SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)
19 ta’ Ġunju 2007
Kawża T-473/04
Cristina Asturias Cuerno
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Servizzi mwettqa għal organizzazzjoni internazzjonali – Allowance ta’ installazzjoni– Allowance ta’ kuljum”
Suġġett: Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Awwissu 2004, li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti tas-27 ta’ April 2004 u li tirrifjutalha l-benefiċċju ta’ l-allowance ta’ espatrijazzjoni prevista mill-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll ta’ l-allowances li huma marbuta ma’ din l-allowance.
Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar u tal-25 ta’ Awwissu 2004 huma annullati. Ir-rikorrenti għandha dritt għall-allowance ta’ espatrijazzjoni prevista mill-Artikolu 4 ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll għall-allowance ta’ installazzjoni prevista mill-Artikolu 5 ta’ l-imsemmi anness. Għall-kumplament, ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.
Sommarju
1. Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa
2. Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti
(Artikolu 189 KE; Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a))
3. Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti
(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a))
4. Uffiċjali – Ħlas lura ta’ spejjeż – Allowance ta’ kuljum – Kundizzjonijiet għall-għoti
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 20; Anness VII, Artikolu 10)
1. L-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħti lill-Qorti tal-Prim’Istanza ġurisdizzjoni sħiħa f’kontroversji ta’ natura finanzjarja. Fil-kuntest ta’ din is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti sabiex tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dritt għall-allowance ta’ espatrijazzjoni u għal allowances oħra marbuta magħha.
(ara l-punt 23)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ April 1992, Costacurta Gelabert vs Il-Kummissjoni, T‑18/91, Ġabra p. II‑1655, punt 50; Il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Novembru 1993, Vienne vs Il-Parlament, T‑15/93, Ġabra p. II‑1327, punt 41; Il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Diċembru 1996, Lozano Palacios vs Il-Kummissjoni, T‑33/95, ĠabraSP p. I‑A‑575 u II‑1535, punt 67
2. Is-servizzi mwettqa minn uffiċjal qabel ma daħal fis-servizz tal-Komunitajiet bħala assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew jikkorrispondu għal servizzi mwettqa għal organizzazzjoni internazzjonali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni dwar l-għoti ta’ l-allowance ta’ espatrijazzjoni prevista fl-aħħar sentenza tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, minn naħa, assistent Parlamentari jwettaq servizzi għall-Parlament, peress li jikkollabora, fil-kuntest tax-xogħol tiegħu u fil-limitu tar-responsabbiltajiet tiegħu, fl-eżekuzzjoni u fit-twettiq tal-funzjonijiet li għandhom il-Parlament u l-Membri tiegħu taħt it-Trattat. Min-naħa l-oħra, l-uffiċjal għandu rabta diretta ma’ din l-istituzzjoni peress li l-Membri tal-Parlament ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħal terzi fil-konfront ta’ l-istituzzjoni stess. Kif inhu stabbilit fl-Artikolu 189 KE, il-Parlament huwa kompost minn “rappreżentanti tal-popli ta’ l-Istati”, jiġifieri l-“Membri tal-Parlament”. Id-deputati jikkostitwixxu għalhekk element importanti daqs l-istituzzjoni stess u, fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom, jistgħu jiġi kkunsidrati li huma l-istess bħall-Parlament. Issa, huwa f’dan il-kuntest tal-mandati tagħhom mogħtija lilhom mill-elettorat li d-deputati jimpjegaw assistenti, u dan sabiex ikollhom l-għajnuna meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.
