DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)
14 ta' Settembru 2005(*)
"Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Sejħa għal offerti – Rifjut ta' l-offerta ta' offerent – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Preskrizzjoni – Inammissibbiltà – Rikors manifestament infondat"
Fil-kawża T‑140/04
Adviesbureau Ehcon BV, stabbilita f'Reeuwijk (L-Olanda), irrappreżentata minn M. Goedkoop, Avukat,
rikorrenti
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Parpala u E. Manhaeve, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
li għandha bħala suġġett rikors għal kumpens ta' danni li jirriżultaw minn ħsara allegatament sofferta mir-rikorrenti minħabba r-rifjut ta' l-offerta tagħha għal sejħa għal offerti, ippubblikata fl-10 ta' Awwissu 1996 (ĠU C 232, p. 35), għal servizzi relatati mad-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE, tal-15 ta' Lulju 1980, dwar il-kwalità ta' l-ilma intiż għall-konsum uman (ĠU L 229, p. 11) [traduzzjoni mhux uffiċjali],
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,
Reġistratur: H. Jung,
tagħti l-preżenti
Digriet
Fatti li taw lok għall-kawża
1 Fl-10 ta' Awwissu 1996, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għal offerti għal servizzi relatati mad-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE, tal-15 ta' Lulju 1980, dwar il-kwalità ta' l-ilma intiż għall-konsum uman (ĠU L 229, p. 11) fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 232, p. 35) (aktar 'il quddiem is-"sejħa għal offerti"). Il-proċedura għandha twassal għall-konklużjoni ta' kuntratt inizjali ta' sena, bil-possibbiltà li jiġi pprorogat għal perjodu ta' sentejn kemm-il darba l-fornitur ikun ta servizz sodisfaċenti. L-iskop tal-kuntratt kien li jiġi pprovdut sostenn tekniku u xjentifiku lit-tim "Ilma tajjeb għax-xorb" fi ħdan l-unità "Protezzjoni ta' l-ilma, konservazzjoni tal-ħamrija u ta' l-agrikoltura" tad-Direttorat Ġenerali "Ambjent, sigurtà nukleari u protezzjoni ċivili", fil-kuntest tal-proposta għal reviżjoni tad-direttiva msemmija aktar 'il fuq.
2 Il-proċedura tas-sejħa għal offerti, skond l-anness tekniku tagħha, kellha sseħħ f'żewġ fażijiet.
3 L-ewwel fażi kienet tikkonsisti fl-għażla ta' l-offerenti li jissodisfaw dawn il-kriterji:
– li jkun individwu jew entità ġuridika u jipprovdi prova ta' dan permezz ta' dokumenti ta' reġistrazzjoni jew ta' numri ta' reġistri uffiċjali;
– li jipprovdi prova tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta' dikjarazzjonijiet magħmula minn banek u/jew il-preżentazzjonijiet tal-kontijiet jew partijiet mill-kontijiet;
– li jipprovdi prova ta' l-esperjenza neċessarja fir-riċerka dwar l-ilma fuq il-bażi tal-kwalifiki tiegħu, ta' referenzi għal xogħolijiet li għamel qabel u tal-kompożizzjoni tat-tim propost, inkużi l-curriculum vitae;
– jiddisponi min-netwerk neċessarja sabiex ikopri l-Istati Membri ta' l-Unjoni kollha.
4 Skond it-tieni fażi, il-kuntratt kellu jiġi deċiż, minn fost l-offerenti li jkunu magħżula preċedentement, fuq il-bażi ta' dawn il-kriterji:
– il-preżentazzjoni, iċ-ċarezza u l-kwalità ta' l-offerta;
– il-konoxxenza u l-fehim ta' l-eżiġenzi tekniċi tax-xogħol (prova ta' l-esperjenza neċessarja fix-xjenza ta' l-ilma fuq il-bażi ta' kwalifiki, ta' referenzi għal xogħolijiet li jkunu saru qabel u l-kompożizzjoni tat-tim propost, inklużi l-curriculum vitae)
– il-prezz ta' l-offerta.
5 Ir-rikorrenti ppreżentat l-offerta tagħha f'Settembru 1996.
6 Permezz ta' l-ittra tas-7 ta' Jannar 1997, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-offerta tagħha ma kinitx ġiet magħżula.
7 Permezz ta' l-ittri tat-13 u tal-31 ta' Jannar 1997 u tal-15 ta' Frar 1997, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex tindikalha l-motivi li għalihom l-offerta tagħha ġiet irrifjutata.
8 Permezz ta' l-ittra tat-13 ta' Marzu 1997, il-Kummissjoni rrispondiet għal din it-talba u qalet li l-offerta tar-rikorrenti kienet ġiet imwarrba għar-raġuni illi din ma kellhiex l-esperjenza neċessarja fir-riċerka dwar l-ilma, kundizzjoni meħtieġa mill-anness tekniku, filwaqt li żiedet tgħid li l-Kummissjoni kienet qegħda tfittex offerenti li għandhom esperjenza fir-riċerka, fl-iżvilupp u fid-disinn ta' l-apparat għat-trattament ta' l-ilma. Barra minn hekk, għalkemm dan il-fattur ma kienx deċiżiv, ir-rikorrenti ma kellhiex konoxxenza li kienet ta' min joqgħod fuqha u lanqas kellha kopertura ta' l-Unjoni kollha.
9 Permezz ta' l-ittra ta' l-20 ta' Marzu 1997, ir-rikorrenti indikat lill-Kummissjoni, min-naħa, li mid-dokumentazzjoni ppreżentata kien jirriżulta li hija kellha esperjenza soda fir-riċerka dwar l-ilma u s-sistemi ta' purifikazzjoni ta' l-ilma tajjeb għax-xorb, u min-naħa l-oħra, li esperjenza fir-riċerka, fl-iżvilupp u fid-disinn ta' l-apparat għat-trattament ta' l-ilma ma tidhirx fost il-kriterji msemmija fl-anness tekniku.
10 Permezz ta' l-ittra ta' l-10 ta' April 1997, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li l-espressjoni "esperjenza neċessarja fir-riċerka dwar l-ilma" għandha tiftiehem li tinkludi esperjenza fid-disinn ta' l-apparat għat-trattament ta' l-ilma. Fil-fatt, il-Kummissjoni stenniet li l-offerenti jikkompletaw l-esperjenza li l-persunnal tagħha diġa għandu fl-amministrazzjoni u fir-regolazzjoni ta' l-ilma, b'mod partikolari fil-qasam ta' inċidenzi tekniċi u finanzjarji ta' l-istandards proposti minnha għal ċerti sustanzi kimiċi kif ukoll fir-rigward tad-disinn u l-funzjonament ta' l-apparat għat-trattament ta' l-ilma. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-offerta tar-rikorrenti kienet wisq dgħajfa għal dak li jikkonċerna l-kriterju dwar il-konoxxenza u l-kopertura ta' l-Unjoni Ewropea.
11 Matul is-sena 1997, ir-rikorrenti ppreżentat ilment quddiem l-Ombudsman ta' l-Unjoni Ewropea. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Diċembru 1997. Permezz ta' l-ittri tas-7 ta' Diċembru 1997 u ta' l-20 ta' Frar 1998, ir-rikorrenti talbet lill-Ombudsman sabiex jirrivedi l-pożizzjoni tiegħu. Din it-talba ġiet miċħuda fis-6 ta' Mejju 1999.
12 Permezz ta' l-ittra ta' l-20 ta' Settembru 1999, ir-rikorrenti kitbet lill-President tal-Kummissjoni sabiex tkun tista' tikseb il-ħlas għad-danni li allegatament sofriet u talbet li tingħata aċċess għad-dokumenti tas-sejħa għal offerti. Dawn it-talbiet ġew miċħuda permezz ta' l-ittra tal-11 ta' Jannar 2000.
13 Peress illi bil-mezzi tagħha stess irnexxielha tikseb l-offerta ta' wieħed mill-offerenti, il-kumpannija EDC, li kienet magħżula fl-ewwel fażi, u li ma kellhiex esperjenza fid-disinn ta' apparat għat-trattament ta' l-ilma, ir-rikorrenti ressqet ilment ġdid quddiem l-Ombudsman fit-22 ta' Lulju 2000. Permezz ta' l-ittra tal-15 ta' Frar 2001, l-Ombudsman informa lir-rikorrenti li stieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi ċerta informazzjoni qabel il-31 ta' Marzu 2001. Il-Kummissjoni segwiet din it-talba.
14 Fit-22 ta' Ottubru 2001, l-Ombudsman ta d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward ta' l-ilment tar-rikorrenti tat-22 ta' Lulju 2000 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' l-Ombudsman"). Skond din id-deċiżjoni, l-Ombudsman qies, min-naħa, li meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq kriterju li ma jidhirx fis-sejħa għal offerti, jirriżulta li l-proċedura ta' għażla ma kinitx saret b'mod trasparenti u, min-naħa l-oħra, l-għażla, fl-aħħar ta' l-ewwel fażi, ta' l-offerti taż-żewġ offerenti (il-kumpanniji EDC u Eunice), li ma kinux urew li għandhom esperjenza fid-disinn ta' apparat għat-trattament ta' l-ilma, il-Kummissjoni kienet ukoll ħatja ta' trattament mhux ugwali fir-rigward tar-rikorrenti. L-Ombudsman ikkonkluda li dawn iż-żewġ każijiet ta' amministrazzjoni ħażina jiġġustifikaw osservazzjoni kritika.
15 Permezz ta' l-ittra tat-12 ta' Novembru 2001, ir-rikorrenti għamlet talba ġdida għal kumpens ta' danni lill-Kummissjoni. Din ta' l-aħħar ċaħdet din it-talba permezz ta' l-ittra tal-31 ta' Jannar 2002.
16 Permezz ta' talba ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Marzu 2002, li r-rikorrenti ressqet fuq il-bażi ta' l-Artikolu 94(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, hija talbet il-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas sabiex tressaq rikors għal kumpens ta' danni kontra l-Kummissjoni.
17 Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta' digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Diċembru 2002, Ehcon vs Il-Kummissjoni (T-90/02 AJ, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).
Proċedura u talbiet tal-partijiet
18 Ir-rikorrenti ressqet din il-kawża permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' April 2004.
19 Permezz ta' att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
20 Ir-rikorrenti ppreżentat is-sottomissjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni fit-30 ta' Awwissu 2004.
21 Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:
– tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta' EUR 243 900, bl-interessi skond ir-rata stabbilita fil-liġi;
– sussidjarjament, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta' EUR
40 400, bl-interessi skond ir-rata stabbilita fil-liġi;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
22 Fl-eċċezzjoni tagħha ta' inammissibbiltà, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza:
– tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;
– tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.
23 Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim' Istanza:
– tiddikjara li l-eċċezzjoni ta' inammissibbilta mhijiex fondata;
– sussidjarjament, tiċħad din l-eċċezzjoni;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-proċedura preliminari.
Id-dritt
24 Skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk jiġi mitlub minn parti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skond il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, il-proċeduri għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tiddeċidix mod ieħor.
25 Barra minn hekk, skond l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti tal-Prim'Istanza hija manifestament inkompetenti li tieħu konjizzjoni ta' rikors jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli jew manifestament nieqes minn kull bażi fid-dritt, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista', mingħajr ma tkompli l-proċedura, tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta' digriet motivat.
26 F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li mid-dokumenti tal-fajl għandha informazzjoni biżżejjed sabiex tiddeċiedi mingħajr ma tkompli l-proċedura.
Argumenti tal-partijiet
27 Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu għar-raġuni li l-kawża mressqa mir-rikorrenti hija preskritta skond l-Artikolu 46 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
28 Hija ssostni li, skond il-ġurisprudenza, il-fatt li jagħti lok għall-kawża huwa l-okkorrenza tad-danni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, C-136/01 P, Ġabra p. I-6565, punt 30). Barra minn hekk, il-preskrizzjoni tiġi interrotta biss permezz tar-rikors magħmul quddiem l-Imħallef Komunitarju jew permezz ta' talba preliminari indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti tal-Komunità, bil-kundizzjoni li f'dan l-aħħar każ, ikun hemm interruzzjoni biss jekk it-talba tkun segwita minn rikors fit-termini stabbiliti fl-Artikoli 230 KE u 232 KE, skond il-każ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' April 1973, Giordano vs Il-Kummissjoni, 11/72, Ġabra p. 417, punt 6; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1995, Nölle vs Il-Kummissjoni, T-167/94, Ġabra p. II-2589, punt 30, u digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Settembru 2001, Jestädt vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-332/99, Ġabra p. II-2561, punt 47).
29 Dwar l-eċċezzjoni ta' l-ispejjeż inkorsi biex jinġabru l-elementi ta' prova ta' l-allegata illegalità fl-imġieba tal-Kummissjoni, id-dannu li għalih ir-rikorrenti titlob il-kumpens ġie kkonkretizzat hekk kif il-Kummissjoni informatha bid-deċiżjoni formali tar-rifjut ta' l-offerta tagħha, jiġifieri fis-7 ta' Jannar 1997. Fir-rigward ta' l-imsemmija spejjeż, il-Kummissjoni madankollu ssostni li r-rikorrenti kienet diġà qalet, permezz ta' faks tal-25 ta' Marzu 1997, li hija kellha elementi ta' prova suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet responsabbli. Hija ssostni wkoll li l-ispejjeż inkorsi wara din id-data ma jistgħux jagħtu lok għal kumpens ta' danni.
30 Peress illi dan ir-rikors ġie mressaq fit-8 ta' April 2004, jiġifieri aktar minn sentejn wara l-iskadenza tat-terminu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin, il-Kummissjoni tikkunsidra li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, jekk fil-21 ta' Settembru 1999, ir-rikorrenti ressqet talba għal kumpens ta' danni quddiem id-dipartimenti tagħha, iċ-ċaħda ta' din it-talba, fil-11 ta' Jannar 2000, ma ġietx segwita minn rikors fit-termini previsti fl-Artikoli 230 KE u 232 KE, b'mod illi din it-talba ma setgħetx tinterrompi t-terminu ta' preskrizzjoni. L-istess japplika fir-rigward tat-tieni talba għal kumpens ta' danni mressqa mir-rikorrenti fit-12 ta' Novembru 2001 u miċħuda mill-Kummissjoni fil-31 ta' Jannar 2002.
31 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li r-rikorrenti kienet konxja minn dak li kienet suġġetta għalih fit-terminu ta' preskrizzjoni, kif jirriżulta mill-ittri indirizzati lill-Ombudsman fit-12 ta' Jannar u fl-10 ta' Mejju 1999.
32 Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors huwa ammissibbli fl-intier tiegħu.
33 L-ewwel nett, hija ssostni li t-terminu ta' preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha l-persuna kkonċernata ssir taf bil-fatti li jkunu taw lok għad-dritt tagħha għal kumpens. B'risposta għat-talbiet irrepetuti tar-rikorrenti indirizzati lill-Kummissjoni, bil-għan li tikseb xi kjarimenti dwar id-deċiżjoni ta' din ta' l-aħħar li ma tagħżilx l-offerta tagħha fl-aħħar ta' l-ewwel fażi ta' l-għażla, il-Kummissjoni dejjem kienet issostni li r-rikorrenti ma kellhiex esperjenza suffiċjenti fir-rigward tar-riċerka dwar l-ilma, kriterju li qabel kien ikkunsidrat bħala li jinkludi d-disinn ta' l-apparat għat-trattament ta' l-ilma. Isegwi li r-rikorrenti ġiet mogħtija indikazzjonijiet żbaljati mill-Kummissjoni u b'hekk ma setgħetx tinduna bl-inugwaljanza fit-trattament li kien hemm fid-deċiżjoni ta' din ta' l-aħħar matul is-sena 2000, żmien li fih, permezz tal-mezzi tagħha stess, hija setgħet finalment tikseb l-offerta ta' offerent magħżul għat-tieni fażi.
34 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet indikat li l-fatt li tiġi pprovduta informazzjoni żbaljata lil parti avversarja jwassal għall-impossibbiltà, għal dik il-parti li tipprovdi din l-informazzjoni, li tipprevali mill-preskrizzjoni ta' l-azzjoni kontra din il-parti. B'hekk, l-applikazzjoni stretta ta' terminu ta' preskrizzjoni ma tistax, b'mod raġonevoli, tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' Diċembru 1998, Levez, C-326/96, Ġabra p. I-7835).
35 Skond ir-rikorrenti, il-loġika u l-ekwità għalhekk iwasslu biex jiġi kkunsidrat, skond il-prinċipju contra non valentem agere non currit praescriptio, li t-terminu ta' preskrizzjoni ġie sospiż sat-22 ta' Ottubru 2001, il-ġurnata meta l-Ombudsman fid-deċiżjoni tiegħu, b'risposta għall-ilment tar-rikorrenti, ikkonkluda li kien jidher li l-Kummissjoni ddiskriminat bejn l-offerenti. Qabel din id-data, fin-nuqqas ta' elementi ta' prova, rikors kontra l-Kummissjoni, fil-fatt, ma kellu ebda possibbiltà li jintrebaħ, kif jidher mill-fatt li l-ilmenti ta' qabel tar-rikorrenti kienu ġew irrifjutati mill-Ombudsman.
36 It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dannu li għalih qegħda titlob kumpens ma kienx għadu immaterjalizza dakinhar tar-rifjut ta' l-offerta tagħha mill-Kummissjoni. Dan ġara matul is-snin wara li hija sofriet, b'mod kontinwu, dannu minħabba l-fatt li ma setgħetx tisfrutta u testendi l-esperjenza professjonali tagħha. Bl-istess mod, id-dannu soffert minħabba l-fatt li t-tieni kuntratt pubbliku għal servizzi ġie mogħti lil offerent ieħor ġie immaterjalizzat meta saret din l-għotja, jiġifieri fit-30 ta' Novembru 2000. Fl-aħħar nett, l-ispejjeż li saru għall-ġbir tal-provi kontra l-Kummissjoni sabiex jitressaq l-ilment quddiem l-Ombudsman ġew inkorsi fis-sena 2000.
37 It-tielet u l-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li fil-25 ta' Marzu 2002 hija ressqet talba għall-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas bil-għan li tressaq rikors għad-danni kontra l-Kummissjoni. Peress illi din it-talba ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti ma kinitx f'pożizzjoni finanzjarja li tressaq rikors qabel id-data tal-preżentata ta' dan ir-rikors.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
38 L-Artikolu 46 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li:
"L-azzjonijiet kontra l-Komunitajiet f'materja ta' responsabbiltà non-kontrattwali jiġu preskritti b'ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi [i]nterrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista' tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Komunitajiet. F'dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi preżentat fit-terminu ta' xahrejn previst fl-Artikolu 230 tat-Trattat tal-KE u fl-Artikolu 146 tat-Trattat tal-KEEA; japplikaw meta jkun il-każ, rispettivament id-disposizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikoli 232 tat-Trattat tal-KE u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 148 tat-Trattat tal-KEEA."
39 Skond il-ġurisprudenza, mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE jirriżulta li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu soffert jiddependu mill-fatt illi jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha, jiġifieri l-illegalità ta' l-imġieba li hija akkużata biha l-istituzzjoni, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-imġieba ta' l-istituzzjoni u l-allegat dannu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Jannar 1987, Birra Wührer vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 9, u digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Awwissu 1999, Fratelli Murri vs Il-Kummissjoni, T-106/98, Ġabra p. II-2553, punt 25), u b'hekk il-preskrizzjoni ta' l-azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-Komunità ma tistax tibda tiddekorri qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li huwa subordonat għalihom l-obbligu ta' kumpens u b'mod partikolari qabel ma jiġu kkonkretizzati d-danni li għalihom għandu jingħata kumpens (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Birra Wührer vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 9 u 10).
40 F'din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti titlob kumpens għal danni ta' natura differenti.
41 Prinċipalment, hija essenzjalment titlob il-kumpens:
– għad-danni sofferti minħabba l-fatt li ma ngħatatx il-kuntratt inizjali, ekwivalenti għall-benefiċċji netti li dan il-kuntratt kien jiġġenera, stmati fl-ammont ta' EUR 158 400 (aktar 'il quddiem id-"danni li jirriżultaw mill-fatt li ma kisbitx il-kuntratt in kwistjoni");
– għad-danni li jirriżultaw mill-attakk fuq ir-reputazzjoni tagħha bħala espert fir-riċerka dwar l-ilma, mit-tnaqqis ta' l-ammont ta' xogħol u mill-impossibbiltà li testendi l-esperjenza professjonali tagħha fir-rigward tar-riċerka dwar l-ilma u mill-obbligu li tiżviluppa l-esperjenza professjonali tagħha f'qasam ġdid, stmati fl-ammont ta' mill-inqas EUR 60 000 (aktar 'il quddiem id-"dannu li jirriżulta mill-attakk fuq ir-reputazzjoni, mit-tnaqqis ta' l-ammont ta' xogħol, mill-impossibbilta li testendi l-esperjenza professjonali tagħha fir-rigward tar-riċerka dwar l-ilma u l-iżvilupp ta' esperjenza professjonali f'qasam ġdid");
– għat-telf tal-possibbiltà li tikseb kuntratt ulterjuri, mogħti fit-30 ta' Novembru lill-kumpannija Haskoning, stmat bħala 10% tal-benefiċċji netti li din ta' l-aħħar irċeviet f'din l-okkażjoni, jiġifieri EUR 25 500 (aktar 'il quddiem "danni li jirriżultaw mit-telf tal-possibbiltà li tikseb il-kuntratt segwenti").
42 Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob il-kumpens:
– għat-telf tal-possibbiltà li tikseb il-kuntratt in kwistjoni, stmat, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni li ntgħażlu sitt intrapriżi fl-aħħar ta' l-ewwel fażi ta' l-għażla, 1/6 tal-benefiċċji netti li l-kuntratt kien jiġġenera, jiġifieri EUR 26 400 (aktar 'il quddiem id-"danni li jirriżultaw mit-telf tal-possibbiltà li tikseb il-kuntratt in kwistjoni");
– għall-ispejjeż inkorsi sabiex tipparteċipa fil-proċedura ta' l-għoti inizjali stmati fl-ammont ta' EUR 10 000 (aktar 'il quddiem "l-ispejjeż tal-proċedura ta' l-għoti");
– għall-ispejjeż inkorsi minħabba d-diversi ilmenti quddiem l-Ombudsman u l-ispejjeż inkorsi sabiex tiġbor l-elementi kollha ta' prova kontra l-Kummissjoni, stmati fl-ammont ta' EUR 4 000 (aktar 'il quddiem l-"ispejjeż inkorsi quddiem l-Ombudsman u sabiex jinġabru l-elementi kollha ta' prova").
Fuq id-danni li kkonkretizzaw ruħhom dakinhar tar-rifjut ta' l-offerta tar-rikorrenti
43 Għandu jiġi kkunsidrat li d-danni li jirriżultaw mill-fatt li ma kisbitx il-kuntratt in kwistjoni, id-danni li jirriżultaw mit-telf tal-possibbiltà li tikseb il-kuntratt in kwistjoni, l-ispejjeż tal-proċedura ta' l-għoti u d-danni li jirriżultaw mill-attakk fuq ir-reputazzjoni, mit-tnaqqis fl-ammont ta' xogħol, mill-impossibbiltà li testendi l-esperjenza professjonali tagħha fir-rigward tar-riċerka dwar l-ilma u mill-iżvilupp ta' esperjenza professjonali f'qasam ġdid ġew ikkonkretizzati dakinhar tar-rifjut ta' l-offerta tar-rikorrenti mill-Kummissjoni. Dan ir-rifjut jikkonstitwixxi wkoll il-fatt li ta lok għal din il-kawża dwar responsabbiltà, skond l-Artikolu 46 ta' l-Istatut tal-Qorti.
44 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li huwa kostanti li l-imsemmi rifjut seħħ meta ngħatat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Jannar 1997, u wara, fuq talba tar-rikorrenti, il-Kummissjoni żviluppat il-motivi tad-deċiżjoni permezz ta' l-ittra tat-13 ta' Marzu 1997. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li r-rikorrenti saret taf b'din il-motivazzjoni mhux aktar tard mill-20 ta' Marzu 1997, id-data ta' l-ittra tagħha lill-Kummissjoni li fiha tirreferi għall-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 1997.
45 Isegwi li, fir-rigward ta' dawn id-danni, il-kundizzjonijiet kollha ta' l-implementazzjoni tad-dritt għal kumpens ta' danni tar-rikorrenti kienu ġew sodisfatti mhux aktar tard mill-20 ta' Marzu 1997 u li, b'hekk, it-terminu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin kien wasal biex jiskadi, l-aktar tard, fl-20 ta' Marzu 2002.
46 Il-fatt li r-rikorrenti ressqet żewġ talbiet quddiem il-Kummissjoni, fl-20 ta' Settembru 1999 u fit-12 ta' Novembru 2001, bil-għan li tikseb kumpens għad-dannu li tallega li sofriet ma jistax iwassal għal riżultat differenti, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni li hemm qbil li dawn it-talbiet ma ġewx segwiti minn ebda rikors fuq il-bażi ta' l-Artikoli 230 KE jew 232 KE.
47 Fil-fatt, skond l-Artikolu 46 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-terminu ta' preskrizzjoni huwa interrott biss bil-preżentata ta' rikors quddiem l-Imħallef Komunitarju jew b'talba qabel il-preżentata tar-rikors indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti tal-Komunità, bil-kundizzjoni li f'dan l-aħħar każ, ikun hemm interruzzjoni biss jekk it-talba tkun segwita minn rikors fit-terminu stabbilit fl-Artikoli 230 KE u 232 KE, skond il-każ (sentenza Giordano vs Il-Kummissjoni, punt 28 aktar 'il fuq, punt 6; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Novembru 1998, Steffens vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-222/97, Ġabra p. II-4175, punti 35 u 42, u digriet Jestädt vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 28 aktar 'il fuq, punt 47).
48 Konsegwentement, peress illi r-rikors ġie mressaq fit-8 ta' April 2004, jiġifieri aktar minn seba' snin wara li beda jiddekorri t-terminu ta' preskrizzjoni fl-20 ta' Marzu 1997, dan ir-rikors, safejn jikkonċerna l-kumpens għall-imsemmija danni, għandu jiġi ddikjarat preskritt u għaldaqstant inammissibbli.
49 Ebda mill-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħu jikkontestaw din il-konklużjoni.
50 L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li hija setgħet biss tinduna bl-allegata illegalità li saret mill-Kummissjoni fis-sena 2000, jiġifieri meta rnexxielha tikseb l-offerta magħmula minn offerent, li kien ġie magħżul fl-aħħar ta' l-ewwel fażi u li minnha kien jirriżulta li dan l-offerent ma kellux esperjenza fir-rigward tad-disinn ta' l-apparat għat-trattament ta' l-ilma. Mingħajr ma tippreċiża l-ġurnata li fiha hija effettivament setgħet tikseb dan id-dokument, ir-rikorrenti ssostni li l-loġika u l-ekwità jwasslu biex jiġi stabbilit li d-data ta' meta kellu jibda jiddekorri t-terminu ta' preskrizzjoni kienet it-22 ta' Ottubru 2001, il-ġurnata li fiha l-Ombudsman ta d-deċiżjoni tiegħu fuq il-bażi ta' dan id-dokument u ta' l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, u li fiha r-rikorrenti ma kellha ebda element ta' prova b'mod illi r-rikors tagħha ma setax jilħaq l-għan tiegħu.
51 Għandu jiġi mfakkar li l-illegalità ta' l-imġieba li biha r-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni, u li saret taf biha tard wisq, tikkonsisti essenzjalment fl-allegata applikazzjoni ta' kriterju ta' għażla, jiġifieri esperjenza fir-rigward tad-disinn ta' apparat għat-trattament ta' l-ilma, li, min-naħa, ma kienx jidher fost il-kriterji msemmija fis-sejħa għal offerti, u li, min-naħa l-oħra, ġie applikat b'mod diskriminatorju fir-rigward tar-rikorrenti.
52 Fir-rigward ta' l-illegalità li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju in kwistjoni, mill-eżami tal-fajl joħroġ li r-rikorrenti saret taf li l-offerta tagħha ġiet irrifjutata fuq il-bażi ta' dan il-kriterju permezz ta' l-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 1997. Għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tagħha ta' l-20 ta' Marzu 1997, ir-rikorrenti kkontestat l-argument tal-Kummissjoni billi sostniet li hija għandha esperjenza soda fir-rigward tar-riċerka dwar l-ilma u li esperjenza fir-rigward tad-disinn ta' l-apparat għat-trattament ta' l-ilma ma kinitx tidher fost il-kriterji ta' għażla. B'hekk, ir-rikorrenti kkonkludiet li ġiet eskluża mill-proċedura ta' l-għoti inġustament, filwaqt li iddenunzjat każ ta' amministrazzjoni ħażina u heddet li tipproċedi fin-nuqqas ta' risposta qabel l-10 ta' April 1997. Ir-rikorrenti rrepetiet dan l-argument fit-talba tagħha għal kumpens ta' danni indirizzata lill-President tal-Kummissjoni fl-20 ta' Settembru 1999, filwaqt li kkonkludiet li, f'każ ta' ċaħda tat-talba tagħha, hija kienet ser tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.
53 Fir-rigward tal-kontestazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-kriterju kkontestat kien ġie applikat b'mod diskriminatorju, ir-rikorrenti ssostni li kien biss fis-sena 2000 li saret taf b'dan il-fatt meta, bil-mezzi tagħha stess, kienet kisbet l-offerta ta' offerent, jiġifieri l-kumpannija EDC, magħżul fl-aħħar ta' l-ewwel fażi għalkemm lanqas dan ma kien jissodisfa dan il-kriterju.
54 Madankollu, għalkemm ir-rikorrenti ma ġġibx prova ta' dan il-fatt, għandu qabel xejn jiġi osservat mill-ġdid li, fl-ittra tagħha ta' l-20 ta' Settembru 1999, din kienet diġà ddenunzjat il-fatt li l-kriterju in kwistjoni ma kienx ġie applikat għall-offerenti l-oħra, kif jirriżulta mir-rapport ta' l-Advisory Committee on Procurement and Contracts (Kumitat Konsultattiv ta' l-Akkwisti u Kuntratti, aktar 'il quddiem "ACPC"), u li b'dan il-mod, il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1). Għandu jiġu wkoll enfasizzat li, fl-ittra tagħha tat-30 ta' Marzu 1998 lill-Ombudsman fejn hija tirreferi għall-ittra tagħha tat-12 ta' Jannar 1999, ir-rikorrenti kienet diġà ddenunzjat il-frodi, il-favoritiżmu u l-amministrazzjoni ħażina li hija allegatament responsabbli għalihom il-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li kien biss fis-sena 2000 li saret taf bl-applikazzjoni diskriminatorja tal-kriterju in kwistjoni mill-Kummissjoni, hija żbaljata.
55 Fi kwalunkwe każ, mill-punt 52 jirriżulta li r-rikorrenti kien ilha taf mill-1997 bil-motiv essenzjali tar-rifjut ta' l-offerta tagħha, jiġifieri n-nuqqas ta' l-esperjenza tagħha fir-rigward tad-disinn ta' l-apparat għat-trattament ta' l-ilma, motiv li hija dejjem ikkontestat, kemm quddiem il-Kummissjoni u l-Ombudsman kif ukoll fl-f'dan ir-rikors, peress illi ma jidhirx fis-sejħa għal offerti.
56 Għaldaqstant, anke jekk wieħed jassumi li effettivament kien biss fis-sena 2000, anzi fit-22 ta' Ottubru 2001, li r-rikorrenti setgħet issir taf li l-kriterju in kwistjoni ġie allegatament applikat b'mod diskriminatorju, dan il-fatt ma kienx ta' natura li jieħu lura d-data ta' meta jibda jiddekorri t-terminu ta' preskrizzjoni ta' l-azzjoni għal kumpens sa dakinhar.
57 Fil-fatt għandu jiġi mfakkar li l-preskrizzjoni għandha l-funzjoni li tirrikonċilja l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża u l-prinċipju ta' ċertezza legali. It-tul tat-terminu ta' preskrizzjoni jiġi ddeterminat billi wieħed jieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, iż-żmien neċessarju sabiex il-parti allegatament leża tiġbor l-informazzjoni xierqa biex eventwalment tressaq rikors u sabiex tivverifika l-fatti li jistgħu jiġu invokati in sostenn ta' dan ir-rikors (digriet Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, punt 28 aktar 'il fuq, punt 28).
58 B'hekk, ġie deċiż li t-teżi li t-terminu ta' preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mill-mument li fih il-vittma jkollha konoxxenza preċiża u sustanzjata bil-fatti tal-kawża hija żbaljata, peress illi l-konoxxenza tal-fatti ma tidhirx fost l-elementi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta' preskrizzjoni (digriet Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, punt 28 aktar 'il fuq, punt 31).
59 Bl-istess mod, f'dan il-każ, il-fatt li r-rikorrenti allegatament saret taf b'element addizzjonali in sostenn tar-rikors tagħha wara r-rifjut motivat tat-13 ta' Marzu u l-10 ta' April 1997 ta' l-offerta tagħha mill-Kummissjoni, minkejja li mill-bidu kienet ikkonestat il-motiv essenzjali ta' dan ir-rifjut, li barra minn hekk jikkostitwixxi l-fatt li wassal għad-danni, ma jistax iwassal biex jiġi stabbilit li d-data ta' meta jibda jiddekorri t-terminu ta' preskrizzjoni hija dakinhar li r-rikorrenti kellha din il-konoxxenza.
60 Din il-kunsiderazzjoni tapplika aktar u aktar jekk fis-sena 2000, dakinhar li r-rikorrenti tallega li kisbet id-dokument ta' offerta ta' wieħed mill-offerenti magħżul fl-aħħar ta' l-ewwel fażi ta' l-għażla, u fl-istess ġurnata li hija ssostni li kellha l-element suffiċjenti biex tressaq rikors għal danni, jiġifieri meta l-Ombudsman adotta d-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2001, li fiha kkritika lill-Kummissjoni, it-terminu ta' ħames snin ta' preskrizzjoni ma kienx għadu skada.
61 Isegwi li, kuntrarjament għall-ipoteżi li rikorrent ma jkunx jista' jippreżenta r-rikors tiegħu f'terminu raġonevoli peress illi jkun sar jaf tard wisq bil-fatt li ġġenera d-danni, f'dan il-każ id-data ta' skadenza tat-terminu ta' preskrizzjoni m'għandhiex tiġi ffissata f'data aktar tard mid-data normali ta' skadenza ta' l-imsemmi terminu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Novembru 1985, Adams vs il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p.3539, punti 50 u 51, u d-digriet Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, punt 28 supra, punt 32).
62 It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-preskrizzjoni ta' l-azzjoni safejn hija pprovdiet xi informazzjoni żbaljata lir-rikorrenti sabiex taħbi l-allegata illegalità tal-proċedura ta' sejħa għal offerti ma jistax jiġi milqugħ.
63 Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment diġà kkunsidrat, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, ta' l-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irgiel u għan-nisa (ĠU L 45, p. 19), li l-applikazzjoni ta' regola nazzjonali li tinvolvi l-preklużjoni, mingħajr il-possibbiltà ta' deroga, ta' l-azzjoni mressqa mill-ħaddiem sabiex jirkupra l-arretrati tal-paga jew jitħallas għad-danni kkawżati bil-ksur tal-prinċipju ta' paga ndaqs, meta l-fatt li r-rikors jitressaq tard ikun dovut għall-prinċipal li deliberatament ikun ipprovda informazzjoni ineżatta, hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju (sentenza Levez, punt 34 aktar 'il fuq, punt 34).
64 Madankollu, minkejja li wieħed jista' jassumi li b'hekk il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet regola ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li din ta' l-aħħar ma tistax tapplika fil-każ in eżami.
65 Fil-fatt, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża hawn fuq imsemmija, il-fatt li fil-każ in eżami l-Kummissjoni deliberatament induċiet lir-rikorrenti fi żball billi qaltilha li l-offerta tagħha kienet ġiet irrifjutata prinċipalment minħabba li ma kellhiex esperjenza fir-rigward tad-disinn ta' l-apparat għat-trattament ta' l-ilma, anke jekk dan kellu jiġi stabbilit, ma kienx tali li jfixkel lir-rikorrenti milli tressaq rikors fi żmien opportun.
66 Min-naħa, minn dak li ġie espost preċedentement jirriżulta li r-rikorrenti saret taf li l-offerta tagħha ġiet irrifjutata minħabba li ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta' l-esperjenza fir-rigward tad-disinn ta' l-apparat għat-trattament ta' l-ilma mir-risposta motivata tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 1997 u li hija dejjem ikkontestat ir-regolarità ta' l-applikazzjoni ta' dan il-kriterju, kontestazzjoni li ssostni f'dan ir-rikors. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi aċċettat li l-imġieba tal-Kummissjoni setgħet ittellef lir-rikorrenti milli jkollha konoxxenza kompluta ta' l-allegata diskriminazzjoni eżerċitata kontriha mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet diġà invokat din il-kontestazzjoni fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni ta' l-20 ta' Settembru 1999 fuq il-bażi tar-rapport ta' l-ACPC u hija stess tammetti li setgħet tinduna b'dan il-fatt fis-sena 2000 meta kisbet l-offerta tal-kumpannija EDC. L-aktar tard sa dak iż-żmien, ir-rikorrenti kellha l-elementi li, fil-fehma tagħha, kienu neċessarji biex jitressaq rikors. Għaldaqstant, ma jistax jingħad li d-dewmien biex jitressaq dan ir-rikors kien dovut biss, jew prinċipalment, minħabba l-imġieba tal-Kummissjoni, peress illi r-rikorrenti stess kellha l-possibbiltà li tressaq ir-rikors tagħha, fit-termini stabbiliti, wara d-deċiżjoni ta' l-Ombudsman.
67 It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, m'għandux jiġi kkunsidrat li d-dannu allegatament imġarrab mill-attakk fuq ir-reputazzjoni, mit-tnaqqis fl-ammont ta' xogħol, mill-impossibbiltà li testendi l-esperjenza professjonali tagħha fir-rigward tar-riċerka dwar l-ilma u mill-iżvilupp ta' esperjenza professjonali f'qasam ġdid, ġie subit kontinwament. Fil-fatt, jekk, skond ġurisprudenza kostanti, il-preskrizzjoni tapplika għall-perjodu ta' aktar minn ħames snin qabel id-data ta' l-att ta' interruzzjoni tal-preskrizzjoni, mingħajr ma jaffettwa d-drittijiet li jinħolqu matul il-perjodi segwenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' April 1997, Hartmann vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-20/94, Ġabra p. II-595, punt 132, u tas-7 ta' Frar 2002, Kustermann vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-201/94, Ġabra p. II-415, punt 64), dan huwa biss fil-każ eċċezzjonali li jiġi muri li d-dannu in kwistjoni kien kwotidjanament irrepetut wara li seħħ il-fatt li huwa fl-oriġini tiegħu. Dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża, fejn id-danni deskritti aktar 'il fuq, kemm-il darba seħħew, anke jekk kien biss wara r-rifjut ta' l-offerta tar-rikorrenti għall-kuntratt in kwistjoni li dawn urew il-portata tagħhom, kienu kkawżati b'mod istantanju mir-rifjut stess.
68 Fl-aħħar u r-raba nett, l-argument tar-rikorrenti li ma kinitx f'pożizzjoni finanzjarja li tressaq rikors kontra l-Kummissjoni qabel ma tressaq dan ir-rikors ma jistax iwassal biex dan ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.
69 Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 94(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti ma tkunx tista' tħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża jew parti minnhom, hija tista' f'kull stadju titlob il-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas. L-allegat nuqqas ta' mezzi tar-rikorrenti ma jikkostitwixxix motiv li jiġġustifika d-dewmien biex jitressaq ir-rikors.
70 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti kien taf b'din il-proċedura u ma ġabitx prova ta' sitwazzjoni li fuq il-bażi tagħha hija setgħet tibbenefika mill-għajnuna legali bla ħlas, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni li fil-25 ta' Marzu 2002 hija għamlet talba għall-benefiċċju ta' l-għajnuna legali bla ħlas li l-Qorti tal-Prim'Istanza rrifjutat permezz ta' digriet tat-13 ta' Diċembru 2002.
71 Minn dan jirriżulta li, konformement ma' dak li ġie espost fil-punti 43 u 48 aktar 'il fuq, l-azzjoni hija preskritta u, konsegwentement inammissibbli, safejn hija tikkonċerna l-kumpens tad-danni li jirriżultaw mill-fatt li ma ġiex miksub il-kuntratt in kwistjoni, tad-danni li jirriżultaw mit-telf tal-possibbiltà li tikseb il-kuntratt in kwistjoni, ta' l-ispejjeż tal-proċedura ta' l-għoti u tad-danni li jirriżultaw mill-attakk fuq ir-reputazzjoni, mit-tnaqqis fl-ammont ta' xogħol, mill-impossibbiltà li testendi l-esperjenza professjonali tagħha fir-rigward tar-riċerka dwar l-ilma u ta' l-iżvilupp ta' esperjenza professjonali f'qasam ġdid.
Fuq id-danni l-oħra
72 Fir-rigward tad-danni li jirriżultaw mit-telf tal-possibbiltà li tikseb il-kuntratt segwenti kif ukoll mill-ispejjeż inkorsi quddiem l-Ombudsman u bil-għan li jinġabru l-elementi ta' prova, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li qabel xejn għandu jiġi eżaminat il-mertu tat-talba tar-rikorrenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C-23/00 P, Ġabra p. I-1873, punti 51 u 52, u tat-23 ta' Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C-233/02, Ġabra p. I-2759, punt 26).
73 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut, allegatament illegali, ta' l-offerta għall-kuntratt in kwistjoni kkawżalha dannu minħabba t-telf tal-possibbiltà, fl-okkażjoni tal-proċedura għas-sejħa għal offerti li pparteċipat fiha, li tingħata kuntratt ieħor, li ġie mogħti lill-kumpannija Haskoning fit-30 ta' Novembru 2000 (aktar 'il quddiem il-"kuntratt segwenti"). Hija ssostni li dan il-kuntratt kien isegwi l-kuntratt li għalih kien hemm sejħa għal offerti fl-10 ta' Awwissu 1996 (aktar 'il quddiem l-"ewwel kuntratt") u b'hekk hija sofriet żvantaġġ inġustament meta mqabbla mal-kumpannija Haskoning, li kienet diġà ngħatat l-ewwel kuntratt.
74 It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li hija sofriet dannu minħabba l-ispejjeż li batiet sabiex tikseb l-elementi ta' prova kontra l-Kummissjoni, b'mod partikolari, l-offerta magħmula mill-kumpannija EDC, u l-ilmenti mressqa quddiem l-Ombudsman.
75 Skond ġurisprudenza kostanti, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità hija suġġetta għall-fatt li jiġu sodisfatti diversi kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità ta' l-imġieba li huma akkużati biha l-istituzzjonijiet Komunitarji, l-eżistenza ta' dannu reali u ċert kif ukoll l-eżistenza ta' rabta diretta ta' kawżalità bejn l-imġieba ta' l-istituzzjoni kkonċernata u l-allegat dannu (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il-Kummissjoni, T-231/97, Ġabra p. II-2403, punt 29). Peress illi l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġiet sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr mhuwa neċessarju li jiġu eżaminati il-kundizzjonijiet l-oħra ta' l-imsemmija responsabbiltà (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punt 81, u ta' l-14 ta' Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 65).
76 L-ewwel nett, fir-rigward tad-danni allegatament subiti minħabba t-telf ta' possibbiltà li tikseb il-kuntratt segwenti, min-naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipprovdi ebda element fir-rigward tas-suġġett tas-sejħa għal offerti li fis-sena 2000, allegatament, segwiet is-sejħa għal offerti ta' l-10 ta' Awwissu 1996, u lanqas fir-rigward tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ sejħiet għal offerti. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta' xi rabta ta' kawżalità bejn ir-rifjut allegatament illegali ta' l-offerta tar-rikorrenti fl-ewwel proċedura ta' l-għoti u d-dannu li hija sofriet minħabba t-telf tal-possibbiltà li tingħata l-kuntratt segwenti.
77 Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, it-telf tal-possibbiltà li tingħata l-kuntratt segwenti jista' jiġi kkunsidrat bħala dannu reali u ċert fil-każ biss li, fin-nuqqas ta' mġieba allegatament ħażina tal-Kummissjoni, ma jkunx hemm dubju li r-rikorrenti ngħatat l-ewwel kuntratt. Għandu jiġi enfasizzat li, f'sistema ta' għotjiet pubbliċi bħal fil-każ in eżami, il-ġudikatur għandu setgħa diskrezzjonali importanti fit-teħid tad-deċiżjoni ta' l-għoti tal-kuntratt. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma setgħetx tkun żgur li ser tikseb l-ewwel kuntratt anke kieku kellha tiġi magħżula biex tipparteċipa fit-tieni fażi tal-proċedura ta' l-għoti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza New Europe Consulting u Brown vs Il-Kummissjoni, punt 75 aktar 'il fuq, punt 51), u dan mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi vverifikat jekk tissodisfax il-kundizzjoni meħtieġa mis-sejħa għal offerti.
78 Isegwi li, anke jekk wieħed jassumi li eventwalment ir-rikorrenti setgħet issofri telf ta' possibbiltà li tikseb l-ewwel kuntratt minħabba li ma tħallietx tipparteċipa fit-tieni fażi ta' l-ewwel proċedura ta' għoti, dannu li fi kwalunkwe każ huwa preskritt, dan it-telf biss ma jistax jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti sabiex jiġġenera dannu reali u ċert fir-rigward tar-rikorrenti li jirriżulta mit-telf tal-possibbiltà li tingħata s-suq segwenti, fil-każ li jiġi muri li dan il-kuntratt jippreżenta rabta suffiċjenti ma' l-ewwel kuntratt.
79 Sussegwentement, fir-rigward tad-danni li jirriżultaw mill-ispejjeż inkorsi sabiex jinkisbu ċerti elementi ta' prova, fosthom l-offerta magħmula mill-kumpannija EDC, għandu jiġi rrilevat li l-ispejjeż inkorsi mill-partijiet għall-proċeduri legali ma jistgħux, bħala tali, jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu dannu distint mill-oneru ta' l-ispejjeż tal-kawża (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Ġunju 1999, Il-Kummissjoni vs Montorio, C-344/97, Ġabra p. I-3387, punt 54). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza stabbiliet li, anke jekk matul il-fażi preċedenti għal dik legali jkun sar xogħol ġuridiku sostanzjali, għandu jiġi mfakkar li, taħt l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura, "proċedura" tirreferi biss għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, b'esklużjoni tal-fażi preċedenti. Dan jirriżulta, b'mod partikolari, mill-Artikolu 90 ta' l-istess regoli, li jsemmi l-"proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza" (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Jannar 2002, Groupe Origny vs Il-Kummissjoni, T-38/95 DEP, Ġabra p. II-217, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).
80 Isegwi li fil-kuntest ta' rikors għal kumpens ta' danni r-rikorrenti m'għandhiex dritt titlob il-kumpens ta' l-ispejjeż allegatament inkorsi sabiex tikseb ċerti elementi ta' prova qabel ma nbdiet din il-proċedura.
81 Bl-istess mod, fil-każ li għandu jiġi mifhum li fil-fatt ir-rikorrenti tallega li l-ispejjeż inkorsi sabiex tikseb mezzi ta' prova suffiċjenti ġew ikkawżati minħabba n-nuqqas illegali tal-Kummissjoni li tittrażmetti notifikazzjoni dwar ir-riżultati tal-proċedura ta' l-għoti lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, skond l-Artikolu 16 sa l-Artikolu 17 (2) et seq tad-Direttiva 92/50, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma turix kif it-trażmissjoni ta' din in-notifikazzjoni lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet setgħet tevitalha li tinkorri l-ispejjeż in kwistjoni.
82 Barra minn hekk, kif ġie espost preċedentement, ir-rikorrenti ma kellhiex għalfejn tikseb l-offerta magħmula mill-kumpannija EDC sabiex tkun tista' tressaq kawża għal kumpens quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza validament.
83 Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dannu li jirriżulta mill-ispejjeż allegatament inkorsi quddiem l-Ombudsman, għandu jiġi mfakkar li, bit-twaqqif ta' l-Ombudsman, it-Trattat offra liċ-ċittadini ta' l-Unjoni mezz alternattiv għar-rikors quddiem l-Imħallef Komunitarju sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom. Dan il-mezz alternattiv extra ġudizzjarju jirrispondi għal kriterji speċifiċi u m'għandux neċessarjament l-istess għan bħal dak ta' rikors quddiem il-qorti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' April 2002, Lamberts vs L-Ombudsman, T-209/00, Ġabra p. II-2203, punt 65).
84 Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 195(1) KE u l-Artikolu 2 (6) u (7) tad-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta' Marzu 1994, dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta' l-Ombudsman (ĠU L 113, p. 15) [traduzzjoni mhux uffiċjali], dawn iż-żewġ mezzi ma jistgħux jiġu użati b'mod parallel. Fil-fatt, jekk l-ilmenti ppreżentati quddiem l-Ombudsman ma jinterrompux it-terminu tar-rikors applikabbli sabiex kawża titressaq quddiem l-Imħallef Komunitarju, l-Ombudsman għandu madankollu jressaq rikors quddiem l-Imħallef Komunitarju li jikkonċerna l-istess fatti simultanjament. Huwa għalhekk iċ-ċittadin li għandu jevalwa liema miż-żewġ mezzi disponibbli jista' jservi l-interessi tiegħu l-aħjar (sentenza Lamberts vs L-Ombudsman, punt 83 aktar 'il fuq, punt 66).
85 Isegwi li d-deċiżjoni tar-rikorrenti li tressaq l-ilmenti in kwistjoni quddiem l-Ombudsman tirrappreżenta l-għażla awtonoma tagħha u li din ma kinitx marbuta li tipproċedi b'dan il-mod qabel ma validament tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.
86 Konsegwentement, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta' rabta ta' kawżalità diretta bejn l-allegati spejjeż inkorsi quddiem l-Ombudsman u l-illegalitajiet ikkontestati. Fil-fatt, l-għażla libera taċ-ċittadin li jressaq il-każ tiegħu quddiem l-Ombudsman ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-konsegwenza diretta u neċessarja tal-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina eventwalment imputabbli lill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji.
87 Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li t-talba tar-rikorrenti għall-kumpens tad-danni li jirriżultaw mit-telf tal-possibbiltà li tikseb il-kuntratt segwenti u l-ispejjeż inkorsi quddiem l-Ombudsman u sabiex jinġabru l-elementi ta' prova għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata, mingħajr ma jeħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà.
88 Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat.
89 Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti li s-Sinjuri Trouwborst, Brinkman u Söderman jiġu msejħa bħala xhieda m'għandhiex tiġi milqugħa. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba ma tindikax b'mod preċiż il-fatti li fir-rigward tagħhom għandhom jinstemgħu dawn ix-xhieda u r-raġunijiet li huma ta' natura li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom u li t-talba ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
Fuq l-ispejjeż
90 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)
tordna li:
1) Ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat.
2) Ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.
Mogħti fil-Lussemburgu fl-14 ta' Settembru 2005.
H. Jung
M. Jaeger
Reġistratur
Il-President
* Lingwa tal-kawża: L-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy