adottata skont il-paragrafu 14 tal-impenji ta’ Lagardère u abbażi tat-talba għal approvazzjoni msemmija iktar ’il fuq, tal-abbozz ta’ ftehim ta’ ċessjoni li kien anness magħha, tar-rapport tad-ditta S., tat-tweġibiet bil-miktub ta’ Lagardère u ta’ Wendel għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, tal-informazzjoni mogħtija minn Wendel waqt laqgħa mas-servizzi tal-Kummissjoni, kif ukoll abbażi ta’ skambju ta’ opinjonijiet dwar ix-xiri prospettiv ta’ Wendel mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persunal ta’ Editis u ta’ terzi interessati.
45 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ppreżentat kawża għall-annullament tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 (Kawża T-279/04).
46 Permezz ta’ faks tas-27 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti, fuq it-talba tagħha, id-deċiżjoni li tappprova lil Wendel bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid.
47 It-trasferiment lil Wendel tal-proprjetà ta’ dawn l-assi, imsejħa “Nouvel Editis” sar fit-30 ta’ Settembru 2004.
Il-proċedura
48 Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-8 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tat-30 ta’ Lulju 2004 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004”).
49 Permezz ta’ sentenza ta’ dan il-jum, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) ċaħdet ir-rikors għal annullament li r-rikorrenti kienet ippreżentat, fil-Kawża T-279/04, kontra d-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.
50 Permezz ta’ atti ppreżentati fil-25 ta’ Jannar u fl-24 ta’ Marzu 2005, Wendel u Lagardère talbu li jintervjenu fil-kawża sabiex isostnu t-talbiet tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
51 Permezz ta’ atti ppreżentati fit-3 ta’ Marzu u fit-18 ta’ April 2005, ir-rikorrenti, minn naħa, talbet li, skont l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ċerti dokumenti annessi mar-rikors u ċerti siltiet minn dan id-dokument, kif ukoll mir-risposta, ikunu esklużi mill-komunikazzjoni tal-atti proċedurali lil Wendel u lil Lagardère u, min-naħa l-oħra, ipproduċiet, għall-finijiet ta’ din il-komunikazzjoni, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni.
52 Permezz ta’ digrieti tal-President tar-Raba’ Awla tal-11 ta’ Mejju u tal-25 ta’ Otturbru 2005, Lagardère u Wendel tħallew jintervjenu fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, u ngħatat istruzzjoni lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali sabiex jibagħtilhom il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali.
53 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ġunju 2005, Lagardère kkontestat it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti.
54 Lagardère u Wendel ippreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fis-16 ta’ Settembru 2005 u fis-27 ta’ April 2006.
55 Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet ta’ risposta tagħha, permezz ta’ noti ppreżentati fit-8 ta’ Novembru 2005 u l-4 ta’ Lulju 2006.
56 Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Ġunju 2007, il-President tar-Raba’ Awla ċaħad it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti fir-rigward ta’ Lagardère u ta istruzzjoni lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jikkomunika lil Lagardère l-verżjoni oriġinali tad-dokumenti kkonċernati.
57 Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Ġenerali nbidlet, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha għaldaqstant ġiet assenjata din il-kawża fl-24 ta’ Ottubru 2008.
58 Abbażi ta’ rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u stiednet lill-partijiet jirrispondu bil-miktub għal ċerti domandi. Il-partijiet laqgħu din it-talba fit-terminu mogħti.
59 Is-sottomissjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi li sarulhom mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Jannar 2010.
60 Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2010, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni (T-237/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ April 2005 li tiċħad talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għal ċerti dokumenti sabiex tużahom insostenn ta’ dan ir-rikors.
61 Permezz ta’ ittra ppreżentata fil-21 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti talbet li d-deċiżjoni ta’ din il-kawża tiġi sospiża għal terminu raġjonevoli li jibda jiddekorri mill-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-dokumenti inkwistjoni.