Din il-konklużjoni mhijiex imwaqqa’ la mir-regolamenti li jipprovdu li d-deputat u l-assistent għandhom jikkonkludu kuntratt taħt id-dritt privat li jistipula espressament li l-Parlament ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-prinċipal ta’ jew il-parti li tikkonkludi l-kuntratt ma’ l-assistent u li jeskludi r-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni fir-rigward ta’ l-ilmenti ta’ l-assistent, u lanqas mill-klawżoli kuntrattwali li jimplementaw dawn ir-regolamenti. Fil-fatt, jidher li l-uniku għan ta’ dawn ir-regolamenti u dawn il-klawżoli huwa li jeliminaw ir-responsabbiltà tal-Parlament fil-konfront ta’ l-assistenti parlamentari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma kuntrattwali, fiskali u ta’ sigurtà soċjali. Madankollu, il-kwistjoni jekk teżistix jew le rabta ġuridika bejn iż-żewġ partijiet tiddependi min-natura u l-kontenut tar-relazzjonijiet li hemm bejniethom, relazzjonijiet li l-kwalifika tagħhom tiddependi biss mill-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza u mhux mill-kwalifika mogħtija mill-partijiet stess. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-Parlament jirregola l-aspetti prinċipali ta’ l-impjieg ta’ l-assistenti, jeżerċita kontroll amministrattiv ta’ l-impjieg tagħhom mid-deputati u huwa responsabbli direttament, fil-prinċipju, għall-ħlas tar-remunerazzjoni korrispondenti għax-xogħol jew għas-servizzi tagħhom juri kemm ikun tassew artifiċjali jekk jitqies li l-Parlament huwa persuna terza fil-konfront ta’ l-assistenti u li m’hemmx rabta ġuridika diretta bejn din l-istituzzjoni u l-assistenti parlamentari tal-Membri tiegħu.
(ara l-punti 48, 51, 52, 57, 60, 61, 63, 69 u 70)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Marzu 1991, Pérez-Mínguez Casariego vs Il-Kummissjoni, T‑1/90, Ġabra p. II‑143, punt 38; Il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Lulju 1993, Hogan vs Il-Parlament, T‑115/92, Ġabra p. II‑895, punt 36; Il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Marzu 1995, Kotzonis vs CES, T‑586/93, Ġabra p. II‑665, punt 21; Il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Ġunju 2004, Garroni vs Il-Parlament, T‑276/01, ĠabraSP p. I‑A‑177 u II‑795, punt 52
3. L-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ l-għoti ta’ l-allowance ta’ espatrijazzjoni, jadotta r-residenza abitwali ta’ l-uffiċjal qabel ma beda jaħdem bħala l-kriterju ewlieni, fejn ir-residenza abitwali hija l-post fejn l-uffiċjal ikkonċernat ikun stabbilixxa, bl-intenzjoni ta’ permanenza, iċ-ċentru permanenti jew abitwali ta’ l-interessi tiegħu. Is-sempliċi fatt li jirrisjedi f’pajjiż barrani sabiex ilesti studji universitarji jew sabiex jagħmel perijodi ta’ prattika professjonali mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi preżunta l-intenzjoni li jistabbilixxi ċ-ċentru permanenti ta’ l-interessi tiegħu f’dan il-pajjiż.
(ara l-punti 73 u 74)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Settembru 1994, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni, C‑452/93 P, Ġabra p. I‑4295, punt 21; Il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Diċembru 2004, E vs Il-Kummissjoni, T‑251/02, ĠabraSP p. I‑A‑359 u II‑1643, punt 53; Il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Ottubru 2005, Dedeu i Fontcuberta vs Il-Kummissjoni, T‑229/02, ĠabraSP p. I‑A‑303 u II‑1377, punt 66
4. Sabiex jiġi ddeterminat, għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ l-allowance ta’ kuljum, jekk l-uffiċjal kienx obbligat li jbiddel ir-residenza tiegħu sabiex jissodisfa l-obbligi ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-residenza li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni hija dik fejn ikollu ċ-ċentru ta’ l-interessi tiegħu. Huwa possibbli, f’dan ir-rigward, li matul ċertu perijodu jkun hemm, fl-istess ħin, żewġ residenzi, l-ewwel residenza bħala r-residenza abitwali u t-tieni residenza bħala r-residenza minħabba l-attività professjonali prinċipali. Għalhekk, mis-sempliċi fatt li l-uffiċjal ikkonċernat ħadem f’post differenti minn dak fejn kien assenjat waqt il-perijodu preċedenti għall-impjieg tiegħu ma jistax jiġi dedott li huwa kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi hemmhekk iċ-ċentru permanenti ta’ l-interessi tiegħu jekk elementi li joħorġu miċ-ċirkustanzi professjonali u personali tiegħu jikkontradixxu fil-fatt li huwa kellu din l-intenzjoni.
(ara l-punti 84 u 87)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Parlament vs Vienne, C‑43/94 P, Ġabra p. I‑2441, punt 21; Lozano Palacios vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47; E vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73
Full & Egal Universal Law Academy