SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla) tat‑2 ta’ Diċembru 2008
Kawża T-471/04
Georgios Karatzoglou
vs
Agence européenne pour la reconstruction (EAR)
“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju – Rinviju lill-Qorti tal-Prim’Istanza wara annullament – Xoljiment ta’ kuntratt – Obbligu ta’ motivazzjoni – Abbuż ta’ poter – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”
Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-AER, tas-26 ta’ Frar 2004, li ttemm il-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Georgios Karatzoglou u l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza.
Sommarju
1. Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Regoli distinti – Xoljiment tal-kuntratt għal żmien indefinit ta’ membru tal-persunal temporanju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Assenza
(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 11 u 47(2)(a))
2. Uffiċjali – Rikors – Motivi – Abbuż ta’ poter – Kunċett
3. Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Xoljiment ta’ kuntratt għal żmien indefinit ta’ membru tal-persunal temporanju – Proposta għal trasferiment f’pajjiż ieħor – Rifjut
1. Ix-xoljiment unilaterali tal-kuntratt għal żmien indefinit ta’ membru tal-persunal temporanju, espressament previst fl-Artikolu 47(2)(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, jagħti lill-awtorità kompetenti diskrezzjoni wiesgħa u hija rrikonoxxuta mill-membru tal-persunal hekk kif jiġi impjegat. Il-ġustifikazzjoni tagħha tinsab fil-kuntratt ta’ impjieg u, għalhekk, ma teħtieġx motivazzjoni. Il-membru tal-persunal temporanju, li l-impjieg tiegħu huwa bbażat fuq kuntratt li jista’ jiġi mitmum unilateralment u mingħajr motivazzjoni, b’rispett tad-dritt applikabbli huwa essenzjalment distint, minn dan l-aspett, mill-uffiċjal. Il-membru tal-persunal temporanju ma jibbenefikax mill-istabbiltà ta’ impjieg iggarantita lill-uffiċjali għaliex id-dmirijiet tiegħu, bħala regola, huma intiżi sabiex jiġu eżerċitati għal żmien limitat. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju hija differenti minn dik ta’ uffiċjal statutorju, u b’hekk l-applikazzjoni b’analoġija tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni għal deċiżjonijiet li jikkawżaw ħsara, kif previst bi kliem ġenerali fl-Artikolu 11 tal-imsemmija regoli, hija eskluża.
(ara l-punti 35, 36)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Ottubru 1977, Schertzer vs Il-Parlament, 25/68, Ġabra p. 1729, punti 39 u 40; Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Ġunju 1992, V vs Il-Parlament, C‑18/91 P, Ġabra p. I‑3997, punt 39; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Jannar 1992, Speybrouck vs Il-Parlament, T‑45/90, Ġabra p. II‑33, punt 93; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Marzu 1994, Hoyer vs Il-Kummissjoni, T‑51/91, ĠabraSP p. I‑A‑103 u II‑341, punt 27; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Frar 2005, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑256/01, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑99, punt 43 ; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑2‑129 u II‑A‑2‑609, punt 72
2. Il-kunċett ta’ abbuż ta’ poter għandu portata preċiża u jirreferi għall-użu minn awtorità amministrattiva tas-setgħat b’għan differenti minn dak li għalih hija tkun ingħatat dawn is-setgħat. Deċiżjoni ma tkunx ivvizzjata minn abbuż ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanjiet differenti minn dawk invokati. F’dan ir-rigward, mhuwiex biżżejjed li jiġu invokati ċerti fatti insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, imma għandhom jiġu pprovduti indizji biżżejjed preċiżi, oġġettivi u konkordanti ta’ natura li jsostnu l-veraċità tagħhom jew, għall-inqas, il-probabbiltà tagħhom, u fin-nuqqas ta’ dan, l-eżattezza materjali tal-affermazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx tista’ tiġi kkontestata.
(ara l-punti 49, 50)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Lulju 2000, Camper vs Il-Parlament, T‑111/99, ĠabraSP p. I‑A‑135 u II‑611, punt 64; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Settembru 2001, E vs Il-Kummissjoni, T‑152/00, ĠabraSP p. I‑A‑179 u II‑813, punt 69; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il-Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punti 179 u 180
3. Skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu, meta tiddeċiedi fir-rigward ta’ sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tqis l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’hekk, hija għandha tqis mhux biss l-interess tas-servizz, imma wkoll dak tal-membru tal-persunal inkwistjoni. L-amministrazzjoni li tkun ipproponiet lil membru tal-persunal temporanju trasferiment lejn pajjiż ieħor, minflok li ttemm il-kuntratt tiegħu, tieħu inkunsiderazzjoni, meta ttemm il-kuntratt tal-membru tal-persunal temporanju li rrifjuta dan it-trasferiment, mhux biss l-interess tas-servizz imma wkoll tal-imsemmi membru tal-persunal.
(ara l-punti 56 sa 58)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BCE, T‑11/03, ĠabraSP p. I‑A‑65 u II‑267, punt 42; Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Diċembru 2007, Sequeira Wandschneider vs Il-Kummissjoni, F‑28/06, Ġabra SP-I-A-1-41,II-A-1-135, punt 150
Full & Egal Universal Law Academy