Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Settembru 2008 – Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-465/04)
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura Komunitarja ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi tal-informatika u provvisti relatati marbuta mas-sistemi ta’ informazzjoni tad-Direttorat Ġenerali tas-Sajd – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Obbligu ta’ motivazzjoni”
1. Rikors għal annullament - Ġurisdizzjoni tal-Qorti Komunitarja - Talbiet intiżi għall-kisba ta’ ordni diretta lil istituzzjoni – Inammissibbiltà (Artikoli 230 KE u 233 KE) (ara l-punt 35)
2. Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej - Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti - Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet - Stħarriġ ġudizzjarju - Limiti (ara l-punt 45)
3. Atti tal-istituzzjonijiet - Motivazzjoni – Obbligu - Portata - Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tiġix aċċettata offerta (Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149) (ara l-punti 47-50, 54, 55, 59, 76-80)
Suġġett
Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Settembru 2004, li ma taċċettax l-offerta magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi tal-informatika u tal-provvisti relatati marbuta mas-sistemi ta’ informazzjoni tad-Direttorat Ġenerali tas-Sajd, u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul.
Dispożittiv
1)
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta magħmula minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti “FISH/2004/02” hija annullata.
2)
Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.
Full & Egal Universal Law Academy