It-talbiet tal-partijiet
62 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004;
– tikkundanna lill-Kummissjoni u lil Lagardère għall-ispejjeż.
63 Il-Kummissjoni sostnuta minn Lagardère u Wendel titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
64 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati rispettivament fuq il-fatt li l-Kummissjoni, fl-ewwel lok, naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ superviżjoni tas-selezzjoni tal-kandidati għall-akkwist tal-assi ċeduti mill-ġdid, fit-tieni lok, approvat lil Wendel abbażi ta’ rapport stabbilit minn mandatarju mhux indipendenti minn Editis, minn Lagardère u minn Wendel, it-tielet nett, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija kellha u, fir-raba’ lok, wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-konformità tal-kandidatura ta’ Wendel mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid, iddefiniti fil-paragrafu 10(b) tal-impenji ta’ Lagardère.
65 Jaqbel li jiġi eżaminat minn qabel it-tieni motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004 ġiet adottata abbażi ta’ rapport redatt minn mandatarju mhux indipendenti minn Editis.
L-argumenti tal-partijiet
66 Ir-rikorrenti ssostni li, meta, fid-9 ta’ Frar 2004, Lagardère ħatret, skont il-paragrafu 15 tal-impenji tagħha, id-ditta S. irrappreżentata mill-President tagħha B, bħala mandatarja, B. kien, mill-20 ta’ Settembru 2002, membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10 li, kif indikat fil-punt 19 iktar ’il fuq, fl-14 ta’ Ottubru 2003, saret Editis.
67 Skont ir-rikorrenti, fil-kwalità tiegħu ta’ diriġent ta’ Editis, investit, fir-rigward ta’ terzi, bis-setgħat kollha mogħtija lill-membri ta’ bord eżekuttiv, B. ma kienx għaldaqstant indipendenti minn Editis, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-imsemmi paragrafu 15.
68 Il-fatt li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mandatarju indipendenti inkarigat, f’isem u għall-Kummissjoni, li jissorvelja ċ-ċessjoni mill-ġdid ta’ assi diżinvestiti kien jimplika fir-rigward tal-entità li tagħha l-persuna kkonċernata għandha tissorvelja ċ-ċessjoni tal-assi, in-nuqqas ta’ rabtiet ta’ kull natura u, a fortiori, ta’ dawk minnhom li jkollhom natura finanzjarja. Issa, il-funzjonijiet ta’ membru ta’ bord eżekuttiv eżerċitati minn B. kienu rremunerati.
69 Barra minn hekk, B. baqa’ membru tal-bord eżekuttiv ta’ Editis sal-25 ta’ Marzu 2004 u għalhekk kellu, mid-9 ta’ Frar 2004 sa’ din id-data, żewġ funzjonijiet li kienu jikkonsistu fis-superviżjoni, rispettivament, taċ-ċessjoni ta’ Editis lil Lagardère, imbagħad tal-bejgħ tal-assi ċeduti mill-ġdid lil terza parti.
70 Fl-aħħar nett, anki wara t-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-bord eżekuttiv ta’ Editis, B. baqa’ neċessarjament marbut ma’ Editis, inkwantu huwa potenzjalment baqa’ ċivilment u kriminalment responsabbli għal diversi snin fir-rigward tal-azzjonisti u ta’ terza partijiet.
71 Is-sempliċi eżistenza ta’ dubju dwar l-indipendenza tal-mandatarju hija biżżejjed biex tivvizzja b’nullità l-proċedura relata mal-assi ċeduti mill-ġdid u, għaldaqstant, id-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ akkwirent redatt mill-mandatarju jikkostitwixxi, fil-fatt, element fundamentali u determinanti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova jew le l-parti kkonċernata.
72 Mingħajr ma jitqiegħed inkwistjoni r-rwol stess tal-mandatarju fil-proċedura ta’ ċessjoni mill-ġdid tal-assi, il-konklużjonijiet tar-rapport tiegħu neċessarjament kellhom impatt determinanti fuq id-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004. Huwa biżżejjed li l-konklużjonijiet tar-rapport tal-mandatarju jiġu mqabbla mad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004 sabiex jiġi kkonstatat li din toriġina direttament mit-test tar-rapport, li fuqu hija mmudellata fir-rigward ta’ diversi punti.
73 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija tfakkar li, meta VUP għaddiet taħt il-kontroll ta’ NBP, B., President tad-ditta S., ġie maħtur membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10, sussidjarja ta’ NBP li għandha l-assi mmirati, skont l-Artikolu 4(1)(ii)(e) tal-kuntratt ta’ ċessjoni.
74 Peress li l-parti kkonċernata kienet inkarigata teżerċita r-responsabbiltajiet tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10, li saret Editis, fil-kapaċità tagħha ta’ terza parti indipendenti fir-rigward tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kompetenti, din il-funzjoni tista’ tiġi mxebbha ma’ dik tal-mandatarju msemmi fil-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère.
75 Wara li d-ditta S. ġiet maħtura, fil-persuna tal-President tagħha B., mandatarja responsabbli għas-superviżjoni tal-impenji ta’ ċessjoni mill-ġdid ta’ Lagardère, wara t-teħid ta’ kontroll ta’ Editis minn Lagardère, B. kien kompla provviżorjament jeżerċita l-funzjoni ta’ persuna terza indipendenti membru tal-bord eżekuttiv ta’ Editis irremunerat minn NBP, minħabba l-għarfien ta’ Editis li l-parti kkonċernata kienet kisbet f’din il-kapaċità.
76 Minflok ma’ ħolqot rabta ta’ dipendenza bejn B. u Editis, iż-żamma tal-preżenza ta’ B. fi ħdan dan il-bord eżekuttiv kienet perfettament konformi mad-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 u mal-impenji ta’ Lagardère. L-għan kien li tiġi evitata l-influwenza ta’ Lagardère fuq il-ġestjoni ta’ Editis matul il-perijodu tranżitorju, li matulu l-korpi tal-kumpannija stabbiliti wara t-teħid ta’ kontroll ta’ VUP minn NBP kellhom, skont il-paragrafu 30 tal-impenji ta’ Lagardère, jibqgħu fis-seħħ sat-trasformazzjoni ta’ Editis f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata, li seħħet fil-25 ta’ Marzu 2004.
77 Il-kwalifika ta’ B. bħala membru tal-kumitat tal-azzjonisti ta’ Editis, mogħtija lilu fil-25 ta’ Marzu 2004 sad-data tat-trasferiment lil Wendel tal-proprjetà tal-assi ċeduti mill-ġdid hija wkoll konformi mal-impenji ta’ Lagardère. Il-paragrafu 30 jippreċiża li r-rappreżentanti tal-mandatarju għandu jkollhom maġġoranza fil-kumitat ta’ azzjonijiet, sabiex jiġi ggarantit li parti terza indipendenti, il-mandatarju, tiżgura ruħha li Lagardère ma tistax teżerċita influwenza fuq il-ġestjoni ta’ Editis.
78 Peress li d-ditta S. ġiet maħtura bħala mandatarja, fil-persuna tal-President tagħha, biss wara ċ-ċessjoni ta’ Editis minn NBP lil Lagardère, kull rabta preċedenti jew sussegwenti bejn id-ditta S. u NBP kienet irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza tagħha fir-rigward ta’ Editis, peress li, fl-istadju tat-twettiq tal-impenji, NBP ma kellhiex iktar kontroll ta’ Editis. Rabtiet eventwali bejn il-mandatarju u NBP, ex proprjetarju ta’ assi li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni, ma setgħux iqegħdu f’perikolu t-twettiq ta’ ċessjonijiet mill-ġdid intiżi sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-fużjoni ta’ dawn l-assi mmirati ma’ dawk ta’ Lagardère.
79 Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti tiddeduċi l-prova tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju fir-rigward ta’ Editis mis-sempliċi konstatazzjoni li huwa ma kienx nieqes minn kull rabta jew kuntatt ma’ Editis. Madankollu, il-kundizzjoni ta’ indipendenza fir-rigward ta’ Editis li l-Kummissjoni rrikjediet mill-mandatarju kienet intiża sabiex jiġi żgurat li s-superviżjoni tal-kandidatura tal-akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid kienet fondata biss fuq il-vijabbiltà u l-forza kompetittiva ta’ dawn l-assi, bl-esklużjoni ta’ kunsiderazzjonijiet personali. Għaldaqstant wieħed ma jistax validament jakkuża l-mandatarju li kellu interess jaġixxi għall-benefiċċju ta’ Editis, peress li din kienet tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għat-twettiq sħiħ tal-impenji u għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva.
80 F’kull każ, sabiex in-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju, jekk tiġi stabbilita, iwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, ikun għadu jrid jiġi muri li din l-irregolarità wasslet lill-persuna kkonċernata tagħmel rapport nieqes mill-oġġettività u li dan id-dokument kellu rwol determinanti fir-rigward tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.
81 Issa, mhux biss ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova intiża sabiex turi li l-mandatarju għamel rapport żbaljat jew ippreġudikat, imma lanqas bl-ebda mod ma turi li dan id-dokument kellu rwol determinanti fir-rigward tas-sens tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004.
82 Għall-finijiet tad-deċiżjoni finali ta’ approvazzjoni tal-akkwirent tal-assi ċeduti mill-ġdid, il-mandatarju sempliċement kellu jipprovdi evalwazzjoni tal-akkwirent u jindika jekk, fl-opinjoni tiegħu, dan kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-impenji. Fir-realtà l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004 mhux fuq il-bażi unika jew determinanti tar-rapport tal-mandatarju, iżda abbażi ta’ serje ta’ informazzjoni, fosthom dik mogħtija mill-mandatarju.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
83 Skont il-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère, il-mandatarju maħtur minnha biex jiżgura l-eżekuzzjoni sodisfaċenti tal-impenji tagħha kellu fir-rigward ta’ Editis “jkun indipendenti […] u ma għandux ikun espost għal kunflitt ta’ interessi”. Kien ukoll ippreċiżat li l-[mandatarju għandu jkun irremunerat minn Lagardère b’mod li ma jikkompromettix it-twettiq tajjeb tal-mandat tiegħu jew l-indipendenza tiegħu.”
84 Għandu jiġi mfakkar li, wara li NBP aċċettat li tissostitwixxi lil Lagardère sabiex takkwista provviżorjament l-assi mmirati permezz ta’ Segex u Ecrinvest 4, sussidjarji kkontrollati kompletament minn NBP, dawn, fit-3 ta’ Diċembru 2002, ikkonkludew ma’ Lagardère l-kuntratt ta’ ċessjoni li jittrasferixxi lil Lagardère, bil-kundizzjoni tal-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni tal-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, il-kapital kollu ta’ Investima 10, sussidjarja totali ta’ Ecrinvest 4, min-naħa tagħha sussidjarja totali ta’ Segex Sarl, u li akkwistat l-assi mmirati mingħand VUP fl-20 ta’ Diċembru 2002.
85 Fl-20 ta’ Diċembru 2002, Investima 10, detentriċi tal-assi mmirati, ħatret, skont l-Artikolu 4(1)(ii)(c) tal-kuntratt ta’ ċessjoni, lil B., il-President tad-ditta S., bħala membru tal-bord eżekuttiv tagħha, skont din id-dispożizzjoni, bħala terza parti indipendenti, skont l-Artikolu 4(1)(ii)(e).
86 F’din il-kapaċità B., maħtur minn NBP, ingħata “b’mod esklużiv”, skont l-Artikolu 4(1)(ii)(e) tal-kuntratt ta’ ċessjoni, “ir-responsabbiltajiet li l-bord eżekuttiv [seta’] jkun inkarigat bihom taħt […] il-kuntratt [ta’ ċessjoni] fir-rigward tal-Kummissjoni […]”.
87 Barra minn hekk, skont il-paragrafu 15 tal-impenji tagħha inklużi fl-Anness II tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, fid-9 ta’ Frar 2004, Lagardère ħatret lid-ditta S. bħala mandatarja ikarigata, taħt il-paragrafu 21(g) ta’ dawn l-impenji, “tiżgura l-eżekuzzjoni sodisfaċenti” minn Lagardère taċ-ċessjoni tal-assi ċeduti mill-ġdid, u rremunerata f’din il-kapaċità minn Lagardère. B. kien il-President tad-ditta S. f’din id-data u l-Kummissjoni aċċettat li B. kien eżerċita l-funzjonijiet ta’ mandatarju, hekk kif kienu previsti fid-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.
88 B’hekk id-ditta S. ġiet maħtura mandatarja, skont il-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère, u l-President tagħha wettaq il-funzjonijiet marbuta ma’ din il-missjoni, għalkemm l-istess persuna kienet membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10, li wara saret Editis.
89 Barra minn hekk B. wettaq il-funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv ta’ Editis u ta’ mandatarju simultanjament, mid-9 ta’ Frar 2004, data tal-ħatra tad-ditta S., sal-25 ta’ Marzu 2004, data tat-trasformazzjoni ta’ Editis f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata.
90 Fil-fatt, skont il-paragrafu 32 tal-impenji ta’ Lagardère, Editis kompliet tiġi kkontrollata mill-korpi tal-kumpannija tagħha eżistenti, mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar sal-25 ta’ Marzu 2004, data tat-trasformazzjoni ta’ Editis f’kumpannija b’responsabbiltà limitata simplifikata.
91 B’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppreċiżat li B. kien eżerċita l-funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10/Editis skont il-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż, applikabbli f’dan il-każ, u li, għaldaqstant, l-eżerċizzju tal-missjonijiet fdati lill-persuna kkonċernata bħala terza parti indipendenti fi ħdan dan il-bord eżekuttiv ma kinux jeskludu bl-ebda mod l-eżerċizzju mill-persuna kkonċernata tal-funzjonijiet legali li l-membri tal-bord eżekuttiv ta’ kumpannija kummerċjali għandhom permezz ta’ dan it-test.
92 Issa, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L 225-64 ta’ dan il-kodiċi, “il-bord eżekuttiv għandu jkollu l-iktar setgħat wiesgħa biex jaġixxi f’kull ċirkustanza f’isem il-kumpannija”.
93 Qabel mad-ditta S., irrappreżentata minn B., il-President tagħha, ma kienet ġiet maħtura bħala mandatarja, B. kien għaldaqstant membru tal-bord eżekuttiv ta’ Editis u baqa’ hekk għal iktar minn xahar wara din il-ħatra.
94 Peress li kien membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10, li sa dak iż-żmien saret Editis, fid-data tal-ħatra tiegħu bħala mandatarju tad-ditta S., li huwa kien il-President tagħha, u peress li wara eżerċita l-funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv simultanjament mal-funzjoni tiegħu ta’ mandatarju, li ġie inkarigat biha mid-ditta S., B. kien dipendenti fuq Editis, sa tali punt li jitqajjem dubju fuq in-newtralità li huwa għandu juri fl-eżerċizzju ta’ din il-missjoni.
95 Għandu jingħad li, fil-kapaċità tagħha ta’ mandatarja responsabbli, skont il-paragrafu 21(g) tal-impenji ta’ Lagardère, li tiżgura l-eżekuzzjoni sodisfaċenti minnha taċ-ċessjoni tal-assi ċeduti mill-ġdid, u rremunerata f’din il-kapaċità minn Lagardère, kienet id-ditta S, fil-persuna tal-President tagħha B., li kellha tiżgura li Lagardère tiddisponi mill-assi ċeduti mill-ġdid, b’mod konsistenti maċ-ċessjonijiet mill-ġdid imsemmija fil-paragrafu 1 tal-impenji ta’ Lagardère.
96 Skont il-Kummissjoni stess din l-operazzjoni kienet tikkonsisti f’“delimitazzjoni partikolarment delikata tal-assi qabel iċ-ċessjoni tagħhom minn Lagardère lil terza parti”.
97 Skont il-paragrafu 21(d) tal-impenji ta’ Lagardère, il-mandatarju kellu, b’mod partikolari, “jiżgura li l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni jittieħdu skont l-impenji” ta’ Lagardère u huwa kellu jkun “informat dwar id-diskussjonijiet bejn Lagardère u Editis dwar id-dettalji u, jekk ikun il-każ, jassisti dawn id-diskussjonijiet”.
98 Skont il-paragrafu 24 tal-istess impenji, il-mandatarju kellu “f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Lagardère u Editis dwar il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji” jagħmel rakkomandazzjoni “wara li jkun sema’ lill-partijiet filwaqt li josserva l-prinċipju ta’ kontradittorju, dwar il-portata tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji” u jindirizza lill-Kummissjoni rapport li jinformaha bir-rakkomandazzjoni tiegħu.
99 Mill-proċess jirriżulta li effettivament kien hemm tali nuqqas ta’ qbil bejn Lagardère u Editis. Fil-fatt, fil-kontroreplika l-Kummissjoni affermat li hija kienet regolarment inżammet informata dwar it-tensjonijiet li xi kultant inħalqu minn Lagardère, li kellha interess tagħti lill-assi ta’ Editis l-parametru l-iktar wiesgħa possibbli li d-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 kienet tippermettilha żżomm. Fl-istess kontroreplika l-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-mandatarju kien f’diversi drabi oppona lil Lagardère biex jiddefendi l-interessi marbuta mal-assi ċeduti mill-ġdid, wara li kien l-ewwel ikkonsulta mal-Kummissjoni.
100 Issa, l-eżerċizzju minn B. tal-funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv tal-kumpannija detentriċi tal-assi kollha ta’ Editis kien tali li jaffettwa l-indipendenza li l-persuna kkonċernata kellha turi fir-redazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji u tar-rapport li jinforma lill-Kummissjoni b’dawn ir-rakommandazzjonijiet.
101 Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-kuntratt konkluż bejn Ecrinvest 4 u d-ditta S., fid-19 ta’ Diċembru 2002, B. kellu jaġixxi, mill-20 ta’ Diċembru 2002, “fil-kapaċità tiegħu ta’ mandatarju […] fl-interess tal-kumpannija Investima 10 u tal-assi u, b’mod partikolari, bil-għan li tinżamm il-vijabbiltà tagħhom, il-valur ekonomiku tagħhom u l-kompetitività tagħhom”.
102 Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ dan l-istess kuntratt, B. kien obbligat josserva u jiżgura li l-bord eżekuttiv ta’ Investima 10 josserva l-istipulazzjonijiet li jinstabu fl-Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ ċessjoni, li jikkonċernaw “il-prinċipji ta’ ġestjoni prudenti” tal-assi mmirati li għandhom jiġu osservati mill-bord eżekuttiv sabiex “tinżamm l-integrità tal-assi u l-valur tagħhom”.
103 Mill-punt 92 iktar ’il fuq jirriżulta li, barra l-inkarigu speċifiku li kien ingħatalu fi ħdan il-bord eżekuttiv, li kien jikkonsisti fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li l-bord eżekuttiv seta’ jkun inkarigat bihom taħt il-kuntratt ta’ ċessjoni fir-rigward tal-Kummissjoni jew ta’ kull awtorità tal-kompetizzjoni oħra, B. kien ukoll, fil-kapaċità tiegħu ta’ membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10, imbagħad ta’ Editis, neċessarjament implikat fit-twettiq, fir-rgiward tal-assi mmirati kollha miżmuma suċċessivament minn dawn iż-żewġ kumpanniji, tas-setgħat legali kollha ta’ membru tal-bord eżekuttiv ta’ kumpannija kummerċjali.
104 Minn dan jirriżulta li l-eżerċizzju minn B., mill-20 ta’ Diċembru 2002 sal-25 ta’ Marzu 2004, tal-funzjonijiet ta’ membru tal-korp eżekuttiv ta’ Investima 10, li saret Editis, li l-interessi tagħha huwa kellu jipproteġi billi jaġixxi, fil-kuntest tal-mandat tiegħu, skont “il-prinċipji ta’ ġestjoni prudenti”, ma kienx jippermettilu iktar jiżgura l-eżerċizzju b’kull indipendenza tar-responsabbiltajiet ta’ mandatarju indipendenti msemmi fil-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère.
105 Il-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant utilment issostni li l-eżerċizzju minn B. tal-funzjonijiet ta’ terza parti indipendenti, membru tal-bord eżekuttiv ta’ Editis, imbagħad ta’ mandatarju indipendenti, kien intiż sabiex jimpedixxi lil Lagardère teżerċita influwenza fuq il-ġestjoni tal-assi inkwistjoni u li l-mandatarju ma jistax jiġi akkużat li kellu interess jaġixxi għall-benefiċċju ta’ Editis, inkwantu tali interess kien jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għat-twettiq sħiħ tal-impenji ta’ Lagardère u għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva.
106 Peress li, bid-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, Lagardère kienet ġiet awtorizzata żżomm l-assi mmirati enumerati b’mod limitat fil-paragrafu 1 tal-impenji tagħha, kien, għall-kuntrarju, il-mandatarju li kellu jiżgura, b’indipendenza assoluta, li Lagardère teżegwixxi, skont din id-dispożizzjoni, biss dawk l-impenji ta’ ċessjoni mill-ġdid ta’ assi kkunsidrati mill-Kummissjoni stess bħala suffiċjenti, fl-osservanza tal-libertà kuntrattwali tal-partijiet fl-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, sabiex tinżamm kompetizzjoni effettiva u, għaldaqstant, sabiex irendu din l-operazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.
107 Għaldaqstant, ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel għax-xiri tal-assi ċeduti mill-ġdid, li fid-dawl tiegħu kienet ġiet adottata d-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, kien ġie redatt minn mandatarju li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza, fir-rigward ta’ Editis, meħtieġa mill-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère, iddefiniti fl-Anness II tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.
108 Fir-rigward tal-effett tar-rapport fuq il-kontenut tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 5 ta’ din id-deċiżjoni, id-ditta S., fil-kapaċità tagħha ta’ mandatarja, kienet ġiet mitluba tippreżenta lill-Kummissjoni rapport li jevalwa l-kandidatura ta’ Wendel bħala akkwirenti tal-assi ċeduti mill-ġdid fid-dawl tal-kriterji ta’ approvazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère annessi mad-Deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.
109 Barra minn hekk, mill-punt 6 tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004 jirriżulta li din hija bbażata, b’mod partikolari, fuq ir-rapport tal-mandatarju.
110 Għalkemm huwa veru li d-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004 ma hijiex esklużivament ibbażata fuq dan ir-rapport, xorta waħda jirriżulta li dan id-dokument kellu influwenza determinanti fuq l-imsemmija deċiżjoni.
111 Fil-fatt mill-eżami komparattiv tar-rapport tal-mandatarju u tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004 jirriżulta li din kienet sostanzjalment ispirata minn dan ir-rapport.
112 Sabiex juru l-kapaċità ta’ Wendel li żżomm u tiżviluppa lil Nouvel Editis, kemm id-ditta mandatarja, fir-rapport tagħha, kif ukoll il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, jenfasizzaw il-“perimetru limitat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ Nouvel Editis u ż-żamma minn Wendel tar-“riżorsi maniġerjali, editorjali u ta’ sostenn” [traduzzjoni mhux uffiċjali] meħtieġa għal Nouvel Editis.
113 Iż-żewġ dokumenti jirrilevaw fi kliem identiku li l-valutazzjoni tal-investiment ta’ Wendel tinvolvi l-“kostituzzjoni mill-ġdid u l-iżvilupp tal-ispiża taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni ta’ Interforum” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
114 Kemm id-ditta mandatarja kif ukoll il-Kummissjoni jirreferu għat-tqassim maġġoritarju jew prinċipali tal-kapital ta’ Wendel u għall-approċċ “patrimonjali”, differenti minn dawk tal-fondi ta’ investiment tradizzjonali, li jippermettu li jiġi sperat impenn ta’ Wendel f’Editis itwal mill-perspettivi għal żmien qasir ta’ dawn il-fondi.
115 Filwaqt li d-ditta mandatarja tqis li Wendel hija akkwirenti prospettiva li tista’ twettaq mingħajr dewmien l-impenji ta’ Lagardère, il-Kummissjoni tqis li l-akkwist minn Wendel tal-assi ċeduti mill-ġdid minn Lagardère ma huwiex tali li joħloq problemi ġodda ta’ kompetizzjoni tali li jdewmu t-twettiq ta’ dan l-impenji.
116 Fl-aħħar, bħall-mandatarju, li jqis it-tul tal-investiment ta’ Wendel għal madwar ħames sa seba’ snin, ikkunsidrat neċessarju biex tiġi “kkonsolidata” l-impriża, il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li “ħruġ” fi żmien qasir ta’ Wendel mill-kapital ta’ Nouvel Editis huwa improbabbli u li dan huwa biżżejjed biex jippermetti li “tiġi stabbilizzata l-impriża”.
117 Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess irreferiet diversi drabi għall-konklużjonijiet tar-rapport tad-ditta mandatarja biex tikkontesta, bi tweġiba għar-raba’ motiv għal annullament tar-rikorrenti, li wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-konformità tal-kandidatura ta’ Wendel mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ddefiniti fil-paragrafu 10(b) tal-impenji ta’ Lagardère.
118 L-illegalità kkonstata hija għaldaqstant tali li tivvizzja l-legalità tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004.
119 Għaldaqstant hemm lok li din id-deċiżjoni tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra żviluppati mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament.
Fuq it-talba għas-sospensjoni tad-deċiżjoni
120 Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi utilment fuq ir-rikors abbażi tat-talbiet, motivi u argumenti li l-partijiet żviluppaw matul il-proċedura bil-miktub kif ukoll matul dik orali.
121 Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti intiża għas-sospensjoni tad-deċiżjoni.
Fuq l-ispejjeż
122 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
123 Peress li l-Kummissjoni u Lagardère tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu, barra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mir-rikorrenti skont it-talbiet tar-rikorrenti.
124 Peress li r-rikorrenti ma talbitx li Wendel tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, din għandha tbati l-ispejjeż tagħha biss.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2004) D/203365, tat-30 ta’ Lulju 2004, dwar l-approvazzjoni ta’ Wendel Investissement bħala akkwirenti tal-assi ċeduti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/422/KE, tas-7 ta’ Jannar 2004, li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ Nru COMP/M.2978 − Lagardère/Natexis/VUP), hija annullata.
2) Il-Kummissjoni Ewropea u Lagardère SCA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u dawk sostnuti minn Éditions Odile Jacob SAS.
3) Wendel Investissement għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Meij
Vadapalas
Truchot
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2010.
Firem
1? Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy